Language of document : ECLI:EU:C:2007:772

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Trasport marittimu − Dritt ta’ stabbiliment − Drittijiet fundamentali − Għanijiet tal-politika soċjali Komunitarja − Azzjoni kollettiva ta’ organizzazzjoni sindakali kontra impriża privata − Ftehim kollettiv ta’ natura tali li jiddisdwadi impriża milli tirreġistra vapur taħt il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor”

Fil-kawża C-438/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura:

International Transport Workers’ Federation,

Finnish Seamen’s Union

vs

Viking Line ABP,

OÜ Viking Line Eesti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, A. Rosas, K. Lenaerts, U. Lõhmus u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: Lynn Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-10 ta’ Jannar 2007,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal International Transport Workers’ Federation, minn M. Brealey, QC, assistit minn M. Demetriou, barrister, irrappreżentata minn D. Fitzpatrick, solicitor,

–        għal Finnish Seamen’s Union, minn M. Brealey, QC, assistit minn M. Demetriou, barrister, irrappreżentata minn J. Tatten, solicitor,

–        għal Viking Line ABP u OÜ Viking Line Eesti, minn M. Hoskins, barrister, irrappreżentata minn I. Ross u J. Blacker, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC, kif ukoll minn J. Swift u minn S. Lee, barristers,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u O. Christmann, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn E. Fitzsimons u B. O’Moore, SC, kif ukoll minn N. Travers, BL,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Latvjan, minn E. Balode-Buraka u K. Bārdiŋa, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Hesse, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras u M. Korolec, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse u A. Falk, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn K. Waage u K. Fløistad kif ukoll minn F. Sejersted, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Benyon, J. Enegren u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, ta’ l-Artikolu 43 KE u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kontroversja bejn International Transport Workers’ Federation (Federazzjoni internazzjonali tal-ħaddiema tat-trasport, iktar ’il quddiem “ITF”) u Finnish Seamen’s Union (Suomen Merimies-Unioni ry, Sindakat tal-baħrin Finlandiżi, iktar ’il quddiem “FSU”), minn naħa, u Viking Line ABP (iktar ’il quddiem “Viking”) kif ukoll il-kumpannija sussidjarja tagħha OÜ Viking Line Eesti (iktar ’il quddiem “Viking Eesti”), min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ azzjoni kollettiva u ta’ theddid li ssir din l-azzjoni b’tali mod li Viking tiġi dissważa milli tbiddel il-bandiera ta’ wieħed mill-vapuri tagħha u tirreġistrah taħt il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 jipprovdi li:

“Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tapplika fir-rigward ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-persuna għal min is-servizzi huma intiżi.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni Finalndiża, li tirrikonoxxi lil kulħadd il-libertà ta’ assoċjazzjoni fi ħdan professjoni u l-libertà li jorganizzaw ruħhom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom, ġie interpretat bħala li jippermetti lis-sindakati li jibdew azzjonijiet kollettivi kontra kumpanniji għad-difiża ta’ l-interessi tal-ħaddiema.

5        Madankollu, fil-Finlandja, id-dritt ta’ l-istrajk huwa suġġett għal ċerti restrizzjonijiet. Għalhekk, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema ta’l-Istat, dan id-dritt ma jistax jintuża, b’mod partikolari, jekk l-istrajk imur kontra l-moralità jew huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali jew mid-dritt Komunitarju.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Viking, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Finlandiż, hija operatrur importanti fit-trasport bil-laneċ. Hija tagħmel użu minn sitt vapuri, fosthom ir-Rosella, li tiżgura, taħt il-bandiera Finlandiża, il-konnessjoni bil-baħar bejn Tallinn (l-Estonja) u Ħelsinki (il-Finlandja).

7        L-FSU hija sindakat Finlandiż ta’ baħħara li jgħodd madwar 10 000 membru. Il-membri ta’ l-ekwipaġġ tar-Rosella huma membri f’dan is-sindakat. L-FSU hija affiljata ma’ l-ITF, li hija federazzjoni internazzjonali ta’ sindakati ta’ ħaddiema impjegati fis-settur tat-trasport u li s-sede tagħha jinsab f’Londra (ir-Renju Unit). L-ITF tlaqqa’ fi ħdanha 600 sindakat stabbiliti f’140 Stat differenti.

8        Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li waħda mill-politiki prinċipali implementati mill-ITF hija l-kampanja tagħha għall-ġlieda kontra l-banadar ta’ konvenjenza. L-għanijiet essenzjali ta’ din il-politika huma, minn naħa, li tiġi stabbilita konnessjoni vera bejn il-bandiera ta’ vapur u n-nazzjonalità ta’ proprjetarju kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni u t-tijib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-ekwipaġġi tal-vapuri taħt bandiera ta’ konvenjenza. L-ITF tqis li vapur huwa rreġistrat taħt bandiera ta’ konvenjenza meta l-proprjetà effettiva u l-kontroll tal-vapur jinsabu fi Stat li ma jkunx dak tal-bandiera li fih ġie rreġistrat il-vapur. Huma biss is-sindakati stabbiliti fl-Istat fejn jinsab il-proprjetarju effettiv ta’ vapur li għandhom, skond il-politika ta’ l-ITF, id-dritt li jikkonkludu ftehim kollettivi fir-rigward ta’ dan il-vapur. Din il-kampanja ta’ ġlieda kontra l-bnadar ta’ konvenjenza ħadet il-forma ta’ boycotts u azzjonijiet oħra ta’ solidarjetà bejn il-ħaddiema.

9        Sakemm ir-Rosella tibqa’ taħt bandiera Finlandiża, Viking hija obbligata, taħt id-dritt Finlandiż u l-ftehim kollettiv applikabbli, li tħallas lill-ekwipaġġ pagi li huma ta’ livell identiku għal dawk imħallsa fil-Finlandja. Jirriżulta li l-pagi mogħtija lill-ekwipaġġi Estoni huma inferjuri għal dawk li minnhom jibbenefikaw l-ekwipaġġi Finlandiżi. Ir-Rosella kien qiegħed jaħdem b’telf minħabba l-kompetizzjoni diretta tal-vapuri Estonjani li jiżguraw l-istess konnessjoni bi spejjeż ta’ pagi inferjuri. Pjuttost milli tbigħ l-imsemmi vapur, Viking ippjanat, f’Ottubru tas-sena 2003, li tbiddel il-bandiera ta’ dan il-vapur billi tirreġistrah jew fl-Estonja, jew fin-Norveġja, sabiex tkun tista’ tikkonkludi ftehim kollettiv ġdid ma’ sindakat stabbilit f’wieħed minn dawn l-Istati.

