Language of document : ECLI:EU:C:2022:317

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

28 ta’ April 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 14 – Kunċetti ta’ ‘spejjeż legali’ u ta’ ‘spejjeż oħra’ – Intimazzjoni sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali permezz ta’ mezzi ekstraġudizzjarji – Onorarji tal-avukat– Klassifikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-ammont li jista’ jinġabar ta’ dawn l-ispejjeż taħt ċerti kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑559/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

Koch Media GmbH

vs

FU,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Koch Media GmbH, minn A. Nourbakhsch, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, T. Scharf u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Koch Media GmbH u FU dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala spejjeż tal-avukat inkorsi minn Koch Media sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tagħha permezz ta’ intimazzjoni indirizzata lil FU qabel ma ppreżentat rikors ġudizzjarju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/48

3        Il-premessi 10, 14 u 17 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati kif ġej:

“(10)      L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju [tal-proprjetà intellettwali] fis-suq intern.

[…]

(14)      Il-miżuri provduti fl-Artikoli 6(2), 8(1) u 9(2) għandhom bżonn jiġu applikati fir-rigward ta’ atti li huma ta’ skala kummerċjali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibilità li Stati Membri japplikaw dawk il-miżuri wkoll għall-atti oħrajn. Azzjonijiet li jsiru fuq skala kummerċjali huma dawk li jsiru għall-vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett; dawn normalment jeskludi azzjonijiet mill-aħħar konsumaturi li jaġixxu b’intenzjoni tajba.

[…]

(17)      Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Materja tas-suġġett”:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘diritijiet tal-proprjetà intellettwali’ jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

6        Il-Kapitolu II tal-istess direttiva jinkludi l-Artikoli 3 sa 15 tagħha, dwar il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji rregolati mid-Direttiva 2004/48.

7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 intitolat “Obbligu ġenerali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ [għall-kummerċ leġittimu] u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom”.

8        Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-danni”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

(a)      Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni. jew.

(b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

2.      Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel”.

9        L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-ispejjeż legali”, jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità [sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-ekwità]”.

 Id-Direttiva 2001/29/KE

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l‑informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“[…] [D]in id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

(a)      il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters;

[…]”

11      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Sanzjonijiet u Rimedji”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).”

 Id-Direttiva 2009/24/KE

12      Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16), ikkodifikat u ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).

13      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/24, intitolat “L-għan tal-protezzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi [iffirmata f’Berna fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979]. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom”.

14      L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miżuri speċjali ta’ protezzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, rimedji xierqa kontra persuna li tikkommetti xi wieħed mill-atti li ġejjin:

(a)      kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jaf, jew li jkollu raġuni għalfejn jemmen, li hija kopja illegali;

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

15      L-Artikolu 97a tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati) tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem l-“UrhG”), intitolat “Intimazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Qabel ma tinbeda proċedura ġudizzjarja, il-parti leża għandha titlob li tinħareġ intimazzjoni sabiex il-persuna li twettaq il-ksur tiġi mistiedna tieqaf milli tagħmel dan u tiġi offruta l-possibbiltà ta’ soluzzjoni għat-tilwima billi jintlaħaq qbil sabiex tastjeni milli twettaq dawn l-azzjonijiet, flimkien ma’ penalizzazzjoni kuntrattwali xierqa.

(2)      L-intimazzjoni għandha, b’mod ċar u li jinftiehem,

1.      tindika l-isem jew l-isem tal-kumpannija tal-parti leża, jekk ma tkunx il-parti leża nnifisha iżda rappreżentant li joħroġ l-intimazzjoni,

2.      tiddeskrivi preċiżament il-ksur ta’ dritt,

3.      tippreżenta kalkolu ddettaljat tat-talbiet ta’ pagament skont jekk ikunux kumpens għal danni jew rimbors ta’ spejjeż; u

4.      fil-każ li jkun meħtieġ li jintlaħaq qbil sabiex ma jitwettqux ċerti azzjonijiet, tindika sa fejn il-qbil propost imur lil hinn mill-ksur li jikkostitwixxi s‑suġġett tal-intimazzjoni.

Intimazzjoni li ma tadattax ruħha għall-ewwel sentenza ma jkollha l-ebda effett.

