Language of document : ECLI:EU:C:2023:309

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

20 ta’ April 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Artikolu 2(1) u (2)(a) – Artikolu 6(1) – Pensjoni ta’ rtirar – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi allinjament progressiv tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali mal-iskema ta’ pensjoni ġenerali – L-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni li jseħħ iktar malajr għal kategorija ta’ uffiċjali milli għal kategorija oħra – Ġustifikazzjonijiet”

Fil-Kawża C‑52/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

BF

vs

Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BF, minn M. Riedl, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u F. Werni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BF u l-Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB) (il-Fond għall-Mard tal-Uffiċjali u Membri tal-Persunal tal-Awtoritajiet Pubbliċi, tal-Linji tal-Ferroviji u tas-Settur tal-Mini, l-Awstrija) dwar l-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ BF.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 6 tal-istess Direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

[…]

2.      Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

7        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Id-difiża ta’ drittijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

 Iddritt Awstrijak

8        Il-Pensionsarmonisierungsgesetz (il-Liġi dwar l-Armonizzazzjoni tal-Pensjonijiet), tal-15 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. I, 142/2004), introduċiet l-Allgemeines Pensionsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Pensjonijiet, iktar ’il quddiem l-“APG”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005, li tipprevedi għall-persuni kollha li twieldu wara l-1 ta’ Jannar 1955, inkluż, bħala prinċipju, l-uffiċjali federali, skema ġdida ta’ pensjoni uniformi.

9        Qabel id-dħul fis-seħħ tal-APG, l-uffiċjali federali kienu esklużivament suġġetti għall-iskemi ta’ pensjoni tal-Bundesgesetz über die Pensionsansprüche der Bundesbeamten, ihrer Hinterbliebenen und Angehörigen (Pensionsgesetz 1965) (il-Liġi Federali dwar id-Drittijiet għal Pensjoni tal-Uffiċjali Federali, tas-Superstiti Tagħhom u tal-Membri tal-Familja Tagħhom (il-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-1965)), tat-18 ta’ Novembru 1965 (BGBl., 340/1965, iktar ’il quddiem il-“PG tal-1965”).

10      L-Artikolu 41 tal-PG tal-1965, kif emendat bil-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. I, 135/2020) (iktar ’il quddiem il-“PG tal‑2020”), kien ifformulat kif ġej:

“1.      L-emendi ta’ din il-liġi federali li la jemendaw l-ammont tal-benefiċċji skont din l-istess liġi u lanqas il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal dawn il-benefiċċji japplikaw ukoll fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandhom dritt għal benefiċċji kull xahar fi flus skont din l-istess liġi. L-emendi tar-regoli tal-kalkolu jew tal-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-benefiċċji ma japplikawx fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandhom dritt għal benefiċċji skont din il-liġi federali, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens.

2.      Il-pensjonijiet tal-irtirar u l-pensjonijiet tas-superstiti dovuti skont din il-liġi federali, bl-eċċezzjoni tal-allowance supplimentari għal-livell tal-għixien previst fl-Artikolu 26, għandhom ikunu aġġustati fl-istess mument u bl-istess mod bħall-pensjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni,

(1)      meta d-dritt għall-pensjoni jkun diġà ġie stabbilit qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena kkonċernata

(2)      meta dawn ikunu ġejjin mill-pensjonijiet tal-irtirar li d-dritt għalihom ikun ġie stabbilit qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena kkonċernata.

B’deroga mill-ewwel sentenza, l-ewwel aġġustament ta’ pensjoni tal-irtirar għandu jsir biss b’effett mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar.

[…]

7.      Il-proċedura ta’ aġġustament tal-pensjonijiet prevista fl-Artikolu 744(1) u (2) tal-[Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), tad-9 ta’ Settembru 1955 (BGBl. 189/1955, iktar ’il quddiem l-“ASVG”)] għas-sena kalendarja 2021 għandha tiġi applikata b’analoġija, peress li d-dħul globali ta’ pensjoni ta’ persuna jinkludi s-somma tal-pensjonijiet kollha tal-irtirar u tas-superstiti dovuti f’Diċembru 2020

–        skont din il-liġi federali minħabba relazzjoni ta’ servizz irregolata mid-dritt pubbliku mal-Istat Federali,

–        […]

u suġġetti għall-aġġustament tal-pensjonijiet fl-1 ta’ Jannar 2021. Meta jsir l-aġġustament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Länder li għalihom tapplika din il-liġi federali, ma hemmx lok li jiġi stabbilit dħul globali ta’ pensjoni. F’każ ta’ żieda skont il-punt 4 tal-Artikolu 744(1) tal-ASVG, l-ammont totali taż-żieda għandu jiżdied kollu kemm hu mal-pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti. Meta persuna tirċievi żewġ pensjonijiet jew iktar, tal-irtirar jew tas-superstiti, l-Artikolu 744(3) tal-ASVG għandu japplika mutatis mutandis.”

