Language of document : ECLI:EU:C:2021:918

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑11 ta’ Novembru 2021 (1)

Kawża C559/20

Koch Media GmbH

vs

FU

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 14 – Spejjeż legali u spejjeż oħra – Onorarji tal‑avukat talli ħareġ intimazzjoni ekstraġudizzjarja – Dispożizzjoni li tistabbilixxi limitazzjoni fuq l-onorarji li jistgħu jinġabru f’każ li l-ksur jitwettaq minn persuna fiżika barra minn kull ħajja professjonali jew kummerċjali – Valur mhux ekwu fiċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ konkret – Artikolu 13 – Danni – Inammissibbiltà”






1.        Kumpannija bbażata fil-Ġermanja, detentriċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq logħba tal-kompjuter, tat istruzzjonijiet lil avukat sabiex joħroġ mandat ta’ inibizzjoni kontra persuna li kienet kisret dawn id-drittijiet, u l-avukat aċċetta li jagħmel dan.

2.        Id-dritt Ġermaniż jipprevedi li, bħala prinċipju, il-persuna li twettaq il-ksur għandha tħallas l-onorarji dovuti minħabba l-intervent tal-avukat fid-difiża tad‑detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, huwa jippermetti li l-ammont tagħhom jiġi limitat meta l-aġir illegali jkun twettaq minn persuna fiżika barra minn kull ħajja professjonali jew kummerċjali.

3.        Fil-kawża preżenti, din il-persuna tqis li l-onorarji mitluba minnha (EUR 984.60) huma eċċessivi u toġġezzjona għall-ħlas tagħhom. L-oġġezzjoni tagħha wasslet għal kawża li fiha l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment:

–        Jekk l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-onorarji tal-avukat fl-intimazzjoni ekstraġudizzjarja jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2004/48/KE (2).

–        F’każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, jekk jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 14 (“spejjeż legali” jew “spejjeż oħra”) jew taħt l-Artikolu 13 (“kumpens għad‑danni”) tad-Direttiva 2004/48.

–        Jekk id-dispożizzjoni legali nazzjonali li timponi limitu fuq l-onorarji, sakemm raġunijiet ta’ ekwità ma jiġġustifikawx in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan il‑limitu, tkunx konformi mad-Direttiva 2004/48 kif ukoll mad‑Direttivi 2001/29/KE (3) u 2009/24/KE (4), u liema jkunu l-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2004/48

4.        L-Artikolu 1 (“Materja tas-suġġett”) jindika li:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘diritijiet tal-proprjetà intellettwali’ jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali”.

5.        L-Artikolu 2 (“Firxa ta’ applikazzjoni”) jipprevedi li:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]”.

6.        L-Artikolu 3 (“Obbligu ġenerali”) jistabbilixxi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom”.

7.        Skont l-Artikolu 13 (“Id-danni”):

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

(a)      Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni. jew

(b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

2.      Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel”.

8.        L-Artikolu 14 (“L-ispejjeż legali”) jistipula li:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità [sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-ekwità].”

2.      Id-Direttiva 2001/29

9.        Skont l-Artikolu 8 tagħha (“Sanzjonijiet u rimedji”):

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat”.

3.      Id-Direttiva 2009/24

10.      L-Artikolu 7 (“Miżuri speċjali ta’ protezzjoni”) jipprevedi li:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, rimedji xierqa kontra persuna li tikkommetti xi wieħed mill-atti li ġejjin:

(a)      kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jaf, jew li jkollu raġuni għalfejn jemmen, li hija kopja illegali;

(b)      il-pussess, għal finijiet kummerċjali, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jkun jaf, jew ikollu raġuni għalfejn jemmen, li tkun kopja illegali;

(c)      kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni, jew il-pussess għal finijiet kummerċjali ta’ kull mezz li l-uniku għan maħsub għalih hu li jħaffef, li jneħħi mingħajr awtorità jew li jeħles minn xi strument tekniku li jista’ jkun applikat biex jipproteġi programm tal-kompjuter.

2.      Kull kopja illegali ta’ programm tal-kompjuter tista’ tiġi sekwestrata skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru interessat.

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għas-sekwestru b’kull mezz imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1”.

B.      Id-dritt Ġermaniż. Il-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (5)

11.      L-Artikolu 97 jipprevedi li kwalunkwe persuna li tikser id-drittijiet tal‑proprjetà intellettwali jew dritt ieħor protett mill-UrhG jista’ jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni kontriha fir-rigward tal-vittma.

12.      L-Artikolu 97a, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li:

“1)      Qabel ma tinbeda proċedura ġudizzjarja, il-parti leża għandha (6) titlob li tinħareġ intimazzjoni sabiex il-persuna li twettaq il-ksur tiġi mistiedna tieqaf milli tagħmel dan u tiġi offruta l-possibbiltà ta’ soluzzjoni għat-tilwima billi jintlaħaq qbil sabiex tastjeni milli twettaq dawn l-azzjonijiet, flimkien ma’ penalizzazzjoni kuntrattwali xierqa.

2)      L-intimazzjoni għandha, b’mod ċar u li jinftiehem:

1.      tindika l-isem jew l-isem tal-kumpannija tal-parti leża, jekk ma tkunx il-parti leża nnifisha iżda rappreżentant li joħroġ l-intimazzjoni;

2.      tiddeskrivi preċiżament il-ksur ta’ dritt;

3.      tippreżenta kalkolu ddettaljat tat-talbiet ta’ pagament skont jekk ikunux kumpens għal danni jew rimbors ta’ spejjeż; u

4.      fil-każ li jkun meħtieġ li jintlaħaq qbil sabiex ma jitwettqux ċerti azzjonijiet, tindika sa fejn il-qbil propost imur lil hinn mill-ksur li jikkostitwixxi s‑suġġett tal-intimazzjoni.

Intimazzjoni li ma tadattax ruħha għall-ewwel frażi ma jkollha l-ebda effett.

