Language of document : ECLI:EU:C:2021:36

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Jannar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Kwalità ta’ refuġjat – Artikolu 2(ċ) – Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 11 – Bidla fiċ-ċirkustanzi – Artikolu 11(1)(e) – Possibbiltà li tintalab il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Artikolu 7(2) – Sostenn finanzjarju u soċjali – Assenza ta’ rilevanza”

Fil-Kawża C‑255/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri) (Awla tal-immigrazzjoni u l-Ażil) (Ir-Renju Unit)), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2019, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

Secretary of State for the Home Department

vs

OA,

fil-preżenza ta’:

Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. von Danwitz (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Frar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery u J. Simpson, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn A.-L. Desjonquères, A. Daniel, D. Colas u D. Dubois, sussegwentement minn A.-L. Desjonquères, A. Daniel u D. Dubois, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn A. Azema, M. Condou-Durande u J. Tomkin, sussegwentement minn A. Azema u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(ċ), tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [istatus] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Secretary of State for the Home Department (is-Segretarju tal-Istat tad-Dipartiment tal-Intern) u OA, ċittadin Somalu, dwar ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati ffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545, (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil‑31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, it-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li “minħabba f’biża’ fondata li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, appartenenza għal grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, issib ruħha barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn l-aħħar kellha r-residenza abitwali tagħha ma tistax jew, minħabba l-imsemmija biża’, ma tkunx trid tmur lura fih”.

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 1(C)(5) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“Din il-konvenzjoni ma tibqax tapplika fir-rigward ta’ kull persuna li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-Taqsima A msemmija iktar ’il fuq:

[…]

5.      Jekk, minħabba li ċ-ċirkustanzi li bihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija ma tkunx tista’ tkompli tirrifjuta milli tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha

Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu ma japplikawx għal kull refuġjat imsemmi fil-paragrafu 1 tat-Taqsima A ta’ dan l-artikolu li jista’ jinvoka, sabiex jirrifjuta l-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu, raġunijiet imperattivi li jirriżultaw minn persekuzzjonijiet preċedenti.”

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/83 tipprovdi li “[i]l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.”

7        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva tal-Kunsill huwa li tippreskrivi livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

8        Skont l-Artikolu 2(ċ) sa (e) tal-imsemmija direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(ċ)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tarresidenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih;

(d)      ‘stat ta’ refuġjat’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

(e)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għalihom l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikawx, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha millprotezzjoni ta’ dak il-pajjiż.”

9        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Atturi ta’ protezzjoni”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Protezzjoni tista’ tiġi provvduta minn:

(a)      l-Istat; jew

(b)        partijiet jew organizzazzjonijiet inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tatterritorju ta’ l-Istat.

2.      Protezzjoni hija ġeneralment provvduta meta l-atturi msemmija fil-paragrafu 1 jieħdu passi raġunevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew isofru minn periklu serju, fost ħwejjeġ oħra, billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew periklu serju, u l-applikant għandu aċċess għal din il-protezzjoni.”

10      Skont l‑Artikolu 9 tad‑Direttiva 2004/83, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”:

“1.      Atti ta’ persekuzzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu [1, Taqsima A] tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jridu:

(a)      jkunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet minn liema deroga ma tistax issir skond l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali; [, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-KEDB’], jew

(b)      ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individu f’manjiera simili kif imsemmi f’(a).

2.      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

(a)      atti ta’ vjolenza fiżiċi jew mentali, inkluż atti ta’ vjolenza sesswali;

[…]

3.      Bi qbil ma’ l-Artikolu 2(ċ), irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1.”

11      L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Waqfien”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(e) u fil-paragrafu 2 tiegħu:

“1.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat [status] għandu jieqaf milli jkun refuġjat, jekk huwa jew hija:

[…]

(e)      milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali;

[…]

2.      Fil-konsiderazzjoni tal-punti (e) jew (f) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-biża tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala bir-raġun.”

