Language of document : ECLI:EU:T:2008:321

Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Settembru 2008

Kawża T-144/08

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Sigurtà soċjali – Ċaħda ta’ talba għall-ħlas lura ta’ 100 % ta’ ċerti spejjeż mediċi tar-rikorrent”

Suġġett: Rikors intiż. b’mod partikolari, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba tar-rikorrent għall-ħlas lura ta’ 100 % ta’ ċerti spejjeż mediċi u, min-naħa l oħra, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 89.56 bħala ħlas lura addizzjonali tal-ispejjeż mediċi tiegħu jew bħala kumpens għal dannu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Il-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Sommarju

Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni kontra l-mard – Spejjeż tal-mard – Marda gravi – Ħlas lura 100 % – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1) ; Regoli dwar l-assigurazzjoni kontra l-mard, Artikolu 11(2) u Anness I, punt IV)

Responsabbiltà għall-ispejjeż mediċi ta’ 100 %, skont l-Artikolu 72(1) tal-Istatut tippresupponi li l-marda kkonċernata titqies li tagħmel parti mill-mard imsemmi b’mod espliċitu f’din id-dispożizzjoni jew li l-Awtorità tal-Ħatra tirrikonoxxi li l-imsemmija marda hija ta’ serjetà komparabbli ma’ dik tal-mard imsemmi fid-dispożizzjoni. Għal dan il-għan huwa ċar li hija l-parti interessata li għandha tindika x’inhi l-marda, u li tipproduċi d-dokumenti ta’ prova. F’dan ir-rigward, minn naħa, skont l-Artikolu 11(2) tar-regoli dwar l-assigurazzjoni kontra l-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, flimkien mat-talbiet għall-ħlas lura tal-ispejjeż għandhom jiġu prodotti dokumenti ta’ prova oriġinali u, min-naħa l-oħra, skont il-punt IV tal-Anness I ta’ dawn ir-regoli, flimkien mat-talbiet intiżi għar-rikonoxximent li marda hija ta’ serjetà komparabbli ma’ dik tal-mard imsemmi fl-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi prodott ir-rapport tat-tabib li jkun qed jikkura lill-parti interessata.

Sa fejn talba ma tinkludi ebda element ġdid tali li jiġġustifika r-responsabbiltà għall-ispejjeż mediċi ta’ 100 % tal-uffiċjali ikkonċernat, is-skiet tal-amministrazzjoni wara din it-talba bl-ebda mod ma jibdel is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li tirriżulta mid-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba preċedenti li permezz tagħha huwa jkun diġà kkomunika din it-talba lill-amministrazzjoni, u għaldaqstant ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 30, 32 u 34)