Language of document : ECLI:EU:T:2010:516

Kawża T-141/08

E.ON Energie AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ siġill — Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Oneru tal-prova — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Provi li għandhom jiġu prodotti — Grad tas-saħħa probatorja neċessarja

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà

(Artikolu 6(2) UE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv — Deċiżjoni bbażata fuq provi diretti — Oneru tal-prova tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ multi mill-Kummissjoni — Ksur imwettaq intenzjonalment jew b’mod negliġenti — Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ siġill — Oneru tal-prova tal-Kummissjoni — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(1)(e))

1.      Fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentment skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Għal dan il-għan, hija għandha tipproduċi provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi konvinzjoni soda li l-ksur allegat seħħ.

(ara l-punt 48)

2.      Il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, affermata wkoll mill-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) UE, kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma protetti fl-ordinament ġuridiku Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet li huma marbuta miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri rigward ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

L-eżistenza ta’ dubju min-naħa tal-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement skont il-liġi jekk jibqgħalha dubji fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa.

(ara l-punti 51, 52, 238)

3.      Jekk il-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq l-aġir tal-impriżi kkonċernati, il-qorti tal-Unjoni jkollha tannulla d‑deċiżjoni inkwistjoni meta dawn jargumentaw b’mod li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u b’mod li jagħti spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti flok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur.

Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni billi tinvoka provi diretti li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex tintwera l-eżistenza tal-ksur, ma huwiex biżżejjed li l‑impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju tal-imsemmija provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l oneru tal-prova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tagħhom. Bil-kontra, ħlief fil‑każijiet li tali prova ma tkunx tista’ tiġi prodotta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka, u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt iqiegħed f’dubju l-valur probatorju tal‑provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni.

(ara l-punti 54, 56, 199)

4.      Skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar‑regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE, il-Kummissjoni tista’ timponi multi meta, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, siġilli mwaħlin minn uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni ġew miksurin. Għalhekk, b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-ksur ta’ siġill. Bil-kontra, hija ma għandhiex l-oneru li tipprova li kien hemm dħul effettiv fil-bini li kien issiġillat jew li d-dokumenti li kienu maħżuna hemm ġew mimsusa.

(ara l-punti 85, 256)