11      L-Artikolu 41 tal-PG tal-1965, kif emendat bil-Pensionsanpassungsgesetz 2022 (il-Liġi tal-2022 dwar l-Aġġustament tal-Pensjonijiet), tat-13 ta’ Diċembru 2021 (BGBl. I 210/2021 (iktar ’il quddiem il-“PG tal-2022”), jipprevedi:

“1.      L-emendi ta’ din il-liġi federali li la jemendaw l-ammont tal-benefiċċji skont din l-istess liġi u lanqas il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal dawn il-benefiċċji japplikaw ukoll fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandhom dritt għal benefiċċji ta’ kull xahar fi flus taħt din l-istess liġi. L-emendi tar-regoli tal-kalkolu jew tal-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-benefiċċji ma japplikawx fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jkollhom dritt għal benefiċċji skont din il-liġi federali, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens.

2.      Il-pensjonijiet tal-irtirar u l-pensjonijiet tas-superstiti dovuti skont din il-liġi federali, bl-eċċezzjoni tal-allowance supplimentari għal-livell tal-għixien previst fl-Artikolu 26, għandhom ikunu aġġustati fl-istess mument u bl-istess mod bħall-pensjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni,

(1)      meta d-dritt għall-pensjoni jkun diġà ġie stabbilit qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena kkonċernata

(2)      meta dawn ikunu ġejjin mill-pensjonijiet tal-irtirar li għalihom ikun ġie stabbilit dritt qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena kkonċernata.

B’deroga mill-ewwel sentenza, l-ewwel aġġustament ta’ pensjoni tal-irtirar għandu jsir kif ġej:

Il-pensjonijiet tal-irtirar dovuti mill-ewwel jum tax-xahar tas-sena kalendarja preċedenti indikata fil-kolonna tax-xellug għandhom jiġu mmultiplikati mill-1 ta’ Jannar bil-perċentwali tal-koeffiċjent ta’ aġġustament indikat fil-kolonna tal-lemin

1 ta’ Jannar

100 %

[…]

[…]



Għall-pensjonijiet tal-irtirar dovuti mill-1 ta’ Novembru jew mill-1 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja preċedenti, l-ewwel aġġustament għandu jsir mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għal pensjoni tal-irtirar. Dawn il-perċentwali japplikaw ukoll fl-ewwel aġġustament għall-pensjonijiet tas-superstiti li ġejjin minn pensjonijiet tal-irtirar li għadhom ma ġewx aġġustati għall-ewwel darba. Fl-ewwel aġġustament tal-pensjonijiet tas-superstiti li ġejjin mill-uffiċjali li mietu waqt li kienu fis-servizz, il-perċentwali applikabbli huwa dak li kien ikun applikabbli li kieku l-uffiċjal kien irtira fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data tal-mewt tiegħu.

[…]

7.      Il-proċedura ta’ aġġustament tal-pensjonijiet prevista fl-Artikolu 744(1) u (2) tal-ASVG għas-sena kalendarja 2021 għandha tiġi applikata b’analoġija, peress li d-dħul globali tal-pensjoni ta’ persuna jinkludi s-somma tal-pensjonijiet kollha tal-irtirar u tas-superstiti dovuti f’Diċembru 2020

–        skont din il-liġi federali minħabba relazzjoni ta’ servizz irregolat mid-dritt pubbliku mal-Istat Federali,

–        […]

u suġġetti għall-aġġustament tal-pensjonijiet fl-1 ta’ Jannar 2021. Meta jsir l-aġġustament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Länder li għalihom tapplika din il-liġi federali, ma hemmx lok li jiġi stabbilit dħul globali ta’ pensjoni. Fil-każ ta’ żieda skont il-punt 4 tal-Artikolu 744(1) tal-ASVG, l-ammont totali taż-żieda għandu jiġi miżjud kollu kemm hu mal-pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti. Meta persuna tirċievi żewġ pensjonijiet jew iktar, tal-irtirar jew tas-superstiti, l-Artikolu 744(3) tal-ASVG għandu japplika mutatis mutandis.”

