Language of document : ECLI:EU:C:2021:473

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skema ġenerali tad-dazju tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 33(3) – Prodotti ‘rilaxxati għall-konsum’ fi Stat Membru u miżmuma għal finijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor – Persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa li saru eżiġibbli għal dawn il-prodotti – Persuna li żżomm il-prodotti intiżi li jiġu kkunsinnati fi Stat Membru ieħor – Trasportatur tal-prodotti”

Fil-Kawża C‑279/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2019, fil-proċedura

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

vs

WR,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal WR, minn S. Panesar, solicitor, u D. Bedenham, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, kif ukoll minn J. Simor, QC, u E. Mitrophanous, barrister,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, J. Langer u J. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn R. Lyal u C. Perrin, sussegwentement minn C. Perrin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (il-Kummissarji Responsabbli għad-Dħul tal-Kuruna u għad-Dwana, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni fiskali u doganali”) u WR dwar il-legalità ta’ avviż ta’ rkupru, indirizzat lil dan tal-aħħar, tad-dazji tas-sisa li saru eżiġibbli għall-prodotti li huwa ttrasporta lejn ir-Renju Unit mingħajr ma kienu koperti minn dokument amministrattiv validu li jipprova li dan il-moviment seħħ taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2 u 8 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdu:

“(2)      Il-kondizzjonijiet għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti koperti mid-[Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti], minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’, jeħtieġ li jibqgħu armonizzati sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-suq intern.

[…]

(8)      Billi jibqa’ meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-[Unjoni] meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum u liema hija l-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-sisa.

[…]”

4        Skont l-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’) […]:

[…]

(b)      alkoħol u xorb alkoħoliku koperti mid-[Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dritt tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU 1992, L 316, p. 21) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU 1992, L 316, p. 29)]”.

5        L-Artikolu 4 tad-direttiva jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7)      “arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju” tfisser arranġament tat-taxxa applikat għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma jew il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mhux koperti minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

[…]

11)      “maħżen tat-taxxa” tfisser post fejn prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, ipproċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat matul in-negozju tiegħu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.”

6        Il-Kapitolu II tal-istess direttiva, intitolat “Impożizzjoni tal-ħlas, rimborsż, eżenzjoni”, jinkludi t-Taqsima 1, intitolata “Il-post u l-ħin tal-impożizzjoni tal-ħlas”, li l-Artikolu 7 tagħha jipprovdi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

b)      iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt [tal-Unjoni] u l-leġislazzjoni nazzjonali;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/118:

“1.      Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut għandha tkun:

a)      fir-rigward tat-tneħħija ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(a):

[…]

ii)      fil-każ ta’ irregolarità matul moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju kif definit fl-Artikolu 10(1), (2) u (4): il-magazzinier awtorizzat, il-konsenjatur reġistrat jew kwalunkwe persuna li ggarantiet il-ħlas tad-dazji tas-sisa skont l-Artikolu 18(1) u (2), jew kull persuna li pparteċipat fit-tneħħija irregolari u li kienet konxja jew li kellha tkun raġonevolment konxja min-natura irregolari tat-tneħħija;

b)      fir-rigward taż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(b): il-persuna li qed iżżomm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jew kull persuna oħra li pparteċipat fiż-żamma tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;

[…]

2.      Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dejn wieħed tad-dazju tas-sisa, huma għandhom ikunu responsabbli in solidum għal dan id-dejn.”

8        Il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Movimenti ta’ prodotti bid-tad-dazju taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa”, jinkludi t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, li l-Artikolu 17 tagħha jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jistgħu jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju fit-territorju tal-Komunità, inkluż fejn il-prodotti jittranżitaw permezz ta’ pajjiż terz jew territorju terz:

a)      minn maħżen tat-taxxa għal:

i)      maħżen tat-taxxa ieħor;

[…]”

9        Dan il-kapitolu jinkludi t-Taqsima 2, intitolata “Proċedura li għandha tiġi segwita matul il-moviment ta’ prodotti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa”, li l-Artikolu 21 tagħha jipprovdi:

“1.      Moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandu jitqies li jkun seħħ taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju biss jekk dan ikun seħħ taħt il-kopertura ta’ dokument amministrattiv elettroniku pproċessat skont il-paragrafi 2 u 3.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-konsenjatur għandu jissottometti abbozz ta’ dokument amministrattiv elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-prodotti bl-użu ta’ sistema kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-komputerizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (ĠU 2003, L 162, p. 5)] (minn hawn ’il quddiem ‘is-sistema kompjuterizzata’).

3.      L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data fl-abboz tad-dokument amministrattiv elettroniku.

Meta din id-data ma tkunx valida, il-konsenjatur għandu jiġi nfurmat mingħajr dewmien.

Meta din id-data tkun valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom jassenjaw kodiċi uniku ta’ referenza amministrattiva u jikkomunikawh lill-konsenjatur.

[…]”

10      Taħt it-titolu “Movimenti u tassazzjoni tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum”, il-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva jinkludi t-Taqsima 2, intitolata “Żamma fi Stat Membru ieħor”, li l-Artikolu 33 tagħha jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36(1), jekk prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru jinżammu għal finijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkonsenjati jew użati hemmhekk, huma għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa u d-dazju tas-sisa għandu jintalab f’dak l-Istat Membru l-ieħor.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘iż-żamma għal finijiet kummerċjali’ għandha tfisser iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn persuna li mhix individwu privat jew minn individwu privat mhux għal raġunijiet għajr l-użu proprju u ttrasportati minnu, skont l-Artikolu 32.