12      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Periklu serju”, jipprovdi:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

(a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

(ċ)      theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

13      Id-Direttiva 2004/83 tħassret, b’effett mill‑21 ta’ Diċembru 2013, permezz tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). Skont il-premessa 50 ta’ din l-aħħar direttiva, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ma pparteċipax fl-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, la huwa marbut biha u lanqas suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

 Id-dritt tar-Renju Unit

14      L-Artikolu 4(1) u (2) tar-Refugee or Person In Need of International Protection Regulations 2006 (ir-Regoli tal‑2006 dwar ir-Refuġjati u l-Persuni li Jeħtieġu Protezzjoni Internazzjonali) jipprovdi:

“1.      Meta jiġi sabiex ikun deċiż jekk persuna tkunx refuġjata jew persuna eliġibbli għal protezzjoni umanitarja, protezzjoni minn persekuzzjoni jew perikolu serju tista’ tiġi pprovduta minn:

(a)      l-Istat; jew

(b)      kull parti jew organizzazzjoni inkluż kull organizzazzjoni internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat.

2.      Protezzjoni għandha titqies li ġeneralment tiġi pprovduta meta l-atturi msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu persekuzzjoni jew tbatija minn perikolu serju billi joperaw sistema legali effettiva għall-identifikazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sanzjoni ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew perikolu serju, u meta l-persuna msemmija fil-paragrafu (1) ikollha aċċess għal tali protezzjoni.”

15      L-Artikolu 338A tal-Immigration Rules (ir-Regoli dwar l-Immigrazzjoni) jipprovdi:

“L-għoti ta’ status ta’ refuġjat lil persuna skont il-paragrafu 334 għandu jiġi rrevokat jew ma jiġġeddidx jekk ikun japplika xi wieħed mill-paragrafi minn 339A sa 339AB. […]”

16      Skont l-Artikolu 339A ta’ dawn ir-regoli:

“Dan il-paragrafu japplika meta s-Segretarju tal-Istat ikun issodisfatt li wieħed jew iktar minn dan li ġej ikun japplika:

[…]

(v)      ma jkunux jistgħu iktar, minħabba li ċ-ċirkustanzi li b’rabta magħhom huma jkunu ġew irrikonoxxuti bħala refuġjati jkunu waqfu, ikomplu jirrifjutaw li jużaw il-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità;

(vi)      fir-rigward ta’ persuna li ma jkollhiex nazzjonalità, minħabba li ċ-ċirkustanzi li bihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija tkun tista’ lura fil-pajjiż fejn kellha r-residenza abitwali tagħha;

Meta jikkunsidra (v) u (vi), is-Segretarju tal-Istat għandu jqis jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi jkunx ta’ natura tant sinjifikattiv u mhux temporanju li l-biża’ tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma jkunx għadu jista’ jitqies iktar bħala fondata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      OA huwa ċittadin Somalu, li joriġina minn Mogadixu (is-Somalja). Huwa membru ta’ klann f’minoranza tar-Reer Hamar.

18      Matul is-snin 1990, OA u martu f’dak iż-żmien kienu vittmi ta’ diversi attakki serji u attakki vjolenti mwettqa mill-milizja Hawiye f’Mogadixu.

19      Matul is-sena 2001, huma ħarbu mis-Somalja lejn il-Kenja. Matul l-istess sena, il-konjuġi ta’ OA f’dak iż-żmien daħlet fir-Renju Unit u kisbet l-istatus ta’ refuġjat minħabba l-persekuzzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

20      OA daħal fir-Renju Unit matul is-sena 2003 u kiseb l-istatus ta’ refuġjat hemmhekk bħala persuna dipendenti fuq martu f’dak iż-żmien.

21      Fit‑8 ta’ Lulju 2014, is-Segretarju tal-Istat informa lil OA li huwa kellu l-intenzjoni li jirrevoka l-istatus tiegħu ta’ refuġjat.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2016, is-Segretarju tal-Istat irrevoka l-istatus ta’ refuġjat ta’ OA minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u eskludieh mill-protezzjoni umanitarja abbażi tal-liġi nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni, filwaqt li kkunsidra li r-ritorn ta’ OA fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma jiksirx l-obbligi tar-Renju Unit taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB.