12      L-Artikolu 99 tal-PG tal-1965, kif emendat bil-liġi tas-17 ta’ Ġunju 2015 (BGBl. I, 65/2015 (iktar ’il quddiem il-“PG tal‑2015”), kien jipprevedi:

“1.      It-Taqsima XIII tapplika biss għall-uffiċjali li twieldu wara l-31 ta’ Diċembru 1954 u qabel l-1 ta’ Jannar 1976, li ġew irreklutati fis-servizz pubbliku federali qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li jinsabu fis-servizz fl-31 ta’ Diċembru 2004.

2.      L-uffiċjal jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar jew mill-pensjoni ta’ għalliem ta’ edukazzjoni ogħla kkalkolata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali biss sa fejn tikkorrispondi għall-perċentwali, imsemmija fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 90(1), li tirriżulta mit-tul totali tal-karriera li tagħti dritt għal pensjoni li huwa wettaq sal-31 ta’ Diċembru 2004.

3.      Minbarra l-pensjoni tal-irtirar jew il-pensjoni ta’ għalliem tal-edukazzjoni ogħla, pensjoni hija kkalkolata għall-uffiċjal b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-APG u tal-Artikolu 6(3) kif ukoll tal-Artikolu 15(2) ta’ din il-liġi, kif kienet fis-seħħ fl-31 ta’ Diċembru 2013. L-Artikolu 15 u l-Artikolu 16(5) tal-APG ma humiex applikabbli. Il-pensjoni skont l-APG hija dovuta sal-ammont tad-differenza bejn il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 2 u 100 %.

4.      Il-perijodi validi konformement mal-Artikolu 9 ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 3 u 6. Għal dak li jikkonċerna l-perijodi meħuda inkunsiderazzjoni, huwa ż-żmien effettiv li fih twettaq il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni li huwa determinanti.

5.      Il-pensjoni globali tal-uffiċjal għandha tikkonsisti fil-pensjoni tal-irtirar jew fil-pensjoni ta’ għalliem ta’ edukazzjoni ogħla pro rata msemmija fil-paragrafu 2 u mill-pensjoni pro rata msemmija fil-paragrafu 3.”

13      Skont l-Artikolu 109(90) tal-PG tal-2022, l-Artikolu 41(2) u (3) kif ukoll l-Artikolu 99(3), (5) u (6) tal-istess liġi jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022.

14      L-Artikolu 108h tal-ASVG, kif emendat bil-liġi tat-22 ta’ Ottubru 2019 (BGBl. I, 98/2019), kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“B’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena,

(a)      il-pensjonijiet kollha koperti mill-assigurazzjoni tal-pensjoni li l-ġurnata ta’ referenza tagħhom (Artikolu 223(2)) tiġi qabel l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena,

[…]

għandhom jiġu mmultiplikati bil-koeffiċjent ta’ aġġustament. […]”

15      L-Artikolu 108h tal-ASVG, kif emendat bil-Liġi tat-28 ta’ Jannar 2021 (BGBl. I, 28/2021), jipprovdi:

“1.      B’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena,

(a)      il-pensjonijiet kollha koperti mill-assigurazzjoni tal-pensjoni li l-ġurnata ta’ referenza tagħhom (Artikolu 223(2)) tiġi qabel l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena,

[…]

huma mmultiplikati bil-koeffiċjent ta’ aġġustament.