10      Viking, skond id-dritt Finlandiż, espona l-pjan tiegħu lill-FSU u lill-ekwipaġġ tar-Rosella. Matul laqgħat bejn il-partijiet, l-FSU esprimiet b’mod ċar l-oppożizzjoni tagħha għal dan il-proġett.

11      Fl-4 ta’ Novembru 2003, l-FSU bagħtet posta elettronika lill-ITF li kienet tispjega l-pjan għall-bidla tal-bandiera tar-Rosella. Din il-posta elettronika kienet tinkludi barra minn hekk l-indikazzjoni li “l-proprjetà effettiva tar-Rosella tinsab fil-Finlandja u li għaldaqstant l-FSU żammet id-dritt li tinnegozja ma’ Viking”. Din ta’ l-aħħar talbet lill-ITF tibgħat din l-informazzjoni lis-sindakati kollha affiljati u titlobhom ma jinnegozjawx ma’ Viking.

12      Fis-6 ta’ Novembru 2003, l-ITF bagħtet ċirkolari (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkolari ITF”) lill-membri tagħha fejn talbithom jibqgħu lura milli jibdew negozjati ma’ Viking jew ma’ Viking Eesti, fejn is-sindakati membri intalbu jsegwu din ir-rakkomandazzjoni minħabba l-prinċipju ta’ solidarjetà bejn sindakati u minħabba r-riskju li tiġi imposta lilhom penali jekk l-imsemmija ċirkolari ma tiġix osservata.

13      Il-ftehim fir-rigward ta’ l-ekwipaġġ tar-Rosella skada fis-17 ta’ Novembru 2003, b’tali mod li l-FSU ma kinitx iktar, b’effett minn din id-data, suġġetta għall-obbligu ta’ paċi industrijali imposta mid-dritt Finalndiż. Għalhekk, hija ħabbret strajk fejn talbet lill-Viking, minn naħa, iżżid l-ekwipaġġ fuq ir-Rosella bi tmienja min-nies u, min-naħa l-oħra, tirrinunzja għall-pjan tagħha ta’ bdil tal-bandiera ta’ dan il-vapur.

14      Viking aċċettat it-tmien membri addizzjonali fl-ekwipaġġ iżda rrifjutat milli tirrinunzja għall-imsemmi pjan.

15      Peress li l-FSU madankollu ma kinitx lesta taqbel fuq it-tiġdid tal-ftehim fuq l-ekwipaġġ, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2003, hija indikat li kienet ser tiffirma t-tiġdid tal-ftehim biss b’kundizzjoni doppja, minn naħa, li Viking timpenja ruħha li, indipendentement minn bidla eventwali fil-bandiera ta’ Rosella, tkompli tirrispetta d-dritt Finalndiż, il-ftehim kollettiv applikabbli, il-ftehim ġenerali kif ukoll il-ftehim fuq l-ekwipaġġ abbord l-imsemmi vapur u, min-naħa l-oħra, li l-eventwali bidla tal-bandiera ma tagħtix lok għal tkeċċija ta’ impjegati li jaħdmu fuq wieħed mill-vapuri rreġistrati taħt bandiera Finalndiża li huma proprjetà ta’ din il-kumpannija u li ma tibdilx, mingħajr il-kunsens ta’ l-impjegati, il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg. Fi stqarrijiet għall-istampa, l-FSU rreferiet għall-bżonn li jiġu protetti l-impjiegi Finalndiżi sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha.

16      Fis-17 ta’ Novembru 2003, Viking talbet lit-tribunal industrijali (il-Finlandja) sabiex jikkonstata li, bil-kontra tal-pożizzjoni adottata mill-FSU, il-ftehim fuq l-ekwipaġġ kompla jorbot il-partijiet. Billi bbażat ruħha fuq l-argument tagħha li jgħid li l-imsemmi ftehim kien skada, l-FSU, skond il-liġi Finlandiża fuq il-medjazzjoni fil-kontroversji industrijali, ħabbret l-intenzjoni tagħha li fit-2 ta’ Diċembru 2003 tmexxi moviment ta’ strajk fir-rigward tar-Rosella.

17      Fl-24 ta’ Novembru 2003, Viking saret taf dwar l-eżistenza taċ-ċirkolari ta’ l-ITF. L-għada, hija ressqet rikors quddiem il-qorti tal-prim’istanza ta’ Ħelsinki (il-Finlandja) sabiex jiġi pprojbit l-istrajk imħabbar mill-FSU. It-tribunal industrijali ffissa seduta sabiex jiġu stabbiliti l-fatti għat-2 ta’ Diċembru 2003.

18      Skond il-qorti tar-rinviju, l-FSU kienet pjenament koxjenti dwar il-fatt li t-talba prinċipali tagħha, jiġifieri li fil-każ ta’ bdil tal-bandiera l-ekwipaġġ kellu jibqa’ impjegat taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti mid-dritt Finalndiż u l-ftehim kollettiv applikabbli, kienet iġġib fix-xejn il-bdil tal-bandiera in kwantu l-għan essenzjali ta’ din il-bidla kien li Viking tkun tista’ tnaqqas l-ispiża tagħha f’pagi. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni tar-Rosella taħt bandiera Estonjana jkollha bħala konsegwenza li Viking ma tkunx tista’ iktar, għall-inqas fir-rigward tar-Rosella, tibbenefika mill-għajnuna mill-Istat li l-Gvern Finalndiż jagħti għall-vapuri rreġistrati taħt bandiera Finlandiża.

19      Matul proċedura ta’ konċiljazzjoni, Viking impenjat ruħha, inizjalment, sabiex il-bidla fil-bandiera ma twassal għal ebda tkeċċija. Peress li l-FSU madankollu rrifjutat milli tirrinunzja għall-istrajk, fit-2 ta’ Diċembru 2003, Viking ġabet il-kontroversja fi tmiemha billi aċċettat it-talbiet ta’ dan is-sindakat u waqqfet il-proċedimenti ġudizzjarji li kienet bdiet. Barra minn hekk, hija impenjat ruħha li ma tibdiex il-proċediment għal bidla fil-bandiera qabel it-28 ta’ Frar 2005.