23      OA ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)) (ir-Renju Unit). Din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ OA fl-intier tiegħu permezz tal-ewwel sentenza tagħha u sussegwentement, wara l-annullament ta’ din is-sentenza mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri) (Awla tal-Immigrazzjoni u l-Ażil) (Ir-Renju Unit)), ċaħdet parzjalment l-imsemmi rikors permezz tat-tieni sentenza tagħha.

24      Wara li annullat din it-tieni sentenza, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri) (Awla tal-Immigrazzjoni u l-Ażil) trid twettaq eżami ġdid tar-rikors ta’ OA.

25      Quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat isostni li huwa kellu d-dritt li jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat ta’ OA minħabba bidla fit-tul fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, peress li, fil-fehma tiegħu, il-klanns f’minoranza ma għadhomx suġġetti għal persekuzzjonijiet min-naħa tal-klann ta’ maġġoranza fir-reġjun ta’ Mogadixu u li l-Istat jiżgura protezzjoni effettiva hemmhekk. F’dan ir-rigward, huwa jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza ta’ gwida ta’ din l-istess qorti tat‑3 ta’ Ottubru 2014, MOJ et (ritorn lejn Mogadixu):

“(ii)      Ġeneralment persuna li tkun ‘pajżan ordinarju’ (jiġifieri ma jkollhiex x’taqsam mal-forzi tas-sigurtà); kull aspett ta’ gvern jew amministrazzjoni uffiċjali jew kull NGO jew organizzazzjoni internazzjonali) malli tmur lura Mogadixu wara perijodu ta’ assenza ma tiffaċċjax riskju reali ta’ persekuzzjoni jew riskju ta’ dannu tali li jkun jeħtiġilha protezzjoni skont l-Artikolu 3 tal-KEDB jew l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva [2004/83]. […]

[…]

(vii)      Persuna li tmur lura Mogadixu wara perijodu ta’ assenza tfittex il-familja nukleari tagħha, jekk hija jkollha waħda tgħix fil-belt, għal għajnuna sabiex terġa’ tistabbilixxi lilha nnifisha u tikseb għajxien. Minkejja li min imur lura jista’ wkoll ifittex għajnuna mingħand il-membri tal-klann tiegħu li ma jkunux jiġu minnu mill-qrib, tali għajnuna aktarx li tkun tista’ tiġi biss minn membri ta’ klanns f’maġġoranza, peress li klanns f’minoranza ftit ikollhom x’joffru.

(viii)      Is-sinjifikat tas-sħubija fi klanns f’Mogadixu nbidel. Klanns illum jipprovdu, potenzjalment, mekkaniżmi ta’ għajnuna soċjali u jgħinu sabiex wieħed jikseb għajxien, u jaqdu inqas il-funzjoni ta’ protezzjoni minn qabel. Ma hemmx milizji ta’ klanns f’Mogadixu, ebda vjolenza minn klanns u ebda trattament diskriminatorju abbażi ta’ klanns, anki għall-membri ta’ klanns f’minoranza

[…]

xi)      Għalhekk, ikunu biss dawk mingħajr klann jew sostenn familjari li ma jirċevux ħlasijiet minn barra l-pajjiż u li ma jkunux jistgħu jipprospettaw li jiksbu aċċess għal għajxien malli jmorru lura li jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-possibbiltà li jgħixu f’ċirkustanzi inqas minn dawk aċċettabbli f’termini ta’ protezzjoni umanitarja.

xii)      Il-provi juru b’mod ċar li ma humiex biss dawk li joriġinaw minn Mogadixu li llum jistgħu ġeneralment imorru lura sabiex jgħixu fil-belt mingħajr ma jkunu suġġetti għal riskju previst fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva [2004/83] jew jaffaċċjaw riskju reali ta’ destituzzjoni. Għall-kuntrarju, rilokazzjoni f’Mogadixu għal persuna ta’ klann ta’ minoranza li ma jkollha ebda rabta preċedenti mal-belt, mingħajr aċċess għal fondi u ebda forma oħra ta’ klann, ta’ għajnuna familjari jew soċjali, x’aktarx ma hijiex realistika, peress li meta ma jkunx hemm mezzi sabiex wieħed jistabbilixxi daru u xi forma ta’ sostenn finanzjarju kontinwu, ikun hemm riskju reali li ma jkun hemm ebda alternattiva ħlief li wieħed jgħix f’akkomodazzjoni ta’ malajr f’kamp ta’ persuni spostjati f’pajjiżjhom fejn ikun hemm possibbiltà reali li wieħed ikollu jgħix f’kundizzjonijiet ta’ standards umanitarji inferjuri inaċċettabbli”