3)      Sa fejn l-intimazzjoni tkun iġġustifikata u konformi mal-punti 1 sa 4 tal‑ewwel sentenza tal-paragrafu 2, jista’ jintalab ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji. Fir-rigward tal-użu tas-servizzi ta’ avukat, ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji huwa limitat, sa fejn huma kkonċernati l-onorarji legali, għal ammont li jikkorrispondi għal valur kontenzjuż ta’ EUR 1 000 għal azzjoni ta’ projbizzjoni u ta’ inibizzjoni, meta l-persuna mitluba:

1.      tkun persuna fiżika li ma tużax xogħlijiet protetti taħt din il-liġi jew suġġetti oħra protetti taħt din il-liġi għall-ħajja kummerċjali jew professjonali indipendenti tagħha, u

2.      ma tkunx diġà obbligata twaqqaf ċerti azzjonijiet bħala konsegwenza ta’ dritt kuntrattwali tal-persuna li toħroġ l-intimazzjoni jew minħabba deċiżjoni ġudizzjarja finali jew azzjoni ta’ inibizzjoni.

Il-valur indikat fit-tieni sentenza għandu japplika wkoll jekk fl-istess ħin jiġi invokat dritt ta’ projbizzjoni u dritt għal azzjoni ta’ inibizzjoni. It-tieni sentenza ma għandhiex tapplika jekk dan il-valur ma jkunx ekwu fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ konkret”.

II.    Il-fatti u d-domanda preliminari

13.      Koch Media GmbH, impriża ddedikata għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob tal-kompjuter, hija d-detentriċi, fit‑territorju Ġermaniż, ta’ drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur esklużivi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-logħba tal-kompjuter żviluppata professjonalment “This War of Mine” (7).

14.      FU huwa persuna fiżika li, mingħajr ma jfittex interess kummerċjali jew professjonali, f’mill-inqas tlettax‑il okkażjoni, bejn is‑26 u t‑28 ta’ Novembru 2014, bi ksur tad-drittijiet ta’ Koch Media, ippubblika l-logħba fuq pjattaforma ta’ skambju ta’ fajls u offrieha lil persuni oħra pubblikament sabiex iniżżluha, billi jużaw il-konnessjoni tal-internet tagħhom.

15.      Sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha, Koch Media tat istruzzjonijiet lil uffiċċju ta’ avukati li, f’isimha, bagħat intimazzjoni lil FU fejn talbu jieqaf milli jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-logħba u li jikkumpensaha għad-danni kkawżati.

16.      L-intimazzjoni rnexxiet: il-persuna li wettqet il-ksur aċċettat it-talba u ma kien hemm bżonn ta’ ebda azzjoni ġudizzjarja ulterjuri.

17.      Is-servizzi tal-avukat swew lil Koch Media EUR 984.60, li din il-kumpannija talbet mill-persuna li wettqet il-ksur. Dan l-ammont inkiseb permezz tal-applikazzjoni ta’ perċentwali fuq ammont tal-kawża b’valur ta’ EUR 20 000 (8).

18.      FU ma kienx issodisfatt biċ-ċifra tal-onorarji li ntalab iħallas, u nbdiet proċedura ġudizzjarja f’dan ir-rigward.

19.      Fl-ewwel istanza, permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, l-Amtsgericht Saarbrücken (il-Qorti Distrettwali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) ikkundannat lill-persuna li wettqet il-ksur sabiex tħallas EUR 124 u ċaħdet it-talba ta’ Koch Media rigward l-aspetti kollha l-oħra (9). Hija bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq l-Artikolu 97a(3) tal-UrhG.

20.      Koch Media ppreżentat rikors quddiem il-Landgericht Saarbrücken (il‑Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), sabiex tfittex ir-rikonoxximent tad-dritt għal rimbors sħiħ tal-ispejjeż imġarrba minħabba l-intervent ta’ avukat.

21.      Il-qorti tal-appell, wara li esponiet l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali (10), għandha dubju jekk id-direttivi rilevanti f’dan il-qasam jippermettux limitazzjoni tal-onorarji li għandhom jiġu rrimborsati mill-persuna li twettaq il‑ksur, meta din tkun persuna fiżika li ma teżerċitax ħajja kummerċjali jew professjonali.

22.      Fid-deċiżjoni tagħha, fis-sentenza United Video Properties (11), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, f’ċerti ċirkustanzi, regola li l-għan tagħha hu li tipprekludi r‑rimbors tal-ispejjeż eċċessivi tista’ tkun iġġustifikata. Madankollu, is-soluzzjoni ta’ din il-kawża teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-prinċipji ta’ dik is-sentenza humiex applikabbli għal persuna fiżika involuta bħala parti opposta, li ma taġixxix f’kapaċità kummerċjali jew professjonali.

23.      Fil-fehma tal-qorti tal-appell, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 97a(3) tal-UrhG qalbet it-termini tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48: jekk il-parti opposta tkun persuna fiżika, fil-Ġermanja r-rimbors sħiħ tal-ispejjeż huwa permess biss meta dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità.

24.      Barra minn hekk, hija tesponi li fil-Ġermanja, il-qrati ma jaqblux dwar jekk huwiex possibbli li l-eċċezzjoni fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 97a(3) tal-UrhG tistax tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2004/48.

25.      Abbażi ta’ dan, il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken) tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      a)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni teżiġi li l-onorarji tal-avukat jkopru ‘spejjeż legali’ jew ‘spejjeż oħra’ sostnuti minn detentur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, peress li d-detentur jinvoka, b’mod extraġudizzjarju, id-dritt għal talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra terz li jikser dawk id-drittijiet?

b      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-punt a tal-ewwel domanda: l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni tkopri l-onorarji tal-avukat imsemmija fil-punt a tal-ewwel domanda bħala danni?