20      Fl-1 ta’ Mejju 2004, ir-Repubblika ta’ l-Estonja saret Membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

21      Peress li l-operat tar-Rosella baqa’ jagħmel it-telf, Viking kompliet bl-intenzjoni tagħha li tirreġistra l-imsemmi vapur taħt il-bandiera Estonjana. Peress li ċ-ċirkolari ta’ l-ITF kienet għadha fis-seħħ minħabba li l-ITF qatt ma kienet irtiratha, it-talba magħmula minn din ta’ l-aħħar lis-sindakati membri tagħha fir-rigward tar-Rosella baqgħet valida.

22      Fit-18 ta’ Awwissu 2004, Viking ressqet quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (ir-Renju Unit), rikors intiż sabiex l-azzjoni ta’ l-ITF u l-FSU tiġi ddikjarata li tmur kontra l-Artikolu 43 KE, sabiex tordna li ċ-ċirkolari ta’ l-ITF tiġi rtirata u sabiex tordna lill-FSU ma tkunx ta’ dannu għad-drittijiet li Viking għandha skond id-dritt Komunitarju.

23      B’deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2005, l-imsemmija qorti laqgħet it-talba ta’ Viking minħabba li l-azzjoni kollettiva kif ukoll it-theddid ta’azzjoni kolettiva mill-ITF u mill-FSU kienu jimponu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment li jmorru kontra l-Artikolu 43 KE u, sussidjarjament, kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet illegali għall-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikoli 39 KE u 49 KE.

24      Fit-30 ta’ Ġunju 2005, l-ITF u l-FSU ressqu appell kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. In sostenn ta’ l-appell tagħhom, huma sostnew b’mod partikolari li d-dritt tas-sindakati li jmexxu azzjoni kollettiva sabiex jippreżervaw l-impjiegi jikkostitwixxi dritt fundamentali rrikonoxxut mit-Titolu XI tat-Trattat KE, b’mod partikolari mill-Artikolu 136 KE, fejn l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jipprovdi li “[i]l-Komunità u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità ta’ l-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira l-promozzjoni ta’ l-impieg, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ impjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni”.

25      Fil-fatt, ir-referenza, f’din id-dispożizzjoni, għall-Karta Soċjali Ewropea u għall-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema timplika riferenza għad-dritt ta’ strajk rikonoxxut minn dawn l-istrumenti ġuridiċi. Is-sindakati għandhom għaldaqstant id-dritt li jmexxu azzjoni kollettiva kontra min iħaddem stabbilit fi Stat Membru bil-għan li jiddiswaduh milli jittrasferixxi l-impriża kollha tiegħu jew parti minnha fi Stat Membru ieħor.

26      Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk it-Trattat kellux l-intenzjoni li jipprojbixxi azzjoni sindakali fl-ipoteżi fejn din l-azzjoni tkun intiża sabiex tostakola lil min iħaddem milli jirrikorri, għal raġunijiet ekonomiċi, għal-libertà ta’ stabbilment. B’analoġija ma dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward tat-Titolu VI tat-Trattat (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I‑5751; tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451, u tal-21 ta’ Settembru 2000, van der Woude, C‑222/98, Ġabra p. I‑7111), it-Titolu III ta’ l-imsemmi Trattat kif ukoll ta’ l-artikoli tiegħu dwar il-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi ma japplikawx għall-“attivitajiet sindakali veri u proprji”.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li s-soluzzjoni tal-kontroversja mressqa quddiemha tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidied li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-moviment liberu

1)      Meta sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati jmexxi azzjoni kollettiva kontra impriża privata sabiex din tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv industrijali ma’ sindakat stabbilit fi Stat Membru partikolari, li jkollu bħala effett li l-bidla ta’ bandiera ta’ vapur għal dak ta’ Stat Membru ieħor issir mingħajr skop, din l-azzjoni taqa tqħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE u/jew tar-Regolament […] Nru 4055/86 […], minħabba l-politika industrijali Komunitarja li tinkludi fost oħrajn it-Titolu XI tat-Trattat KE u, b’mod partikolari, b’analoġija għar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza […] Albany ([iċċitata iktar ’il fuq], punti 52 sa 64)?

Effett dirett orizzontali

2)      L-Artikolu 43 KE u/jew ir-Regolament Nru 4055/86 għandhom effett dirett orizzontali b’tali mod li jagħtu drittijiet lil impriża privata li din tista’ tuża fil-konfront ta’ parti oħra privata, b’mod iżjed speċifiku, fil-konfront ta’ sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati fir-rigward ta’ azzjoni kollettiva mnedija minn sindakat jew minn din l-assoċjazzjoni ta’ sindakati?

Eżistenza ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu

3)      Meta sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati jmexxu azzjoni kollettiva kontra impriża privata sabiex din ta’ l-aħħar tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv industrijali ma’ sindakat stabbilit fi Stat Membru partikolari, li jkollu bħala effett li l-bidla fil-bandiera ta’ vapur għal waħda ta’ Stat Membru ieħor isir mingħajr skop, din l-azzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-finijiet ta’ l-Artikolu 43 KE u/jew tar-Regolament Nru 4055/86?

4)      Politika adottata minn assoċjazzjoni ta’ sindakati li tgħid li l-vapuri għandhom ikollhom il-bandiera ta’ pajjiż li fih tinsab il-proprjetà effettiva u l-kontroll tal-vapur, b’mod li s-sindakati stabbiliti fil-pajjiżi tal-proprjetà effettiva ta’ vapur ikollhom id-dritt li jikkonkludu ftehim kollettiv industrijali fir-rigward ta’ dan il-vapur, hija restrizzjoni direttament diskriminatorja, indirettament diskriminatorja jew non diskriminatorja skond l-Artikolu 43 KE tar-Regolament Nru 4055/86?

5)      Meta tiddetermina jekk l-azzjoni kollettiva mnedija minn sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati tikkostitwixxix restrizzjoni direttament diskriminatorja, indirettament diskriminatorja jew non diskriminatorja skond l-Artikolu 43 KE jew ir-Regolament Nru 4055/86, il-qorti nazzjonali għand tieħu in kunsiderazzjoni l-intenzjoni suġġettiva tas-sindakat li jmexxi din l-azzjoni jew inkella għandha tiddeċiedi l-kwistjoni billi tirreferi biss għall-effetti oġġettivi ta’ din l-azzjoni?