[…]

1a.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-ewwel aġġustament għandu jsir b’tali mod li l-pensjonijiet b’data ta’ referenza (Artikolu 223(2)) matul ix-xahar kalendarju indikata fil-kolonna tax-xellug tas-sena kalendarja ta’ qabel l-aġġustament jiżdiedu, mill-1 ta’ Jannar, bil-perċentwali speċifikat fil-kolonna tal-lemin tal-ammont taż-żieda li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament:

Frar

90 %

[…]

[…]



Jekk id-data ta’ referenza tkun f’Novembru jew f’Diċembru tas-sena kalendarja ta’ qabel l-aġġustament, l-ewwel aġġustament għandu jsir mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara d-data ta’ referenza. […]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

16      BF, imwieled matul is-sena 1958, irtira mis-servizz pubbliku Awstrijak fl-1 ta’ Lulju 2020.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2020, il-BVAEB iffissa l-pensjoni tal-irtirar ta’ BF għal ammont gross fix-xahar ta’ EUR 4 455.43. L-imsemmi ammont ġie ddeterminat abbażi ta’ kalkolu msejjaħ “parallel”, stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 99 tal-PG tal-2015, li jipprovdi li parti mill-pensjoni tal-irtirar — ponderata bit-tqassim tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel jew mis-sena 2005 — hija koperta mill-PG tal-1965, filwaqt li l-parti l-oħra hija koperta mill-APG (iktar ’il quddiem il-“kalkolu parallel”).

18      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2021, BF talab lill-BVAEB sabiex tikkalkola mill-ġdid l-ammont gross fix-xahar tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2021, minħabba li huwa qies li kien żvantaġġat meta mqabbel mal-ex uffiċjali federali li jirċievu pensjoni stabbilita biss abbażi tal-APG, li l-ammont tagħha ġie aġġustat mingħajr dewmien mill-ewwel sena l-ġdida ta’ riċezzjoni, filwaqt li l-pensjoni ta’ BF, stabbilita abbażi tal-kalkolu parallel, tiġi adattata biss fl-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara l-kisba tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar, f’dan il-każ fl‑1 ta’ Jannar 2022.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2021, il-BVAEB ikkonferma li l-pensjoni tal-irtirar ta’ BF kellha tiġi ffissata għal ammont gross fix-xahar ta’ EUR 4 455.43 u li l-ewwel aġġustament tal-imsemmija pensjoni kellu jsir biss fl-1 ta’ Jannar 2022, skont l-Artikolu 41(2) tal‑PG tal-2020.

20      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2021, BF ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), kontra din id-deċiżjoni tal-BVAEB, fejn talab li l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu jsir b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

21      Quddiem din il-qorti, BF isostni, minn naħa, li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2020, li jipprevedi li l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni jsir biss mit-tieni sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għall-pensjoni, huwa antikostituzzjonali, sa fejn il-pensjonijiet tal-irtirar stabbiliti skont l-Artikolu 108h(1a) tal-ASVG, kif emendat bil-Liġi tat-28 ta’ Jannar 2021, huma suġġetti għal aġġustament mingħajr dewmien sa mill-ewwel sena ta’ ġdida ta’ riċezzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2020 joħloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li l-aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar abbażi tal-kalkolu parallel jikkonċerna fil-parti l-kbira lill-uffiċjali federali mwielda bejn is-sena 1955 u s-sena 1975.

22      BF isostni wkoll li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 elimina l-imsemmija diskriminazzjoni għall-futur. Madankollu, sa fejn l-imsemmi artikolu ma jipprevedi ebda effett retroattiv, id-diskriminazzjoni allegatament sostnuta mill-ex uffiċjali federali, bħal BF, li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom huwa suġġett għal kalkolu parallel, meta mqabbla mal-ex uffiċjali federali li jirċievu pensjoni tal-irtirar stabbilita biss abbażi tal-APG, inżammet għall-passat.

23      Skont il-qorti tar-rinviju, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni li tippreġudika lill-ex uffiċjali federali li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom huwa suġġett għal kalkolu parallel meta mqabbla ma’ dawk li jirċievu pensjoni esklużivament skont l-APG, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) dwar il-paragunabbiltà tal-iskemi ta’ rtirar skont, il-PG tal-1965 u l-APG, rispettivament,. Barra minn hekk, hija tqis, f’dan il-kuntest, li l-pensjoni tal-irtirar iddeterminata skont l-Artikolu 99(5) tal-PG tal-2015, għandha tiġi assimilata ma’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2000/78.

24      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument ta’ BF li jgħid li, b’applikazzjoni tal-kalkolu parallel, parti mill-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu titħallas skont l-APG, il-qorti tar-rinviju tindika li din il-parti hija minima, peress li din tirrappreżenta biss madwar 9.2 % ta’ dan l-ammont.