(3)      Sa fejn l-intimazzjoni tkun iġġustifikata u konformi mal-punti 1 sa 4 tal‑ewwel sentenza tal-paragrafu 2, jista’ jintalab ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji. Fir-rigward tal-użu tas-servizzi ta’ avukat, ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji huwa limitat, sa fejn huma kkonċernati l-onorarji legali, għal ammont li jikkorrispondi għal valur kontenzjuż ta’ EUR 1 000 għal azzjoni ta’ projbizzjoni u ta’ inibizzjoni, meta l-persuna mitluba:

1.      tkun persuna fiżika li ma tużax xogħlijiet protetti taħt din il-liġi jew suġġetti oħra protetti taħt din il-liġi għall-ħajja kummerċjali jew professjonali indipendenti tagħha, u

2.      ma tkunx diġà obbligata twaqqaf ċerti azzjonijiet bħala konsegwenza ta’ dritt kuntrattwali tal-persuna li toħroġ l-intimazzjoni jew minħabba deċiżjoni ġudizzjarja finali jew azzjoni ta’ inibizzjoni.

Il-valur indikat fit-tieni sentenza għandu japplika wkoll jekk fl-istess ħin jiġi invokat dritt ta’ projbizzjoni u dritt għal azzjoni ta’ inibizzjoni. It-tieni sentenza ma għandhiex tapplika jekk dan il-valur ma jkunx ekwu fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ konkret.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Koch Media hija d-detentriċi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-logħob tal-kompjuter “This War of Mine” għat-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din hija logħba tal-kompjuter li tqiegħdet fis-suq fix-xahar ta’ Novembru 2014 u li, skont l-indikazzjonijiet ta’ Koch Media, irċeviet il-prezz Ġermaniż tal-logħob tal-kompjuter. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-prezz tal-bejgħ tax-xogħol fis-suq ikkonċernat laħaq ammonti ogħla minn EUR 30 fl-ewwel xhur wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

17      Peress li qieset li, billi qiegħdet din il-logħba tal-kompjuter għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz tal-konnessjoni tal-internet tagħha, għat-tniżżil minn fuq pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ fajls fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer, FU, persuna fiżika, kienet wettqet diversi istanzi ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha, Koch Media qabbdet uffiċċju tal-avukati sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tagħha, b’mod partikolari billi bagħtet lil FU intimazzjoni sabiex twaqqaf l-aġir tagħha, konformement mal-Artikolu 97a tal-UrhG.

18      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ April 2015, l-avukati ta’ Koch Media pproponew lil FU soluzzjoni bonarja billi talbuh jobbliga ruħu, taħt piena ta’ penalità kuntrattwali, li tieqaf milli tqiegħed din il-logħba tal-kompjuter għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għat-tniżżil minn pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ fajls kif ukoll għall-ħlas tad-danni.

19      Peress li din il-proposta ma ġietx aċċettata minn FU għal dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ danni, iżda biss fir-rigward tal-impenn li jwaqqaf l-aġir tiegħu, Koch Media ppreżentat rikors għad-danni quddiem l-Amtsgericht Saarbrücken (il-Qorti Distrettwali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja). Filwaqt li laqgħet dan ir-rikors, permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, din il-qorti kkonstatat li, bejn is‑26 u t‑28 ta’ Novembru 2014, FU kienet poġġiet għad-dispożizzjoni l-logħba tal-kompjuter inkwistjoni, permezz tal-konnessjoni tal-internet tiegħu, għat-tniżżil fuq pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, mill-inqas tlettax‑il darba. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti kkundannat lil FU għall-ispejjeż, inkluż l-ammont ta’ EUR 124, flimkien mal-interessi, bħala spejjeż tal-avukat li Koch Media kellha tbati sabiex teżerċita d-dritt tagħha ta’ inibizzjoni permezz ta’ intimazzjoni.

20      Peress li qieset, b’mod partikolari, li hija kellha tiġi rrimborsata għal dawn l-ispejjeż kollha ta’ avukat prekontenzjuż li f’dan il-każ jammontaw għal EUR 984,60, li jikkorrispondi għal valur kontenzjuż ta’ EUR 20 000, Koch Media appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja).