Stabbiliment/servizzi

6)      Meta kumpannija prinċipali tkun stabbilita fl-Istat Membru A u tippjana li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru B billi tittrasferixxi lejn dan ta’ l-aħħar il-bandiera ta’ vapur li għandu jintuża minn kumpannija li hija 100 % sussidjarja u li tinsab fl-Istat Membru B u li taqa’ taħt l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-kumpannija prinċipali:

a)      it-theddida ta’ azzjoni kollettiva jew l-azzjoni kollettiva nnifisha mnedija minn sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati, li jkollha bħala intenzjoni li l-operazzjoni msemmija hawn fuq tkun eżerċizzju inutili tad-dritt ta’ stabbiliment li l-Artikolu 43 KE jagħti lill-kumpannija prinċipali, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni ta’ dan id-dritt, u

b)      wara l-bidla fil-bandiera tal-vapur, il-kumpannija sussidjarja għandha d-dritt li tibbaża ruħha fuq ir-Regolament Nru 4055/86 fir-rigward tas-servizzi li hija tipprovdi mill-Istat Membru B lejn l-Istat Membru A?

 Ġustifikazzjoni


 Diskriminazzjoni diretta

7)      Jekk l-azzjoni kollettiva mnedija minn sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati tikkostitwixxi restrizzjoni direttament diskriminatorja skond l-Artikolu 43 KE jew ir-Regolament Nru 4055/86, din tista’, bħala prinċipju, tkun ġustifikata abbażi ta’ l-eċċezzjoni ta’ ordni pubblika msemmija fl-Artikolu 46 KE?

a)      minħabba li l-eżerċizzju ta’ azzjoni kollettiva (fost liema l-istrajk) huwa dritt fundamentali mħares mid-dritt Komunitarju, u/jew

b)      minħabba l-protezzjoni tal-ħaddiema?

 Il-politika ta’ l-[ITF]: ġustifikazzjoni oġġettiva

8)      L-implementazzjoni, min naħa ta’ assoċjazzjoni ta’ sindakati, ta’ politika li tgħid li l-vapuri għandu jkollhom il-bandiera ta’ pajjiż li fih tinsab il-proprjetà effettiva u l-kontroll ta’ vapur b’mod li s-sindakati stabbilit fil-pajjiż tal-proprjetà effettiva ta’ vapur għandhom id-dritt li jikkonkludu ftehim kollettiv industrijali fir-rigward ta’ dan il-vapur, tirrispetta ekwilibriju korrett bejn, minn naħa, id-dritt soċjali fundamentali li tittieħed azzjoni kollettiva u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi, u hija oġġettivament iġġustifikata, approprjata, proporzjonata u konformi mal-prinċipju ta’ rikonoxxenza reċiproka?

L-azzjonijiet ta’ l-FSU: ġustifikazzjoni oġġettiva

9)      Meta:

–        kumpannija prinċipali stabbilita fl-Istat Membru A hija propjetarja ta’ vapur bil-bandiera ta’ l-Istat Membru A u din tipprovdi servizzi ta’ lanċa bejn l-Istat Membru A u l-Istat Membru billi tuża dan il-vapur;

–        il-kumpannija prinċipali tixtieq tbiddel il-bandiera tal-vapur għal dak ta’ l-Istat Membru B sabiex tapplika kundizzjonijiet ta’ impjieg inqas favorevoli minn dawk fis-seħħ fl-Istat Membru A;

–        il-kumpannija prinċipali fl-Istat Membru A hija 100 % proprjetarja ta’ kumpannija sussidjarja stabbilita fl-Istat Membru B u din ta’ l-aħħar hija suġġetta għall-amministrazzjoni u għall-kontroll tagħha;

–        huwa previst li l-kumpannija sussidjarja topera l-vapur ladarba jkun ġie ttrasferit taħt il-bandiera ta’ l-Istat Membru B b’ekwipaġġ irreklutat fl-Istat Membru B, kopert minn ftehim kollettiv industrijali nnegozjat ma’ sindakat membru ta’ l-ITF, li jinsab fl-Istat Membru B;

–        il-kumpannija prinċipali żżomm il-proprjetà effettiva tal-vapur u l-vapur biss għandu jiġi mikri lis-sussidjarja;

–        il-vapur ikompli jipprovdi kuljum servizzi ta’ lanċa bejn l-Istat Membru A u l-Istat Membru B;

–        sindakat stabbilit fl-Istat Membru A jmexxi azzjoni kollettiva sabiex jobbliga lill-kumpannija prinċipali u/jew lill-kumpannija sussidjarja tikkonkludi ftehim kollettiv industrijali miegħu, li japplika għall-ekwipaġġ ta’ vapur kundizzjonijiet aċċettabbli għas-sindakat stabbilit fl-Istat Membru A, anki wara li tinbidel il-bandiera, u li għandu bħala effett li l-bidla tal-bandiera tal-vapur, għal dik ta’ l-Istat Membru B, issir mingħajr skop għall-kumpannija prinċipali,

dan l-istrajk kollettiv jirrispetta ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, id-dritt soċjali fundamentali li tittieħed azzjoni kollettiva u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u huwa oġġettivament iġġustifikat, approprjat, proporzjonat u konformi mal-prinċipju ta’ rikonoxxenza reċiproka?

10)      Ir-risposta għad-disa’ domanda tkun differenti jekk il-kumpannija prinċipali timpenja ruħha quddiem qorti, f’isimha u f’isem il-kumpanniji kollha ta’ l-istess grupp, li ma ttemmx, minħabba l-bidla fil-bandiera, l-impjieg ta’ ebda persuna impjegata minnhom (impenn li ma jitlobx it-tiġdid tal-kuntratti tax-xogħol għal terminu qasir u ma jostakolax li kull persuna impjegata terġa’ tiġi impjegata taħt kundizzjonijiet ekwivalenti)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

28      Għandu jiġi mfakkar illi, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li qed tippresjedi l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma setgħetx tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jkun evidenti, b’mod partikolari, li l-interpretazzjoni ta’ dritt Komunitarju mitluba minn din il-qorti nazzjonali m’għandha l-ebda konnessjoni mal-fatti reali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija ta’ natura ipotetika (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punti 59 u 61, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2005, Schulte, C‑350/03, Ġabra p. I‑9215, punt 43).

