Language of document : ECLI:EU:T:2023:871

Kawża T-385/23

Victor-Constantin Stan

vs

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO)

 Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2023

“Rikors għal annullament – Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/1939 – Deċiżjoni tal-Awla Permanenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li tressaq il-każ għall-ġustizzja – Att proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni”

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt tal-Unjoni

(ara l-punt 30)

2.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Setgħa tal-Qorti Ġenerali li tieħu konjizzjoni tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill 2017/1939, Artikolu 42(1) u (2))

(ara l-punti 31, 36)

Sunt

Insegwitu għal rapporti magħmula minn żewġ persuni mad-Direcția Națională Anticorupție Serviciul Teritorial Timiheboara (id-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, Servizz Territorjali ta’ Timişoara, ir-Rumanija), Prosekutur Delegat Ewropew fir-Rumanija (iktar’ il quddiem il-“Prosekutur”) fetaħ, f’Jannar 2022, investigazzjoni, minħabba li diversi persuni kienu wettqu, sa mill-2018, reati li jippermettulhom jiksbu illegalment fondi mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u mill-baġit tal-Istat Rumen.

Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u wara digriet tal-Prosekutur, Victor-Constantin Stan kiseb l-istatus ta’ imputat għal fatti, imwettqa bħala koawtur, ta’ ksib illegali ta’ fondi Rumeni, issanzjonati mill-Kodiċi Kriminali Rumen. Skont il-Prosekutur, matul diversi snin, V-C. Stan kien ippreżenta lill-awtoritajiet Rumeni dokumenti foloz, ineżatti u inkompleti dwar proġetti ddepożitati minn sitt kumpanniji bil-għan li jikseb fondi mill-baġit nazzjonali Rumen.

F’Diċembru 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew iddeċieda li jibgħat lura l-każ li jikkonċerna b’mod partikolari lil V-C. Stan għall-ġustizzja, u għalqet il-proċedura fir-rigward tal-parti tal-każ li tirrigwarda fatti ta’ korruzzjoni u ta’ falsifikazzjoni li ma jikkonċernawx lil V-C. Stan (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (1).

V-C. Stan ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż, fost l-oħrajn, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u talabha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni. Għal dan l-għan, huwa sostna b’mod partikolari li r-Regolament 2017/1939, dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (2), li jipprevedi a priori ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali għall-istħarriġ tal-validità tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, kif stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Bħala difiża, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew qajjem eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, b’mod partikolari minħabba li l-Qorti Ġenerali ma għandiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Artikolu 263 TFUE dwar ir-rikorsi diretti ma japplikax, f’dan il-każ, għall-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Adita b’dan ir-rikors u b’din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ġdida tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tiċħad ir-rikors minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939. Minn naħa, dan jipprevedi li l-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li huma intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali kompetenti konformement mar-rekwiżiti u mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali (3). Min-naħa l-oħra, dan jispeċifika li, konformement mal-Artikolu 267 TFUE, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari (4), l-ewwel nett, dwar il-validità tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, sakemm tali kwistjoni ta’ validità titqajjem quddiem qorti ta’ Stat Membru direttament abbażi tad-dritt tal-Unjoni; it-tieni nett, dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u, it-tielet nett, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22 u 25 tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 42 jillimita espliċitament il-kompetenza ta’ stħarriġ tal-legalità tal-qorti tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, għal ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet tal-Prosekutur (5), bħal dawk intiżi għall-għeluq ta’ proċedura, dejjem sakemm dawn jiġu kkontestati direttament abbażi tad-dritt tal-Unjon, dawk li jaffettwaw il-protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati kif ukoll dawk li ma humiex atti proċedurali, bħad-deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti, jew deċiżjoni ta’ revoka ta’ Prosekutur Delegat Ewropew jew kull deċiżjoni amministrattiva oħra.

Sussegwentement, fir-rigward tal-possibbiltà li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi bbażata fuq interpretazzjoni wiesgħa jew konformi tal-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939, il-Qorti Ġenerali tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-użu ta’ interpretazzjoni wiesgħa huwa possibbli biss sa fejn din tkun kompatibbli mat-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni u li lanqas il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma’ regola ta’ saħħa vinkolanti superjuri ma jista’ jservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali adottati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-kliem tal-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament 2017/1939 ma għandu ebda ambigwità sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li huma intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi (3) u (8) tal-istess artikolu. Għaldaqstant, huwa biss permezz ta’ deċiżjoni preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dawn l-atti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-interpretazzjoni jew tal-validità tad-dispożizzjonijiet tar-regolament inkwistjoni.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar il fuq, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li, billi jitlob li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, bis-saħħa ta’ interpretazzjoni tar-Regolament dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv, ir-rikorrent jipproponi interpretazzjoni contra legem li ma tistax tiġi aċċettata.

Fl-aħħar, jekk jitqies li r-rikorrent ma jillimitax ruħu li jitlob interpretazzjoni wiesgħa tar-Regolament 2017/1939 sabiex isostni li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni f’dan il-każ u li huwa għandu l-intenzjoni li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata billi jikkontesta, permezz tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, il-validità tar-regolament kontenzjuż fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE, tali kontestazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, u dan minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors fil-kawża prinċipali.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li8, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju previst mir-Regolament 2017/1939, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod partikolari ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u ta’ validità tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inkluż ta’ dan ir-regolament (6).

F’dan il-każ, ir-rikorrent jista’, bħala prinċipju, jikkontesta quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti l-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew imsemmija fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament 2017/1939 u, f’dan il-kuntest, jeċċepixxi l-illegalità tiegħu. F’dan il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk tiġi adita mill-qorti nazzjonali, tiddeċiedi kemm dwar il-validità tal-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar il-validità tar-regolamenti interni, fid-dawl tar-Regolament 2017/1939 u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni li r-rikorrent jinvoka fir-rikors tiegħu.


1      Deċiżjoni tal-Awla Permanenti Nru 4 tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, tad-9 ta’ Diċembru 2022.


2      Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1).


3      Ara l-Artikolu 42(1) tar-Regolament 2017/1939.


4      Ara l-Artikolu 42(2) tar-Regolament 2017/1939.


5      Ara l-Artikolu 42(3) u (8) tar-Regolament 2017/1939.


6      Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 42(2) tar-Regolament 2017/1939.