Language of document : ECLI:EU:T:2009:400

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja figurattiva TiMi KiNDERJOGHURT – Trade mark verbali preċedenti KINDER – Raġuni relattiva għal rifjut – Nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni preċedenti – Nuqqas ta’ res judicata – Artikolu 8(1)(b), Artikolu 8(5), u Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(1)(b), l-Artikolu 8(5), u l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑140/08,

Ferrero SpA, stabbilita f’Alba (l-Italja), irrappreżentata minn C. Gielen u F. Jacobacci, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI hija

Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck, stabbilita f’Innsbruck (l-Awstrija),

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ Jannar 2008 (Każ R 682/2007‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Ferrero SpA u Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ April 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Lulju 2008,

wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-8 ta’ April 1998, Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjonijiet segwenti:

“Jogurt, jogurt tal-frott, xorb magħmul mill-jogurt, xorb magħmul mill-jogurt li jikkontjeni frott; platti ppreparati u parzjalment ippreparati prinċipalment abbażi ta’ jogurt jew prodotti magħmula mill-jogurt; kremi magħmula mill-jogurt.”

4        Fl-14 ta’ Jannar 1999, ir-rikorrenti, Ferrero SpA, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għall-prodotti kollha koperti minn din it-trade mark fejn ibbażat ruħha fuq trade mark verbali preċedenti tagħha KINDER, li ilha li ġiet irreġistrata fl-Italja mit-28 ta’ Jannar 1965 bin-numru 168843 u, wara tiġdid, bin-numru 684985, għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 30 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Kafè, tè, zokkor, ross, tapjoka, sagu, preparazzjonijiet li jissostitwixxu l-kafè, ħobż, gallettini, kejkijiet, għaġina għall-kejkijiet u ħlewwiet, ġelati li jittieklu, għasel, għasel iswed, ħmira u trab tal-ħami, melħ, mustarda, bżar, ħall, zlazi, ħwawar, silġ li jittiekel; kawkaw, prodotti tal-kawkaw, jiġifieri pejst tal-kawkaw għal xarbiet tal-kawkaw, pejst taċ-ċikkulata; saffi, b’mod partikolari saffi taċ-ċikkulata, ċikkulata, pralines, dekorazzjonijiet taċ-ċikkulata għas-siġar tal-Milied, prodotti magħmula miċ-ċikkulata mimlija bl-alkoħol, ħelu, ħlewwiet, inkluż għaġina iebsa u ratba għall-kejkijiet”.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2000, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fuq il-bazi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009].

6        Din id-deċiżjoni mbagħad ġiet ikkonfermata mir-Raba’ Bord tal-Appell fit-3 ta’ Novembru 2003 fil-Każ R 1147/2000‑4.

7        Wara ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni, it-trade mark ġiet ippublikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 42/2004 tal-11 ta’ Ottubru 2004.

8        Fid-19 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark Komunitarja. Din it-talba tressqet fir-rigward tal-prodotti kollha koperti minn din it-trade mark Komunitarja.

9        Ir-rikorrenti, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, li għalihom jirreferi l-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament, invokat, insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-reġistrazzjoni Taljana msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, kif ukoll 35 trade mark oħra preċedenti Taljani, Franċiżi, Spanjoli u internazzjonali, elenkati fil-punt 5 tar-rikors, li kollha jinkludu l-element “kinder” kif ukoll element supplimentari u/jew elementi figurattivi.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2007, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat l-invalidità tat-trade mark Komunitarja TiMi KiNDERJOGHURT skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

11      Fl-4 ta’ Mejju 2007, Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck ressqet appell quddiem l-UASI taħt l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

12      Dan l-appell intlaqa’ permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2008 tat-Tieni Bord tal-Appell (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