29      F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari titlob l-interpretazzjoni, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament Nru 4055/86 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-qasam tat-trasport marittimu.

30      Għandu jiġi madankollu kkonstatat li, safejn il-kwistjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tirriżulta biss wara li jkun seħħ il-bdil tal-bandiera tar-Rosella li kien ippjanat minn Viking u peress li, fid-data li fiha d-domandi preliminari tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-bidla ma kinitx għadha saret, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ta’ natura ipotetika u għaldaqstant inammissibbli inkwantu tirreferi għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 4055/86.

31      Għaldaqstant, jeħtieġ li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jiġu mwieġba biss safejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE.

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 43 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni kollettiva magħmula minn sindakat jew grupp ta’ sindakati kontra impriża sabiex din ta’ l-aħħar tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv li l-kontenut tiegħu huwa ta’ natura tali li jipprekludi li wieħed jeżerċita l-libertà ta’ stabbiliment ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 49 KE ma jirregolawx biss l-azzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, iżda japplikaw ukoll għal-liġijiet ta’ natura oħra intiżi sabiex jirregolaw, b’mod kollettiv, ix-xogħol bil-paga, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, Ġabra p. 1405, punt 17; ta’ l-14 ta’ Lulju 1976, Donà, 13/76, Ġabra p. 1333, punt 17; Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82; tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C 51/96 u C 191/97, Ġabra p. I 2549, punt 47; tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C‑281/98, Ġabra p. I‑4139, punt 31, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 120).

34      Peress li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fid-diversi Stati Membri huma rregolati kemm permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorji, kif ukoll permezz ta’ ftehim kollettivi u atti oħra konklużi jew adottati minn persuni privati, il-fatt li l-projbizzjonijiet previsti fl-imsemmija artikoli jiġu limitati għall-atti ta’ l-awtorità pubblika jhedded, għalhekk, li joħloq inugwaljanzi fl-applikazzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Walrave u Koch, punt 19; Bosman, punt 84, u Angonese, punt 33).

35      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-organizzazzjoni ta’ azzjonijiet kollettivi minn sindakati ta’ ħaddiema għandu jiġi kkunsidrat bħala effett ta’ l-awtonomija ġuridika li dawn l-organizzazzjonijiet, li ma jikkostitwixxux korpi rregolati mid-dritt pubbliku, għandhom permezz tal-libertà sindakali rrikonoxxuta lilhom, b’mod partikolari, mid-dritt nazzjonali.

36      Min-naħa l-oħra, kif l-FSU u L-ITF isostnu, azzjonijiet kollettivi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jistgħu jikkostitwixxu l-aħħar possibbiltà għal dawn l-organizzazzjonijiet sindakali li jwasslu t-talbiet tagħhom intiżi sabiex jirregolaw b’mod kollettiv ix-xogħol ta’ l-impjegati ta’ Viking, għandhom jiġu kkunsidrati bħala indissolubilment marbuta mal-ftehim kollettiv li tiegħu l-FSU qed tfittex il-konklużjoni.

37      Minn dan isegwi li azzjonijiet kollettivi bħal dawk imsemmija fl-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, bħala prinċipju, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE.

38      Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mid-diversi argumenti invokati mill-FSU, mill-ITF u minn uħud mill-Istati Membri li ressqu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja in sostenn ta’ l-opinjoni kuntrarja għal dik imsemmija fil-punt preċedenti.

39      L-ewwel nett, il-Gvern Daniż isostni li d-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ strajk u d-dritt ta’ lock-out ma jaqgħux taħt il-qasam tal-libertà fundamentali msemmija fl-Artikolu 43 KE peress li, skond l-Artikolu 137(5) KE, kif emendat mit-Trattat ta’ Nizza, il-Komunità mhijiex kompetenti biex tirregola dawn id-drittijiet.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm huwa minnu li, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Komunità, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, ħielsa li jiffissaw il-kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-drittijiet in kwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jkunu qed jeżerċitaw din il-kompetenza, l-imsemmija Stati huma xorta waħda obbligati li jirrispettaw id-dritt Komunitarju (ara b’analoġija, rigward il-qasam tas-sigurtà soċjali, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Decker, C‑120/95, Ġabra p. I‑1831, punti 22 u 23, kif ukoll Kohll, C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punti 18 u 19; fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑334/02, Ġabra p. I‑2229, punt 21, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 29).

41      Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 137 KE ma japplikax la għad-dritt ta’ strajk u lanqas għad-dritt ta’ lock-out mhijiex ta’ natura tali li tipprekludi azzjoni kollettiva bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE.

42      Sussegwentement, skond l-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż u dak Żvediżi, id-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva, li jinkludi d-dritt ta’ strajk, jikkostitwixxi dritt fundamentali li bħala tali, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva, inkluż id-dritt ta’ strajk, huwa rrikonoxxut kemm mill-istrumenti internazzjonali differenti li għalihom l-Istati Membri kkooperaw jew li jaderixxew magħhom, bħall-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961, li tissemma fost oħrajn fl-Artikolu 136 KE, u l-Ftehim Nru 87 dwar il-libertà sindakali u l-protezzjoni tad-dritt sindakali, adottat fid-9 ta’ Lulju 1948 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-xogħol, kif ukoll mill-istrumenti elaborati mill-imsemmija Stati Membri fuq livell Komunitarju jew fil-kuntest ta’ l-Unjoni, bħall-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989, imsemmija wkoll fl-Artikolu 136 KE, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, imħabbra fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1).

44      Għalkemm id-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva, inkluż id-dritt ta’ strajk, għandu għalhekk jiġi rrikonoxxut bħala dritt fundamentali li jagħmel parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura r-rispett tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet. Fil-fatt, kif jikkonferma mill-ġdid l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, l-imsemmija drittijiet huma protetti skond id-dritt Komunitarju u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 5 ta’ din is-sentenza, skond id-dritt Finlandiż, id-dritt ta’ strajk ma jistax jiġi eżerċitat, b’mod partikolari, jekk l-istrajk imur kontra l-morali jew huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali jew Komunitarju.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi interess leġittimu ta’ natura tali li tiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni ta’ l-obbligi imposti mid-dritt Komunitarju, anki fid-dawl ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat bħall-moviment liberu tal-merkanzija (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 74) jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 35).