26      OA jikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet u jsostni li huwa għad għandu biża’ fondata li jiġi ppersegwitat f’Mogadixu u li l-awtoritajiet statali tas-Somalja ma humiex f’pożizzjoni li jipproteġuh kontra dawn il-perikli serji. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka l-evalwazzjoni pprovduta mill-United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR) (il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Unit (UNHCR)) f’Ġunju 2014, li s-sitwazzjoni ta’ sigurtà f’Mogadixu kienet tqajjem tħassib serju f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tad-disponibbiltà tal-protezzjoni tal-Istat, u li klanns f’minoranza jibqgħu, barra minn hekk, fi żvantaġġ partikolari, b’mod partikolari, f’dan il-belt. Barra minn hekk, huwa jsostni li s-sentenza ta’ gwida, iċċitata fil-punt preċedenti, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-protezzjoni tal-Istat, peress li hija bbażata parzjalment fuq l-eżistenza ta’ protezzjoni min-naħa tal-familja jew ta’ membri oħra tal-klann, li jikkostitwixxu atturi mhux statali, iżda privati.

27      Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ċerti qrati fir-Renju Unit jikkunsidraw li d-disponibbiltà ta’ protezzjoni suffiċjenti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kemm fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-element relatat mal-“biża’ fondata ta’ persekuzzjoni ” kif ukoll fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-element relatat mal-“protezzjoni” li l-applikant ma jistax jew ma jridx jinvoka, mingħajr madankollu ma għandu bżonn dejjem jissodisfa l-istess rekwiżiti f’dawn iż-żewġ stadji. Dawn il-qrati jqisu li, għalkemm dan it-tieni element għandu jiġi evalwat fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/83, dawn ir-rekwiżiti madankollu ma japplikawx waqt l-eżami tal-ewwel element, li għalhekk jista’ jieħu inkunsiderazzjoni kull forma ta’ protezzjoni u, b’mod partikolari, is-sostenn ipprovdut, b’mod partikolari, mill-familja jew mill-klann tal-persuna kkonċernata.

28      F’dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ OA wara eventwali ritorn f’Mogadixu, il-qorti tar-rinviju tqis li dan għandu possibiltajiet, ċertament limitati minħabba l-mobbiltà ridotta tiegħu, li jsib xogħol f’din il-belt. Barra minn hekk, OA jista’ jfittex sostenn finanzjarju mill-familja fil-qrib tiegħu li toqgħod fl-imsemmija belt, mingħand oħtu li għexet l-aħħar f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) kif ukoll minn membri tal-klann Reer Hamar li jirrisjedu fir-Renju Unit, tal-inqas sakemm huwa stess ikun jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu f’Mogadixu.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri) (Awla tal-immigrazzjoni u l-ażil) (Ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-‘protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità [taċ-ċittadin]’ fis-sens tal-Artikolu 11(1)(e) u tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 għandha tinftiehem bħala protezzjoni tal-Istat?

2)      Sabiex jiġi deċiż jekk teżistix biża’ fondata ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 u jekk teżistix protezzjoni minn tali persekuzzjoni skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, it-“test tal-protezzjoni”, jew l-“eżami tal-protezzjoni”, għandu jiġi applikat għaż-żewġ kwistjonijiet u, jekk dan ikun il-każ, għandu jkun irregolat bl-istess kriterji f’kull każ?