13      Il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra li, l-ewwel nett, għalkemm id-deċiżjonijiet ta’ oppożizzjoni ma kinux res judicata, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni xorta waħda kienet marbuta mill-konstatazzjonijiet u l-konklużjonijiet fuq il-mertu tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI skont ir-regola nemo potest venire contra factum proprium, jiġifieri li l-amministrazzjoni hija marbuta li tirrispetta l-atti tagħha stess, b’mod partikolari meta dawn l-atti ppermettew lill-partijiet fil-proċeduri jakkwistaw b’mod leġittimu drittijiet fuq trade mark irreġistrata. Imbagħad, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell, tat-3 ta’ Novembru 2003, fis-sens li t-trade marks kienu globalment differenti, hekk kif jirriżulta mid-differenzi kbar bejniethom fuq livell viżiv u fonetiku. Fl-aħħar nett, hija ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità peress li kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri l-identiċità jew ix-xebh bejn is-sinjali, ma kinitx ġiet sodisfatta.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Isanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li s-sinjali mhumiex differenti, jew tagħti deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jekk hija tikkunsidra li għandha biżżejjed informazzjoni, jew tirrinvija l-kawża lill-UASI sabiex dan jiddeċiedi dwar l-azzjoni ulterjuri li għandha tittieħed;

–        f’dan l-aħħar imsemmi każ, tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tiegħu biss.

 Fuq il-mertu

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat żewġ motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tar-res judicata u, fit-tieni lok, fuq il-ksur tal-Arikolu 8(1)(b) u tal-Arikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tar-res judicata

 L-argumenti tal-partijiet

17      Fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ikkontradixxa lilu nnifsu meta afferma, minn naħa, li d-deċiżjonijiet ta’ oppożizzjoni m’għandhomx l-effett negattiv tar-res judicata, peress li huma ma jostakolawx l-ammisibbiltà ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ulterjuri, filwaqt li, min-naħa l-oħra, afferma li deċiżjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu injorati għalkollox meta trid tittieħed deċiżjoni fuq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ulterjuri bejn l-istess partijiet u meta s-suġġett tal-kawża u l-motivi jkunu identiċi. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ta’ oppożizzjoni ma għandhom l-ebda effett restrittiv fil-kuntest ta’ proċeduri ulterjuri għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward, l-erba’ raġunijiet segwenti.

18      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-punti ġodda ta’ fatt u provi supplimentari mressqa quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu r-reputazzjoni tat-trade mark KINDER u tal-familja ta’ trade marks KINDER, huma suffiċjenti sabiex ibiddlu b’mod kunsiderevoli s-suġġett tal-kawża, b’tali mod li l-konklużjonijiet li nsiltu mid-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni m’għadhomx rilevanti.

19      Fit-tieni lok, id-distinzjoni li saret mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata bejn l-“effett pożittiv” u l-“effett negattiv” tar-res judicata hija artifiċjali u m’għandha l-ebda bażi fil-liġi. Deċiżjoni jew għandha l-effett ta’ res judicata, jew m’għandhiex.

20      Fit-tielet lok, ir-regola nemo potest venire contra factum proprium iċċitata fid-deċiżjoni kkontestata m’għandhiex x’taqsam mal-proċeduri amministrattivi.

21      Fir-raba’ lok, iċ-ċaħda ta’ oppożizzjoni u r-reġistrazzjoni sussegwenti ta’ trade mark Komunitarja ma jistgħu joħolqu la ċertezza legali u lanqas aspettattivi leġittimi għall-proprjetarju ta’ trade mark, peress li l-leġiżlazzjoni toffri l-possibbiltà li r-reġistrazzjoni tiġi kkontestata sussegwentement fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew ta’ kontro-talba mressqa fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni.

22      Ir-rikorrenti tikkonkludi fuq il-bażi ta’ dawk l-argumenti li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi “annullata”.

23      L-UASI l-ewwel nett jenfasizza li huwa jaqbel mal-affermazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-rikors li, meta l-bażi fattwali tal-kawża tkun tbiddlet b’mod kunsiderevoli, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni mhix marbuta mill-eżitu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni peress li hija b’hekk marbuta tagħti deċiżjoni fuq każ ġdid.

