Language of document : ECLI:EU:C:2018:517

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawża C216/18 PPU

Minister for Justice and Equality

vs

LM

(Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Motivi ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal smigħ xieraq – Stat tad-dritt – Artikolu 7 TUE – Proposta rraġunata tal-Kummissjoni li tistieden lill-Kunsill sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, mir-Repubblika tal-Polonja, ta’ valur li jissemma fl-Artikolu 2 TUE”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta

2. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

3. Id-Deċiżjoni Qafas

B. Id-dritt Irlandiż

III. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

IV. Analiżi

A. Fuq l-ammissibbiltà

B. Fuq il-mertu

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq l-ewwel domanda preliminari

a) Riskju reali ta’ ksur, mhux tal-Artikolu 4 tal-Karta, imma tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tagħha, għandu jwassal għar-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?

b) Kull ksur, tkun xi tkun is-serjetà tiegħu, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jwassal għall-posponiment tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?

1) Introduzzjoni

2) Rekwiżit ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja

3) Karatterizzazzjoni ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati

c) L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonstata li l-persuna kkonċernata qiegħda f’riskju li ssofri minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja?

1) Introduzzjoni u osservazzjonijiet tal-partijiet

2) Rekwiżit ta’ eżami individwali

3) Kif għandu jintwera li l-persuna kkonċernata tinsab f’riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti?

3. Fuq it-tieni domanda preliminari

V. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fil-kuntest tal-evoluzzjoni u tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka (2) li wasslu lill-Kummissjoni sabiex, fl-20 ta’ Diċembru 2017, tadotta proposta rraġunata li tistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata, abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE, l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, mir-Repubblika tal-Polonja, ta’ wieħed mill-valuri komuni għall-Istati Membri li jissemmew fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri l-Istat tad-dritt (3) (iktar ’il quddiem il-“proposta rraġunata tal-Kummissjoni”).

2.        Il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, jekk titmexxa sat-tmiem tagħha, jiġifieri sal-konstatazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta’ ksur gravi u persistenti minn Stat Membru tal-valuri li jissemmew fl-Artikolu 2 TUE, tippermetti s-sospensjoni ta’ wħud mid-drittijiet li dan l-Istat Membru jgawdi bis-saħħa tat-Trattati. Din il-proċedura qatt ma nbdiet sal-lum, u inqas u inqas ġiet konkluża. Il-proposta rraġunata tal-Kummissjoni hija l-ewwel tentattiv f’dan is-sens u, sal-lum, il-Kunsill għadu ma adottax id-deċiżjoni li kienet tistiednu jieħu din il-proposta.

3.        F’din il-kawża, L. M., il-konvenut fil-kawża prinċipali, huwa suġġett għal tliet mandati ta’ arrest maħruġa minn qrati Pollakki abbażi tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (4), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (5) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”). Huwa jsostni li, minħabba r-riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka kif analizzati fil-proposta rraġunata tal-Kummissjoni, huwa jinsab f’riskju reali li, f’dan l-Istat Membru, ma jingħatax smigħ xieraq u jsostni li dan ir-riskju jopponi l-konsenja tiegħu, mill-qorti tar-rinviju, lill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki.

4.        Issa, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, l-Istati Membri huma obbligati li jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest Ewropej kollha (6). L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju, previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, previsti fl-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas (7).

5.        Madankollu, fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 98), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li, fir-rigward tal-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jeżisti riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat għandha tiġi posposta. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, minn naħa, fuq l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191), fejn hija rrikonoxxiet li, “f’ċirkustanzi eċċezzjonali”, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi, u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li jipprovdi li din id-deċiżjoni qafas “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali” kif stabbiliti, b’mod partikolari, mill-Karta (8).

6.        Madankollu, fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li tillimita l-posponiment tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi tirrikjedi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni twettaq eżami f’żewġ stadji.

7.        Fl-ewwel lok, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti fl-Istat Membru emittenti minħabba “nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni” (9). Sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ dawn in-nuqqasijiet, hija għandha tibbaża ruħha fuq “elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament vverifikati dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li huma prevalenti fl-Istat Membru emittenti”, b’mod partikolari fuq “deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti [Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem], [...] deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti kif ukoll [...] deċiżjonijiet, [...] rapporti u [...] dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti” (10).

8.        Fit-tieni lok, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiżgura li jeżistu motivi serji u vverifikati sabiex jitwemmen li l-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun esposta għar-riskju stabbilit fuq il-bażi tal-elementi deskritti fil-punt preċedenti. Fil-fatt, is-“sempliċi fatt li jeżistu […] fallimenti sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jmissu ċerti gruppi, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni […] ma jimplikax […] neċessarjament li, f’każ konkret, il-persuna kkonċernata tkun ser tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fil-każ ta’ konsenja” (11). L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha mbagħad, fuq il-bażi tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni komplementari fuq il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna kkonċernata. Jekk, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkunsidra li l-persuna kkonċernata ma tinsabx f’riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, hija għandha teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. Jekk, għall-kuntrarju, hija tikkonstata, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, li l-persuna kkonċernata tinsab f’dan ir-riskju, hija għandha tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat.

9.        F’din il-kawża, id-dritt fundamentali li għall-ksur tiegħu l-persuna mfittxija tallega li hija esposta fl-Istat Membru emittenti ma huwiex il-projbizzjoni tat-trattamenti inumani jew degradanti inkwistjoni fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru msemmija iktar ’il fuq imma, kif għedt, id-dritt għal smigħ xieraq. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha domanda dwar jekk it-tieni stadju tal-eżami ddefinit fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru huwiex applikabbli għal din is-sitwazzjoni. Fi kliem ieħor, id-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk, sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija għandhiex tikkonstata, minn naħa, li jeżistu nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja Pollakka li jikkostitwixxi riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, u min-naħa l-oħra, li l-persuna kkonċernata tinsab f’dan ir-riskju, jew jekk huwiex suffiċjenti li hija tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, mingħajr ma hija tkun obbligata tiżgura li l-persuna kkonċernata hija esposta għal dan ir-riskju.

10.      Il-kwistjoni hija importanti, għaliex il-qorti tar-rinviju tindika li hija tikkunsidra, fuq il-bażi tal-proposta rraġunata tal-Kummissjoni u ta’ żewġ Opinjonijiet (12) tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni ta’ Venezia”), li dawn in-nuqqasijiet huma vverifikati.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

11.      L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprevedi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”

2.      It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

12.      Skont l-Artikolu 2 TUE:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

13.      L-Artikolu 7 TUE jipprovdi:

“1.      Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u jista’ jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skond l-istess proċedura.

Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-konstatazzjoni għadhomx validi.

2.      Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta ta’ terz ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal- valuri msemmija fl-Artikolu 2, wara li jkunu stieden lil dan l-Istat Membru sabiex iressaq il-preżentazzjonijiet tiegħu.

3.       Meta tkun saret il-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċidi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista’ jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi.

L-obbligi ta’ l-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu mit-Trattati jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat.

4.      Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’, sussegwentement, ibiddel jew iħassar il-miżuri li jkunu ttieħdu taħt il-paragrafu 3 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni li tkun wasslet sabiex dawn ikunu ttieħdu.

5.      L-arranġamenti tal-votazzjoni li, għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill, huma stabbiliti fl-Artikolu 354 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.”

3.      Id-Deċiżjoni Qafas

14.      Il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas tipprevedi:

“Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

15.      Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

B.      Id-dritt Irlandiż

16.      Il-Liġi tal-2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, li ttrasponiet id-Deċiżjoni Qafas (13), tipprevedi hekk fl-Artikolu 37(1) tagħha:

“Persuna ma għandhiex tiġi kkonsenjata skont din il-liġi jekk:

(a)      il-konsenja tagħha tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat taħt:

(i)      il-Konvenzjoni [Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali], jew

(ii)      il-Protokolli għall-Konvenzjoni [Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali],

(b)      il-konsenja tagħha tikkostitwixxi ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni […]”

III. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

17.      L. M., ċittadin Pollakk, huwa suġġett għal tliet mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mir-Repubblika tal-Polonja.

18.      L-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew kien inħareġ (14), fl-4 ta’ Ġunju 2012, mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja) bl-għan li L. M. jiġi akkużat b’żewġ reati kklassifikati, rispettivament, bħala “produzzjoni u trasformazzjoni illegali, kuntrabandu jew traffikar ta’ droga, materja prima, sostituti jew sostanzi psikotropiċi” u “parteċipazzjoni fi grupp jew assoċċjazzjoni kriminali bl-għan li jitwettqu reati”. Skont dan il-mandat ta’ arrest, bejn l-2002 u r-rebbiegħa tal-2006, f’Poznań u f’Włocławek, L. M. ħa sehem f’organizzazzjoni kriminali li kellha, b’mod partikolari, l-għan tat-traffikar tad-droga fi kwantitajiet kbar. Huwa ssuspettat li, matul l-istess perijodu, biegħ minn tal-inqas 50 kg ta’ amfetamina b’valur ta’ mill-inqas 225 000 złote Pollakki (PLN), 200 000 pillola tal-ecstasy b’valur ta’ mill-inqas PLN 290 000 u mill-inqas 3.5 kg ta’ marijuana b’valur ta’ mill-inqas PLN 47 950 .

19.      It-tieni mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ (15), fl-1 ta’ Frar 2012, mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) bl-għan li L. M. jiġi akkużat b’żewġ reati, it-tnejn ikklassifikati bħala “traffikar illegali ta’ drogi u ta’ sustanzi psikotropoċi”. Skont dan il-mandat ta’ arrest, fis-sajf tal-2007, L. M. ikkunsinna fl-Olanda mill-inqas 6 kg ta’ marijuana, u mbagħad mill-inqas 5 kg ta’ marijuana. Ittra tal-awtorità ġudizzjarja emittenti tippreċiża li l-marijuana kkunsinnata minn L. M. lill-membri l-oħra tal-organizzazzjoni kriminali li minnha huwa kien jifforma parti kienet imbagħad inbiegħet lilu sabiex jiddistribwixxiha fil-Polonja.