21      Il-qorti tar-rinviju tallega li r-rimbors tal-ispejjeż tal-avukat sostnuti fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża ta’ tilwima fil-qasam tad-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, relatati mal-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni ta’ inibizzjoni, huwa rregolat, fid-dritt Ġermaniż, mill-Artikolu 97a tal-UrhG. Skont din id-dispożizzjoni, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li d-drittijiet tiegħu jkunu ġew miksura jista’ bħala prinċipju jiġi rrimborsat l-“ispejjeż neċessarji”. F’dan ir-rigward, minn naħa, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 97a(3) tal-UrhG jirriżulta li l-leġiżlatur Ġermaniż, bħala prinċipju, jillimita għal EUR 1 000 il-valur kontenzjuż tas-somma li għandha tiġi rrimborsata minn persuni fiżiċi, li jfisser li parti sinjifikattiva tal-ispejjeż tal-avukat tibqa’ r-responsabbiltà tad-detentur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Min-naħa l-oħra, mir-raba’ sentenza tal-Artikolu 97a(3) tal-UrhG jirriżulta li, bħala eċċezzjoni, il-qorti kompetenti tista’ ma tiħux inkunsiderazzjoni dan il-limitu f’każ ta’ “inġustizzja”. Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) jirriżulta li meta detentur ta’ drittijiet relatati ma’ films, ma’ mużika jew ma’ DVDs ta’ attwalità jinvoka d-dritt tiegħu għal azzjoni ta’ inibizzjoni, il-valur kontenzjuż ikun jammonta fi kwalunkwe każ għal iktar minn EUR 10 000.

22      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk l-ispejjeż tal-avukat marbuta mal-intimazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tressqet quddiemha, jaqgħux taħt “spejjeż legali” jew “spejjeż oħra”, imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, jew taħt “danni”, imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, sakemm ma jkunux jaqgħu taħt din tal-aħħar.

23      Skont il-qorti tar-rinviju, l-intimazzjoni msemmija fl-Artikolu 97a tal-UrhG għandha għan doppju, jiġifieri, minn naħa, li tipprova tevita kawża permezz tas-soluzzjoni bonarja bejn il-partijiet u, min-naħa l-oħra, tipproteġi, fil-każ ta’ kawża, lid-detentur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali kontra r-riskju li jiġi kkundannat għall-ispejjeż fil-każ li jressaq kawża ta’ inibizzjoni mingħajr ma jkun għamel intimazzjoni minn qabel, iżda fejn il-konvenut jirrikonoxxi mill-ewwel il-fondatezza tat-talba tiegħu.

24      It-tieni, hija tistaqsi jekk, fid-dawl tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611), id-direttivi rilevanti għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, l-ispejjeż ta’ intimazzjoni għandhom ukoll jiġu rrimborsati kollha kemm huma meta l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkun twettaq minn persuni fiżiċi li ma għandhom ebda interess professjonali jew kummerċjali u jekk ċerti fatturi jistgħux iwasslu biss għar-rimbors ta’ parti minima minn dawn l-ispejjeż. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huma għalhekk dawn l-ispejjeż rimborsabbli.

25      It-tielet, konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, l-ispejjeż tal-avukat mġarrba mill-parti rebbieħa għandhom, bħala regola ġenerali, jitħallsu mill-parti li titlef, sakemm l-ekwità ma tippermettix li jsir dan. Issa, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 97a(3) tal-UrhG qalbet ir-relazzjoni bejn din ir-regola u l-eċċezzjoni tagħha. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, il-limitu ta’ EUR 1 000 relatat mal-valur kontenzjuż applikabbli għall-intaxxar tal-ispejjeż ma japplikax fil-każ partikolari biss fejn dan il-valur huwa ta’ natura inġusta fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

26      Bħala konklużjoni, din il-qorti tippreċiża li t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari tidħol fil-kuntest ta’ numru kbir ta’ kawżi pendenti quddiemha li s-soluzzjoni tagħhom, f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż tal-avukat li jirrigwardaw il-fażi prekontenzjuża ta’ tilwima fil-qasam tad-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u l-ġurisprudenza Ġermaniża hija diverġenti ħafna f’dan ir-rigward.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva [2004/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni teżiġi li l-onorarji tal-avukat jkopru “spejjeż legali” jew “spejjeż oħra” sostnuti minn detentur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, peress li d-detentur jinvoka, b’mod extraġudizzjarju, id-dritt għal talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra terz li jikser dawk id-drittijiet?

b)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-punt a tal-ewwel domanda: l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni tkopri l-onorarji tal-avukat imsemmija fil-punt a tal-ewwel domanda bħala danni?