24      Imbagħad, l-UASI jsostni li, fir-rigward min-naħa l-oħra tal-każijiet fejn il-punti ta’ fatt u ta’ liġi huma identiċi, għandha tiġi stabbilita distinzjoni importanti bejn, minn naħa, l-“obbligu ta’ koerenza” li awtorità amministrattiva responsabbli mir-reġistrazzjoni tat-trade marks għandha tosserva meta tapplika l-istess prinċipji ġuridiċi għal kull kawża u billi tikkunsidra, sa fejn huwa possibbli, preċedenti f’każijiet identiċi jew simili u, min-naħa l-oħra, l-obbligu tagħha li tasal għall-istess konklużjoni bħal f’każ preċedenti, minħabba n-natura ġuridikament obbligatorja tad-deċiżjoni preċedenti meħuda minn din l-awtorità jew minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja superjuri.

25      F’dan ir-rigward, l-UASI jsostni li l-“ħtieġa ta’ koerenza” li hija riflessa fl-adozzjoni ta’ linji gwida interni, ta’ noti prattiċi jew ta’ kontrolli tal-kwalità bejn wieħed u ieħor vinkolanti hija limitata, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, mir-rispett tal-prinċipju tal-legalità. Minn dan jirriżulta li awtorità ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni preċedenti vvizzjata bi żball. B’mod partikolari, peress li d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-UASI għandu jieħu taħt ir-Regolament Nru 40/94 jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ma’ setgħa diskrezzjonali, il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI jew tal-bordijiet tal-appell tiegħu.

26      Konsegwentement, u indipendentement mill-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-regola nemo potest venire contra factum proprium, l-UASI jsostni li din ir-regola ma tistax tiġi interpretata fil-każ preżenti fis-sens li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet marbuta bid-deċiżjonijiet preċedenti tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jew tal-Bord tal-Appell mogħtija fl-istess kawża.

27      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi ma’ qari a contrario tal-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009), li jistipula li l-motivi u d-dispożittiv tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell jorbtu biss lill-“ewwel istanza”, meta l-każ jiġi rrinvijata lill-awtorità li adottat id-deċiżjoni kkontestata u sa fejn il-fatti tal-każ jibqgħu l-istess.

28      Barra minn hekk, l-UASI jaqbel mal-argument tar-rikorrenti li ċ-ċaħda ta’ oppożizzjoni u r-reġistrazzjoni sussegwenti ta’ trade mark Komunitarja ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi.

29      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li l-Bord tal-Appell effettivament wettaq żball ta’ liġi meta kkonkluda li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet marbuta bid-deċiżjoni preċedenti tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

30      Madankollu, skont l-UASI, qabel ma tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi stabbilit jekk il-Bord tal-Appell iddeċidiex korrettement fuq il-mertu tal-każ. Konsegwentement, għandha tiġi evalwata għall-finijiet tal-proċedura preżenti l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-analiżi li l-Bord tal-Appell għamel tax-xebh bejn is-sinjali fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b), u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

31      Fil-kuntest tal-motiv preżenti, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-UASI, tal-evalwazzjonijiet li saru u tal-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Bord tal-Appell f’deċiżjoni preċedenti, li ngħatat fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn l-istess partijiet u li jirrigwardaw l-istess trade mark Komunitarja.

32      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, indipendentement mir-risposta mogħtija għal din il-kwistjoni, il-Bord tal-Appell wettaq, fil-punti 32 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, eżami awtonomu u komplet tal-mertu tal-kawża, u b’mod partikolari tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, li hu s-suġġett tat-tieni motiv tar-rikorrenti.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, minkejja l-konstatazzjonijiet li saru fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma applikax il-prinċipju tar-res judicata fil-każ preżenti. Konsegwentement, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għandu, minħabba dan il-fatt, jiġi miċħud.

34      Madankollu, qabel ma jiġi eżaminat it-tieni motiv, għandu jingħad li l-Bord tal-Appell ġustament espona fil-punti 17 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata li l-prinċipju ta’ res judicata, li jeżiġi li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni ta’ qorti ma terġax tiġi kkontestata, ma kienx applikabbli fir-relazzjoni bejn deċiżjoni finali fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li b’mod partikolari, minn naħa, il-proċedimenti quddiem l-UASI huma ta’ natura amministrattiva, u mhux ta’ natura ġudizzjarja, u min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri l-Artikoli 52(4) 96(2) (li saru l-Artikoli 53(4) u 100(2) tar-Regolament Nru 207/2009), ma jipprovdux regola f’dan is-sens.