20.      It-tielet mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ (16), fis-26 ta’ Settembru 2013, mis-Sąd Okręgowy w Włocławku (il-Qorti Reġjonali ta’ Włocławek, il-Polonja), bl-għan li L. M. jiġi akkużat b’reat ikklassifikat bħala “produzzjoni u trasformazzjoni illegali, kuntrabandu jew traffikar ta’ droga, materja prima, sostituti jew sostanzi psikotropiċi”. Skont dan il-mandat ta’ arrest, bejn Lulju 2006 u Novembru 2007, f’Włocławek, L. M. ipparteċipa fit-traffikar ta’ mill-inqas 30 kg ta’ amfetamina b’valur ta’ mill-inqas PLN 150 000, ta’ 55 000 pillola ta’ ecstasy b’valur ta’ mill-inqas PLN 81 000, u ta’ mill-inqas 7.5 kg ta’ marijuana b’valur ta’ mill-inqas PLN 105 250.

21.      L. M. ġie arrestat fl-Irlanda fil-5 ta’ Mejju 2017. Huwa ma tax il-kunsens tiegħu għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Pollakki, għar-raġuni, b’mod partikolari, li minħabba r-riformi leġiżlattivi reċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka u tal-prosekutur pubbliku, huwa jinsab f’riskju reali li jsofri minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja fil-Polonja, bi ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

22.      Wara xi dewmien dovut, skont il-qorti tar-rinviju, għal diffikultajiet marbuta mal-għajnuna legali, għal tibdil tal-avukat u għal talbiet għal differiment sabiex jitressqu provi ġodda u tingħata informazzjoni ġdida fuq ir-riformi leġiżlattivi Pollakki, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) żammet seduta fl-1 u fit-2 ta’ Frar 2018. B’sentenza tat-12 ta’ Marzu 2018, il-High Court (il-Qorti Għolja) kkunsidrat li kien neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq id-domandi li kien fi ħsiebha tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Fit-23 ta’ Marzu 2018, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet, fuq il-bażi tal-proposta rraġunata tal-Kummissjoni u tal-Opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezia, li r-riformi leġiżlattivi adottati mir-Repubblika tal-Polonja f’dawn l-aħħar sentejn, meħuda fl-intier tagħhom, kienu jiksru l-valur komuni tal-Istat tad-dritt, imsemmi fl-Artikolu 2 TUE. Hija għalhekk ikkonkludiet li jeżisti riskju reali li l-konvenut fil-kawża prinċipali ma huwiex ser igawdi minn smigħ xieraq fil-Polonja, għaliex l-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja ma kinitx għadha ggarantita fil-Polonja u għaliex il-konformità mal-Kostituzzjoni Pollakka ma kinitx għadha żgurata.

24.      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi jekk it-tieni stadju tal-eżami stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198) huwiex applikabbli meta fl-Istat Membru emittenti jeżistu nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja ta’ natura tali li jikkostitwixxu ksur tal-Istat tad-dritt. Il-High Court (il-Qorti Għolja) hija tal-fehma li t-tieni stadju ta’ dan l-eżami ma huwiex applikabbli. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, ikun irrealistiku li l-persuna kkonċernata tkun meħtieġa tistabbilixxi li dawn in-nuqqasijiet għandhom effett fuq il-proċedura li hija s-suġġett tagħha.

25.      Barra minn hekk, il-High Court (il-Qorti Għolja) tikkunsidra li, minħabba n-natura sistemika tan-nuqqasijiet inkwistjoni, l-ebda garanzija individwali ma tista’ tingħata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti li tista’ twassal sabiex jiġi eskluż ir-riskju li tinsab fih il-persuna kkonċernata. Ikun irrealistiku li jkunu meħtieġa garanziji dwar il-persuna tal-prosekutur u tal-membri tal-kulleġġ ġudikant, inklużi l-imħallfin tal-appell, jew dwar l-osservanza tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali li jistgħu jikkonstataw in-natura antikostituzzjonali ta’ dispożizzjoni li jista’ jkollha effett fuq il-proċedura inkwistjoni.

26.      Għaldaqstant, il-High Court (il-Qorti Għolja) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Minkejja l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja [fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016] Aranyosi u Căldăraru [C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198], fejn qorti nazzjonali tiddetermina li hemm prova konvinċenti li l-kundizzjonijiet fl-Istat Membru emittenti huma inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minħabba li s-sistema ġudizzjarja nnifisha fl-Istat Membru emittenti ma għadhiex topera taħt l-istat tad-dritt, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni ulterjuri, b’mod speċifiku u preċiż, fir-rigward tat-tqegħid tal-individwu kkonċernat għar-riskju ta’ proċess inġust meta s-smigħ tal-kawża tiegħu se jseħħ fi ħdan sistema li ma għadhiex topera fl-istat tad-dritt?

2)      Jekk il-kriterju li għandu jiġi applikat jeħtieġ evalwazzjoni speċifika tar-riskju reali tal-persuna rikjesta ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja u fejn il-qorti nazzjonali kkonkludiet li hemm ksur sistemiku tal-istat tad-dritt, il-qorti nazzjonali, bħala l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, hija obbligata li tirreferi lura għall-awtorità ġudizzjarja emittenti għal kwalunkwe informazzjoni ulterjuri meħtieġa li tista’ tippermetti lill-qorti nazzjonali li teskludi l-eżistenza tar-riskju ta’ proċess inġust u, jekk iva, liema garanziji għal smigħ xieraq għandhom ikunu meħtieġa?”

27.      Fit-12 ta’ April 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li tistieden lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tressaq bil-miktub l-ispjegazzjonijiet kollha utli li jikkonċernaw din il-kawża, inkonformità mal-Artikolu 109(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha.

29.      Id-domandi preliminari kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-konvenut fil-kawża prinċipali, mill-Kummissjoni Ewropea u, abbażi tal-Artikolu 109(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, mir-Repubblika tal-Polonja. Dawn il-partijiet, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja, l-Ungerija u ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, instemgħu fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2018.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

30.      Il-Gvern Pollakk isostni li l-problema hija waħda ipotetika, għaliex ma teżisti l-ebda raġuni li tiġġustifika, taħt id-dritt għal smigħ xieraq, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni. Għalkemm ma jqajjimx espressament l-inammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, huwa jitlob madankollu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix għad-domandi li tressqu mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ungeriż isostni li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli għaliex il-problema hija ipotetika.

31.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (17).

32.      F’dan ir-rigward, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tassumi li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma mistennija li jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza preliminari. Fil-fatt, ir-raġuni għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ kontroversja (18).

33.      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha domanda dwar jekk huwiex suffiċjenti, sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li hija tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq minħabba nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, jew jekk hija għandhiex tiżgura wkoll li l-persuna mfittxija ser tkun esposta għal dan ir-riskju. Il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha wkoll domanda dwar liema informazzjoni u garanziji l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, jekk ikun il-każ, tikseb mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex tevita dan ir-riskju. Issa, L. M. huwa suġġett għal tliet mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-qrati Pollakki u l-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija tikkunsidra li n-nuqqasijiet li jolqtu s-sistema ġudizzjarja Pollakka huma tali li l-Istat tad-dritt jinsab ippreġudikat. Għaldaqstant, il-konsenja ta’ L. M. lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tiddependi fuq ir-risposta li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari. Għalhekk, id-domandi ma jistgħux jitqiesu li huma ipotetiċi.

34.      Għaldaqstant jien inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

1.      Osservazzjonijiet preliminari

35.      Nenfasizza li ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq minħabba nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, jiġifieri fuq l-ewwel stadju tal-eżami stabbilit fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198). Għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ dan ir-riskju. Fil-fatt, skont il-punt 88 ta’ din is-sentenza, meta jkollha quddiemha elementi li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju.

36.      Ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-konformità tal-leġiżlazzjoni Pollakka mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tal-Karta, ħlief fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (19). Madankollu, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tikkonstata, jekk ikun il-każ, il-ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, u mhux ir-riskju ta’ ksur ta’ din ir-regola.

37.      Nippreċiża wkoll li ma jistax jiġi kkunsidrat li, sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta deċiżjoni li, abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE, tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, mir-Repubblika tal-Polonja, tal-Istat tad-dritt, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax twettaq l-evalwazzjoni deskritta fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

38.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni li, jekk ikun il-każ, ser titwettaq mill-Kunsill fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) TUE ma għandhiex l-istess suġġett bħal dik imwettqa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-eżami deskritt fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198). Fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) TUE, il-Kunsill jevalwa jekk jeżistix riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri li jissemmew fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri d-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-Istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Bil-kuntrarju, fl-imsemmija sentenza Aranyosi u Căldăraru, l-eżami tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kien jirrigwarda l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, mhux ta’ valur komuni għall-Istati Membri, imma ta’ dritt fundamentali, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti.

39.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex suffiċjenti, sabiex hija tkun obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li hija tikkonstata li “l-kundizzjonijiet fl-Istat Membru emittenti huma inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minħabba li s-sistema ġudizzjarja nnifisha [f’dan l-Istat Membru] ma għadhiex topera taħt l-istat tad-dritt” (20). Għaldaqstant huwa fuq il-konsegwenzi ta’ dan il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq li hija mistoqsija l-Qorti tal-Ġustizzja u mhux fuq dawk tal-ksur tal-valur tal-Istat tad-dritt.

40.      Huwa minnu li, f’dan il-każ, teżisti preokkupazzjoni dwar l-indipendenza tal-Imħallfin u dwar is-separazzjoni tal-poteri, u għaldaqstant dwar id-dritt għal smigħ xieraq, li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-proposta rraġunata tagħha (21). Madankollu, xorta waħda jista’ jkun hemm riskju ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fl-Istat Membru emittenti anki jekk dan ma jiksirx l-Istat tad-dritt. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi kkontestat li ż-żewġ evalwazzjonijiet imwettqa, rispettivament, mill-Kunsill u mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, kif deskritti fil-punt 38 hawn fuq, ma għandhomx l-istess suġġett.

