Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' April 2012 - Alstom et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-164/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Alstom (Levallois Perret, Franza); Alstom Holdings (Levallois Perret); Alstom Grid SAS (Pariġi, Franza); u Alstom Grid AG (Oberentfelden, l-Isvizzera) (rappreżentanti: J. Derenne, avukat, N. Heaton, P. Chaplin u M. Farley, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta' Jannar 2012, li tinsab fl-ittri Nru D/2012/006840 u Nru D/2012/006863 li tittrażmetti lill-High Court of England and Wales ċerti dokumenti li ġew sottomessi mir-rikorrenti (jew mill-predeċessuri tagħhom) lill-Kummissjoni matul il-kors tal-investgazzjoni fil-Każ COMP/F/38.899 - Switchgear Iżolat bil-Gass (ĠU 2008 C 5, p. 7); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li t-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni lill-High Court of England and Wales:

tikkostitwixxi żball ta' fatt u tirriżulta fl-iżvelar ta' informazzjoni li tinsab f'dawn id-dokumenti pprovduta biex tinkiseb il-klemenza, żvelar li, bi ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, jippreġudika l-interessi tal-Unjoni Ewropea u jinterferixxi mal-funzjonament u mal-indipendenza tagħha, b'mod partikolari billi jipperikola l-effettività ġenerali tal-programm ta' klemenza tal-Kummissjoni li huwa ta' importanza kruċjali għall-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq il-missjoni tagħha li tinforza l-Artikolu 101 TFUE;

tikser il-prinċipju ġenerali tad-dritt għas-smigħ u b'mod partikolari l-paragrafu 26 tal-Avviż ta' Kooperazzjoni billi l-Kummissjoni naqset milli fittxet il-kunsens tal-kumpanniji kkonċernati għall-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab f'dawn id-dokumenti pprovduta biex tinkiseb il-klemenza;

tikser l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet skont l-Artikolu 296 TFUE billi ċaħdet b'mod impliċitu l-ilmenti tar-rikorrenti li ċerti partijiet tad-dokumenti inkwistjoni jikkostitwixxu informazzjoni pprovduta biex tinkiseb il-klemenza mingħajr ma tat raġunijiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni għandha tiġi annullata minħabba li:

it-trażmissjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni lill-High Court of England and Wales għall-finijiet ta' użu fil-proċeduri Ingliżi ma tistax tkun iġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 4(3) TUE, billi l-iżvelar ta' din l-informazzjoni jiskoraġġixxi lill-impriżi fil-futur milli jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet tagħha u b'hekk jinterferixxi mal-kapaċità tal-Kummissjoni li tinforza d-dritt tal-kompetizzjoni;

it-trażmissjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni lill-High Court of England and Wales meta din il-qorti informat espressament lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tiżvela din l-informazzjoni lil terzi li huma membri ta' ċirku ta' kunfidenzjalità tikser il-paragrafu 25 tal-Avviż ta' Kooperazzjoni;

il-protezzjoni ggarantita miċ-ċirku ta' kunfidenzjalità f'dan il-każ ma tilħaqx il-livell meħtieġ mill-Artikolu 339 TFUE u mill-paragrafu 25 tal-Avviż ta' Kooperazzjoni. L-iżvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni lill-High Court of England and Wales, għalhekk, jikser l-obbligi tal-Kummissjoni taħt dawn il-prinċipji.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni li jiġu trażmessi dawn id-dokumenti lill-High Court of England and Wales tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità billi la kien xieraq u lanqas neċessarju għall-Kummissjoni li tittrażmetti l-verżjoni kunfidenzjali ta' dawn id-dokumenti flimkien mal-annessi tagħhom lill-High Court Ingliża peress li l-annessi ma humiex rilevanti għall-kwistjonijiet ċentrali li l-High Court Ingliża jkollha tindirizza u l-Qorti Ġenerali ħalliet barra mis-sentenza tagħha fil-Kawża T-121/07 ir-riferimenti kollha għall-kontenut ta' dawn id-dokumenti.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (ĠU 2004 C 101, p. 54)