35      Huwa ġustament ukoll li l-Bord tal-Appell osserva, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni finali fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ma setgħux jiġu totalment injorati meta trid tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn l-istess partijiet, li tirrigwarda l-istess suġġett u hija bbażata fuq l-istess motivi, bil-kundizzjoni li dawn il-konstatazzjonijiet jew il-punti deċiżi ma jkunux affettwati minn elementi ġodda ta’ fatt, minn provi ġodda jew minn motivi ġodda. Fil-fatt, din l-affermazzjoni hija biss espressjoni partikolari tal-ġurisprudenza li tistipula li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI tikkostitwixxi element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra p. II-1927, punti 45 u 53].

36      Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell kellu żball meta kkunsidra, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, id-dipartimenti tal-UASI kienu marbuta bil-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni finali mogħtija fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, bis-saħħa tar-regola nemo potest venire contra factum proprium, tal-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, minn naħa, sa fejn id-deċiżjoni, anki jekk definittiva, mogħtija fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ma hijiex res judicata, din l-istess deċiżjoni ma tistax toħloq drittijiet kweżiti u lanqas aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-riżultat ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ulterjuri. Min-naħa l-oħra, jekk l-argumentazzjoni tal-Bord tal-Appell fuq dan il-punt tiġi aċċettata, il-kontestazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni permezz ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn l-istess partijiet, fuq l-istess suġġett u bbażata fuq l-istess motivi tkun nieqsa minn kull effett utli, għalkemm hija possibbli skont ir-Regolament Nru 40/94, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet ippreżentati iktar ’il fuq.

37      B’hekk, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tan-natura vinkolanti tal-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni finali fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ulterjuri hija żbaljata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

38      Fil-kuntest tat-tieni motiv, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti varji tagħha ma ġietx debitament ikkunsidrata mill-Bord tal-Appell.

39      L-ewwel nett f’dan ir-rigward hija tfakkar li minn naħa, fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reputazzjoni u l-karattru distintiv għandhom “rwol kruċjali”, u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament, huma elementi essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza jew le ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

40      Imbagħad, minkejja l-fatt li, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għal dak li jirrigwarda l-livell għoli ta’ fama tat-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell allegatament naqas milli jikkunsidra din il-fama sabiex jevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti u li jikkompara lil din tal-aħħar mat-trade mark ikkontestata.

41      Barra minn hekk, billi kkonkluda fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-evalwazzjoni tal-provi tal-fama tat-trade mark preċedenti, li xi studji wrew ukoll li l-kelma “kinder” kienet assoċjata spontanjament mal-prodotti ta’ ħelu tat-trade mark KINDER, il-Bord tal-Appell allegatament illimita indebitament il-gamma ta’ prodotti li magħhom hija assoċjata r-reputazzjoni tat-trade mark KINDER. Fil-fatt, evalwazzjoni korretta kellha twassal għall-konklużjoni li t-trade mark KINDER hija assoċjata mhux biss mal-ħelu, iżda wkoll maċ-ċikkulata, mal-bajd taċ-ċikkulata, mal-isnacks (fosthom snacks abbażi ta’ ħalib) kif ukoll ma’ blokok taċ-ċikkulata.

42      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Bord tal-Appell, ir-reputazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn żewġ sinjali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li t-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, jew intrinsikament, jew minħabba li hija magħrufa fis-suq, igawdu minn protezzjoni aktar estiża minn dawk li l-karattru distintiv tagħhom huwa inqas. Għalkemm din il-ġurisprudenza tittratta każijiet ta’ xebh li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, xorta jibqa’ l-fatt li r-reputazzjoni, bħala fattur rilevanti tal-każ preżenti, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ sinjali magħmula fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-eżistenza ta’ rabta bejn il-portata tar-reputazzjoni u x-xebh bejn it-trade marks hija rikonoxxuta mil-liġi preċedenti tal-Benelux dwar it-trade marks fis-sens li iktar ma t-trade mark tkun b’saħħitha jew magħrufa, iktar għandha tkun faċilment ammessa assoċjazzjoni jew xebh.