41.      Fit-tieni lok, il-konstatazzjoni mill-Kunsill tal-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri li jissemmew fl-Artikolu 2 TUE ma għandhiex l-istess konsegwenzi bħall-konstatazzjoni, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur ta’ dritt fundamentali.

42.      Fil-fatt, il-konstatazzjoni, mill-Kunsill, tal-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, minn Stat Membru, tal-valuri li jissemmew fl-Artikolu 2 TUE għandha bħala unika konsegwenza li tippermetti, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill Ewropew li jikkonstata, abbażi tal-Artikolu 7(2) TUE, l-eżistenza ta’ ksur gravi u persistenti ta’ dawn il-valuri. Għaldaqstant huwa abbażi tal-konstatazzjoni ta’ ksur, u mhux ta’ sempliċi riskju ta’ ksur, li l-Kunsill jista’, inkonformità mal-Artikolu 7(3) TUE, jissospendi wħud mid-drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE għall-Istat Membru kkonċernat. Huwa jista’, b’mod partikolari, jissospendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, kif tipprevedi l-premessa 10 tagħha.

43.      Bil-kuntrarju, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ sempliċi riskju reali ta’ ksur tal-projbizzjoni tat-trattament inumani jew degradanti tobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Madankollu, din tista’ tissospendi biss l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni (22).

44.      Għaldaqstant jien naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Olandiż li, fis-seduta, sostna li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE għandha funzjoni kompletament differenti mill-eżami li għandu jitwettaq mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni b’applikazzjoni tas-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198). L-imsemmija proċedura tippermetti lill-Unjoni tintervjeni f’każ ta’ ksur serju u persistenti, minn Stat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. L-imsemmi eżami jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

45.      Fit-tielet lok, ninnota li l-Artikolu 7(1) TUE ma jipprevedix it-terminu li fih il-Kunsill, adit bi proposta rraġunata, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri li jissemmew fl-Artikolu 2 TUE. Huwa lanqas ma jipprevedi li, jekk jikkunsidra li dan ir-riskju ma jeżistix, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni f’dan is-sens. Għalhekk, il-kunsiderazzjoni li, sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tevalwa jekk jeżistix riskju reali ta’ ksur ta’ dritt fundamentali fl-Istat Membru emittenti, twassal sabiex tipprojbixxi lil din l-awtorità, tal-inqas għal żmien indeterminat, li tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Ninnota li, f’dan il-każ, il-proposta rraġunata tal-Kummissjoni ġiet adottata fl-20 ta’ Diċembru 2017 u sal-lum, il-Kunsill għadu ma adottax deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE (23).

2.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

46.      Bl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni stadju tal-eżami stabbilit fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198) huwiex applikabbli meta l-Istat Membru emittenti jikser id-“dritt fundamentali għal smigħ xieraq”. Issa, għalkemm id-domanda nnifisha ma tindikax fuq liema att huwa bbażat id-dritt għal smigħ xieraq, il-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirreferu għall-Artikolu 6 tal-KEDB.

47.      F’dan ir-rigward, ninnota li, għalkemm, kif jispeċifika l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm, kif jipprevedi l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet li jinsabu fiha u li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma taderixxix magħha, strument ġuridiku integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (24).

48.      Issa, mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (25) jirriżulta li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB, dwar id-dritt għal smigħ xieraq.

49.      Għalhekk, għandha ssir referenza biss għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (26).

50.      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija jekk huwiex suffiċjenti, sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li hija tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju reali (27) ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, jew jekk hija għandhiex tiżgura wkoll li l-persuna kkonċernata minn dan il-mandat ser tkun esposta għal dan ir-riskju.

51.      Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nistaqsi, l-ewwel nett, jekk riskju reali ta’ ksur, mhux tal-Artikolu 4 tal-Karta, inkwistjoni fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), imma tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-istess att, jistax iwassal għall-posponiment tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Ladarba, fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ, sejjer imbagħad neżamina jekk huwiex kull ksur tad-dritt għal smigħ xieraq li jista’ jwassal għall-posponiment tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat, jew jekk għandux ikun biss ksur partikolarment gravi, bħalma hija ċaħda flagranti tal-ġustizzja. Fl-aħħar nett, sejjer niddiskuti l-applikabbiltà tat-tieni stadju tal-eżami stabbilit fl-imsemmija sentenza Aranyosi u Căldăraru għall-ipoteżi li jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja minħabba nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti (għaliex, fil-fehma tiegħi, riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja huwa l-kriterju rilevanti). Nindika mill-bidu li, fil-fehma tiegħi, it-tieni stadju ta’ dan l-eżami għandu jkun applikabbli għal din l-ipoteżi.

a)      Riskju reali ta’ ksur, mhux tal-Artikolu 4 tal-Karta, imma tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tagħha, għandu jwassal għar-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?

52.      Il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), il-Gvern Olandiż, il-Gvern Pollakk (28) u l-Kummissjoni jikkunsidraw li riskju ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jwassal għal obbligu ta’ posponiment tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L. M., l-istess bħall-qorti tar-rinviju u, milli jidher, il-Gvern Spanjol iqisu li dan huwa fatt stabbilit (29).

53.      Fid-dawl tal-importanza tiegħu, jidhirli li huwa neċessarju li neżamina dan il-punt.

54.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi l-“ġebla tax-xewka” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (30), min-naħa tiegħu jistrieħ fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fil-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 191 u 192), il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jimponi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati li jikkunsidra, ħlief “f’każijiet eċċezzjonali”, li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti b’dan id-dritt. Għalhekk, ma huwiex possibbli għall-Istati Membri, ħlief “f’każijiet eċċezzjonali”, li jivverifikaw jekk Stat Membru ieħor ikunx effettivament osserva, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti bid-dritt tal-Unjoni.

55.      Kif indikajt iktar ’il fuq (31), huwa fuq il-possibbiltà li jiġu ammessi, “f’każijiet eċċezzjonali”, limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi, kif ukoll fuq l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas li bbażat ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), ikkonkludiet li jeżisti obbligu ta’ posponiment tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Dawn il-limitazzjonijiet juru li l-fiduċja reċiproka ma hijiex fiduċja għamja (32).

56.      Issa, sa issa limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kienu ammessi biss fir-rigward tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Karta, fir-rigward kemm tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll tal-konsenja, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu (34).

57.      Ninnota, f’dan ir-rigward, li, għalkemm il-projbizzjoni tat-trattamenti inumani jew degradanti prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta għandha natura assoluta (35), mhux l-istess jgħodd għad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit bl-Artikolu 47 tagħha. Fil-fatt, dan jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet (36).

58.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, minn dan ma jistax jiġi argumentat li riskju ta’ ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax iwassal għall-posponiment tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Sharpston (37).

59.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas li jindika li, meta jimplimentawha, l-Istati Membri huma obbligati josservaw biss id-drittijiet fundamentali li ma jammettu l-ebda limitazzjoni, bħall-Artikolu 4 tal-Karta.

60.      Fit-tieni lok, infakkar li d-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji, li tissostitwixxi l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri, li kienet timplika l-intervent u l-evalwazzjoni tal-poter politiku (38).

61.      Issa, hija biss deċiżjoni mogħtija fi tmiem proċedura ġudizzjarja li tissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li, fil-fehma tiegħi, tista’ tibbenefika mir-rikonoxximent reċiproku taħt id-Deċiżjoni Qafas.

62.      F’dan ir-rigward, ninnota li, fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 54), li, verament, ma kinitx tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, imma dik tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “l-osservanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tal-Unjoni li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni [tar-Regolament Brussell Ia] tippresupponi, b’mod partikolari, li s-sentenzi li l-eżekuzzjoni tagħhom hija mitluba fi Stat Membru ieħor ikunu ngħataw fi proċeduri ġudizzjarji li joffru garanzija ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kif ukoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju” (40).

63.      Hekk ukoll, jidhirli li r-rikonoxximent reċiproku tal-mandati ta’ arrest Ewropej jippresupponi li l-pieni li minħabba l-eżekuzzjoni tagħhom ikunu nħarġu jkunu ngħataw fi tmiem proċedura ġudizzjarja li tosserva, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fir-rigward tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għal finijiet ta’ prosekuzzjoni, jidhirli li dawn għandhom ikunu suġġetti għall-istess rekwiżit bħal dawk maħruġa għal finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena. L-eżekuzzjoni tagħhom tippresupponi, fil-fatt, li l-prosekuzzjoni fl-Istat Membru emittenti ser titmexxa quddiem awtorità ġudizzjarja indipendenti u imparzjali.

64.      Barra minn hekk, din hija l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Bobek, li jgħid li “sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw għas-sistema Ewropea ta’ rikonoxximent reċiproku (fi kwalunkwe qasam tad-dritt – kriminali, ċivili, amministrattiv), il-qrati nazzjonali għandhom jissoddisfaw il-kriterji li jiddefinixxu ‘qorti’ fid-dritt tal-Unjoni, inkluż l-indipendenza tagħha”. L-Avukat Ġenerali Bobek jikkonkludi li, jekk “il-qrati kriminali ta’ Stat Membru ma jkunux iktar jistgħu jiggarantixxu d-dritt għal proċess xieraq”, “l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka ma tkunx ippreġudikata [ma tkunx għadha tgħodd]” u r-“rikonoxximent reċiproku awtomatiku” ikun għalhekk eskluż (41).

65.      Għaldaqstant, jekk jeżisti riskju reali li l-proċedura mibdija fl-Istat Membru emittenti ma tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-premessa li fuqha huwa bbażat l-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ kull mandat ta’ arrest Ewropew, prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, tiġi nieqsa. Ir-riskju ta’ ksur fl-Istat Membru emittenti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jista’ għalhekk jipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (42).

66.      Fit-tielet lok, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tipprojbixxi lill-Istati kontraenti milli jkeċċu persuna meta, fil-pajjiż tad-destinazzjoni, din tinsab f’riskju reali li tkun suġġetta, mhux biss għal trattamenti kuntrarji għall-Artikolu 3 tal-KEDB (43) jew għall-piena tal-mewt (44), bi ksur tal-Artikolu 2 tal-KEDB u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 għall-KEDB (45), imma wkoll għal ċaħda flagranti tal-ġustizzja, bi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB (46).