3)      Jekk titwarrab l-applikabbiltà ta’ protezzjoni minn atturi mhux statali taħt l-Artikolu 7(l)(b) tad-Direttiva 2004/83, u jekk jiġi preżunt li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, l-effettività jew id-disponibbiltà ta’ protezzjoni għandha tiġu evalwata biss b’riferiment għall-atti/funzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ atturi statali jew jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti/funzjonijiet ta’ protezzjoni mwettqa minn atturi privati (soċjetà ċivili) bħall-familji jew klannijiet?

4)      Il-kriterji li jirregolaw l-“eżami tal-protezzjoni” li għandu jitwettaq waqt l-analiżi tal-waqfien fil-kuntest tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 huma (kif huwa preżunt fit-tieni u fit-tielet domanda) l-istess bħal dawk li għandhom jiġu applikati fil-kuntest tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

30      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, OA ngħata l-istatus ta’ refuġjat minħabba atti ta’ persekuzzjoni vjolenti li huwa safa vittma tagħhom matul is-snin 1990, bħala membru ta’ klann f’minoranza f’Mogadixu, mill-milizja tal-klann f’maġġoranza f’din il-belt, minn dawn l-istess indikazzjonijiet jirriżulta li, wara bidliet li seħħew sadanittant, “[m]a hemmx milizji ta’ klanns f’Mogadixu, ebda vjolenza minn klanns u ebda trattament diskriminatorju abbażi ta’ klanns, anki għall-membri ta’ klanns f’minoranza.” F’dan ir-rigward, l-imsemmija applikazzjoni tidher li hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li r-Repubblika Federali tas-Somalja issa tagħti, bħala prinċipju, protezzjoni suffiċjenti kontra atti ta’ persekuzzjoni, peress li din il-protezzjoni tista’ madankollu tiġi kkompletata mill-protezzjoni żgurata minn atturi privati, bħall-familja u l-klann. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fl-assenza ta’ sostenn finanzjarju jew sostenn ieħor ipprovdut mill-familja tagħhom jew mill-klann tagħhom, iċ-ċittadini Somali li jirritornaw Mogadixu “ma jkunux jistgħu jipprospettaw li jiksbu aċċess għal għajxien malli jmorru lura [u] jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-possibbiltà li jgħixu f’ċirkustanzi inqas minn dawk aċċettabbli f’termini ta’ protezzjoni umanitarja.”

31      Madankollu, minn dawn l-istess indikazzjonijiet jirriżulta li OA jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, billi jsostni li huwa dejjem jibża’ bir-raġun li jiġi ppersegwitat f’Mogadixu u li l-awtoritajiet statali tas-Somalja ma humiex f’pożizzjoni li jipproteġuh kontra dawn l-atti ta’ persekuzzjoni. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż sostna, waqt is-seduta, li l-konstatazzjonijiet ta’ din il-qorti relatati mal-protezzjoni żgurata minn dawn l-awtoritajiet u mal-assenza ta’ riskju ta’ persekuzzjonijiet ma għadhomx jikkorrispondu għas-sitwazzjoni attwali prevalenti fis-Somalja.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, wara ritorn lejn Mogadixu, OA jistax ikun f’riskju li jkun vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

33      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“protezzjoni” indikata f’din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat għandha tissodisfa l-istess rekwiżiti bħal dawk li jirriżultaw, fir-rigward tal-għoti ta’ dan l-istatus, mill-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tagħha.

34      F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 11(1)(e) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz jieqaf ikun refuġjat, jekk huwa ma jistax iktar, minħabba li ċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom huwa jkun ġie rrikonoxxut bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, ikompli jirrifjuta li jinvoka l-protezzjoni tal-pajjiż li huwa għandu n-nazzjonalità tiegħu.

35      Din id-dispożizzjoni, bħall-Artikolu 1C(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, tipprevedi t-telf tal-kwalità ta’ refuġjat meta ċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom tkun ġiet irrikonoxxuta din il-kwalità jkunu waqfu milli jeżistu jew, fi kliem ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma jkunux għadhom issodisfatti. Sa fejn l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 jipprovdi li ċ-ċittadin “ma jistax aktar […] jkompli jirrifjuta” jinvoka l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, dan jimplika li l-“protezzjoni” inkwistjoni hija l-istess bħal dik li kienet nieqsa sa dak iż-żmien, jiġifieri dik kontra l-atti ta’ persekuzzjoni għal tal-inqas għal waħda mill-ħames raġunijiet elenkati fl-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 65 u 67).