43      Fit-tieni lok, anki jekk il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata u dawk koperti mit-trade marks preċedenti mhumiex identiċi u ma jaqgħux fl-istess klassi, xorta jibqa’ l-fatt li l-prodotti inkwistjoni huma partikolarment simili. Fil-fatt, peress li, f’moħħ il-konsumaturi, il-prodotti tal-familja tat-trade marks li jinkludu l-kelma “kinder” ikunu assoċjati mill-qrib mal-ħalib u mal-prodotti tal-ħalib b’mod ġenerali, l-użu tas-sinjal TiMi KiNDERJOGHURT flimkien mal-prodotti magħmula mill-jogurt jista’ jiġġenera, f’moħħ il-konsumaturi, assoċjazzjoni kbira bejn il-prodotti li jappartjenu għall-imsemmija familja ta’ trade marks u l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata.

44      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika wkoll il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-fatt li hija proprjetarja ta’ familja kbira ta’ trade marks li jinkludu jew li huma magħmula mill-element “kinder” assoċjat ma’ kliem jew simboli distintivi jew deskrittivi.

45      Issa, l-eżistenza tal-istess serje jew ta’ familja ta’ trade marks tikkostitwixxi fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti li jifformaw parti mis-serje, meta t-trade mark ikkontestata tkun tixbahom u dan jista’ jwassal lill-konsumaturi sabiex jaħsbu li hija tifforma parti mill-istess serje u, konsegwentement, li l-prodotti li hija tkopri għandhom l-istess oriġini kummerċjali bħal dawk koperti mit-trade mark preċedenti, jew hemm xi parentela bejniethom. Probabbiltà bħal din tista’ teżisti anki meta, bħal fil-każ preżenti, il-paragun bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti, meħuda individwalment, ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni diretta.

46      Fil-każ preżenti, peress li qatt ma kien ġie kkontestat minn Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck, u lanqas mill-Bord tal-Appell li l-element “kinder” jikkostitwixxi l-element essenzjali ta’ familja ta’ trade marks u li t-trade marks kollha li jifformaw parti minn din il-familja jintużaw fis-suq u huma pperċepiti mill-konsumaturi bħala familja ta’ trade marks, huwa evidenti li t-trade mark ikkontestata tkun immedjatament ipperċepita bħala trade mark oħra tal-familja jew tas-serje, minħabba l-fatt li hija wkoll tinkludi l-element “kinder”. B’hekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni, inkluża l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, issir ċertezza.

47      Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-evalwazzjoni li saret mill-Bord tal-Appell fil-punti 36 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li ż-żewġ sinjali ma jixxiebhux hija inkoerenti u żbaljata. F’dan ir-rigward, hija tagħti t-tliet raġunijiet segwenti.

48      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-livell ta’ xebh għall-finijiet tal-paragun tas-sinjali skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, ma huwiex l-istess bħal dak li jeħtieġ l-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament. Fil-fatt, kuntrarjament għat-tieni dispożizzjoni, l-ewwel waħda ma teħtieġx li x-xebh bejn is-sinjali jkun ta’ tali natura li jikkawża probabbiltà ta’ konfużjoni.

49      Fit-tieni lok, minflok ma evalwa x-xebh bejn is-sinjali skont l-impressjoni ġenerali mogħtija minn dawn tal-aħħar, il-Bord tal-Appell evalwah wara “eżami analitiku” tat-trade mark ikkontestata.