67.      Għaldaqstant inqis li riskju ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jagħti lok għal obbligu ta’ posponiment tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

68.      Madankollu, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi li fihom, skont l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191), għandhom ikunu ammessi limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandu jiġi investigat jekk l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhiex tiġi posposta meta jeżisti riskju reali ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jew jekk din għandhiex tiġi posposta biss meta jeżisti riskju reali ta’ ksur partikolarment serju ta’ din id-dispożizzjoni.

b)      Kull ksur, tkun xi tkun is-serjetà tiegħu, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jwassal għall-posponiment tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?

1)      Introduzzjoni

69.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li fid-dritt Irlandiż, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata ma tipproċedix għall-konsenja jekk jeżisti riskju reali li l-persuna kkonċernata tkun esposta, fl-Istat Membru emittenti, għal ċaħda flagranti tal-ġustizzja (47).

70.      Il-ġurisprudenza Irlandiża hija konformi ma’ dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, fis-sentenza Soering vs Ir-Renju Unit, dik il-qorti ddeċidiet li deċiżjoni ta’ estradizzjoni “[tista’] eċċezzjonalment tqajjem problema fuq it-terren [tal-Artikolu 6 tal-KEDB] fil-każ fejn il-maħrub ikun sofra jew jirriskja li jsofri minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (48).

71.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lil-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhiex tiġi posposta meta jeżisti riskju reali ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jew jekk għandhiex tiġi posposta biss meta jeżisti riskju reali ta’ ksur partikolarment gravi ta’ din id-dispożizzjoni, bħal ċaħda flagranti tal-ġustizzja, jidhirli li huwa neċessarju li tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Fil-fatt, din il-kwistjoni ssegwi minn dik eżaminata fil-punti 52 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, it-tieni domanda preliminari espressament tagħmel referenza għar-riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja.

2)      Rekwiżit ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja

72.      Inqis li ma huwiex suffiċjenti, sabiex ikun meħtieġ li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tiġi posposta, li jeżisti riskju reali ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Huwa meħtieġ li jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja.

73.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, hija ġurisprudenza stabbilita li l-limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka għandhom jiġu interpretati ristrettivament (49).

74.      Fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew. Huma jistgħu jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat biss għall-motivi li huma enumerati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi r-regola, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat hija kkonċepita bħala eċċezzjoni li, bħala tali, għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva (50).

75.      Fit-tieni lok, kif imsemmi hawn fuq (51), id-dritt għal smigħ xieraq jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, sakemm dawn josservaw, b’mod partikolari, il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt, kif jipprevedi l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

76.      Għalhekk, jidhirli li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss jekk jeżisti riskju reali ta’ ksur, mhux tad-dritt għal smigħ xieraq, imma tal-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt.

77.      Fi kliem ieħor, fir-rigward ta’ dritt ta’ natura assoluta bħalma hija l-projbizzjoni tat-trattamenti inumani jew degradanti, huwa suffiċjenti, sabiex ikun obbligatorju li tiġi posposta l-eżekuzzjoni, li jeżisti riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt. Bil-kuntrarju, fir-rigward ta’ dritt li ma għandux natura assoluta, bħalma huwa d-dritt għal smigħ xieraq, l-eżekuzzjoni għandha tiġi posposta biss jekk ir-riskju reali ta’ ksur jirrigwarda l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt.

78.      Fit-tielet lok, din il-pożizzjoni tikkorrispondi għal dik adottata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

79.      Fil-fatt, kif issemma hawn fuq (52), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li, sabiex Stat kontraenti jkun obbligat ma jkeċċix jew ma jestradixxix persuna, din il-persuna għandha tkun f’perikolu li fl-Istat rikorrenti ssofri, mhux minn sempliċi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, imma minn “ċaħda flagranti tal-ġustizzja” (53). Għaldaqstant, fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq, dik il-qorti ma tikkuntentax ruħha, bħalma tagħmel fir-rigward tal-projbizzjoni tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, minn sempliċi riskju reali ta’ “trattament kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-[KEDB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (54).

80.      F’hiex tikkonsisti, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ċaħda flagranti tal-ġustizzja?

81.      Skont dik il-qorti, “iċ-ċaħda flagranti tal-ġustizzja tmur lil hinn minn sempliċi irregolaritajiet jew nuqqasijiet ta’ garanzija għall-proċess li jkunu jinvolvu ksur tal-Artikolu 6 [tal-KEDB] li kieku dawn seħħew fl-Istat kontraenti nnifsu. Jeħtieġ li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ekwità tal-proċess iggarantit bl-Artikolu 6 [tal-KEDB] li jkun tant gravi li jwassal għall-annullament, jiġifieri għad-distruzzjoni tal-essenza nnifisha tad-dritt protett b’dan l-artikolu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (55).

82.      Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jistgħu jikkostitwixxu għalhekk ċaħda flagranti tal-ġustizzja li tipprojbixxi l-estradizzjoni jew it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata: sejbien ta’ ħtija in absentia mingħajr possibbiltà li jinkiseb eżami mill-ġdid tal-mertu tal-akkuża (56); proċess sommarju totalment nieqes mir-rikonoxximent tad-drittijiet tad-difiża (57); detenzjoni li r-regolarità tagħha ma tistax tiġi eżaminata minn qorti indipendenti u imparzjali; rifjut deliberat u sistematiku li individwu, b’mod partikolari individwu detenut f’pajjiż barrani, jitħalla jikkomunika ma’ avukat (58). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħti wkoll importanza lill-fatt li persuna ċivili tkun obbligata tidher quddiem qorti komposta, anki parzjalment, minn persuni militari, li jkunu jiddependu fuq il-poter eżekuttiv (59).

83.      Sa fejn naf jien, kien biss f’erba’ okkażjonijiet li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li estradizzjoni jew tkeċċija kienu jinvolvu ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Dawn kienu s-sentenza Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, fejn iċ-ċaħda flagranti tal-ġustizzja kienet tikkonsisti fl-ammissjoni ta’ elementi ta’ prova miksuba permezz tat-tortura; is-sentenza Husayn vs Polonja, fejn iċ-ċaħda flagranti tal-ġustizzja kienet tikkonsisti, b’mod partikolari, miż-żamma f’detenzjoni tar-rikorrent fuq il-bażi Amerikana ta’ Guantánamo għal tnax-il sena, mingħajr ma huwa kien akkużat; is-sentenza Al Nashiri vs Il-Polonja, mogħtija fl-istess jum tas-sentenza Husayn vs Il-Polonja u li fuqha jien nixtieq niddiskuti fit-tul; u reċentement is-sentenza Al Nashiri vs Ir-Rumanija (60).

84.      Fis-sentenza Al Nashiri vs Il-Polonja (61), ir-rikorrent, ċittadin Sudaniż, kien inqabad fl-Emirati Għarab Magħquda u ttrasferit lejn ċentru ta’ detenzjoni sigriet fil-Polonja, imbagħad lejn il-bażi militari Amerikana ta’ Guantánamo. Huwa kien akkużat quddiem kummissjoni militari li kienet tinsab fuq il-bażi ta’ Guantánamo talli organizza attentat ta’ suwiċidju mmirat kontra bastiment tal-gwerra Amerikan u talli pparteċipa f’attentat immirat kontra tanker Franċiż. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fir-rigward ta’ tliet fatturi. L-ewwel nett, il-kummissjoni militari inkwistjoni la kienet indipendenti u lanqas imparzjali u għalhekk ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Hija kienet ġiet ikkostitwita sabiex tiġġudika dwar “ċerti ċittadini barranin fil-gwerra kontra t-terroriżmu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma kinitx tifforma parti mis-sistema ġudizzjarja federali tal-Istati Uniti u kienet komposta esklużivament minn persuni militari. It-tieni nett, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ibbażat ruħha fuq is-sentenza tal-US Supreme Court (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti) (62) sabiex tiddeċiedi li dik il-kummissjoni ma kinitx qorti “stabbilita mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. It-tielet nett, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kienet teżisti probabbiltà qawwija li jintużaw elementi ta’ prova akkwistati bit-tortura kontra r-rikorrent (63).

85.      Nipproponi li nadotta l-kriterju adottat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u nikkunsidra li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi miċħuda biss fil-preżenza ta’ riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti.

3)      Karatterizzazzjoni ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati

86.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeżisti riskju reali li L. M. isofri, fl-Istat Membru emittenti, minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

87.      In-nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jammonta għal ċaħda flagranti tal-ġustizzja?

88.      Infakkar, f’dan ir-rigward, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ quddiem qorti indipendenti u imparzjali.

89.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ indipendenza jikkonsisti f’żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jissupponi li l-istanza tkun protetta mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tat-tilwim imressqa quddiemha. It-tieni aspett, intern, jinvolvi l-kunċett ta’ imparzjalità u jfittex l-ekwidistanza fil-konfront tal-partijiet fil-kawża u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (64). Tali garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli, fil-moħħ tal-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi li tkun affrontata bihom (65).

90.      Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi eskluż li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi ċaħda flagranti tal-ġustizzja.

91.      Fil-fatt, minn naħa, fis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 41 u 42), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-preżervazzjoni tal-indipendenza [tal-qrati nazzjonali] hija primordjali” u li l-“garanzija tal-indipendenza […] hija inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni” (66). B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ garanziji fil-qasam ta’ kompożizzjoni tal-qorti tirrappreżenta l-ġebla tax-xewka tad-dritt għal smigħ xieraq (67).

92.      Min-naħa l-oħra, fis-sentenzi Al Nashiri vs Il-Polonja u Al Nashiri vs Ir-Rumanija (68), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-kummissjoni militari stabbilita fuq il-bażi ta’ Guantánamo la kienet indipendenti u lanqas ma kienet imparzjali, u għalhekk ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (69).