2)      a)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’

–        –      l-Artikoli 3, 13 u 14 tad-Direttiva 2004/48;

–        –      l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni u

–      l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter

għandu jiġi interpretat fis-sens li detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 huwa bħala prinċipju intitolat għal rimbors tal-onorarji tal-avukat kollha msemmija fil-punt a tal-ewwel domanda jew għall-inqas għal parti raġonevoli u sostanzjali tagħhom, anki jekk:

–      l-allegat ksur ikun sar minn persuna fiżika barra mill-ħajja professjonali jew kummerċjali tagħha, u

–      leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi f’każ bħal dan sabiex tali onorarji tal-avukat ikunu jistgħu ġeneralment jinġabru biss wara li jkun tnaqqas l-ammont fit-tilwima?

b)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt a tal-tieni domanda: id-dritt tal-Unjoni msemmi fil-punt a tat-tieni domanda għandu jiġi interpretat bħala li jfisser deroga mill-prinċipju msemmi fil-punt a tat-tieni domanda, li d-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi rrimborsat għall-onorarji tal-avukat kollha msemmija fil-punt a tal-ewwel domanda jew għall-inqas għal parti raġonevoli u sostanzjali tagħhom, it-teħid [bit-teħid] inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra (bħal kemm ix-xogħol huwa attwali, it-tul tal-pubblikazzjoni u d-dannu sostnut minn persuna fiżika minbarra l-interessi kummerċjali jew professjonali tagħha) jista’ jiġi kkunsidrat [l-interessi kummerċjali jew professjonali tagħha)], anki jekk il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 jikkonsisti f’kondiviżjoni ta’ fajls, jiġifieri li xogħol ikun aċċessibbli għall-pubbliku billi jiġi offrut għat-tniżżil bla ħlas lill-membri kollha ta’ pjattaforma ta’ skambju li hija aċċessibbli liberament u li ma għandha l-ebda ġestjoni tad-drittijiet diġitali?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ottubru 2020.

27.      Koch Media, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

28.      Ma ġiex ikkunsidrat meħtieġ li ssir seduta.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Kjarifika dwar id-dritt nazzjonali applikabbli, skont id-digriet tarrinviju

29.      Il-qorti tar-rinviju tinterpreta r-regoli interni rilevanti u tiddeskrivi l-prattika nazzjonali fit-termini li ġejjin. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, issegwi din id-deskrizzjoni, peress li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi l-portata tad-dritt nazzjonali.

30.      F’konformità mal-Artikolu 97a, moqri flimkien mal-Artikolu 97(1) tal‑UrhG, id-detentur leż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jista’ jitlob lill‑persuna li twettaq il-ksur sabiex twaqqaf l-attività illegali kif ukoll kumpens għad-danni.

31.      Bħala regola ġenerali, id-detentur tad-dritt, bl-użu tas-servizzi ta’ avukat, għandu, fl-ewwel lok, isostni d-dritt tiegħu sabiex jitlob li jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni tal-attività illegali. L-avukat ħareġ intimazzjoni skont l-Artikolu 97a(1) tal-UrhG, li l-għan tagħha huwa li l-persuna li twettaq il-ksur toħroġ dikjarazzjoni msejħa “ta’ inibizzjoni taħt piena penali”.

32.      Il-ħruġ ta’ tali dikjarazzjoni telimina r-riskju ta’ repetizzjoni u tissodisfa d‑dritt għal azzjoni ta’ inibizzjoni. Sussegwentement, mhux ser jibqa’ jkun indispensabbli, jew possibbli, li jiġi eżerċitat dan id-dritt b’mod ġudizzjarju. F’dan is-sens, l-intimazzjoni tissodisfa l-funzjoni li tiġi evitata proċedura ġudizzjarja.

33.      Skont l-Artikolu 97a(3) tal-UrhG, f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur, l-“ispejjeż indispensabbli” kkawżati lid-detentur ta’ dawn id-drittijiet jiġu rrimborsati, bħala prinċipju, mill-persuna li twettaq il-ksur.

34.      Sabiex tiġi ddeterminata s-sistema tal-“ispejjeż indispensabbli” tal‑intimazzjoni ekstraġudizzjarja li jistgħu jiġu kklassifikati bħala onorarji tal‑avukat, għandu jsir riferiment għall-Gesetz über die Vergütung der Rechtsanwältinnen und Rechtsanwälte (Rechtsanwaltsvergütungsgesetz) (12).

35.      Skont ir-RVG:

–        Ir-rimbors tal-onorarji tal-avukat għandu jsir skont it-tariffa stabbilita mil-liġi nnifisha. Normalment, il-qrati jiddikjaraw bħala mhux rimborsabbli dawk it‑tariffi li jkunu ogħla minn dawk stabbiliti fir-RVG.

–        L-onorarji li jista’ jitlob avukat lill-klijent tiegħu jiddependu mill-ammont tal‑proċedura. Iktar ma jkun għoli dan l-ammont, iktar ser ikunu għoljin l‑onorarji.

36.      Għall-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), l‑ammont ta’ tilwima, fil-każ tad-dritt għal azzjoni ta’ inibizzjoni eżerċitat mid‑detentur tad-drittijiet relatati ma’ films, mużika jew DVDs, għandu jkun, mill-inqas, EUR 10 000.

37.      Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 97a(3) tal-UrhG tillimita l‑ammont tal-proċedura, li fuqu tiġi applikata perċentwali, għal EUR 1 000 jekk il‑persuna li tirċievi l-mandat ta’ inibizzjoni: (1) tkun persuna fiżika li ma tużax ix-xogħlijiet jew l-oġġetti tal-protezzjoni għall-ħajja kummerċjali jew professjonali tagħha għaliha nnifisha; u (2) ma tkunx diġà obbligata twaqqaf l‑azzjonijiet tagħha minħabba dritt kuntrattwali tal-applikant jew minħabba deċiżjoni ġudizzjarja finali jew miżura kawtelatorja.

38.      Il-limitazzjoni tal-ammont tal-kawża tħalli effetti fuq ir-relazzjonijiet bejn id-detentur tad-drittijiet u l-persuna li twettaq il-ksur, iżda mhux bejn id-detentur tad-drittijiet u l-avukat tiegħu stess. L-avukat għandu joħroġ fattura lid-detentur tad-dritt għall-onorarji tiegħu abbażi tal-ammont reali tal-proċedura (jiġifieri, mingħajr limitazzjoni tal-ammont), li jista’ jwassal għal differenzi kunsiderevoli (13).