2)      a)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’

-      l-Artikoli 3, 13 u 14 tad-Direttiva 2004/48;

-      l-Artikolu 8 tad-Direttiva [2001/29] u

-      l-Artikolu 7 tad-Direttiva [2009/24],

għandu jiġi interpretat fis-sens li detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 huwa bħala prinċipju intitolat għal rimbors tal-onorarji tal-avukat kollha msemmija fil-punt a tal-ewwel domanda jew għall-inqas għal parti raġonevoli u sostanzjali tagħhom, anki jekk:

-      l-allegat ksur ikun sar minn persuna fiżika barra mill-ħajja professjonali jew kummerċjali tagħha, u

-      leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi f’każ bħal dan sabiex tali onorarji tal-avukat ikunu jistgħu ġeneralment jinġabru biss wara li jkun tnaqqas l-ammont fit-tilwima?

b)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt a tal-tieni domanda: id-dritt tal-Unjoni msemmi [fih] għandu jiġi interpretat bħala li jfisser deroga mill-prinċipju msemmi [fih], li d-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi rrimborsat għall-onorarji tal-avukat kollha msemmija fil-punt a tal-ewwel domanda jew għall-inqas għal parti raġonevoli u sostanzjali tagħhom,

it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra (bħal kemm ix-xogħol huwa attwali, it-tul tal-pubblikazzjoni u d-dannu sostnut minn persuna fiżika minbarra l-interessi kummerċjali jew professjonali tagħha),

jista’ jiġi kkunsidrat

anki jekk il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 jikkonsisti f’kondiviżjoni ta’ fajls, jiġifieri li xogħol ikun aċċessibbli għall-pubbliku billi jiġi offrut għat-tniżżil bla ħlas lill-membri kollha ta’ pjattaforma ta’ skambju li hija aċċessibbli liberament u li ma għandha l-ebda ġestjoni tad-drittijiet diġitali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż sostnuti minn detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali abbażi tar-rappreżentanza tiegħu minn konsulent sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet permezz ta’ mezzi extraġudizzjarji, bħalma huma l-ispejjeż marbuta ma’ intimazzjoni, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spejjeż legali” jew “spejjeż oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Sussidjarjament, hija tistaqsi jekk tali spejjeż jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “danni”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

29      Bħalma tistabbilixxi l-premessa 10 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2004/48 huwa li tqarreb il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

30      Għal dan l-għan, u konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/48 tikkonċerna l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji kollha neċessarji biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jispeċifika li dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji japplikaw għal kull ksur ta’ dawn id-drittijiet, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

31      Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 ma humiex intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti, minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għall-ksur ta’ dawn tal-aħħar, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi li jipprevjenu, iwaqqfu jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jipproċedi għal armonizzazzjoni minima dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Constantin Film Verleih, C‑264/19, EU:C:2020:542, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Madankollu, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għan tagħha li tiżgura livell ta’ protezzjoni għoli tal-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 2004/48 tapplika għall-proċeduri kemm ġudizzjarji kif ukoll extraġudizzjarji, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ proċeduri jistgħu jirriżultaw neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

34      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li proċedura awtonoma li tippreċedi l-azzjoni għal kumpens, bħat-talba għal informazzjoni, li permezz tagħha, skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/48, rikorrent jitlob lil fornitur ta’ aċċess għall-internet l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-klijenti tiegħu sabiex ikun jista’ effettivament iressaq azzjoni ġudizzjarja kontra l-kontravvenjenti preżunti, tissodisfa l-kriterju previst minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li tali talba tkun marbuta ma’ “passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 81 u 82).

35      Peress li l-proċedura ta’ intimazzjoni extraġudizzjarja tikkostitwixxi forma ta’ tiftix ta’ soluzzjoni bonarja qabel il-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja fil-veru sens tal-kelma, ma jistax jitqies li din ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48.

36      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż marbuta ma’ intimazzjoni jaqgħux taħt il-kunċetti ta’ “spejjeż legali” jew ta’ “spejjeż oħra”, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, jew inkella taħt il-kunċett ta’ “danni”, fis-sens tal-Artikolu 13 tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 tkopri mhux biss l-“ispejjeż legali”, fis-sens strett tal-kelma, iżda wkoll l-“ispejjeż l-oħra” sostnuti mill-“parti rebbieħa”.