93.      Madankollu, nenfasizza li n-nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ qorti jista’ jitqies li jikkostitwixxi ċaħda flagranti tal-ġustizzja biss jekk ikun ta’ gravità tali li jġib fix-xejn l-ekwità tal-proċess. Issa, kif innotat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, teżisti differenza kruċjali bejn l-ammissjoni ta’ elementi ta’ prova akkwistati bit-tortura, inkwistjoni f’dik is-sentenza, u ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB dovuti, pereżempju, għall-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikant (70).

94.      Fuq kollox, nerġa’ ninsisti fuq il-fatt li s-sentenzi Al Nashiri vs Il-Polonja u Al Nashiri vs Ir-Rumanija (71), li, sal-lum huma l-uniċi fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati tal-pajjiż destinatarju, kienu jikkonċernaw qrati straordinarji, kompetenti fil-qasam ta’ terroriżmu, u komposti esklużivament minn persuni militari.

95.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jekk, f’dan il-każ, l-allegat nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati Pollakki huwiex tant gravi li jġib fix-xejn l-ekwità tal-proċess, u minħabba f’hekk, jikkostitwixxi ċaħda flagranti tal-ġustizzja. Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru, għal dan l-għan, hija għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi, u debitament ivverifikati fuq il-kundizzjonijiet prevalenti fl-Istat Membru emittenti, li juru r-realtà ta’ nuqqasijiet li jolqtu s-sistema ġudizzjarja Pollakka (72). F’dan ir-rigward, il-proposta rraġunata tal-Kummissjoni, l-istess bħall-Opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezia, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – bil-kundizzjoni, u ser nerġa’ niġi lura għal dan il-punt, li l-qorti tar-rinviju tinforma ruħha dwar eventwali żviluppi fis-sitwazzjoni fil-Polonja li jkunu seħħew wara dawn id-dokumenti.

96.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja minħabba nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, hija obbligata, abbażi ta’ din il-konstatazzjoni biss, tipposponi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew? Jew għandha tkompli l-eżami u tikkonstata li l-persuna kkonċernata b’dan il-mandat hija esposta għal dan ir-riskju? Hija din il-kwistjoni li issa sejjer nindirizza.

c)      L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonstata li l-persuna kkonċernata qiegħda f’riskju li ssofri minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja?

1)      Introduzzjoni u osservazzjonijiet tal-partijiet

97.      Fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 91 sa 93), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif diġà ddikjarajt, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss jekk hija tikkonstata, minn naħa, li jeżisti, fl-Istat Membru emittenti, riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba kundizzjonijiet ġenerali ta’ detenzjoni f’dan l-Istat Membru, u, min-naħa l-oħra, li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta għal dan ir-riskju (73). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet tas-sistema karċerarja, anki jekk ta’ natura ġenerali, ma tolqotx neċessarjament iċ-ċentri ta’ detenzjoni kollha. Għaldaqstant, mill-konstatazzjoni waħedha tal-eżistenza ta’ nuqqasijiet tas-sistema karċerarja ma jistax jiġi konkluż li l-persuna kkonċernata ser tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti.

98.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-ipoteżi li n-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti huma partikolarment gravi, jiġifieri fejn dan l-Istat Membru ma għadux josserva l-Istat tad-dritt, hija għandha tirrifjuta l-konsenja mingħajr ma jkollha tivverifika jekk il-persuna kkonċernata hijiex ser tkun esposta għal dan ir-riskju (74).

99.      Il-Ministru jsostni li t-tieni stadju tal-eżami stabbilit fl-imsemmija sentenza Aranyosi u Căldăraru huwa applikabbli. Jekk ma jkunx hekk, dan ser iwassal għal rifjut sistematiku tal-awtoritajiet ġudizzjarji Irlandiżi milli jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mir-Repubblika tal-Polonja. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li dan ir-rifjut sistematiku la ser ikun konformi mal-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas, la mal-prinċipju ta’ valur kostituzzjonali li hija l-fiduċja reċiproka, u lanqas mal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 4 TUE.

100. L. M. jikkunsidra li t-tieni stadju tal-eżami stabbilit fl-imsemmija sentenza Aranyosi u Căldăraru ma għandux jiġi applikat għal sitwazzjoni fejn il-fiduċja li għandu jkollhom l-Istati Membri fl-osservanza mir-Repubblika tal-Polonja tal-iktar valur fundamentali, jiġifieri l-Istat tad-dritt, tkun purament u sempliċement annullata.

101. Il-Gvern Spanjol huwa tal-opinjoni li t-tieni stadju tal-eżami stabbilit fl-imsemmija sentenza Aranyosi u Căldăraru għandu jkun applikabbli. Il-Gvern Ungeriż jikkunsidra li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqasijiet tas-sistema legali Pollakka tista’ titwettaq biss fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE u li, għalhekk, l-ewwel stadju tal-eżami ddefinit f’dik l-istess sentenza ma twettaqx. Anki kieku twettaq, skont il-Gvern Ungeriż, it-tieni stadju ta’ dan l-eżami huwa applikabbli. Il-Gvern Olandiż isostni li dan it-tieni stadju huwa applikabbli.

102. Skont il-Gvern Pollakk, la jeżisti riskju ta’ ksur tal-Istat tad-dritt fil-Polonja, u lanqas riskju ta’ ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata, L. M., għal smigħ xieraq. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tibbaża ruħha fuq il-proposta rraġunata tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-ksur tal-Istat tad-dritt fil-Polonja, għaliex, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni Pollakka ġiet emendata wara l-adozzjoni ta’ din il-proposta rraġunata. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-ksur tal-Istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, għaliex din il-kompetenza tmiss, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, lill-Kunsill Ewropew. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma hija kompetenti sabiex tissospendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, billi din il-kompetenza tmiss lill-Kunsill, inkonformità mal-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma stabbilixxietx li L. M. innifsu ser ikun espost għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Fil-fatt, b’mod partikolari, din il-qorti setgħet tindika biss raġunijiet ipotetiċi għaliex L. M. ser ikun espost għal riskju li ma jibbenefikax minn smigħ xieraq.

103. Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni stadju tal-eżami ddefinit fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru msemmija iktar ’il fuq huwa applikabbli. Iċ-ċirkustanza li Stat Membru jkun is-suġġett ta’ proposta rraġunata fis-sens tal-Artikolu 7(1) TUE ma tfissirx li l-konsenja ta’ persuna lil dan l-Istat Membru ser tesponiha awtomatikament għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Fil-fatt, ma jistax ikun eskluż li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ser imexxu kawża bl-indipendenza rikjesta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, għandu jkun rikjest eżami individwali ta’ kull każ. Sabiex twettaq dan l-eżami individwali sewwa, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-identità tal-persuna kkonċernata (b’mod partikolari fil-każ ta’ opponent politiku jew jekk il-persuna tkunx tappartjeni lil minoranza soċjali jew etnika suġġetta għal diskriminazzjoni) kif ukoll in-natura u ċ-ċirkustanzi tar-reat li dwaru hija tinsab akkużata (b’mod partikolari jekk dak ir-reat huwiex ta’ natura politika, jekk ikunx twettaq fl-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni jew ta’ assoċjazzjoni, jew jekk kienx is-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi min-naħa tar-rappreżentanti tal-poter fil-gvern). Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju jkollha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-ġudikanti li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-irtirar (li jkunu jiddependu fuq deċiżjoni diskrezzjonarja tal-poter eżekuttiv sabiex jibqgħu fil-kariga lil hinn minn dik l-età) jew tar-regoli dwar il-promozzjoni tal-ġudikanti.

2)      Rekwiżit ta’ eżami individwali

104. Inqis li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma hijiex obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ħlief meta tikkonstata, mhux biss li jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja minħabba nuqqasijiet li jolqtu s-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, imma wkoll li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta għal dan ir-riskju.

105. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ninnota li, skont l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 192), il-verifika eċċezzjonali mill-Istati Membri tar-rispett tad-drittijiet fundamentali minn Stat Membru ieħor tista’ tirrigwarda biss l-osservanza ta’ dawn id-drittijiet “f’każ konkret”.

106. Fil-fehma tiegħi, deċiżjoni fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mingħajr ma jiġi vverifikat li l-persuna kkonċernata hija esposta għar-riskju ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja li hija tqis li hija kkostitwita min-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tkun inkompatibbli mal-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas, li tindika li “l-implimentazzjoni [tal-mandat ta’ arrest Ewropew] jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur sejru u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [TUE], determinati mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [TUE]”. Din il-premessa 10 tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissospendu l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fir-rigward ta’ Stat Membru, ħlief meta l-Kunsill Ewropew ikun adotta, fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, deċiżjoni bbażata fuq dak li llum huwa l-Artikolu 7(2) TUE (75). Bil-kuntrarju, hija ma tipprojbixxix lil Stat Membru milli jissospendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas “f’każ konkret”, jiġifieri milli jipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew partikolari. Ninnota barra minn hekk li, fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), dan il-posponiment ġie ammess mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-assenza ta’ tali deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew.

107. Barra minn hekk, sakemm is-sospensjoni tirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas “f’każ konkret”, ma għandux ikun hemm vjolazzjoni tal-ugwaljanza bejn l-Istati Membri stabbilita bl-Artikolu 4(2) TUE.

108. Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li fil-Polonja jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja minħabba r-riformi reċenti tas-sistema ġudizzjarja (76), ma jistax jiġi dedott minn daqshekk li l-ebda qorti Pollakka ma tista’ tisma’ kawża, tkun xi tkun, fl-osservanza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Naqbel perfettament mal-argument tal-Kummissjoni li, “anki jekk ġie kkonstatat li l-Istat tad-dritt fl-Istat Membru emittenti huwa mhedded serjament [….], ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm kuntesti li fihom il-kapaċità tal-qrati sabiex imexxu proċess bl-indipendenza neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt fundamentali stabbilit bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tkun ippreżervata”.