39.      Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 97a(3) tal-UrhG, madankollu, fiha eċċezzjoni li tippermetti, f’każijiet partikolari, li ma tiġix osservata l-limitazzjoni tal-ammont jekk, minħabba ċ-ċirkustanzi “ma jkunx ekwu” li l-ammont jiġi stabbilit għal EUR 1 000.

B.      L-ewwel domanda preliminari

40.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-onorarji tal-intervent tal-avukat, li għandhom jitħallsu mid-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li huma dovuti minħabba l-ħruġ ta’ intimazzjoni ekstraġudizzjarja kontra persuna li twettaq il-ksur fejn tistedinha tieqaf milli tikser dawn id-drittijiet, jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48 (b’mod partikolari, l-Artikolu 14 tagħha jew, alternattivament, l-Artikolu 13 tagħha).

41.      Proċedura ekstraġudizzjarja ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48, sa fejn tkun waħda iktar mill-“miżuri, il‑proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal‑proprjetà intellettwali” (14).

42.      Fis-sentenza M.I.C.M., il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “t-tfittxija ta’ soluzzjoni bonarja tikkostitwixxi ta’ spiss prerekwiżit għat-tressiq tal-azzjoni għal kumpens għad-danni fiha nnifisha” (15).

43.      F’din l-istess sentenza ġie enfasizzat li d-Direttiva 2004/48 hija applikata għal proċedura awtonoma, immexxija taħt l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, li tikkonċerna “talba għal informazzjoni […] ifformulata f’fażi prekontenzjuża” (16).

44.      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 2004/48 tikkostitwixxi l-qafas legali ta’ riferiment, bħala prinċipju, għal azzjonijiet li l-għan tagħhom – fil-qorti jew b’mod ekstraġudizzjarju – ma huwiex biss l-identifikazzjoni tal-persuna li twettaq il-ksur, iżda wkoll il-waqfien tal-aġir tagħha.

45.      Bl-istabbiliment ta’ din il-premessa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-onorarji għall-intervent tal-avukat fl-intimazzjoni għal inibizzjoni humiex koperti: a) mill-ispejjeż legali jew spejjeż oħra msemmija fl-Artikolu 14 tad‑Direttiva 2004/48; jew b), alternattivament, mid-danni msemmija fl‑Artikolu 13 tagħha.

46.      Bħalma indikajt fil-konklużjonijiet United Video Properties, “[m]ill‑perspettiva sistematika, id-Direttiva [2004/48] tinkludi fl-istess taqsima (is-sitt waħda) id-‘danni’ u l-‘[i]spejjeż legali’. Għalkemm il-premessa 26 tagħha, li tirreferi għall-kumpens tal-ħsara li tkun saret, ma tagħmel ebda riferiment għall‑ispejjeż legali, madankollu jista’ jiġi argumentat li l-pożizzjoni komuni tippermetti li dawn jiġu kkategorizzati bħala element ieħor li d-Direttiva tipprovdi favur il-kumpens tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” (17).

47.      Il-vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha tista’ tieħu diversi azzjonijiet qabel il-proċedura ġudizzjarja sabiex tiddefendihom, mingħajr ma l-ispiża ta’ kull waħda minnhom ikollha tiġi inkluża fl-ispejjeż tal-proċedura, fis-sens tad-Direttiva 2004/48.

48.      Sabiex proċedura ekstraġudizzjarja ta’ protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48 huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi uniċi tagħha; imbagħad, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ spejjeż legali u danni, billi, minħabba l-prossimità tagħhom, hemm riskju ta’ konfużjoni bejniethom.

49.      Il-klassifika tal-ispejjeż inerenti ta’ intimazzjoni ekstraġudizzjarja bħala waħda mill-komponenti tad-danni tal-Artikolu 13 tad-direttiva tista’ tirriżulta fit‑telf ta’ parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 14.

50.      Għall-kuntrarju, “interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 14 tad‑Direttiva 2004/48 fis-sens li dan jipprevedi li l-parti li titlef għandha tħallas, bħala regola ġenerali, l-‘ispejjeż oħra’ mġarrba mill-parti rebbieħa, mingħajr ma tippreċiża n-natura ta’ dawn l-ispejjeż, iġġib magħha r-riskju li tagħti lil dan l‑artikolu kamp ta’ applikazzjoni eċċessiv, u b’hekk iċċaħħad lill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva mill-effettività tiegħu” (18).

51.      It-tfittxija ta’ bilanċ wasslet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja “interpretat [tinterpreta] strettament [dan il-kunċett] u għandhom jitqiesu biss ‘spejjeż oħra’ skont l-Artikolu 14, l-ispejjeż li huma direttament u strettament marbutin mal‑proċedura ġudizzjarja kkonċernata” (19).

52.      F’din l-istess linja, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, fir-rigward ta’ “l-ispejjeż extraġudizzjarji, marbuta b’mod partikolari mal-ħin iddedikat mill-vittima tal-ksur sabiex isostni d-drittijiet tiegħu”, li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, sa fejn din id-dispożizzjoni “huwa intiż li jsaħħaħ [hija intiża li ssaħħaħ] il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi jevita [tevita] li parti leża taqta’ qalbha milli tiftaħ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet li tissalvagwardja d-drittijiet tagħha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 77)” (20).

53.      Intimazzjoni ekstraġudizzjarja sabiex jitwaqqaf l-aġir illegali tmur lil hinn minn azzjonijiet preproċedurali possibbli oħra, bl-għan li l-vittma tkun tista’ tippreċiża l-limiti u l-portata tal-ksur u tidentifika l-persuna responsabbli għalih (21).

54.      Jekk il-liġi nazzjonali tikkunsidra din l-intimazzjoni bħala d-direzzjoni normali (għalkemm mhux strettament obbligatorja) sabiex jinkiseb it-twaqqif ta’ ksur, u fil-prattika tintuża b’mod komuni għal dan il-għan, hija tista’ tiġi kklassifikata bħala predeċessur immedjat u dirett tal-proċedura. Meta mekkaniżmu bħal dan jinbidel de facto f’wieħed neċessarju fir-realtà ġuridika nazzjonali, tista’ tiġi attribwita lilu dimensjoni “marbuta mill-qrib” mal-proċedura ġudizzjarja li qiegħed jipprova jevita.