25      Fit-tielet lok, din il-qorti tfakkar li l-marġni ta’ manuvra tal-leġiżlatur nazzjonali huwa relattivament wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni li tirregola s-servizz, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali pubbliċi.

26      Għal dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, l-emenda leġiżlattiva li tikkostitwixxi l-adozzjoni tal-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija emenda tmurx kontra l-obbligu tal-Istati Membri li jeliminaw b’mod immedjat u komplet diskriminazzjoni kkonstatata, kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2019, Safeway (C‑171/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Safeway”, EU:C:2019:839).

27      Fil-ħames u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li emenda leġiżlattiva li għandha effett retroattiv fil-qasam tal-pensjonijiet tista’ twassal għal aġġustamenti tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tal-uffiċjali federali preċedentement iddiskriminati u għalhekk ħlasijiet kunsiderevoli li jitħallsu mill-baġit tal-Istat Federali. Għaldaqstant, tali effett retroattiv jista’ jikkomprometti l-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni kkonċernata, u b’hekk jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tippermetti lil-leġiżlatur Awstrijak jiġġustifika li ma pproċediex għal tali retroattività, bl-istess mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-punt 43 tas-sentenza Safeway.

28      Issa, din il-qorti tirrileva li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istati Membri jqisu kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja b’mod parallel ma’ kunsiderazzjonijiet politiċi, soċjali jew demografiċi, sakemm, waqt li jagħmlu hekk, jirrispettaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni ibbażata fuq l-età. F’dan ir-rigward, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet tal-politika soċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, madankollu, li fil-każ ineżami, ma hemm ebda indikazzjoni ċara ta’ ġustifikazzjonijiet ta’ importanza paragunabbli għar-riskju ta’ preġudizzju serju għall-iskema ta’ rtirar, li jistgħu jikkostitwixxu tali rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2000/78], kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali – bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li tipprovdi li l-ewwel aġġustament tal-pensjoni tal-grupp ta’ uffiċjali li kienu intitolati għal pensjoni [skont il-PG tal-2020] mhux iktar tard b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2021, għandu jseħħ biss fl-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara l-intitolament għal pensjoni, filwaqt li jkun diġà twettaq l-ewwel aġġustament tal-pensjoni tal-irtirar tal-grupp tal-uffiċjali li kellhom jew li ser ikollhom dritt għal pensjoni b’effett biss mill-1 ta’ Jannar 2022 [skont il-PG tal-2022], u dan b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara l-intitolament [għal] pensjoni?”

 Fuq iddomanda preliminari

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

30      Il-Gvern Awstrijak jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba li din ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-qorti tar-rinviju ma esponietx b’liema mod il-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, bi ksur tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

31      L-imsemmija qorti, minn naħa, sempliċement issemmi s-sitwazzjoni sfavorevoli tal-uffiċjali federali meta mqabbla ma’ dik tal-benefiċjarji tal-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni għall-irtirar kif ukoll għall-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx kontra l-obbligu, impost fuq l-Istati Membri, li jtemmu d-diskriminazzjoni. Issa, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi biss riferiment wieħed għal inugwaljanza fit-trattament tal-“uffiċjali anzjani”, fil-parti ta’ din it-talba fejn hija tirriproduċi l-argumenti ta’ BF f’dan ir-rigward.

32      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tesponi l-motivi li jwassluha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli jew le mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tinstabx fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda fil-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex il-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju għandha tesponi b’mod preċiż ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2021, NAMA et, C‑771/19, EU:C:2021:232, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-każ ineżami, billi tesponi d-dubji li hija għandha dwar il-konformità tal-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 mal-Artikolu 2(1) u (2)(a) kif ukoll mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jew mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ssemmi raġunijiet li wassluha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

35      Ċertament, kif jirrileva ġustament il-Gvern Awstrijak, l-imsemmija qorti ma tippreċiżax espressament ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom.

36      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija prinċipji fid-dawl tas-sentenza Safeway u tat-tagħlim li jirriżulta minnha għal dak li jikkonċerna l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jeliminaw diskriminazzjoni b’mod immedjat u komplet.