109. Fit-tielet lok, sabiex tiddetermina jekk jeżistix riskju reali ta’ trattamenti kuntrarji għall-Artikolu 3 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem “teżamina l-konsegwenzi prevedibbli tar-rinviju tar-rikorrent fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, kont meħud tas-sitwazzjoni ġenerali fih u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-persuna kkonċernata” (77) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont dik il-qorti, il-fatt li teżisti problema ġenerali fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiż partikolari ma jistabbilixxix, waħdu, li r-rinviju tal-persuna kkonċernata lejn dan il-pajjiż ser ikun kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-KEDB (78). Hekk ukoll, sabiex jiġi vverifikat jekk jeżistix riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tieħu inkunsiderazzjoni, fil-prattika, mhux biss is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, imma wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari tal-persuna kkonċernata (79).

110. Pereżempju, fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB, fis-sentenza Mo. M. vs Franza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li rinviju tar-rikorrent lejn iċ-Ċad, minn fejn kien ħarab wara li kien ġie arrestat mis-servizzi sigrieti taċ-Ċad u ttorturat, kien jinvolvi ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Dik il-qorti bbażat ruħha fuq ir-rapporti tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali u tal-osservaturi istituzzjonali, minn fejn kien jirriżulta li s-sitwazzjoni ġenerali fiċ-Ċad kienet ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ ħabsijiet militari mmexxija mis-servizzi sigrieti. Imbagħad, dik il-qorti eżaminat is-sitwazzjoni personali tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, hija nnotat, minn naħa, li ċertifikati mediċi kienu jixhdu li huwa kien diġà ġie ttorturat fiċ-Ċad, u, min-naħa l-oħra, li huwa kien f’riskju li jerġa’ jiġi ttorturat mill-ġdid jekk jiġi rrinvijat, għaliex fi Franza kien jimmilita fuq in-naħa tal-oppożizzjoni u jidher li huwa kien suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet taċ-Ċad tliet snin wara li kien telaq miċ-Ċad (80).

111. Fis-sentenza M. G. vs Il-Bulgarija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li r-rikorrent, li kien imfittex mill-awtoritajiet Russi sabiex jitressaq quddiem il-qrati kriminali ta’ Ingushetia, waħda mir-repubbliki tal-Kawkasu tat-Tramuntana, minħabba suspett li huwa kien jappartjeni lill-gwerilli Ċeċeni, kien jinsab f’riskju serju u stabbilit li jiġi ttorturat jekk jiġi estradit lejn ir-Russja. L-imsemmija qorti eżaminat, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni ġenerali fil-Kawkasu tat-Tramuntana, u kkonstatat li dan ir-reġjun għadu żona ta’ kunflitt armat, ikkaratterizzat, b’mod partikolari, minn eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, minn tortura u minn trattamenti inumani jew degradanti oħra. Fit-tieni lok, hija eżaminat is-sitwazzjoni personali tar-rikorrent u nnotat li kien suġġett ta’ proċeduri kriminali għal, b’mod partikolari, parteċipazzjoni fi grupp armat, preparazzjoni ta’ atti terroristiċi, traffikar ta’ armi u ta’ drogi, li s-servizzi sigriet Russi kienu qabdu kwantità kbira ta’ armi f’daru u li huwa kien issuspettat mill-awtoritajiet Russi b’appartenenza fi grupp armat Jihadista. Minn dan hija kkonkludiet li huwa kien partikolarment espost għal perikolu li jkun ittorturat kieku jiġi detenut fi stabbiliment fil-Kawkasu tat-Tramuntana (81).

112. Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, fis-sentenza Ahorugeze vs L-Isvezja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-estradizzjoni tar-rikorrent, ċittadin tar-Rwanda li jappartjeni lill-etnija Hutu, lejn ir-Rwanda, fejn huwa kien akkużat b’ġenoċidju u reati kontra l-umanità, ma kinitx ser tesponih għal riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja. Fil-fatt, dik il-qorti kkunsidrat, abbażi ta’ sentenzi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u ta’ informazzjoni pprovduta mill-inkwirenti Olandiżi u mill-Pulizija Norveġiża, li ma kienx stabbilit li l-qrati tar-Rwanda ma kinux indipendenti jew imparzjali. Barra minn hekk, hija eżaminat is-sitwazzjoni personali tar-rikorrent. Hija qieset li la ċ-ċirkustanza li huwa kien xhud għad-difiża quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda, la l-fatt li huwa kien mexxa l-Awtorità tar-Rwanda għall-Avjazzjoni Ċivili, u lanqas il-kundanna tiegħu għal distruzzjoni tal-proprjetà ta’ terzi matul il-ġenoċidju tal-1994, ma kienu ser jesponuh għal ċaħda flagranti tal-ġustizzja (82).

3)      Kif għandu jintwera li l-persuna kkonċernata tinsab f’riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti?

113. Jidhirli li, kif issostni l-Kummissjoni, sabiex jintwera li l-persuna kkonċernata hija esposta għar-riskju ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja inkwistjoni, għandu jiġi stabbilit li jeżistu ċirkustanzi partikolari marbuta jew ma’ dik il-persuna, jew mar-reat li bih hija akkużata jew ġiet ikkundannata, li jesponuha għal dan ir-riskju. Hekk, il-Kummissjoni tipproponi, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk il-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew hijiex opponent politiku jew jekk tappartjenix għal grupp soċjali jew etniku suġġett għal diskriminazzjonijiet. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk il-ksur li bih hija akkużata l-persuna kkonċernata huwiex ta’ natura politika jew jekk il-poter fil-gvern għamilx xi dikjarazzjonijiet pubbliċi li jikkonċernaw dan il-ksur jew il-piena applikabbli għalih. Jidhirli li dawn il-proposti għandhom jiġu adottati.

114. F’dan ir-rigward, ninnota li t-tieni sentenza tal-premessa 12 tad-Deċiżjoni Qafas tipprevedi espressament il-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ persuna meta jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest Ewropew kontra tagħha jkun inħareġ bl-għan li hija tiġi akkużata jew ikkastigata minħabba, b’mod partikolari, l-opinjonijiet politiċi tagħha.

115. F’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi rikjest mingħand il-persuna kkonċernata li hija tipprova li jeżistu motivi serji u ppruvati sabiex wieħed jemmen li jeżisti riskju reali li hija ssofri minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti. Din il-pożizzjoni tikkorrispondi għal dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tqis, barra minn hekk, li ladarba titressaq din il-prova, għandu jkun l-Istat inkwistjoni li jelimina kull dubju fuq dan is-suġġett (83).

116. F’dan il-każ, L. M. isostni li huwa jinsab fir-riskju reali li jsofri minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja fil-Polonja għaliex l-istat tad-dritt, “li l-essenza tiegħu huwa d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, li min-naħa tiegħu jista’ jiġi ggarantit biss bl-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti”, ma għadux jiġi osservat fil-Polonja (84).

117. Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk dawn l-allegazzjonijiet jistabbilixxux li, fil-każ tal-konsenja tiegħu lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, L. M. ser ikun espost għar-riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja riżultanti min-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, jekk jiġi preżunt li dan ir-riskju huwa stabbilit.

118. Madankollu, ninnota li L. M. fl-ebda mument ma indika kif ir-riformi reċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka ser jaffettwaw is-sitwazzjoni personali tiegħu. Huwa ma jispjegax kif in-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, jekk dawn jiġu stabbiliti, ser jipprekludu li l-kawża tiegħu tinstema’ minn qorti indipendenti u imparzjali. L. M. sempliċement jiddikjara, b’mod ġenerali, li s-sistema ġudizzjarja Pollakka ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt.

119. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa minn L. M. huma intiżi esklużivament sabiex jistabbilixxu li, minħabba n-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja, jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fil-Polonja, u mhux sabiex juru li, jekk huwa jiġi kkonsenjat lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, huwa stess ser ikun espost għal dan ir-riskju. Imma nfakkar li, kif innotat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li teżisti problema ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiż partikolari (jekk jitqies li din il-problema ġiet ipprovata) ma jistabbilixxix, waħdu, li r-rinviju tal-persuna kkonċernata lejn dan il-pajjiż ser jesponih għal riskju ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja (85). Pereżempju, fis-sentenza Yefimova vs Ir-Russja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li, għalkemm kellha raġuni sabiex tiddubita mill-indipendenza tal-ġudikanti tal-Każakstan, ir-rikorrenti la kienet uriet li dawn d-dubji kienu jikkostitwixxu riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja, u lanqas li, f’każ ta’ estradizzjoni tiegħu lejn il-Każakstan, hija kienet ser tkun esposta għal dan ir-riskju (86).

120. Infakkar, f’dan ir-rigward, li L. M. huwa akkużat bi traffikar ta’ drogi u li ma hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi li dan ir-reat jew saħansitra l-persuna stess ta’ L. M. għandhom xi karatteristiċi partikolari li jesponuh għar-riskju ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja allegata. Mistoqsi fuq dan il-punt fis-seduta, ir-rappreżentant ta’ L. M. ma pprovdiex spjegazzjonijiet iktar iddettaljati.

121. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta tikkonstata, mhux biss li jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja minħabba nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, imma wkoll li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ dan il-mandat hija esposta għal dan ir-riskju. Sabiex ksur tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkostitwixxi ċaħda flagranti tal-ġustizzja, jeħtieġ li dan il-ksur ikun tant serju li jġib fix-xejn il-kontenut essenzjali tad-dritt protett b’din id-dispożizzjoni. Sabiex jiġi determinat jekk il-persuna kkonċernata hijiex esposta għar-riskju ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja inkwistjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari marbuta kemm ma’ din il-persuna kif ukoll mar-reat li dwaru hija akkużata jew ġiet ikkundannata.

3.      Fuq it-tieni domanda preliminari

122. Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-ipoteżi li t-tieni stadju tal-eżami ddefinit fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198) huwa applikabbli u li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li l-Istat Membru emittenti jikser l-Istat tad-dritt minħabba nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja, din hijiex obbligata titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha, abbażi tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, kull informazzjoni komplementari neċessarja f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom hija ser jitmexxa l-proċess tal-persuna kkonċernata. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja liema garanziji hija tista’ takkwista mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-persuna kkonċernata ma tibbenefikax minn smigħ xieraq.

123. Ninnota li, fl-imsemmija sentenza Aranyosi u Căldăraru, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kienet obbligata titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, abbażi tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-informazzjoni komplementari neċessarja kollha dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna kkonċernata. Huwa biss jekk, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li jeżisti riskju reali li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti li din l-awtorità hija obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (87).