55.      Dan ikun il-każ iktar meta mhux biss fil-prattika, iżda l-liġi nazzjonali nnifisha timponi li tali mekkaniżmu jintuża b’mod obbligatorju bħala prekundizzjoni għal rikors għal proċedura ġudizzjarja.

56.      Suġġett għall-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju tad-dritt tagħha stess, l-Artikolu 97a(1) tal-UrhG jista’ jinqara b’żewġ modi fir-rigward tan-natura tal-intimazzjoni: a) tkun tikkostitwixxi obbligu imperattiv, jekk il-parti leża tipproponi li tippreżenta talba ġudizzjarja (22); jew b) tkun sempliċement parir jew twiddiba mhux vinkolanti, fil-konfront tat-tressiq ta’ din it-talba (23).

57.      Id-digriet tar-rinviju, b’mod impliċitu, jidher li jiffavorixxi t-tieni waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet. Madankollu, fil-verità, kwalunkwe waħda mit‑tnejn li huma twassal għall-istess riżultat:

–        Jekk l-intimazzjoni preċedenti għall-inibizzjoni tal-aġir li jikser id-drittijiet kienet, fid-dritt proċedurali Ġermaniż, kundizzjoni indispensabbli għall‑ammissjoni ta’ talba ġudizzjarja bl-istess għan, ir-rabta bejn il-proċedura ġudizzjarja u dik ekstraġudizzjarja ma tistax tkun iktar ċara minn hekk.

–        Tali rabta teżisti wkoll (għalkemm mhux b’mod daqshekk ċar) fl-ipoteżi li l‑intimazzjoni ekstraġudizzjarja kienet – abbażi tal-indikazzjoni tal-UrhG – it‑triq issuġġerita jew irrakkomandata mid-dritt nazzjonali, qabel il-proċedura ġudizzjarja, f’termini li jagħmluha, de facto, kważi neċessarja (24).

58.      Minn din il-premessa huwa dedott li, għall-finijiet tal-Artikolu 14 tad‑Direttiva 2004/48:

–        L-ispejjeż inerenti għall-intimazzjoni ekstraġudizzjarja għall-inibizzjoni tal-aġir li jikser id-drittijiet huma marbutin direttament u mill-qrib mal-proċedura ġudizzjarja sussegwenti, anki jekk, minħabba s-suċċess tal-proċedura preċedenti, it-tieni waħda ma tinbediex.

–        Il-persuna li twettaq il-ksur, bħala parti “li tkun tilfet” (minħabba li tkun aċċettat l-intimazzjoni li tistedinha twaqqaf l-aġir tagħha), għandha tħallas l‑ispejjeż li seta’ ġarrab id-detentur tad-drittijiet (il-parti rebbieħa), sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-ekwità.

–        Id-dmir li jitħallsu l-ispejjeż tal-parti l-oħra jiġi impost fuq il-persuna li twettaq il-ksur għaliex “l-awtur tal-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandu ġeneralment isostni l-konsegwenzi finanzjarji kollha tal-aġir tiegħu” (25).

59.      Fost l-ispejjeż inerenti għall-intimazzjoni – li ser jitħallsu, nirrepeti, mill‑persuna li twettaq il-ksur – jista’ jkun hemm, bħala prinċipju, l-onorarji tal‑avukat li jkun intervjena fil-proċeduri, anki jekk il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ b’mod perentorju li din l-intimazzjoni li nħarġet qabel il-proċedura ġudizzjarja ssir minn avukat. Ser nagħmel riferiment għal dan il-punt meta nindirizza t-tieni domanda preliminari.

60.      Fil-qosor, ma nara l-ebda ostakolu sabiex, minħabba l-konnessjoni tagħhom ma’ proċedura ġudizzjarja possibbli u immedjata (li tkun immirata wkoll lejn it‑twaqqif ta’ ksur stabbilit u attribwibbli għal persuna partikolari), l-onorarji – fosthom, l-ispejjeż tal-avukat – ta’ intimazzjoni ekstraġudizzjarja li tistieden lill‑persuna li twettaq il-ksur twaqqaf l-aġir tagħha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48.

C.      It-tieni domanda preliminari

61.      It-tieni domanda preliminari fiha żewġ mistoqsijiet li jistgħu jiġu indirizzati flimkien.

62.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali “huwa bħala prinċipju intitolat għal rimbors tal-onorarji tal-avukat kollha […] jew għall-inqas għal parti raġonevoli u sostanzjali tagħhom”, meta:

–        il-persuna li twettaq il-ksur tkun persuna fiżika li taġixxi barra mill-ħajja professjonali jew intraprenditorjali tagħha; u

–        il-liġi nazzjonali tindika li, f’każ bħal dan, l-ispejjeż għall-intervent ta’ avukat għandhom ikunu rimborsabbli, b’mod ġenerali, skont ammont imnaqqas tal‑proċedura.

63.      Il-qorti tar-rinviju titlob, għal dan l-għan, “l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, fid-dawl tal-Artikoli 3, 13 u 14 tad-Direttiva 2004/48, tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/24 […]”.

64.      Huwa minnu li l-artikoli msemmija tad-Direttiva 2001/29 u tad‑Direttiva 2009/24 jipprevedu miżuri dwar il-protezzjoni tad-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali li huwa s-suġġett tal-aġir illegali.

65.      Madankollu, in-natura ġenerika tal-formulazzjoni tagħhom, meta mqabbla mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, li speċifikament jirregola l-ispejjeż u l‑ispejjeż l-oħra tal-proċedura f’dan it-tip ta’ proċeduri, tagħti l-parir li tingħata attenzjoni lil dan tal-aħħar, filwaqt li jiġu esklużi l-oħrajn.

