Language of document : ECLI:EU:T:2008:480

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

11 ta’ Novembru 2008

Kawża T-390/07 P

Michael Alexander Speiser

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Ammissibbiltà – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Deċiżjoni purament konfermattiva – Ilment tardiv”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-10 ta’ Settembru 2007, Speiser vs Il‑Parlament (F-146/06, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż li sostniet fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni fis-sentenza appellata tas-soluzzjoni mogħtija f’sentenza oħra

(Artikolu 225 A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Obbligu ġenerali li d-destinatarji jiġu informati bir-rimedji legali u bit-termini – Assenza

3.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini – Dekadenza – Żball skużabbli

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini – Dekadenza – Ftuħ mill-ġdid – Kundizzjoni – Fatt ġdid

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

5.      Proċedura – Spejjeż – Talba għal deċiżjoni skont il-liġi

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2))

1.      Anki jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni, fis-sentenza appellata, tas-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti Komunitarja f’sentenza oħra ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju li jista’ jiġi ċċensurat fil-kuntest ta’ appell, dan l-aggravju huwa madankollu ammissibbli sa fejn ikun ibbażat fuq il-ksur ta’ prinċipju rrikonoxxut f’din is-sentenza.

(ara l-punt 19)

Referenza: Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199

2.      L-istituzzjonijiet Komunitarji la għandhom obbligu ġenerali li jinformaw lid-destinatarji tal-atti tagħhom bir-rimedji legali disponibbli, u lanqas obbligu li jindikaw it-termini applikabbli li fihom dawn ir-rimedji legali jistgħu jiġu eżerċitati.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ Novembru 2007, Diy‑Mar Insaat Sanayi vs Ticaret u Akar vs Il-Kummissjoni, C‑163/07 P, Ġabra p. I‑10125, punt 41, u l‑ġurisprudenza ċċitata

3.      Il-kunċett ta’ żball skużabbli, fir-rigward tat-termini tar-rimedji legali, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu adottaw imġiba li, waħedha jew b’mod determinanti, hija tali li toħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment informata. Dan mhuwiex il-każ ta’ ittra tal-amministrazzjoni li, minkejja li ssemmi l-possibbiltà, għall-persuna interessata, li tippreżenta lment, ma tispeċifikax kontra liema att dan għandu jiġi ppreżentat.

(ara l-punti 33 u 34)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Settembru 2007, Pelle u Konrad vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑8/95 u T‑9/95, Ġabra p. I‑4117, punt 93, u l‑ġurisprudenza ċċitata

4.      Deċiżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni taċċetta, fuq talba tal-persuna interessata, li tbiddel il-post ta’ oriġini tagħha biex tiffissah f’belt li mhijiex dik indikata bħala l-post ta’ reklutaġġ tagħha ma għandha ebda impatt fuq il-kwistjoni dwar jekk din il-persuna għandhiex dritt jew le għal allowance ta’ espatrijazzjoni u, minħabba f’hekk, ma tistax terġa’ tibda t-terminu għal ilment fir-rigward ta’ deċiżjoni preċedenti li ċaħditilha din l-allowance. Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-post ta’ oriġini tal-uffiċjal, minn naħa, u l-għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni, min-naħa l-oħra, jissodisfaw bżonnijiet u interessi differenti. B’hekk, filwaqt li l-għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni huwa suġġett għan-nuqqas ta’ residenza abitwali jew ta’ attività professjonali prinċipali fit-territorju Ewropew tal-Istat ta’ impjieg matul il-perijodu ta’ referenza, il-kunċett ta’ post ta’ oriġini msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa kunċett tekniku, li jintuża sabiex jiġu ffissati ċerti drittijiet pekunjarji tal-uffiċjal, b’mod li l-post ta’ oriġini tiegħu mhuwiex l-istess bħal dak fejn huwa kien jgħix b’mod kostanti u fejn kien jeżerċita l-attività professjonali tiegħu qabel ma ġie rreklutat.

(ara l-punti 37 sa 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 2 ta’ Mejju 1985, De Angelis vs Il‑Kummissjoni, 144/84, Ġabra p. 1301, punt 13; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Settembru 1993, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni, T‑90/92, Ġabra p. II‑971, punti 26 u 30, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. It-talba mqajma sabiex jiġi deċiż fuq l-ispejjeż skont id-dritt ma tistax tiġi kkunsidrata bħala talba sabiex il-parti li tilfet il-kawża tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

(ara l-punt 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91 P, Ġabra p. I‑3755, punt 38