124. Il-Ministru huwa tal-opinjoni li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata titlob mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti l-informazzjoni kollha li hija tqis neċessarja. Is-suġġett ta’ din l-informazzjoni jista’ jiġi determinat biss każ b’każ, b’rabta mar-raġuni li għaliha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-persuna kkonċernata tinsab f’riskju reali li ma tibbenefikax minn smigħ xieraq. Ma jistax jiġi rikjest mingħand l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li hija turi l-assenza ta’ nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Pollakka.

125. L. M. jikkunsidra li ma għandhiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari. Huwa jippreċiża madankollu li, f’dan il-każ, l-ebda garanzija ma tista’ tiġi offerta li tkun adatta sabiex telimina l-preokkupazzjonijiet tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, għaliex in-nuqqasijiet inkwistjoni huma ta’ natura sistemika.

126. Skont il-Gvern Spanjol, l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas jippermetti li tinsab soluzzjoni meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha eżitazzjoni fuq id-deċiżjoni li għandha tingħata. Il-Gvern Ungeriż jikkunsidra li, peress li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma hijiex awtorizzata sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet tas-sistema legali Pollakka, hija ma tistax titlob lil dan l-Istat Membru jipprovdilha informazzjoni supplimentari. Il-Gvern Olandiż huwa tal-opinjoni li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tuża l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Il-Gvern Pollakk ma ppreżentax osservazzjonijiet fuq it-tieni domanda preliminari.

127. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni komplementari. Din it-talba għal informazzjoni tista’, b’mod partikolari, tikkonċerna l-iktar riformi leġiżlattivi reċenti. Madankollu, ma hemm l-ebda dubju li din l-informazzjoni ser tkun inqas adattata sabiex telimina d-dubji tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ħlief meta hija tirreferi, bħal fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru msemmija iktar ’il fuq, għall-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

128. Fil-fehma tiegħi, meta jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tuża l-fakultà li joffrilha l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas sabiex tikseb informazzjoni dwar, minn naħa, il-leġiżlazzjoni li setgħet ġiet adottata wara l-proposta rraġunata tal-Kummissjoni u l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezia (88), u min-naħa l-oħra, dwar il-karatteristiċi partikolari marbuta mal-persuna kkonċernata u n-natura tar-reat li jistgħu jesponu lil din il-persuna għar-riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja kkonstatat.

129. Fil-fatt, jidhirli li ma jistax jiġi eskluż li, b’mod partikolari fl-ipoteżi li l-persuna kkonċernata ma turix li hija stess ser tkun esposta għaċ-ċaħda flagranti tal-ġustizzja allegata, din it-talba għal informazzjoni ser tiċċara l-affarijiet għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

130. Jekk, fid-dawl tal-informazzjoni akkwistata abbażi tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkunsidra li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex f’riskju reali li ssofri minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, hija għandha teżegwixxi dan il-mandat.

131. Jekk, bil-kuntrarju, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkunsidra li l-persuna kkonċernata tinsab f’riskju reali li ssofri minn ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat għandha tiġi posposta imma ma tistax tiġi abbandunata (89). F’din l-ipoteżi, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu, konformement mal-Artikolu 17(7) tad-Deċiżjoni Qafas, jinforma lil Eurojust b’dan id-dewmien, filwaqt li jippreċiża r-raġunijiet għal dan il-postponiment. Jekk l-eżistenza ta’ dan ir-riskju ma tistax tiġi eskluża fi żmien raġonevoli, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li din il-proċedura ta’ konsenja tiġi tterminata (90).

132. Għaldaqstant ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, hija obbligata titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, abbażi tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-informazzjoni komplementari neċessarja kollha li tikkonċerna, jekk ikun il-każ, minn naħa, l-iżviluppi leġiżlattivi posterjuri għall-elementi li għandha quddiemha sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi partikolari marbuta mal-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew man-natura tar-reat li dwaru hija akkużata jew ġiet ikkundannata.

V.      Konklużjoni

133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti din ir-risposta għad-domandi rrinvijati lilha mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda):

1)      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u dwar il-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta tikkonstata, mhux biss li jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja minħabba nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, imma wkoll li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ dan il-mandat hija esposta għal dan ir-riskju. Sabiex ksur tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi ċaħda flagranti tal-ġustizzja, jeħtieġ li dan il-ksur ikun tant serju li jġib fix-xejn il-kontenut essenzjali tad-dritt protett b’din id-dispożizzjoni. Sabiex jiġi determinat jekk il-persuna kkonċernata hijiex esposta għar-riskju ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja inkwistjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari marbuta kemm ma’ din il-persuna kif ukoll mar-reat li dwaru hija akkużata jew ġiet ikkundannata.

2)      Meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li jeżisti riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, hija obbligata titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, abbażi tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, l-informazzjoni komplementari neċessarja kollha li tikkonċerna, jekk ikun il-każ, minn naħa, l-iżviluppi leġiżlattivi posterjuri għall-elementi li għandha quddiemha sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi partikolari marbuta mal-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew man-natura tar-reat li dwaru hija akkużata jew ġiet ikkundannata.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Dan jinvolvi, b’mod partikolari, in-nomina tal-membri tal-Qorti Kostituzzjonali u n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ wħud mid-deċiżjonijiet tagħha. Jinvolvi wkoll sistemi ġodda ta’ rtirar tal-Imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-Imħallfin tal-qrati tad-dritt ordinarju, il-proċedura l-ġdida ta’ rikorsi straordinarji fi ħdan il-Qorti Suprema, ir-revoka u n-nomina tal-presidenti tal-qrati tad-dritt ordinarju, kif ukoll it-tmiem tal-mandat tal-Imħallfin Membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura u l-proċedura ta’ nomina tagħhom.


3      Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, tal-20 ta’ Diċembru 2017, COM(2017) 835 final.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


5      ĠU 2009, L 81, p. 24.


6      Ara l-premessa 6 u l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas.


7      Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 36) u tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 80).


8      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 82 sa 88).


9      Fil-kawżi Aranyosi u Căldăraru, it-trattamenti inumani jew degradanti kienu jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija u fir-Rumanija.


10      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89).


11      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 93) (enfasi miżjuda minni).


12      Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia Nru 904/2017 tal-11 ta’ Diċembru 2017 fuq l-Abbozz ta’ Liġi li temenda l-Liġi fuq il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġustizzja, fuq l-Abbozz ta’ Liġi li temenda l-Liġi fuq il-Qorti Suprema proposti mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, u fuq il-Liġi fuq l-Organizzazzjoni tal-Qorti Ordinarji; u Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia Nru 892/2017 tal-11 ta’ Diċembru 2017 fuq il-Liġi dwar il-Prosekutur Pubbliku, kif emendata (iktar ’il quddiem l-“Opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezia”). Dawn id-dokumenti huma aċċessibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni ta’ Venezia fuq l-indirizz li ġej: http://www.venice.coe.int/webforms/events/.


13      European Arrest Warrant Act 2003.


14      Fil-proċedura 2013/295 EXT.


15      Fil-proċedura 2014/8 EXT.


16      Fil-proċedura 2017/291 EXT.


17      Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20).


18      Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 38), u tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 28 u 29).


19      Bħal dak li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita fil-kawża C‑192/18, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja.


20      Enfasi miżjud minni.


21      Ara l-punti 171 sa 186 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta rraġunata tal-Kummissjoni.


22      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Għal kull fini utli, ninnota li l-kuntest politiku li fih jidħol dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżaminah. B’hekk, jien nippreċiża li, pereżempju, id-duttrina Amerikana tal-“political questions” tikkunsidra b’mod ġenerali li l-qorti għandha tastjeni meta hija tqis li l-kwistjoni għandha titħalla għall-evalwazzjoni tal-poter eżekuttiv jew leġiżlattiv. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix dawn il-limiti fuq l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, f’dan il-każ, id-domandi li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “politiċi”, billi l-evalwazzjoni li għandha titwettaq fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-eżami stabbilit fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru, imsemmija iktar ’il fuq, hija distinta, kif diġà ddikjarajt, minn dik imwettqa mill-Kunsill fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) TUE.


24      Sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45), u tas-6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 21).


25      Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17). Nippreċiża li, skont dawn l-Ispjegazzjonijiet, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 13 tal-KEDB, intitolat “Dritt għal rimedju effettiv”. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa, min-naħa tiegħu, il-ġawhra ta’ ġurisprudenza tal-Qorti EDB.


26      Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 51), u tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 46 u 47).


27      Nippreċiża, fil-fatt, li, fis-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tipposponi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew meta hija tikkonstata li jeżisti riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti fl-Istat Membru emittenti, u mhux ksur tal-projbizzjoni ta’ dawn it-trattamenti (u li l-persuna kkonċernata hija esposta għal dan ir-riskju). Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk, il-fatt li s-sentenza Aranyosi u Căldăraru kienet tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-Karta “ma jfissirx li l-limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi ma jistgħux jiġu applikati sabiex jipproteġu drittijiet fundamentali oħra li ma għandhomx din in-natura assoluta, fosthom id-dritt għal smigħ xieraq”.


29      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ungeriż ma jindirizzax dan il-punt direttament.


30      Ara l-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas.


31      Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1013, punt 74). Ara, f’dan ir-rigward, Lenaerts, K., “La vie après l’avis: Exploring the principle of mutual (yet not blind) trust”, Common Market Law Review 2017, Nru 3, p. 805.


33      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).


34      Meta, fl-Istat Membru oriġinarjament indikat bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil abbażi tal-kriterji elenkati fir-Regolament Dublin III, jeżisti riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, l-applikant għall-ażil ma jistax jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat. L-Istat Membru li jipproċedi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandu jkompli bl-eżami ta’ dawn il-kriterji sabiex jiddetermina jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi indikat bħala dak responsabbli. Jekk dan ikun impossibbli, dan l-istess Stat isir l-Istat responsabbli. Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, li huwa kodifikazzjoni tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 94). Ara wkoll is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 65); tas-26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585, punt 41); u tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari (C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 101).