50      Fit-tielet lok, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-element “timi” huwa l-element dominanti tat-trade mark ikkontestata, hija manifestament żbaljata. Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi element huwa stampat bl-iswed fuq sfond aktar skur, u b’hekk “jinqara inqas malajr” milli kieku kien stampat bl-iswed fuq sfond abjad u, min-naħa l-oħra, id-daqs tiegħu jirrappreżenta biss parti żgħira tat-trade mark kollha. Għall-kuntrarju, huwa l-element “kinder” li huwa l-element dominanti tat-trade mark. Fil-fatt, minn naħa, l-element “kinderjoghurt” huwa stampat bl-iswed u jokkupa spazju ħafna akbar mill-element “timi”. Min-naħa l-oħra, l-element “joghurt”, bħala kelma deskrittiva, għadu jkun ikkunsidrat jew bħala element negliġibbli, jew bħala li jżid ix-xebh mal-familja tat-trade marks KINDER. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-element “kinder” ma jagħtix l-impressjoni jew ma jidhirx li huwa element indipendenti u huwa mehmuż mal-element “joghurt”, ukoll huwa żbaljat. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li element distintiv ikun marbut ma’ element deskrittiv ma jeliminax ix-xebh mal-element distintiv. Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-element “timi” wkoll huwa rilevanti, il-Bord tal-Appell ma setax iħalli barra kompletament l-element “kinder” fil-paragun taż-żewġ sinjali. Ir-rikorrenti tfakkar f’dan ir-rigward li, f’każ partikolari, trade mark preċedenti użata minn terz f’sinjal kompost li jinkludi l-isem tal-impriża ta’ dan it-terz, iżżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi l-element dominanti tiegħu. F’sitwazzjoni bħal din, l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost tista’ twassal lill-pubbliku jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jipprovenju minn, għall-inqas, impriżi marbuta ekonomikament, f’liema każ għandu jingħad li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

51      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq ir-rikorrenti tasal għall-konklużjoni, l-ewwel nett, li teżisti probabbiltà kbira ta’ ħsara fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, li tikkonsisti fl-effetti ħżiena fuq il-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark verbali KINDER, it-tieni nett, li Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv u minn din ir-reputazzjoni u, fl-aħħar nett, li teżisti wkoll probabbiltà kbira ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, fir-rigward tax-xebh bejn it-trade marks u l-prodotti kif ukoll fid-dawl tar-reputazzjoni tat-trade mark KINDER u tal-familja ta’ trade marks tar-rikorrenti.

52      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

53      L-ewwel nett għandu jingħad li l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata tikkostitwixxi kundizzjoni komuni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, li għalihom jirreferi l-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament. Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li l-kontenut regolatorju tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, li din il-kundizzjoni teħtieġ l-eżistenza, b’mod partikolari, tal-elementi ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, li, sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni dwar ix-xebh, ma huwiex neċessarju li jintwera li teżisti, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti li tgawdi minn reputazzjoni u t-trade mark ikkontestata. Huwa suffiċjenti li l-livell ta’ xebh bejn dawn it-trade marks ikollu l-effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom. L-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tiġi evalwata b’mod ġenerali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Il-paragun tas-sinjali għandu, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, ikun ibbażat fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade marks, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 2008, Citigroup u Citibank vs UASI – Citi (CITI), T‑181/05, Ġabra p. II‑669, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata].

55      Fil-każ preżenti, minkejja l-fatt li l-element “kinder” huwa preżenti fiż-żewġ sinjali, jeżisti, hekk kif il-Bord tal-Appell ġustament irrileva fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, ċertu numru ta’ karatteristiċi viżivi u fonetiċi li jeskludu li s-sinjali jiġu pperċepiti bħala simili.

56      L-ewwel nett, l-element “kinder” huwa magħqud mal-element “joghurt”, ħaġa li ċċaħħadhom minn eżistenza awtonoma speċifika. Fil-fatt, minn naħa, mhux biss l-elementi “kinder” u “joghurt” għandhom l-istess importanza viżiva, iżda l-irregolaritajiet stilistiċi ta’ tipa ta’ karattri mhux dritti u mhux allinjati tal-element “kinderjoghurt” jagħmluh unità armonjuża li fiha ż-żewġ elementi kostituttivi bilkemm huma perċepibbli. Dawn il-partikolaritajiet juru li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-element “kinder” ma huwiex sempliċement mehmuż mal-element “joghurt”. Min-naħa l-oħra, minħabba t-tipa stilizzata tal-element “kinder” użata fit-trade mark ikkontestata, din tal-aħħar ma tixbahx b’mod viżiv lit-trade mark verbali preċedenti li fuqa hija bbażata l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li hija rrappreżentata b’tipa klassika.