66.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, bħalma indikajt fil-konklużjonijiet (tal-istess data) tal-kawża Nova Text (26), ma huwiex mingħajr kundizzjonijiet, billi, apparti li huwa “regola ġenerali”, jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu biss ir‑rimbors tal-ispejjeż legali raġonevoli (27) u proporzjonati (28).

67.      L-Artikolu 97a(3) tal-UrhG ma qgħadx lura milli jikklassifika bħala “spejjeż indispensabbli” (29) l-ispejjeż imġarrba għas-servizzi ta’ avukat li ngħata istruzzjonijiet sabiex joħroġ l-intimazzjoni (sa fejn, naturalment, din l‑intimazzjoni tkun iġġustifikata). Il-qorti tar-rinviju tidher ukoll li tqis li tali spejjeż huma neċessarji fil-kawża.

68.      L-istess dispożizzjoni tal-UrhG, madankollu, tirrestrinġi, “fir-rigward tal‑użu tas-servizzi ta’ avukat, ir-rimbors tal-ispejjeż indispensabbli” għall‑onorarji legali li jirriżultaw mill-kunsiderazzjoni ta’ EUR 1 000 bħala valur tal-kawża, għal kull azzjoni ta’ projbizzjoni jew inibizzjoni mressqa kontra individwu li jaġixxi bħala tali (jiġifieri, mhux bħala professjonist jew bħala persuna li timpjega).

69.      Is-sitwazzjoni maħluqa hija simili għal dik li rriżultat fil-kawża United Video Properties. Filwaqt li hemmhekk il-leġiżlazzjoni Belġjana introduċiet limitu massimu tal-ispejjeż li jikkorrispondu għall-assistenza tal-avukat, hawnhekk jintlaħaq riżultat simili permezz ta’ triq oħra, jiġifieri l-istabbiliment tal-ammont tal-proċedura għal EUR 1 000, meta l-persuna li tikser id-dritt tal-proprjetà intellettwali tkun individwu.

70.      F’dan il-każ, inqis li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jistabbilixxi prinċipju suxxettibbli għal eċċezzjonijiet, “permezz ta’ standards ta’ raġonevolezza u ta’ proporzjonalità li jagħtu lill-Istati Membri livell għoli ta’ libertà ta’ konfigurazzjoni regolatorja. Il-leġiżlatur nazzjonali, fil-fehma tiegħi, jista’ jevalwa hu stess, b’kont meħud tal-kultura legali u s-sitwazzjoni tal‑assistenza ta’ avukat fil-Belġju, fost fatturi oħra, il-limitu li minnu l-onorarji legali rekuperabbli mill-parti li tkun tilfet ma jibqgħux ikunu raġonevoli” (30).

71.      Fis-sentenza United Video Properties, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s‑sistema ta’ tariffi massimi għall-istabbiliment tal-onorarji tal-avukat li għandhom jgħaddu għand il-parti li tkun tilfet ma tmurx kontra, bħala prinċipju, id-Direttiva 2004/48, iżda kkwalifikat din id-dikjarazzjoni billi sostniet li:

–        Ir-rekwiżit ta’ raġonevolezza “għall-fini ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 fi Stat Membru, ma jistax jiġġustifika leġiżlazzjoni li timponi tariffi fissi sostanzjalment inqas mit-tariffi medji effettivament applikati għas-servizzi ta’ avukat f’dan l-Istat Membru” (31).

–        Leġiżlazzjoni li tistabbilixxi din il-limitazzjoni għandha tiggarantixxi, “minn naħa, li dan il-limitu jirrifletti r-realtà tat-tariffi għas-servizzi ta’ avukat fil‑qasam tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, [mill-perspettiva tal‑proporzjonalità] li mill-inqas, parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli effettivament imġarrba mill-parti rebbieħa jitħallsu mill-parti li titlef” (32).

72.      Minn dawn il-kundizzjonijiet legali tista’ tiġi inferita r-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari: il-parti leża għandha d-dritt, bħala prinċipju, għar-rimbors tal-ispejjeż kollha, jew mill-inqas għal parti sinjifikattiva tagħhom, tal-intervent tal-avukat fil-ħruġ ta’ intimazzjoni għall-inibizzjoni, meta dan l‑intervent ikun ikkunsidrat bħala neċessarju u l-ammont mitlub ikun raġonevoli u proporzjonat (sentenzi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju).

73.      Il-fatt li l-persuna li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tkun persuna fiżika li taġixxi barra mill-ħajja professjonali jew intraprenditorjali tagħha ma huwiex ta’ ostakolu għal din ir-risposta. Din iċ-ċirkustanza jidhirli li hija irrilevanti, meta wieħed jikkunsidraha mill-perspettiva tal-Artikolu 14 tad‑Direttiva 2004/48/KE, li jikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-parti leża, li l-operat kummerċjali tagħha jonqos ukoll f’dawn il-każijiet.

74.      Il-vittma tal-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tista’ ssofri d-dannu li jirriżulta jekk il-ksur ikun ġej minn persuna fiżika li taġixxi barra mill-ħajja professjonali jew intraprenditorjali tagħha, jew matul l-eżerċizzju ta’ din il-ħajja.

75.      L-intensità ta’ dan id-dannu tista’ tvarja skont il-każijiet (huwa loġiku li wieħed jassumi li fit-tieni ipoteżi d-dannu jkun ikbar), iżda huwa l-kumpens previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, u mhux l-“ispejjeż tal-proċeduri” tal‑Artikolu 14 tagħha, li huwa maħsub sabiex jikkumpensah b’mod sħiħ (33).

76.      Jekk ir-regola applikabbli, skont l-Artikolu 97a(3) tal-UrhG, għall-persuni fiżiċi li jwettqu l-ksur u li jaġixxu barra mill-ħajja professjonali jew intraprenditorjali tagħhom ma taċċettax eċċezzjonijiet, din tkun inkompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, interpretat fis-sens li għadni kif esponejt. Hija twassal, mhux ftit drabi, għar-rimbors ta’ ammonti “ferm inqas” minn dawk l-onorarji li huma normalment applikabbli, u għaldaqstant ma tosservax il-kriterji tas-sentenza United Video Properties (34).