36      Għalhekk, iċ-ċirkustanzi li juru l-inkapaċità jew, bil-kuntrarju, il-kapaċità tal-pajjiż ta’ oriġini li jiżgura protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni jikkostitwixxu element deċiżiv tal-evalwazzjoni li jwassal għall-għoti jew, skont il-każ, b’mod simetriku, għall-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat. Tali waqfien jimplika għalhekk li l-bdil fiċ-ċirkustanzi jkun irrimedja l-kawżi li wasslu għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 68 u 69).

37      Fid-dawl tas-simetrija li tistabbilixxi d-Direttiva 2004/83 bejn l-għoti u l-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat, il-protezzjoni li tista’ teskludi dan l-istatus, fil-kuntest tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, jew twaqqaf dan l-istatus, skont l-Artikolu 11(1)(e) tagħha, għandha tissodisfa l-istess rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva.

38      Sabiex jaslu għall-konklużjoni li l-biża’ tar-refuġjat li jiġi ppersegwitat ma għadhiex fondata, l-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83, għandhom jivverifikaw, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat, li l-attur jew l-atturi li joffru protezzjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 7, ikunu ħadu l-passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni, li għaldaqstant għandhom, b’mod partikolari, sistema ġudizzjarja effettiva għall-identifikazzjoni, prosekuzzjoni u sanzjoni tal-atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u li ċ-ċittadin ikkonċernat, fil-każ ta’ waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat, ikollu aċċess għal din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 70 u 74).

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“protezzjoni” indikata f’din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat għandha tissodisfa l-istess rekwiżiti bħal dawk li jirriżultaw, fir-rigward tal-għoti ta’ dan l-istatus, mill-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tagħha.

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

40      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li sostenn soċjali u finanzjarju eventwali żgurat minn atturi privati, bħall-familja jew il-klann taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet u jekk tali sostenn huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività jew tad-disponibbiltà tal-protezzjoni żgurata mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, jew għall-finijiet tad-determinazzjoni, skont l-Artikolu 11(1)(e) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tagħha, tal-persistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk sostenn soċjali u finanzjarju żgurat minn atturi privati, bħall-familja jew il-klann taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, jistax jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tagħha.

42      Skont l-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikollu biża’ fondata ta’ persekuzzjoni eżerċitata fuq il-persuna tiegħu għal minn tal-inqas waħda mill-ħames raġunijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi juru li dan il-pajjiż terz ma jipproteġix iċ-ċittadin tiegħu minn atti ta’ persekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 56 u 57).

43      Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif issemma wkoll fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni meħtieġa mill-Artikolu 11(1)(e) tal-imsemmija direttiva hija speċifikata fl-Artikolu 7(2) tagħha li tipprovdi li “[p]rotezzjoni hija ġeneralment provvduta meta l-atturi msemmija fil-paragrafu 1 [tal-imsemmija artikolu] jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew isofru minn periklu serju, fost ħwejjeġ oħra, billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew periklu serju, u l-applikant għandu aċċess għal din il-protezzjoni.”

44      Fid-dawl ta’ dawn it-termini, il-protezzjoni meħtieġa mill-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, tirreferi għall-kapaċità tal-pajjiż terz li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità li tipprevjeni jew tissanzjona l-atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 59, 67 u 68). Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 7(2) jindika miżuri meħuda sabiex jiġu preklużi atti ta’ persekuzzjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja effettiva li tippermetti l-identifikazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sanzjoni ta’ tali atti.

45      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/83 li jiddefinixxi l-elementi li jippermetti l-klassifikazzjoni ta’ atti bħala atti ta’ persekuzzjoni, jispeċifika, fil-paragrafu 1 tiegħu li l-fatti rilevanti għandhom ikunu “serji biżżejjed” minħabba n-natura tagħhom jew minħabba r-repetizzjoni tagħhom sabiex jikkostitwixxu “vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem”, jew għandhom ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri li hija “serj[a] biżżejjed” sabiex taffettwa individwu b’mod simili għal “vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem”. L-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva jżid li għandha teżisti rabta bejn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni imsemmija fl-Artikolu 10 tagħha u l-atti ta’ persekuzzjoni.