37      Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat, minn perspettiva formali, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha, indipendentement minn jekk tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju tqis li hija biss diskriminazzjoni diretta eventwali, fis-sens tal-punt a tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, u mhux diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-punt b ta’ din id-dispożizzjoni, li tista’ tkun rilevanti fil-kawża prinċipali għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, bl-għan ta’ allinjament progressiv tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali mal-iskema ta’ pensjoni ġenerali, l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ kategorija ta’ uffiċjali għandu jsir mit-tieni sena kalendarja wara li jkun inkiseb id-dritt għall-pensjoni, filwaqt li, għal kategorija oħra ta’ uffiċjali, l-imsemmi aġġustament għandu jseħħ sa mill-ewwel sena kalendarja wara li jkun inkiseb l-imsemmi dritt.

40      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u, fl-affermattiv, jekk hija tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età kif ukoll, f’tali każ, jekk din tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

41      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-iskop ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni ibbażata fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm l-età (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Olympiako Athlitiko Kentro Athinon, C‑511/19, EU:C:2021:274 punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda “[l]-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

43      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li kien jikkonċerna wkoll il-pensjoni tal-irtirar tal-uffiċjali federali Awstrijaċi mħallsa abbażi tal-PG tal-1965, li tali pensjoni tal-irtirar taqa’ taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, sa fejn, minn naħa, l-ammont tagħha jiddependi mill-perijodi ta’ servizz u minn perijodi li jistgħu jiġu assimilati kif ukoll mis-salarju li kien jirċievi l-uffiċjal federali kkonċernat u, min-naħa l-oħra, din il-pensjoni tikkostitwixxi ħlas futur fi flus, imħallas mill-persuna li timpjega lill-impjegati tagħha, bħala konsegwenza diretta tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, l-imsemmija pensjoni titqies, fid-dritt nazzjonali, li hija remunerazzjoni li tkompli titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz li tibqa’ fis-seħħ anki wara li l-uffiċjal jibda jibbenefika minn benefiċċji tal-irtirar (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BVAEB, C‑405/20, EU:C:2022:347, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li, b’applikazzjoni tal-kalkolu parallel, parti mill-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ BF tingħatalu abbażi tal-APG, fejn din il-parti hija minima, kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza preżenti.

45      Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

46      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni twassalx għal differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta, fost oħrajn, meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, diskriminazzjoni indiretta tirriżulta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tista’ twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra.

47      Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022, ma tidhirx li twassal għal diskriminazzjoni diretta, peress li tapplika indipendentement mill-età tal-uffiċjali federali kkonċernati u tirreferi biss għad-data li minnha tali uffiċjal jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar.

48      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fit-tieni lok, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 41(2) tal-PG tal‑2020, l-ewwel aġġustament ta’ pensjoni tal-irtirar għandu jseħħ biss b’effett mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara li jinkiseb id-dritt għall-pensjoni, filwaqt li skont l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022, il-pensjonijiet tal-irtirar ta’ uffiċjali federali li ma kellhomx jew li mhux ser ikollhom dritt għal pensjoni ħlief mill-1 ta’ Jannar 2022 huma s-suġġett tal-ewwel aġġustament, abbażi ta’ kalkolu proporzjonali, b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għal pensjoni. Għaldaqstant, billi tirreferi għad-data li minnha uffiċjal federali jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata bħala li hija bbażata indirettament fuq kriterju marbut mal-età, peress li l-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar huwa ġeneralment suġġett għat-twettiq ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ xogħol u għall-kundizzjoni li tkun intlaħqet ċerta età.

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tista’ tiġi kkonstatata biss jekk jiġi pprovat li, fost il-persuni kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha tirriżulta tali diskriminazzjoni, din il-leġiżlazzjoni taffettwa negattivament, u mingħajr ġustifikazzjoni, proporzjon ferm ikbar ta’ persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra (ara, d’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 71).

50      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-persuni li ma għalqux ċertu età ġie applikat għalihom qafas legali ġdid ma jistax jagħti lok għal diskriminazzjoni indiretta bbażata l-età bi preġudizzju għall-persuni l-oħra, li għalihom japplika l-qafas legali l-antik (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Bl-istess mod, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tittratta b’mod differenti s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal federali skont jekk jiksibx id-dritt għal pensjoni tal-irtirar qabel l-1 ta’ Jannar 2022 jew wara din id-data, lanqas ma tidher li tibbaża ruħha b’mod indirett fuq l-età tal-uffiċjali kkonċernati, sa fejn hija tibbaża ruħha biss fuq il-mument oġġettiv tat-tnissil ta’ dan id-dritt, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