77.      Madankollu, din ir-regola ma hijiex riġida u l-qrati Ġermaniżi għandhom is-setgħa li ma japplikawhiex, u biex jistabbilixxu ammont ogħla bħala valur ta’ riferiment (sabiex jikkalkolaw il-perċentwali korrispondenti fuqha), jekk raġunijiet ta’ ekwità jagħtu parir li jsir dan abbażi taċ-“ċirkustanzi partikolari tal-każ konkret”.

78.      Tista’ ssir oġġezzjoni li, minkejja dan, id-dispożizzjoni legali nazzjonali ma tikkonformax mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48: skont din id-dispożizzjoni, il-parti rebbieħa għandha tiġi rrimborsata għall-ispejjeż tal-proċedura li jkunu raġonevoli, “sakemm jkun ekwità [sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-ekwità]”, filwaqt li, bħalma tindika l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 97a(3) tal-UrhG, preċiżament jaqleb ir-regola.

79.      Ma nemminx li din l-oġġezzjoni hija suffiċjenti sabiex teskludi l‑applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali nazzjonali, jekk l-interpretazzjoni tagħha tista’ ssir f’termini li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod li, fl-aħħar nett, tikkoinċidi fir-riżultat tagħha mar-riżultat preskritt minn dan tal-aħħar.

80.      It-talba għall-ekwità, li hija preżenti fiż-żewġ dispożizzjonijiet (l‑Artikolu 97a(3) tal-UrhG u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48), tippermetti lill‑qorti nazzjonali taġġusta l-onorarji li għandhom jitħallsu ’l fuq, jekk dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni stretta tar-regola nazzjonali jippermettu biss ir‑rimbors tagħhom f’ammont ferm inqas minn dak raġonevoli u proporzjonat.

81.      Għaldaqstant, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni meta ssostni li “[…] l-Artikolu 97a tal-UrhG jagħti marġni ta’ manuvra suffiċjenti lill-qorti nazzjonali sabiex tevalwa, f’kull każ, jekk il-fatti tal-kawża jagħmlux l-applikazzjoni tal‑limitu mhux ekwa” (35).

82.      Il-qorti tar-rinviju għaldaqstant għandha twettaq verifika doppja, li fiha ma tistax tissostitwixxiha l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        Fl-ewwel lok, għandha tivverifika jekk il-limitazzjoni tal-ammont tal‑proċedura, f’dawn il-każijiet, tfissirx li l-onorarji tal-avukat li għandhom jitħallsu mill-persuna li twettaq il-ksur huma ħafna inqas mit-tariffa normali (jew it-tariffa medja) għall-intimazzjonijiet ekstraġudizzjarji.

–        Fit-tieni lok, jekk tirriżulta tali ċirkustanza, hija tista’, għal raġunijiet ta’ ekwità, iżżid l-ammont ta’ dawn l-onorarji sakemm jilħqu livell raġonevoli u proporzjonat.

83.      Fit-twettiq ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, ma hemm xejn li jista’ jipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli tikkunsidra l-impatt, fost l-oħrajn, tal-fatturi li hija nnifisha tidentifika fit-tieni parti tat-tieni domanda preliminari: “kemm ix-xogħol huwa attwali, it-tul tal-pubblikazzjoni” jew il-fatt li l-ksur ikkonsista fit-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett “għat-tniżżil bla ħlas lill‑membri kollha ta’ pjattaforma ta’ skambju li hija aċċessibbli liberament u li ma għandha l-ebda ġestjoni tad-drittijiet diġitali”.

V.      Konklużjoni

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil-Landesgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) kif ġej:

“1)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-ispejjeż (onorarji) għall-intervent ta’ avukat, imġarrba mid-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali minħabba l-ħruġ ta’ intimazzjoni ekstraġudizzjarja kontra persuna li twettaq il-ksur sabiex tistedinha twaqqaf il-ksur ta’ dawn id-drittijiet, bħala pass preliminari għat-tressiq ta’ talba ġudizzjarja b’dan l-istess għan.

2)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex inkompatibbli ma’ dispożizzjoni legali nazzjonali li, għall-kalkolu tal-onorarji li jistgħu jinġabru mingħand il-persuna li twettaq il-ksur għal intervent ta’ avukat fl-intimazzjoni ekstraġudizzjarja għall-inibizzjoni, tillimita l‑ammont tal-proċedura għal EUR 1 000, meta l-ksur tad-drittijiet ikun twettaq minn persuna fiżika li taġixxi barra l-ħajja professjonali jew kummerċjali tagħha, dejjem jekk id-dispożizzjoni legali nazzjonali ma tawtorizzax lill-qorti sabiex ma tikkonformax ma’ dan il-limitu, għal raġunijiet ta’ ekwità, f’każ partikolari.

3)      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-onorarji dovuti għall-intervent ta’ avukat, li jistgħu jinġabru mingħand il-persuna li twettaq il-ksur, humiex raġonevoli u proporzjonati, il-qorti għandha tikkunsidra l-fatturi rilevanti kollha. Dawn jistgħu jinkludu kemm ix-xogħol protett huwa attwali, it-tul tal‑pubblikazzjoni jew il-fatt li l-ksur ikkonsista fit-tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ dan ix-xogħol protett, għat-tniżżil bla ħlas tiegħu fuq pjattaforma ta’ skambju ta’ servizzi ta’ aċċess liberu mingħajr ebda ġestjoni tad-drittijiet diġitali”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


4      Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16).


5      Il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati, tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBI. 1965 I, p. 1273, iktar ’il quddiem l-“UrhG”).


6      Ara, dwar dan il-fatt, il-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      L-ebda waħda mill-partijiet ma tiddiskuti l-fatt li l-logħba fiha elementi li huma protetti mid‑drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-logħbiet tal-kompjuter bħal din inkwistjoni hawnhekk huma protetti taħt il-liġi Ġermaniża dwar id-drittijiet tal-awtur, u għaldaqstant huma protetti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48.