46      Issa, sempliċi sostenn soċjali u finanzjarju, bħal dak imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li huwa pprovdut liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ma jistax, bħala tali, jostakola atti ta’ persekuzzjoni jew jippermetti l-identifikazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sanzjoni ta’ tali atti u, għaldaqstant, ma jistax jitqies li jiżgura l-protezzjoni meħtieġa mill-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva. Dan jgħodd b’mod partikolari peress li, f’dan il-każ, l-imsemmi sostenn soċjali u finanzjarju jidher li għandu l-għan mhux li jiżgura l-protezzjoni ta’ OA minn tali atti, iżda l-installazzjoni tiegħu mill-ġdid f’Mogadixu.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sostenn soċjali u finanzjarju, bħal dak imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, żgurat mill-familja jew mill-klann taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ma jistax jitqies li jiżgura protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

48      Minn dan isegwi, fit-tieni lok, li tali sostenn soċjali u finanzjarju ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività jew tad-disponibbiltà tal-protezzjoni żgurata mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/83.

49      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li sempliċi diffikultajiet ekonomiċi ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt il-kunċett ta’ “persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/83, b’tali mod li tali sostenn soċjali u finanzjarju intiż sabiex jirrimedja tali diffikultajiet ma għandux, bħala prinċipju, ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tas-suffiċjenza tal-protezzjoni statali kontra atti ta’ persekuzzjoni.

50      F’dan il-każ, peress li l-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludux informazzjoni li tippermetti li jiġi kkunsidrat li diffikultajiet ekonomiċi li OA jista’ jkollu meta jmur lura Mogadixu jikkostitwixxu manifestazzjoni ta’ atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, dawn ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “persekuzzjoni” fis-sens ta’ dan l-artikolu li jiġġustifika l-għoti u ż-żamma tal-istatus ta’ refuġjat.

51      Barra minn hekk, għalkemm il-Gvern Franċiż irrileva, waqt is-seduta, li deprivazzjoni materjali estrema tista’ tkun rilevanti għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, madankollu mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawża prinċipali u d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrigwardawx il-punt dwar jekk OA jistax jingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, iżda jirrigwardaw il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat tiegħu. Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li r-riferiment magħmul fid-domandi preliminari għall-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83, li jinkludi d-definizzjoni tal-“persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, għandu jinftiehem, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess, bħala li jirreferi għall-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva u għalhekk bħala li jirrigwarda esklużivament il-waqfien tal-istatus tar-refuġjat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

52      Barra minn hekk, sa fejn id-domandi tal-qorti tar-rinviju kellhom jinftiehmu fis-sens li hija trid tistabbilixxi jekk, sakemm il-klanns f’Mogadixu jipprovdu eventwalment, lil hinn mis-sostenn soċjali u finanzjarju tagħhom, anki protezzjoni ta’ sigurtà, tali protezzjoni tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-protezzjoni żgurata mill-Istat tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-biża’ ta’ persekuzzjoni tar-refuġjat għadhiex fondata, l-attur jew l-atturi ta’ protezzjoni li fir-rigward tagħhom hija evalwata r-realtà ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ oriġini huma, skont l-Artikolu 7(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, jew l-Istat stess, jew partijiet jew organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sinjifikattiv mit-territorju tiegħu (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 74).

53      Issa, skont ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 38 u 43 sa 46 ta’ din is-sentenza, tali protezzjoni ta’ sigurtà ma tistax, fi kwalunkwe każ, tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-protezzjoni tal-Istat tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

54      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-eżistenza ta’ sostenn soċjali u finanzjarju żgurat mill-familja jew mill-klann taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tistax madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tagħha, il-persistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni. Skont din l-interpretazzjoni, sostnuta minn ċerti qrati tar-Renju Unit, sostenn soċjali u finanzjarju, żgurat mill-familja jew mill-klann taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, huwa ta’ natura, indipendentement mir-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jirriżultaw mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, li jeskludi tali biża’.