57      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-element “kinder” fit-trade mark ikkontestata tagħmel sempliċement parti mill-element “kinderjoghurt” li għandu biss importanza sekondarja meta mqabbel mal-element “timi”. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti mressqa mir-rikorrenti bil-għan li jintwera li l-element “timi” ma huwiex l-element dominanti minħabba d-daqs żgħir tiegħu u l-allegazzjoni li jinqara inqas mill-element “kinderjoghurt”. Fil-fatt, minn naħa, mill-perspettiva viżiva, dan l-element huwa l-punt konverġenti tas-sinjal inkwantu qiegħed f’pożizzjoni prominenti fiċ-ċentru tiegħu u fuq l-element “kinderjoghurt”, b’mod li huwa l-ewwel ħaġa li jaraw il-konsumaturi. Din il-pożizzjoni ċentrali tagħmel tajjeb għall-fatt li l-element “timi” huwa stampat b’tipa ta’ karattri ta’ daqs iżgħar minn dawk użati għall-element “kinderjoghurt” kif ukoll il-fatt li l-istampar bl-abjad fuq sfond iswed jista’ eventwalment jagħmel l-element “timi” inqas leġġibbli mill-element “kinderjoghurt” li jinsab fil-qiegħ tas-sinjal. Min-naħa l-oħra, minn perspettiva fonetika, għandu jingħad li l-element “timi” huwa dak li huwa ppronunzjat l-ewwel, b’mod li l-konsumaturi jagħtuh l-aktar importanza. L-element “kinder” huwa b’hekk oskurat mill-element dominanti “timi”, li mingħajr dubju jolqot lill-konsumaturi.

58      Fit-tielet lok, kuntrarjament għall-pożizzjoni tiegħu fit-trade mark verbali preċedenti li fuqha hija bbażata l-azzjoni għal dikjarazzjonit ta’ invalidità, l-element “kinder” jinsab fit-trade mark ikkontestata fost żewġ elementi oħra li huma, minn naħa, l-element “timi” u, min-naħa l-oħra, l-element “joghurt”. Differenza bħal din tnaqqas b’mod sostanzjali mhux biss ix-xebh fonetiku li jista’ jeżisti bejn iż-żewġ sinjali minħabba l-element komuni bejniethom, iżda wkoll ix-xebh viżiv eventwali li jista’ jeżisti minħabba dan l-element komuni. B’hekk l-element “kinder” jikkostitwixxi element negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark inkwistjoni.

59      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien korrett meta kkonkluda li s-sinjali inkwistjoni ma kinux simili.

60      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

61      Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward kemm tal-argument ibbażat fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kif ukoll tal-argument ibbażat fuq xebh eżistenti bejn il-prodotti tat-trade marks kontenzjużi, għandu jingħad li, anki jekk l-imsemmija elementi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, xorta jibqa’ l-fatt li m’għandhom l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tax-xebh eżistenti bejn is-sinjali.

62      Fi kwalunkwe każ, minn naħa, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, għandu jingħad li fil-każ preżenti n-nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, ikkonstatat fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq, tant huwa evidenti li r-reputazzjoni tat-trade mark KINDER, indipendentement mill-fatt jekk hijiex inkontestata jew le, ma hijiex kapaċi tpoġġi fid-dubju dan in-nuqqas ta’ xebh. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ix-xebh eżistenti bejn il-prodotti tat-trade marks kontenzjużi, għandu l-ewwel nett jingħad li, filwaqt li l-prodotti tat-trade mark ikkontestata kollha huma relatati mal-jogurt u jaqgħu fil-klassi 29, il-prodotti tas-36 trade mark preċedenti invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma essenzjalment prodotti ta’ kakaw u ta’ ċikkulata kif ukoll kejkijiet, pasti u ħlewwiet u jaqgħu kollha fil-klassi 30. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li ċertu numru ta’ dawn l-aħħar imsemmija prodotti jista’ jikkontjeni ċerta kwantità ta’ ħalib ma jrendihomx bħall-ħalib jew prodotti tal-ħalib b’mod ġenerali, u lanqas, a fortiori, bħal prodotti tal-jogurt. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li n-nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali kontenzjużi ċertament ma huwiex ikkompensat mill-eżistenza ta’ xi xebh bejn il-prodotti tat-trade marks kontenzjużi.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ familja jew ta’ serje ta’ trade marks, għandu jiġi mfakkar li ġie rikonoxxut mill-ġurisprudenza li, meta jkun hemm familja jew serje ta’ trade marks, il-probabbiltà ta’ konfużjoni, li għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, tiżdied minħabba l-fatt li l-konsumaturi jistgħu jiżbaljaw fuq il-provenjenza jew l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata billi jikkunsidraw, b’mod żbaljat, li din tifforma parti minn din il-familja jew din is-serje ta’ trade marks (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 63). Madankollu, hekk kif jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ familja jew serje ta’ trade marks ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk hijiex sodisfatta jew le l-kundizzjoni komuni għall-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata.