35      Sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 85); tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 56); tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59), u tal-24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja għal persuna li fil-passat kienet il-vittma ta’ torturi) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 36).


36      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal rimedju effettiv jista’ jkun suġġett għal limitazzjoni meta, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, din il-limitazzjoni hija prevista mil-liġi, tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija neċessarja u tirrispondi effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew għall-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 51; tas-17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis, C‑562/12, EU:C:2014:2229, punt 72; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95; tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 49; tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 62, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 90).


37      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Radu (C‑396/11, EU:C:2012:648, punt 97).


38      Ara l-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas u s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 41).


39      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell 1a”).


40      Enfasi miżjuda minni.


41      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:612, punt 86 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 16) (enfasi miżjuda minni).


42      F’dan ir-rigward, ninnota li, fis-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 61), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi l-għajnuna għall-irkupru tat-talbiet stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2010, L 84, p. 1) hija kklassifikata bħala “reċiproka”, dan “ifisser, b’mod partikolari, li hija l-awtorità applikanti li għandha toħloq, […] il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità rikjesta tista […] tagħti l-assistenza tagħha” (enfasi miżjuda minni).


43      Qorti EDB, 4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD002921712, punt 93).


44      Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111, punti 576 sa 579).


45      Protokoll Nru 13 għall-KEDB, dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt f’kull każ, iffirmat f’Vilnius fit-3 ta’ Mejju 2002.


46      Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punt 258).


47      Fil-fatt it-talba għal deċiżjoni preliminari tindika li “l-kriterju li jippermetti li jiġi determinat jekk l-Artikolu 6 tal-KEDB jopponix il-konsenja huwa stabbilit sew. Skont ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, il-persuna kkonċernata għandha tkun esposta għal riskju reali ta’ ċaħda ta’ ġustizzja flagranti. Fis-sentenza Minister for Justice, Equality and Law Reformv.Brennan [2007] IESC 24, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) iddeċidiet li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ‘bħal falliment kjarament ippruvat u fundamentali tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat rikjedenti’, li ksur tad-drittijiet stabbiliti bl-Artikolu 6 tal-KEDB jiġġustifika r-rifjut ta’ konsenja taħt il-Liġi tal-2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew”.


48      Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, punt 113).


49      Sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 50).


50      Sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 48).


51      Ara l-punt 57 u nota ta’ qiegħ-il paġna Nru 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, punt 113); 2 ta’ Marzu 2010, Al-Saadoon u Mufdhi vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2010:0302JUD006149808, punt 149); 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punt 258); 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111, punt 456 u 562 sa 564); u deċiżjoni tal-Qorti EDB tal-15 ta’ Ġunju 2017, Harkins vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2017:0615DEC007153714, punt 62).


54      Qorti EDB, 28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L-Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, punt 125).


55      Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punt 260); u 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111, punt 563).


56      Deċiżjoni tal-Qorti EDB tas-16 ta’ Ottubru 2001, Einhorn vs Franza (CE:ECHR:2001:1016DEC007155501, punt 33 u 34). F’dan il-każ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li ma kienx hemm ċaħda flagranti tal-ġustizzja għaliex ir-rikorrent, li kien ġie kkundannat għall-mewt fil-kontumaċja tiegħu minn qorti ta’ Pennsylvania seta’ jibbenefika minn proċess ġdid mar-ritorn tiegħu f’Pennsylvania, jekk jitolbu.


57      Qorti EDB, 8 ta’ Novembru 2005, Bader u Kanbor vs L-Isvezja (CE:ECHR:2005:1108JUD001328404, punt 47). Proċedura li fiha ma jkun instema’ l-ebda xhud fis-seduta, jew fejn l-elementi kollha ta’ prova eżaminati kienu ġew prodotti mill-prosekuzzjoni u fejn la l-akkużat, u lanqas l-avukat tiegħu, ma jkunu dehru hija kkaratterizzata min-natura sommarja tagħha u ċ-ċaħda tad-drittijiet tad-difiża.


58      Deċiżjoni tal-Qorti EDB tal-20 ta’ Frar 2007, Al-Moayad vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2007:0220DEC003586503, punti 100 sa 108). F’dan il-każ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li ma kienx hemm ċaħda flagranti tal-ġustizzja għaliex ir-rikorrent, li kien akkużat bi sħubija f’żewġ organizzazzjonijiet terroristiċi u kien is-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, ma kienx ser jiġi trasferit f’wieħed miċ-ċentri ta’ detenzjoni li jinsabu barra mill-Istati Uniti, fejn ma kienx ser ikollu aċċess għal avukat u kien ser jiġi ġġudikat minn qorti militari jew minn qorti speċjali oħra.


59      Qorti EDB, 12 ta’ Mejju 2005, Öcalan vs It-Turkija (CE:ECHR:2005:0512JUD004622199, punt 112); u 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111, punt 562).


60      Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punti 263 sa 287); 24 ta’ Lulju 2014, Husayn (Abu Zubaydah) vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD000751113, punt 559); 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111, punti 565 sa 569); u 31 ta’ Mejju 2018, Al Nashiri vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2018:0531JUD003323412, punti 719 sa 722).


61      Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111).


62      Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tinnota dan li ġej, fil-punt 567(ii) tas-sentenza tagħha: “[the military commission] did not have legitimacy under US and international law resulting in, as the Supreme Court found, its lacking the ‘power to proceed’ and […], consequently, it was not ‘established by law’ for the purposes of Article 6§1”.


63      Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111, punti 565 sa 569). Raġunament simili jidher fil-punti 719 sa 722 tas-sentenza tal-Qorti EDB tal-31 ta’ Mejju 2018, Al Nashiri vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2018:0531JUD003323412).


64      Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 51 u 52); tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punti 37 u 38), u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C‑685/15, EU:C:2017:452, punti 60 u 61).


65      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 53); digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C‑109/07, EU:C:2008:274, punt 24), u sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 97).


66      Ara wkoll is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 49); tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 60), u tat-13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 40).


67      Sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46); tad-19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament (C‑308/07 P, EU:C:2009:103, punt 42), u tal-31 ta’ Jannar 2018, Gyarmathy vs Franza (T‑196/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:47, punt 97).


68      Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111), u 31 ta’ Mejju 2018, Al Nashiri vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2018:0531JUD003323412).


69      Ara l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punt 265).


71      Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2014, Al Nashiri vs Il-Polonja (CE:ECHR:2014:0724JUD002876111), u 31 ta’ Mejju 2018, Al Nashiri vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2018:0531JUD003323412).


72      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89). Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 91).


73      Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 58); u d-digriet tas-6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (C‑473/15, EU:C:2017:633, punti 24 sa 26).


74      Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas ġiet adottata fit-13 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Frar 2003, tat-Trattat ta’ Nice (ĠU 2001, C 80, p. 1). Issa kien l-Artikolu 1(1) tat-Trattat ta’ Nice li introduċa l-ewwel paragrafu fl-Artikolu 7. Għalhekk, ir-referenza fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas għall-Artikolu 7(1) TUE għandha tiftiehem bħala referenza għall-Artikolu 7(2) TUE. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Evalwazzjoni li, kif innotat fil-punti 35 u 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.


77      Qorti EDB, 30 ta’ Ottubru 1991, Vilvarajah et vs Ir-Renju Unit (E:ECHR:1991:1030JUD001316387, punt 108); 28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L-Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, punt 130); 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punt 187), u 23 ta’ Marzu 2016, F. G. vs L-Isvezja (CE:ECHR:2016:0323JUD004361111, punt 120) (enfasi miżjuda minni).


78      Qorti EDB, 28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L-Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, punt 131); 25 ta’ April 2013, Savriddin Dzhurayev vs Ir-Russja (CE:ECHR:2013:0425JUD007138610, punti 153 u 169), u 25 ta’ Marzu 2014, M. G. vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2014:0325JUD005929712, punt 79).


79      Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punti 272 u 277 sa 279). Ara wkoll il-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80      Qorti EDB, 18 ta’ April 2013, Mo. M. vs Franza (CE:ECHR:2013:0418JUD001837210, punti 38 sa 43).


81      Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 2014, M. G. vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2014:0325JUD005929712, punti 87 sa 91).


82      Qorti EDB, 27 ta’ Ottubru 2011, Ahorugeze vs L-Isvezja (CE:ECHR:2011:1027JUD003707509, punti 125 sa 129).


83      Qorti EDB, 27 ta’ Ottubru 2011, Ahorugeze vs L-Isvezja (CE:ECHR:2011:1027JUD003707509, punt 116); 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punt 261), u 19 ta’ Frar 2013, Yefimova vs Ir-Russja (CE:ECHR:2013:0219JUD003978609, punt 220).


84      Nippreċiża li mis-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat-12 ta’ Marzu 2018, imsemmija fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-avukat ta’ L. M. ipprova jakkwista elementi ta’ prova dwar l-istat tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja. B’mod partikolari huwa ppreżenta, quddiem il-qorti tar-rinviju, dokument maħruġ minn organu uffiċjali Pollakk li l-identità preċiża tiegħu ma hijiex magħrufa mill-qorti tar-rinviju. Skont dan id-dokument, l-awtorità ġudizzjarja Pollakka hija indipendenti mill-poteri l-oħra, billi s-superviżjoni eżerċitata mill-Ministru għall-Ġustizzja fuq il-qrati ordinarji hija waħda purament amministrattiva u dan il-ministru ma jippreġudikax l-indipendenza tal-ġudikanti.


85      Ara l-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2011, Dzhaksybergenov vs L-Ukrajna (CE:ECHR:2011:0210JUD001234310, punt 37 u 44).


86      Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013, Yefimova vs Ir-Russja (CE:ECHR:2013:0219JUD003978609, punti 221 sa 225). Ara wkoll Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punti 284 u 285).


87      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 95 sa 98).


88      Ninnota, f’dan ir-rigward, li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Pollakk jikkritika lill-qorti tar-rinviju talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riformi leġiżlattivi posterjuri għall-adozzjoni tal-proposta rraġunata tal-Kummissjoni.


89      Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 38), u tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 98).


90      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 104).