52      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak, għalkemm huwa minnu li l-uffiċjali federali bħala prinċipju jirtiraw fl-età ta’ 65 sena, huma jistgħu madankollu, bħal BF, b’deroga u taħt ċerti kundizzjonijiet, jirtiraw iktar kmieni jew iktar tard, li jidher li jindika li d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

53      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tikkonkludi, madankollu, li d-distinzjoni magħmula mill-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi, b’mod indirett, differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali federali kkonċernati, abbażi ta’ kriterju apparentement newtrali, jiġifieri d-data tal-bidu tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet lok, jekk tali differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

54      Skont din id-dispożizzjoni, id-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni meta fil-kuntest tad-dritt nazzjonali jkunu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu xierqa u neċessarji”.

55      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ripetut iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Olympiako Athlitiko Kentro Athinon, C‑511/19, EU:C:2021:274, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 għandu l-għan li jistabbilixxi, bħall-ASVG, kalkolu pro rata kull xahar tal-ewwel aġġustament tal-pensjoni mis-sena 2022, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod ekwu ż-żmien li għadda bejn l-irtirar u l-ewwel aġġustament, intiż għalhekk għal assimilazzjoni tad-diversi skemi ta’ aġġustament tal-pensjonijiet tal-irtirar, sabiex jiġi evitat li jkun hemm differenza kbira wisq bejn id-diversi skemi ta’ pensjoni mħallsa rispettivament skont il-PG tal-1965 u tal-APG.

57      Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 għandu l-għan li jżid, quddiem id-deprezzament attwali li dejjem jikber tal-munita u taż-żieda fl-għoli tal-ħajja, il-kapaċità tal-akkwist tal-ex uffiċjali federali sa mill-bidu tal-ewwel sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt tagħhom għall-pensjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod ġust il-perijodu li jkun iddekorra bejn l-imsemmija kisba u l-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ “sena bla teħid ta’ azzjoni” għall-uffiċjali federali li jaqgħu taħt l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2020 tiżgura l-finanzjament sostenibbli tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet.

58      Għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-għanijiet li jikkonsistu f’li jiġi żgurat il-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar u li titnaqqas id-differenza bejn il-livelli tal-pensjonijiet iffinanzjati mill-Istat jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li ma humiex relatati ma’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BVAEB, C‑405/20, EU:C:2022:347, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ ssegwi għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li ma humiex relatati ma’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

60      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 54 tas-sentenza preżenti, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura xierqa u neċessarja tagħha, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 għandu l-effett li jikkumpensa l-inkonvenjenzi li l-uffiċjali federali li jkunu rtiraw wara l-1 ta’ Jannar 2022 għandhom ibatu minħabba riformi tal-iskema tal-pensjonijiet u livelli iktar baxxi ta’ pensjonijiet meta mqabbla mal-uffiċjali federali li rtiraw iktar kmieni, u b’hekk jitnaqqsu d-differenzi bejn dawn il-livelli ta’ pensjonijiet.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-assimilazzjoni tal-iskemi ta’ aġġustament tal-pensjonijiet tal-irtirar, kif imsemmija fl-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022, tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li jista’ jiġġustifika, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, matul perijodu tranżitorju, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età bejn l-uffiċjali federali li jkunu rtiraw qabel jew wara l-1 ta’ Jannar 2022, fir-rigward tal-aġġustament annwali tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, bl-għan ta’ allinjament progressiv tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali mal-iskema ta’ pensjoni ġenerali, l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ kategorija ta’ uffiċjali jsir mit-tieni sena kalendarja wara li jkun inkiseb id-dritt għall-pensjoni, filwaqt li, għal kategorija oħra ta’ uffiċjali, l-imsemmi aġġustament isir sa mill-ewwel sena kalendarja wara li jkun inkiseb l-imsemmi dritt.

 Fuq lispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, bl-għan ta’ allinjament progressiv tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali mal-iskema ta’ pensjoni ġenerali, l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ kategorija ta’ uffiċjali jsir mit-tieni sena kalendarja wara li jkun inkiseb id-dritt għall-pensjoni, filwaqt li, għal kategorija oħra ta’ uffiċjali, l-imsemmi aġġustament isir sa mill-ewwel sena kalendarja wara li jkun inkiseb l-imsemmi dritt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.