37      Din id-dispożizzjoni hija intiża li ssaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi tevita li parti leża taqta’ qalbha milli tiftaħ proċedura ġudizzjarja sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      L-għan speċifiku li din id-dispożizzjoni ssegwi b’dan il-mod jaqa’ kompletament taħt dak li tixtieq tilħaq, b’mod ġenerali, id-Direttiva 2004/48, jiġifieri l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali. Konformement ma’ dawn l-għanijiet, l-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu ġeneralment ibati integralment il-konsegwenzi finanzjarji tal-aġir tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 49).

39      Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet kif ukoll tal-formulazzjoni wiesgħa u ġenerali tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, li jagħmel riferiment għall-“parti rebbieħa” u għall-“parti li tkun tilfet”, mingħajr ma jipprovdi preċiżazzjoni jew jiffissa limiti dwar in-natura tal-proċedura li skontha għandha tiġi applikata r-regola li jistabbilixxi, din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-ispejjeż legali fil-kuntest ta’ kull proċedura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 78).

40      Madankollu, interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, fis-sens li dan ikun jimplika li l-parti li titlef ikollha tħallas, bħala regola ġenerali, l-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa, mingħajr ma tagħmel l-ebda preċiżazzjoni dwar in-natura ta’ dawn l-ispejjeż, iġġib magħha r-riskju li tagħti lil dan l-artikolu kamp ta’ applikazzjoni eċċessiv, u għalhekk iċċaħħad lill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva mill-effett utli tiegħu (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 36).

41      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 36 tas-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611), li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 kellu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt “spejjeż oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss l-ispejjeż li huma direttament u strettament marbuta mal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata.

42      Għalkemm, bħalma ġie deċiż fis-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611), fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża li tat lok għal din tal-aħħar, l-“ispejjeż l-oħra”, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, għandhom jissodisfaw dawn il-kriterji sabiex ikunu jistgħu jinġabru lura, dan huwa l-każ, a fortiori, tal-“ispejjeż legali” previsti minn din id-dispożizzjoni.

43      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż marbuta ma’ intimazzjoni jikkostitwixxux “spejjeż legali” jew “spejjeż oħra”, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/48, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li l-ispejjeż marbuta ma’ intimazzjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “spejjeż legali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, f’dan l-istadju, ebda tilwima ma tkun għadha pendenti quddiem qorti, ma hemm xejn fid-Direttiva 2004/48 li jipprekludi li dawn l-ispejjeż jiġu kklassifikati bħala “spejjeż oħra”, minkejja l-fatt li, f’dan l-istadju prekontenzjuż, ikun għadu ma huwiex ċert jekk id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kkonċernat huwiex ser iniedi jew le, sussegwentement, proċedura ġudizzjarja jew jekk il-proposta ta’ riżoluzzjoni amikevoli tiegħu hijiex ser tiġi aċċettata jew le mill-allegata persuna li twettaq il-ksur.

44      Sa fejn il-proċedura ta’ intimazzjoni tikkostitwixxi proċedura neċessarja sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali intiża li tevita jew anki tissostitwixxi proċedura ġudizzjarja sussegwenti, għandu jitqies li, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 32 sa 35 ta’ din is-sentenza, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza f’din il-proċedura jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spejjeż oħra”, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż sostnuti minn detentur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali għar-rappreżentanza tiegħu minn konsulent sabiex jiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet permezz ta’ mezzi ekstraġudizzjarji, bħalma huma l-ispejjeż marbuta ma’ intimazzjoni, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spejjeż oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

46      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Huwa f’dan il-kuntest li hemm lok jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, f’sitwazzjoni fejn il-ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali jkun twettaq minn persuna fiżika ’l barra mill-attività professjonali jew kummerċjali tagħha, ir-rimbors ta’ “spejjeż oħra”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li d-detentur ta’ dan id-dritt jista’ jitlob, huwa kkalkolat b’rata fissa, abbażi ta’ valur tat-tilwima limitat minn din il-leġiżlazzjoni, sakemm il-qorti nazzjonali ma tqisx li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-każ ineżami li huwa assenjat lilha, l-applikazzjoni ta’ tali limitazzjoni hija kuntrarja għall-ekwità. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll liema huma l-fatturi li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, sabiex tiddetermina jekk dawn l-ispejjeż humiex raġonevoli u proporzjonati, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 14.

48      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jeżiġi li l-ispejjeż legali raġonevoli u proporzjonati u l-ispejjeż l-oħra sostnuti mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, jitħallsu mill-parti li tkun tilfet.