64      Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed iqis li l-eżistenza ta’ familja jew serje ta’ trade marks hija fattur rilevanti fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ xebh bħal dan, il-probabbiltà li l-konsumaturi jistgħu effettivament jikkunsidraw fil-każ preżenti li t-trade mark ikkontestata tagħmel parti minn din il-familja jew serje ta’ trade marks hija remota ħafna, saħansitra ineżistenti, minħabba d-differenzi kbar li jeżistu bejn it-trade mark ikkontestata u s-sinjali elenkati fil-punt 5 tar-rikors.

65      Fil-fatt, għandhom jissemmew, b’mod partikolari f’dan ir-rigward, it-tliet aspetti segwenti. L-ewwel nett, kuntrarjament għas-sinjali elenkati fil-punt 5 tar-rikors, l-element “kinderjoghurt” tat-trade mark ikkontestata jinkiteb b’kelma waħda, mingħajr ma hemm spazju bejn l-element “kinder” u l-element “joghurt”. It-tieni nett, kuntrarjament għas-sinjali elenakti fil-punt 5 tar-rikors, it-trade mark ikkontestata hija kkaratterizzata minn irregolaritajiet stilizzati tal-element “kinderjoghurt”, hekk kif esposti fil-punt 56 iktar ’il fuq. It-tielet nett, kuntrarjament għas-sinjali elenkati fil-punt 5 tar-rikors, it-trade mark ikkontestata tinkludi l-element “timi” li, minħabba l-karattru dominanti tiegħu, joskura l-element “kinderjoghurt” u, a fortiori, l-element “kinder”, li jifforma parti minnu.

66      Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ familja jew ta’ serje ta’ trade marks għandu jiġi miċħud.

67      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-fatt li, fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, l-evalwazzjoni tal-livell ta’ xebh ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jingħad li l-argumenti li għamel il-Bord tal-Appell, u li l-Qorti tal-Prim’Istanza adottat fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq, juru n-nuqqas ta’ xebh indipendentement mill-kapaċità eventwali tal-livell ta’ xebh li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni. L-argument tar-rikorrenti għandu b’hekk jiġi miċħud bħala irrilevanti.

68      Fir-raba’ u l-aħħar lok, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta għamel “eżami analitiku” tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ xebh, għandha tiġi kkunsidrata l-impressjoni globali prodotta mill-elementi flimkien li jikkomponu dawn it-trade marks, ħaġa li madankollu ma hijiex inkompatibbli ma’ eżami suċċessiv ta’ dawn l-elementi. Fil-każ preżenti, wara li kkonstata fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata li d-differenzi bejn is-sinjali jagħmlu tajjeb għall-uniku element ta’ xebh, il-Bord tal-Appell enfasizza li, meta ġew ipparagunati b’mod ġenerali, l-impressjonijiet ġenerali mħollija mis-sinjali inkwistjoni kienu differenti. Peress li l-imsemmi “eżami analitiku” ma sarx bi ħsara tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-impressjoni ġenerali prodotta mill-elementi flimkien li jifformaw it-trade marks kontenzjużi, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

69      B’hekk mill-argumenti kollha esposti iktar ’il fuq, jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, ir-rikoks għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ferrero SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta’ Ottubru 2009.

Firem


* Lilgwa tal-kawża: l-Ingliż.