Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Frar 2012 - CF Sharp Shipping Agencies Pte vs Il-Kunsill

(Kawża T-53/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: CF Sharp Shipping Agencies Pte Ltd (Singapor, Singapor) (rappreżentanti: S. Drury, solicitor, K. Adamantopoulos u J. Cornelis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implementazzjoni (UE) Nru 1245/2011 2u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010  ab initio u b'effett immedjat sa fejn jikkonċerna l-inklużjoni tar-rikorrenti fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tlett motivi.

L-ewwel motiv, fejn issostni li l-konvenut, peress li jiddikjara li r-rikorrenti hija kumpannija fittizja tal-Islamic Republic of Iran Shipping Lines, fejn din tal-aħħar hija l-proprjetarja kif ukoll għandha kontroll tar-rikorrenti, ippreżenta l-fatti b'mod manifestament żbaljat u wettaq żball manifest fl-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010 billi inkluda r-rikorrenti fl-Anness VIII tal-imsemmi regolament.

It-tieni motiv, fejn issostni li l-konvenut kiser l-obbligu ta' motivazzjoni tiegħu li jinsab fl-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010.

It-tielet motiv, fejn issosnti li n-nuqqas ta' osservanza tal-obbligu ta' motivazzjoni tal-konvenut wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, b'mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta' Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11).

2 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1).