49      Min-naħa, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw ir-rimbors tal-ispejjeż legali “raġonevoli” biss. Dan ir-rekwiżit, li japplika kemm għall-“ispejjeż legali” kif ukoll għall-“ispejjeż l-oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirrifletti l-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn din id-direttiva ma jkunux għaljin b’mod inutli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 24).

50      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma humiex raġonevoli l-ispejjeż eċċessivi minħabba onorarji għaljin wisq miftehma bejn il-parti rebbieħa u l-avukat tagħha, jew minħabba l-għoti, mill-avukat, ta’ servizzi li ma humiex meqjusa neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 25).

51      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi li l-ispejjeż legali u l-ispejjeż l-oħra li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef għandhom ikunu “proporzjonati”.

52      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk dawn l-ispejjeż humiex proporzjonati ma tistax tiġi evalwata indipendentement mill-ispejjeż li l-parti rebbieħa effettivament tkun ħallset għall-assistenza ta’ avukat, sakemm dawn ikunu “raġjonevoli” fis-sens tal-punt 49 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, għalkemm ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma jimplikax li l-parti li titlef għandha neċessarjament tħallas lura l-ispejjeż kollha mħallsa mill-parti l-oħra, dan jeżiġi madankollu li din tal-aħħar ikollha dritt għar-rimbors, mill-inqas, ta’ parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli li effettivament ikunu tħallsu mill-parti rebbieħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 29).

53      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ persuna fiżika li, ’l barra mill-attività professjonali jew kummerċjali tagħha, tkun kisret dritt ta’ proprjetà intellettwali, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-premessa 14 tad-Direttiva 2004/48, il-kundizzjoni li, sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-istanzi ta’ ksur għandhom jitwettqu fuq skala kummerċjali għandha tapplika biss għall-miżuri relatati mal-provi, għall-miżuri relatati mad-dritt ta’ informazzjoni kif ukoll għall-miżuri provviżorji u kawtelatorji, previsti fil-Kapitolu II tagħha, bla ħsara għall-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li japplikaw ukoll dawn il-miżuri għal atti li ma jitwettqux fuq skala kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 88).

54      Din il-kundizzjoni ma tapplikax għall-“ispejjeż legali” u għall-“ispejjeż l-oħra” msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48. Konsegwentement, skont din id-dispożizzjoni, il-persuni individwali li jwettqu l-ksur jistgħu, bħala prinċipju, jiġu ordnati jħallsu lid-detentur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali t-totalità ta’ dawn l-ispejjeż, sakemm dawn ikunu raġonevoli u proporzjonati (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 89).

55      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, meta l-Istati Membri jittrasponu, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, ir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, huma jistgħu jipprevedu tariffi b’rata fissa. Madankollu, hija ppreċiżat li dawn it-tariffi għandhom jiżguraw li l-ispejjeż li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni, jistgħu jiġu imposti fuq il-parti li titlef ikunu raġonevoli u li l-ammonti massimi li jistgħu jintalbu abbażi ta’ dawn l-ispejjeż lanqas ma jkunu baxxi wisq meta mqabbla mat-tariffi normalment mitluba minn avukat fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punti 25, 26, 30 u 32).

56      Fil-fatt, li kieku l-persuna li wettqet il-ksur setgħet tiġi kkundannata biss għar-rimbors ta’ parti żgħira tal-onorarji tal-avukat raġonevoli sostnuti mid-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali leż, l-effett dissważiv ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni jkun serjament imnaqqas, kuntrarjament għall-obbligu ġenerali tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 kif ukoll għall-għan prinċipali segwit minn din tal-aħħar, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, għan li jissemma espressament fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, b’mod konformi mal-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 27).

57      Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika wkoll li l-ammont prevedibbli tal-ispejjeż ġudizzjarji li jistgħu jiġu allokati lid-detentur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunx ta’ natura li jiddiswadih milli jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-qorti, fid-dawl tal-ammonti li jifdal a spejjeż tiegħu bħala spejjeż ekstraġudizzjarji minfuqa kif ukoll tal-utilità tagħhom għall-azzjoni prinċipali għall-kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 63).

58      Fit-tieni lok, minbarra stħarriġ tan-natura raġonevoli u proporzjonata tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi li r-regola ġenerali ta’ tqassim ta’ dawn l-ispejjeż ma tapplikax jekk l-ekwità tipprojbixxi li jiġi impost fuq il-parti li titlef ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa, anki meta dawn ikunu raġonevoli u proporzjonati.

