Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' April 2008 - E. ON Energie AG vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-141/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: E. ON Energie AG (Munich, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Röhling, C. Krohs u F. Dietrich, Rechtsanwälte)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-30 ta' Jannar 2008, C(2008) 377 finali, fil-każ COMP/B-1/39.326 - E.ON Energie AG;

sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal ammont ekwu;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2008, C(2008) 377 finali, fil-każ COMP/B-1/39.326 - E.ON Energie AG. F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multa fuq ir-rikorrenti, minħabba li din ta' l-aħħar kisret siġill imqiegħed mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament (KIE) Nru 1/2003 1 u, għallinqas b'negliġenza, hija kisret l-Artikolu 23(1)(e) ta' l-istess regolament.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa' motivi. Fl-ewwel sitta, ir-rikorrenti tipprova turi li ma hemmx biżżejjed provi ta' ksur. B'mod partikolari, hija tikkritika l-fatt li ma tteħidx in kunsiderazzjoni b'mod korrett l-oneru sħiħ tal-prova li kellha tinġab mill-konvenuta, il-ksur tal-prinċipju ta' l-inizjattiva tal-qorti ex officio, il-preżunzjoni żbaljata tal-konvenuta ta' tqegħid regolari tas-siġilli, stat anomalu tas-siġill fil-jum suċċessiv, in-natura adattata tat-tejp ta' protezzjoni kif ukoll il-fatt li l-konvenuta b'mod żbaljat ma kkunsidratx xenarji alternattivi.

Permezz tas-seba' motiv, jiġi sostnut li ma ġietx osservata l-preżunzjoni ta' l-innoċenza u b'dan il-mod ġew miksura rekwiżiti proċeduri sostanziali u rekwiżiti proċedurali.

Fit-tmien motiv ir-rikorrenti tallega li l-ħlas skond l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 ġie mqajjem mill-konvenuta b'mod żbaljat.

Fl-aħħar nett, hija jeżisti ksur fl-iffissar tal-multa. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, hemm bżonn tal-ksur tal-projbizzjoni ta' arbitrarjetà kif ukoll ta' l-obbligu ta' motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE. B'mod żbaljat, ma ttieħdux in kunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti u ġew applikati b'mod żbaljat ċirkustanzi aggravanti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).