8      Mal-ammont li rriżulta (EUR 964.60) kellhom jiżdiedu EUR 20 bħala spejjeż imġarrba.


9      L-ammont ta’ EUR 124 irriżulta billi ġiet ikkalkolata perċentwali fuq l-ammont allokat għall‑kawża ta’ EUR 1 000 flimkien mal-ispejjeż addizzjonali (EUR 20).


10      Ara l-punti 29 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, (C‑57/15, EU:C:2016:611, iktar ’il quddiem is-“sentenza United Video Properties”).


12      Il‑Liġi dwar ir-Remunerazzjoni tal-Avukati, iktar ’il quddiem, ir-“RVG”.


13      B’hekk, pereżempju, f’kawża fejn l-ammont ikun stabbilit għal EUR 10 000, id-detentur tad‑drittijiet għandu jħallas lill-avukat tiegħu l-onorarji ta’ EUR 745, iżda jiġbor biss EUR 124 mill-persuna li twettaq il-ksur.


14      Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48.


15      Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021 (C‑597/19, EU:C:2021:492), punt 80.


16      Ibidem, punti 82 u 84. F’din il-kawża, “rikorrent jitlob [kien talab] lil persuna li tipprovdi aċċess għall-internet, […] l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-klijenti tiegħu bil-għan, preċiżament, li jkun jista’ jressaq azzjoni ġudizzjarja kontra l-persuni li allegatament ikunu qegħdin iwettqu ksur”. Billi din it-talba – u l-proċedura awtonoma li tirriżulta minnha – tressqet quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, l-analoġija, fl-intier tagħha, mal-intimazzjonijiet ekstraġudizzjarji ma tistax tiġi sempliċement applikata.


17      C‑57/15, EU:C:2016:201, punt 58.


18      Sentenza United Video Properties, punt 36.


19      Ibidem, punt 36 in fine.


20      Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson (C‑481/14, EU:C:2016:419), punt 62. Skont il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza, l-Artikolu 94(2) tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 2100/94 [tas‑27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390)] jippermetti li ma jitqisux l-ispejjeż ekstraġudizzjarji sostnuti fil-proċedura fuq il-mertu. Madankollu, “[l]-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż hija, madankollu, suġġetta għall-kundizzjoni li l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż ġudizzjarji li jista’ jiġi allokat lill-vittima tal-ksur ma huwiex tali li jista’ jiddisswadiha milli tasserixxi d-drittijiet tagħha fil-qorti, minħabba l-ammonti li jifdal a spejjeż tagħha bħala spejjeż extraġudizzjarji minfuqa kif ukoll l-utilità tagħhom għall-azzjoni prinċipali għal kumpens”.


21      Huwa għal dan it-tip ta’ azzjonijiet li tagħmel riferiment il-premessa 26 tad-Direttiva 2004/48, meta tagħmel riferiment għall-għan “biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka”.


22      “Qabel ma tinbeda proċedura ġudizzjarja, il-parti leża għandha tibgħat intimazzjoni lill-persuna li twettaq il-ksur sabiex twaqqaf l-aġir tagħha”.


23      “Qabel ma tinbeda proċedura ġudizzjarja, il-parti leża kellha tibgħat intimazzjoni lill-persuna li twettaq il-ksur sabiex twaqqaf l-aġir tagħha”.


24      Din ir-rabta hija msaħħa minn argument li għamlu allużjoni għalih l-osservazzjonijiet tal‑partijiet: l-intimazzjoni, apparti li għandha l-għan li tevita proċedura ġudizzjarja, hija utli sabiex tiġi evitata kundanna potenzjali għall-ħlas tal-ispejjeż tad-detentur tad-drittijiet jekk huwa jressaq direttament azzjoni ġudizzjarja. Huma jargumentaw li, skont id-dritt Ġermaniż, jekk il-parti leża sempliċement tagħżel li tressaq kawża quddiem il-qorti, hija tkun esposta għall-aċċettazzjoni prevedibbli min-naħa tal-persuna li twettaq il-ksur, li għad-detentur tad-dritt (u l-vittma tal-ksur) jista’ jimplika mhux biss il-ħlas tal-ispejjeż tiegħu nnifsu tal-proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll tal-ispejjeż tal-persuna li twettaq il-ksur. Il-parti leża tista’, f’dawn il‑każijiet, “tiġi dissważa milli tibda proċedura ġudizzjarja sabiex tħares id-drittijiet […] tagħha”.


25      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland (C‑406/09, EU:C:2011:668), punt 49.


26      Punt 34 tal-konklużjonijiet tal-kawża Nova Text (C‑531/20 ECLI).


27      Sentenza United Video Properties, punt 24: “[…] [L]-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw ir-rimbors tal-ispejjeż legali ‘raġonevoli’ biss. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi, b’mod partikolari, li l-proċeduri previsti mill-Istati Membri ma għandhomx ikunu inutilment għaljin”.


28      Ibidem, punt 29: “[L]-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi li l-ispejjeż legali li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef għandhom ikunu ‘proporzjonati’. Issa, il-kwistjoni dwar jekk dawn l-ispejjeż humiex proporzjonati ma tistax tiġi evalwata indipendentement mill‑ispjejjeż li l-parti rebbieħa effettivament tkun ħallset għall-assistenza ta’ avukat, sakemm dawn ikunu raġonevoli […]”.


29      Fir-rigward tan-neċessità tal-ispejjeż, ser nagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Nova Text (C‑531/20).


30      Konklużjonijiet fil-kawża United Video Properties, (C‑57/15, EU:C:2016:201), punt 76.


31      Sentenza United Video Properties, punt 26. Mingħajr korsiv fl-oriġinali.


32      Ibidem, punt 30. Mingħajr korsiv fl-oriġinali.


33      Għal darba oħra, ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland (C‑406/09, EU:C:2011:668), punt 49, fil-punt 58.


34      F’din il-kawża, Koch Media ssostni li għandha tħallas lill-avukati tagħha t-tariffa stretta kkalkolata fuq l-ammont reali tal-kawża (EUR 20 000), filwaqt li ser tiġbor biss il-parti li tikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 1 000.


35      Punt 33 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.