46      Madankollu, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schmidberger u Omega, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali in kwistjoni, jiġifieri rispettivament il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ assemblea, kif ukoll ir-rispett tad-dinjità umana, ma jevitax il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u hija kkunsidrat li dan l-eżerċizzju għandu jiġi kkonċiljat mar-rekwiżiti relatati mad-drittijiet protetti mill-imsemmi Trattat u jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schmidberger, punt 77, u Omega, punt 36).

47      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li n-natura fundamentali marbuta mad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva mhijiex ta’ natura tali li l-azzjonijiet kollettivi fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE.

48      Fl-aħħar nett, l-FSU u l-ITF isostnu li r-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Albany, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi applikat b’analoġija fil-kawża prinċipali, peress li ċertu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbilimnet u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma interenti ma’ l-azzjonijiet kollettivi li jitmexxew fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 59 tas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li ċertu effetti restrittivi tal-kompetizzjoni huma inerenti għall-ftehim kollettivi konklużi bejn organizzazzjonjiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema, iddeċidiet madankollu li l-għanijiet ta’ politika soċjali mfittxa minn dawn il-ftehim jiġu serjament kompromessi li kieku l-imsieħba soċjali kellhom ikunu suġġetti għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) KE) fit-tfittxija komuni għal miżuri intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol.

50      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan, fil-punt 60 tas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, li ftehim konklużi fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi bejn imsieħba soċjali fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet għandhom jiġu kkunsidrati, minħabba n-natura u s-suġġett tagħhom, bħala li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

51      Għandu jiġi madankollu kkonstatat li dan ir-raġunament ma jistax jiġi traspost għal-libertajiet fundamentali msemmija fit-titolu III ta’ l-imsemmi Trattat.

52      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-FSU u l-ITF, ma jistax jiġi kkunsidrat li ċertu ppreġudizzju ta’ l-imsemmija libertajiet fundamentali huwa inerenti għall-eżerċizzju nnifsu tal-libertà sindakali u tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza li ftehim jew attività tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni m’għandhiex bħala konsegwenza li dan il-ftehim jew din l-attività jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-istess Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni jew tas-servizzi, meta l-imsemmija dispożizzjonijiet jissodisfaw kundizzjoni jew oħra ta’ applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, Ġabra p. I‑6991).

54      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li l-klawżoli ta’ftehim kollettivi mhumiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni (sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou, C‑15/96, Ġabra p. I‑47; ta’ l-24 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑35/97, Ġabra p. I‑5325, u tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida, C‑400/02, Ġabra p. I‑8471).

55      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, mhijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, azzjoni kollettiva magħmula minn sindakat jew minn grupp ta’ sindakati kontra impriża sabiex din ta’ l-aħħar tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv li l-kontenut tiegħu huwa tali li jipprekludi l-użu tal-libertà ta’ stabbiliment.

 Fuq it-tieni domanda

56      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 43 KE huwhiex tali li jagħti drittijiet lil impriża privata li jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati.

57      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-abolizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun kompromessa jekk it-tneħħija tal-barrieri min-naħa ta’ l-Istat setgħet tiġi nnewtralizzata minn ostakoli li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ l-awtonomija ġuridika tagħhom, min-naħa ta’ assoċjazzjonijiet u korpi li mhumiex irregolati mid-dritt pubbliku, ta’ l-awtonomija ġuridika tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Walrave u Koch, punt 18; Bosman, punt 83; Deliège, punt 47; Angonese, punt 32, u Wouters et, punt 120).

58      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat huma formalment indirizzati lill-Istati Membri ma jeskludix li drittijiet jistgħu jingħataw, simultanjament, lil kull individwu kkonċernat mill-osservanza ta’ l-obbligi hekk kif iddefiniti u, min-naħa l-oħra, li l-projbizzjoni milli tiġi ppreġudikata libertà fundamentali, prevista minn dispożizzjoni tat-Trattat ta’ natura imperattiva, tapplika b’mod partikolari għall-ftehim kollha intiżi sabiex jirregolaw b’mod kollettiv ix-xogħol bil-paga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, Ġabra p. 455, punti 31 u 39).

59      Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom ikunu validi wkoll fir-rigward ta’ l-Artikolu 43 KE li jistabbilixxi libertà fundamentali.

60      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, l-azzjonijiet kollettivi mmexxija mill-FSU u l-ITF għandhom bħala għan il-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv li għandu jirregola b’mod kollettiv ix-xogħol ta’ l-impjegati ta’ Viking u li dawn iż-żewġ sindakati jikkostitwixxu organizzazzjonijiet li mhumiex entitajiet irregolati mil-liġi pubblika u li jeżerċitaw l-awtonomija legali rrikonoxxuta lilhom, b’mod partikolari, mid-dritt nazzjonali.

61      Għalhekk, l-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dan l-Artikolu jista’ jiġi direttament invokat minn impriża privata kontra sindakat jew grupp ta’ sindakati.

62      Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-ġurisprudenza li tikkonċerna dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, fejn jirriżulta li r-restrizzjonijiet jistgħu ma jkunux joriġinaw mill-Istat u jirriżultaw minn azzjonijiet immexxija minn persuni privati jew gruppi ta’ dawn il-persuni (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑265/95, Ġabra p. I‑6959, punt 30, kif ukoll Schmidberger, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 62).

63      L-interpretazzjoni msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza lanqas ma tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza li r-restrizzjoni li tagħti lok għall-kontroversja li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju tirriżulta mill-eżerċizzju tad-dritt mogħti mid-dritt nazzjonali Finlandiż, bħal, f’dan il-każ, id-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva, inkluż id-dritt ta’ strajk.

64      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni b’mod partikolari l-ITF, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ma jirriżultax li din l-interpretazzjoni hija limitata għall-organizzazzjonijiet kważi pubbliċi jew għall-assoċjazzjonijiet li jeżerċitaw funzjoni regolamentari u li jkollhom setgħa kważi leġiżlattiva.