59      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tkopri regoli nazzjonali li jippermettu lill-qorti, f’każ partikolari fejn l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali fil-qasam ta’ spejjeż legali tkun twassal għal riżultat meqjus bħala inġust, li titbiegħed, bħala eċċezzjoni, minn din ir-regola ġenerali. Madankollu, hija speċifikat li l-ekwità, min-natura stess tagħha, ma tistax tiġġustifika esklużjoni ġenerali u inkundizzjonali ta’ rimbors ta’ spejjeż li jaqbżu limitu partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 31).

60      Fit-tielet lok, konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dan l-Artikolu 14 għandha, fi kwalunkwe każ, tippermetti lill-qorti inkarigata sabiex tiddeċiedi dwar il-kundanna għall-ispejjeż li tieħu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan tal-aħħar.

61      Għalhekk, abbażi ta’ dawn il-karatteristiċi speċifiċi, il-qorti nazzjonali tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-attwalità tax-xogħol, il-perijodu ta’ pubblikazzjoni, il-fatt li l-ksur tad-drittijiet twettaq minn persuna fiżika ’l barra mill-attività professjonali jew kummerċjali tagħha kif ukoll, bħalma jsegwi mill-premessa 17 tad-Direttiva 2004/48, il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kkonċernat u, eventwalment, in-natura intenzjonali jew le tal-ksur imwettaq.

62      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ, huwa neċessarju wkoll li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tivverifika, konformement mal-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari n-natura leali, ekwa u mhux abbużiva ta’ talba għall-kundanna għall-ispejjeż relatati mal-ispejjeż ta’ rappreżentant għal ittra ta’ intimazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 93 u 94).

63      F’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 97a tal-UrhG, dan jipprevedi li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru għandhom jitnaqqsu billi jiġi applikat fil-konfront tagħhom valur kontenzjuż massimu ta’ EUR 1 000 fil-każ fejn il-persuna li ntbagħtitilha intimazzjoni tkun persuna fiżika li ma tużax xogħlijiet protetti jew materjal ieħor protett għall-attività kummerċjali tagħha jew għall-attività professjonali indipendenti tagħha. Madankollu, dan l-Artikolu 97a jipprevedi, fir-raba’ sentenza tal-paragrafu 3 tiegħu, eċċezzjoni fl-ipoteżi fejn l-imsemmi valur ikun kontra l-ekwità fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni.

64      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni, peress li din hija intiża sabiex tiżgura li l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef ikunu raġonevoli u proporzjonati, sakemm hija toffri lill-qorti responsabbli sabiex tiddeċiedi dwar il-kundanna għall-ispejjeż il-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ din tal-aħħar.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, f’sitwazzjoni fejn ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali jkun twettaq minn persuna fiżika ’l barra mill-kuntest tal-attività professjonali jew kummerċjali tagħha, ir-rimbors tal-“ispejjeż l-oħra”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li d-detentur ta’ dan id-dritt jista’ jitlob, huwa kkalkolat b’rata fissa, abbażi ta’ valur tat-tilwima limitat minn din il-leġiżlazzjoni, sakemm il-qorti nazzjonali ma tqisx li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-każ ineżami li huwa assenjat lilha, l-applikazzjoni ta’ tali limitazzjoni hija kuntrarja għall-ekwità.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż sostnuti minn detentur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali għar-rappreżentanza tiegħu minn konsulent sabiex jiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet permezz ta’ mezzi ekstraġudizzjarji, bħalma huma l-ispejjeż marbuta ma’ intimazzjoni, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spejjeż oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, f’sitwazzjoni fejn ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali jkun twettaq minn persuna fiżika ’l barra mill-kuntest tal-attività professjonali jew kummerċjali tagħha, ir-rimbors tal-“ispejjeż l-oħra”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li d-detentur ta’ dan id-dritt jista’ jitlob, huwa kkalkolat b’rata fissa, abbażi ta’ valur tat-tilwima limitat minn din il-leġiżlazzjoni, sakemm il-qorti nazzjonali ma tqisx li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-każ ineżami li huwa assenjat lilha, l-applikazzjoni ta’ tali limitazzjoni hija kuntrarja għall-ekwità.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.