55      Skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, ir-refuġjat huwa, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu “minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat” minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali, u li ma jistax jew, “minħabba f’din il-biża”, ma jixtieqx jinvoka l-“protezzjoni” ta’ dan il-pajjiż. Meta ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw tali biża’ jkunu waqfu milli jeżistu, l-istatus ta’ refuġjat jista’ jintemm, skont l-Artikolu 11(1)(e) ta’ din id-direttiva.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, li jirrigwardaw il-biża’ ta’ persekuzzjoni u l-protezzjoni, huma intrinsikament marbuta. Fil-fatt, il-protezzjoni li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni hija, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni.

57      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm iċ-ċittadin ikkonċernat huwa, minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikkonfrontat bil-biża’ fondata ta’ persekuzzjoni eżerċitata fuq il-persuna tiegħu għal tal-inqas għal waħda mill-ħames raġunijiet elenkati fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, dawn iċ-ċirkustanzi juru li l-pajjiż terz inkwistjoni ma jipproteġix iċ-ċittadin tiegħu minn atti ta’ persekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 57 u 58). Ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa effettivament protett minn atti ta’ persekuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax, fil-fatt, jitqies li jibża’ b’mod fondat li jiġi ppersegwitat.

58      Barra minn hekk, dawn l-istess ċirkustanzi li juru li l-pajjiż terz ikkonċernat ma jipproteġix iċ-ċittadin tiegħu minn atti ta’ persekuzzjoni huma l-kawża tal-impossibbiltà għal dan iċ-ċittadin, jew tar-rifjut iġġustifikat tiegħu, li jinvoka l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri fis-sens tal-kapaċità ta’ dan il-pajjiż li jevita jew li jissanzjona atti ta’ persekuzzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 59).

59      Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandux biża’fondata li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza jew l-assenza ta’ protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni f’dan il-pajjiż terz.

60      Madankollu, il-protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni eżistenti f’pajjiż terz tippermetti li jiġi konkluż li ma hemmx biża’ fondata ta’ persekuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva.

61      Fil-fatt, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva jirrigwardaw il-biża’ ta’ persekuzzjoni u l-protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni li huma, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, intrinsikament marbuta, ma jistgħux jiġu eżaminati skont kriterju ta’ protezzjoni distint, iżda għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-rekwiżiti previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva.

62      Barra minn hekk, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/83 li dan l-Artikolu 7(2) jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni eżistenti fil-pajjiż terz ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata li hija ta’ natura li tostakola, jekk ikun il-każ, l-għoti lil din tal-aħħar tal-istatus ta’ refuġjat. Issa, interpretazzjoni li abbażi tagħha l-protezzjoni eżistenti f’dan il-pajjiż terz tista’ teskludi biża’ fondata ta’ persekuzzjoni anki jekk ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti tista’ tippreġudika r-rekwiżiti minimi stabbiliti minn din l-aħħar dispożizzjoni.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li eventwali sostenn soċjali u finanzjarja żgurat minn atturi privati, bħall-familja jew il-klann taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet u ma huwiex, konsegwentement, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività jew tad-disponibbiltà tal-protezzjoni żgurata mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva jew għall-finijiet tad-determinazzjoni, skont l-Artikolu 11(1)(e) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tagħha, tal-persistenza ta’ biża fondata ta’ persekuzzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [istatus] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“protezzjoni” indikata f’din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat għandha tissodisfa l-istess rekwiżiti bħal dawk li jirriżultaw, fir-rigward tal-għoti ta’ dan l-istatus, mill-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tagħha.

2)      L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li eventwali sostenn soċjali u finanzjarja żgurat minn atturi privati, bħall-familja jew il-klann taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet u ma huwiex, konsegwentement, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività jew tad-disponibbiltà tal-protezzjoni żgurata mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva jew għall-finijiet tad-determinazzjoni, skont l-Artikolu 11(1)(e) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tagħha, tal-persistenza ta’ biża fondata ta’ persekuzzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.