65      Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma tinkludi l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi validament sostnut li din hija limitata għall-assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jeżerċitaw funzjoni regolamentari jew li jkollhom setgħa kważi leġiżlattiva. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-eżerċizzju tas-setgħa awtonoma li huma għandhom bis-saħħa tal-libertà sindakali li jinnegozjaw, ma’ min iħaddem jew ma’ l-organizzazzjonijiet professjonali, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ paga tal-ħaddiema, l-organizzazzjonijiet sindakali tal-ħaddiema jipparteċipaw għat-tfassil ta’ ftehim intiżi biex jirregolaw b’mod kollettiv ix-xogħol bil-paga.

66      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 43 KE huwa ta’ natura tali li jagħti drittijiet lil impriża privata li din tista’ tinvoka fil-konfront ta’ sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati.

 Fuq it-tielet u l-għaxar domandi

67      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk azzjonijiet kollettivi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux restrizzjonijiet skond l-Artikolu 43 KE u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, safejn restrizzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu ġġustifikati.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet

68      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, li l-libertà ta’ stabbiliment tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-komunità u li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiggarantixxu din il-libertà għandhom effett dirett minn meta ntemm il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jiżguraw id-dritt li wieħed jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor mhux biss għaċ-ċittadini Komunitarji, iżda wkoll għall-kumpanniji ddefiniti fl-Artikolu 48 KE (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust, 81/87, Ġabra p. 5483, punt 15).

69      Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi b’mod partikolari li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, madankollu dawn jipprekludu wkoll lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skond il-leġiżlazzjoni tiegħu u li tissodisfa, barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ l-Artikolu 48 KE. Id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 43 KE sa 48 KE jinġiebu fix-xejn li kieku l-Istat Membru ta’ oriġini jkun jista’ jipprojbixxi lill-impiriżi milli jitilqu mit-territorju tiegħu biex jistabbilixxu lilhom infushom fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Daily Mail U General Trust, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

70      It-tieni nett, għanu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “stabbiliment”, fis-sens ta’ l-imsemmija artikoli tat-Trattat, jinkludi l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fi Stat Membru ieħor għal terminu mhux fiss u li r-reġistrazzjoni ta’ vapur ma tistax ma tiġix assoċjata ma’ l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment inkwantu dan il-vapur jikkostitwixxi strument għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li tinkludi stabbiliment fiss fl-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, C‑221/89, Ġabra p. I‑3905, punti 20 sa 22).

71      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet b’hekk li l-kundizzjonijiet imposti fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vapuri m’għandhomx jostakolaw il-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens ta’ l-Artikoli 43 KE sa 48 KE (sentenza Factortame et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

72      F’dan il-każ, minn naħa, ma jistax jiġi kkontestat li azzjoni kollettiva bħal dik deċiża mill-FSU twassal sabiex, kif osservat il-qorti tar-rinviju, l-eżerċizzju minn Viking tad-dritt tagħha ta’ libertà ta’ stabbiliment ma jibqax daqstant attraenti jew ikun, saħansitra, inutli peress li din tipprekludi lil Viking u lill-kumpannija sussidjarja tagħha, Viking Eesti, milli jibbenefikaw, fl-Istat Membru ospitanti, mill-istess trattament bħall-operaturi ekonomiċi l-oħra stabbiliti f’dan l-Istat.

73      Min-naħa l-oħra, azzjoni kollettiva intiża sabiex timplementa politika ta’ ġlieda kontra l-bnadar ta’ konvenjenza mmexxija minn ITF, li hija b’mod partikolari intiża, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar, sabiex timpedixxi lis-sidien tal-vapuri milli jirreġistraw il-vapuri tagħhom fi Stat li mhuwiex dak li fih huma ċittadini l-proprjetarji effettivi tagħhom, għandha tiġi kkunsidrata bħala, minn ta’ l-inqas, ta’ natura tali li tillimita lil Viking milli teżerċita d-dritt ta’ stabbiliment tagħha.

74      Għaldaqstant azzjonijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment skond l-Artikolu 43 KE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet

75      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi aċċettata sakemm ma jkollhiex għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat jew sakemm ma tkunx ġustifikabbli permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li din ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan persegwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37, u Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

76      L-ITF, sostnuta b’mod partikolari mill-Gvern Ġermaniż, l-Irlanda u mill-Gvern Finlandiż, issostni li r-restrizzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma ġġustifikati peress li huma neċessarji sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ dritt fundamentali rikonoxxut mid-dritt Komunitarju u peress li għandhom bħala għan il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiema jikkostitwixxi interess leġittimu li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schmidberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74) u li l-protezzjoni tal-ħaddiema tinsab fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li diġà ġew rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C‑369/96 u C‑376/96, Ġabra p. I‑8453, punt 36; ta-15 ta’ Marzu 2001, Mazzoleni u ISA, C‑165/98, Ġabra p. I‑2189, punt 27, u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et, C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, Ġabra p. I‑7831, punt 33).

78      Barra minn hekk, skond l-Artikolu 3(1)(ċ) u (j) KE, l-azzjoni tal-Komunità tirrigwarda mhux biss “suq intern karatterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapitali”, iżda wkoll “politika fil-qasam soċjali”. Fil-fatt, l-Artikolu 2 KE jipprovdi li l-Komunità għandha bħala missjoni, b’mod partikolari, li tippromwovi “żvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi” u “livell għoli ta’ mpjieg u ta’ ħarsien soċjali”.

79      Peress li l-Komunità m’għandhiex biss għan ekonomiku, iżda wkoll għan soċjali, id-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapitali għandhom jiġu bbilinċjati ma’ l-għanijiet persegwiti mill-politika soċjali, fosthom, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 136 KE, it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, li jippermetti li dawn ikollhom l-istess progress, protezzjoni soċjali adegwata u d-djalogu soċjali.

80      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-għanijiet persegwiti mill-FSU u mill-ITF permezz ta’ l-azzjoni kollettiva magħmula minn dawn ta’ l-aħħar jikkonċernawx il-protezzjoni tal-ħaddiema.

81      Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-azzjoni kollettiva mmexxija mill-FSU, għalkemm din l-azzjoni intiża għall-protezzjoni ta’ l-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri ta’ dan is-sindakat li jistgħu jiġu affettwati mill-bdil tar-reġistrazzjoni tal-bandiera tar-Rosella setgħet, prima faciae, tiġi raġonevolment ikkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, din il-kwalifika ma tistax madankollu tibqa’ tiġi sostnuta jekk jiġi stabbilit li l-impjiegi jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol in kwistjoni ma kinux kompromessi jew serjament mhedda.

82      Dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk l-impenn imsemmi mill-qorti tar-rinviju fl-għaxar domanda tagħha kellu jirriżulta, mill-aspett legali, ta’ portata vinkolanti daqs id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv u jekk kienx ta’ natura tali li jiggarantixxi lill-ħaddiema r-rispett tad-dispożizzjonijiet legali u ż-żamma tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv li jirregola r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

83      Safejn mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar liema hija l-portata legali li għandha tingħata lil impenn bħal dak imsemmi fl-għaxar domanda, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-impjiegi jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri ta’ l-imsemmi sindakat li jistgħu jiġu serjament affettwati mit-tibdil fir-reġistrazzjoni tal-bandiera tar-Rosella kinux kompromessi jew serjament mhedda.

84      Fil-każ fejn, meta jintemm dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li, fil-kawża mressqa quddiemha, l-impjiegi jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri ta’ l-FSU li jistgħu jiġu affettwati mit-tibdil fir-reġistrazzjoni tal-bandiera tar-Rosella huma verament kompromessi hew serjament mhedda, hija jkollha tivverifika ulterjorment jekk l-azzjoni kollettiva magħmula minn dan is-sindakat tistax jiggarantixxi l-kisba ta’ l-għan persegwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ dan il-għan.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika kompetenti biex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u safejn l-imsemmija azzjoni kollettiva hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tipprovdi risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti biex tagħti indikazzjonijiet, ibbażati fuq il-fajl tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u mit-trattazzjoni ppreżentati quddiemha, b’tali mod li din l-istess qorti tkun tista’ tiddeċiedi l-kontroversja speċifika li hija tkun qegħdha tippresjedi.

86      Fir-rigward tan-natura approprjata ta’ l-azzjonijiet magħmula mill-FSU sabiex jintlaħqu l-għanijiet persegwiti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar li huwa stabbilit li l-azzjonijiet kollettivi, l-istess bħan-negozzjati kollettivi u l-ftehim kollettivi, jistgħu jikkostitwixxu, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kawża, wieħed mill-mezzi prinċipali għas-sindakati sabiex jipproteġu l-interessi tal-membri tagħhom (Qorti Eur. D. B., is-sentenzi Syndicat national de la police belge vs Il-Belġju, tas-27 ta’ Ottubru 1975, Serja A Nru 19, u Wilson, National Union of Journalists et vs Ir-Renju Unit tat-2 ta’ Lulju 2002, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2002‑V, § 44).

87      Fir-rigward ta’ jekk l-azzjoni kollettiva in kwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan persegwit, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina b’mod partikolari, minn naħa, jekk, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-liġi kuntrattwali applikabbli għal din l-azzjoni, l-FSU kellhiex mezzi oħra, inqas restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment, sabiex tikkonkludi n-negozjati kollettivi magħmula ma’ Viking u, min-naħa l-oħra, jekk dan is-sindakat użax il-mezzi kollha disponibbli qabel ma bdiet it-tali azzjoni.

88      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet kollettivi intiżi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tal-politika mmexxija mill-ITF, għandu jiġi enfasizzat li, safejn din il-politika twassal sabiex timpedixxi lis-sidien tal-vapuri milli jirreġistraw il-vapuri tagħhom fi Stat ieħor li ma jkunx dak li tiegħu huma ċittadini l-proprjetarji effettivi ta’ dawn il-vapuri, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment li jirriżultaw mit-tali azzjonijiet ma jistgħux ikunu oġġettivament ġustifikati. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, l-imsemmija politika għandha wkoll bħala għan il-protezzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara.

89      Madankollu, kif jirriżulta mill-fajl imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-politika tagħha tal-ġlieda kontra l-bnadar ta’ konvenjenza, l-ITF hija marbuta, meta tintalab minn wieħed mill-membri tagħha, tibda’ azzjoni ta’ solidarjetà kontra l-proprjetarju effettiv ta’ vapur irreġistrat fi Stat ieħor li mhuwiex dak li tiegħu huwa ċittadin dan il-proprjetarju, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-eżerċizzju minn dan ta’ l-aħħar tad-dritt tiegħu ta’ libertà ta’ stabbiliment jistax jew le jkollu konsegwenzi li jippreġudikaw l-impjieg jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-impjegati. Għaldaqstant, kif sostniet Viking matul is-seduta mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mill-ITF, il-politika li tikkonsisti f’li d-dritt ta’ negozjar kollettiv jiġi riżervat għas-sindakati ta’ l-Istat Membru fejn il-proprjetarju effettiv ta’ vapur huwa ċittadin japplika wkoll meta l-vapur ikun irreġistrat fi Stat li jiggarantixxi lill-ħaddiema protezzjoni soċjali ogħla minn dik li jibbenefikaw minnha fl-ewwel Stat.

90      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoniiet, ir-risposta għat-tielet sa l-għaxar domandi għandha tkun li l-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjonijiet kollettivi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, intiżi sabiex impriża li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru partikolari tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv industrijali ma’ sindakat stabbilit f’dan l-Istat u sabiex tapplika l-klawżoli previsti minn dan il-ftehim għall-impjegati ta’ kumpannija sussidjarja ta’ l-imsemmija impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, jikkostitwixxu restrizzjonijiet skond dan l-artikolu. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu, bħala prinċipju, jiġu ġġustifikati abbażi tal-protezzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li huma adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għan leġittimu segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

 Fuq l-ispejjeż

91      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, mhijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, azzjoni kollettiva magħmula minn sindakat kontra impriża sabiex din ta’ l-aħħar tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv li l-kontenut tiegħu huwa tali li jipprekludi l-użu tal-libertà ta’ stabbiliment.

2)      l-Artikolu 43 KE huwa ta’ natura tali li jagħti drittijiet lil impriża privata li din tista’ tinvoka fil-konfront ta’ sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati.

3)      L-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjonijiet kollettivi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, intiżi sabiex impriża li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru partikolari tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv industrijali ma’ sindakat stabbilit f’dan l-Istat u sabiex tapplika l-klawżoli previsti minn dan il-ftehim għall-impjegati ta’ kumpannija sussidjarja ta’ l-imsemmija impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, jikkostitwixxu restrizzjonijiet skond dan l-artikolu.

Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu, bħala prinċipju, jiġu ġġustifikati abbażi tal-protezzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li huma adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għan leġittimu segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.