[…]

3.      Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar imponibbli [eżiġibbli] għandha tkun, skont il-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-persuna li twettaq il-konsenja, jew li żżomm il-prodotti intenzjonati li jiġu kkonsenjati, jew dik li lilha jiġu kkonsenjati l-prodotti fl-Istat Membru l-ieħor.

4.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed jiċċirkolaw [fl-Unjoni] għal finijiet kummerċjali, huma m’għandhomx jitqiesu bħala miżmuma għal dawn il-finijiet sakemm jaslu fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, bil-kondizzjoni li huma jkunu qegħdin jiċċirkolaw taħt kopertura tal-formalitajiet previsti fl-Artikolu 34.

[…]”

 Id-dritt tar-Renju Unit

11      L-Artikolu 13 tal-Excise Goods (Holding, Movement and Duty Point) Regulations 2010 (ir-Regolamenti tal-2010 dwar iż-Żamma, il-Moviment u l-Mument tal-Eżiġibbiltà d-Dazji tal-Prodotti Suġġetti għas-Sisa) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2010”) jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Meta prodotti suġġetti għas-sisa diġà rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor jinżammu għal finijiet kummerċjali fir-Renju Unit sabiex jiġu kkunsinnati jew użati hemmhekk, id-dazju tas-sisa jsir eżiġibbli fil-mument meta dawn il-prodotti jinżammu hemmhekk għall-ewwel darba.

2.      Skont il-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa hija l-persuna:

a)      li twettaq il-kunsinna tal-prodotti;

b)      li żżomm il-prodotti intiżi li jiġu kkunsinnati; jew

c)      lil min huma kkunsinnati l-prodotti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fit-6 ta’ Settembru 2013, il-vettura tqila misjuqa minn WR, ħaddiem li jaħdem għal rasu, twaqqfet mal-wasla tagħha fil-port ta’ Dover (ir‑Renju Unit) minn aġenti tal-United Kingdom Border Agency (l‑Aġenzija tal-Fruntieri tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“UKBA”). Il-vettura tqila kien fiha prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, jiġifieri 26 pallet ta’ birra (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”).

13      WR ippreżenta lill-aġenti tal-UKBA nota ta’ kunsinna “Cargo Movement Requirement”, stabbilita abbażi tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata bil-Protokoll tal-5 ta’ Lulju 1978 (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ kunsinna CMR”). Fiha ġie indikat li l-prodotti inkwistjoni kienu koperti minn dokument amministrattiv elettroniku li jinkludi kodiċi ta’ referenza amministrattiv (iktar ’il quddiem iċ-“CRA”), imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/118. Din in-nota kienet tispeċifika wkoll li l-kunsinnatur kien maħżen doganali fil-Ġermanja u li d-destinatarju kienet Seabrook Warehousing Ltd., maħżen doganali fir-Renju Unit.

14      Madankollu, wara konsultazzjoni mal-Excise Movement and Control System – EMCS (sistema kompjuterizzata tal-movimenti u tal-kontrolli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa), l-aġenti tal-UKBA setgħu jistabbilixxu li ċ-CRA li kien jidher fuq in-nota ta’ kunsinna CMR kien diġà ntuża waqt kunsinna oħra ta’ birra għall-istess maħżen tat-taxxa li jinsab fir-Renju Unit. Għaldaqstant, dawn l-aġenti kkunsidraw li l-prodotti inkwistjoni ma kinux qegħdin jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u, konsegwentement, li d-dazji tas-sisa relatati magħhom kienu saru eżiġibbli mal-wasla ta’ dawn il-prodotti fir-Renju Unit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġenti tal-UKBA ssekwestraw il-prodotti inkwistjoni, kif ukoll il-vettura tqila li kienet qiegħda tittrasportahom.

15      Sussegwentement, l-Amministrazzjoni fiskali u doganali, minn naħa, bagħtet lil WR avviż ta’ rkupru ta’ dazji tas-sisa għall-ammont ta’ 22 779 lira Sterlina (GBP) (madwar EUR 26 400), b’applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolamenti tal-2010 (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ rkupru kkontestat”), u, min-naħa l-oħra, imponiet fuq WR multa ta’ GBP 4 897.48 (madwar EUR 5 700), b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Anness 41 tal-Finance Act 2008 (il-Liġi tal-Finanzi tal-2008).

16      Il-First‑tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn WR kontra l-avviż ta’ rkupru kkontestat u l-multa. Dik il-qorti ddeċidiet li WR, minkejja li kien jaf li l-prodotti inkwistjoni kienu suġġetti għad-dazju tas-sisa, ma kienx kompliċi fit-tentattiv ta’ kuntrabandu ta’ dawn il-prodotti. Peress li ma kellux aċċess għas-sistema ta’ informatizzazzjoni tal-moviment u tal-kontroll tal-prodotti suġġetti għas-sisa, huwa ma kellu l-ebda mezz sabiex jivverifika jekk iċ-CRA li kien jinsab fin-nota ta’ kunsinna CMR kienx diġà ntuża. Barra minn hekk, xejn fid-dokumenti li kellu ma kien ta’ natura li jqajjem dubji f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, WR ma kienx proprjetarju tal-vettura tqila u ma kellu ebda dritt jew interess proprju fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, peress li l-uniku għan tiegħu kien li jiġbor u jikkunsinna dawn il-prodotti skont l-istruzzjonijiet irċevuti, għal korrispettiv ta’ remunerazzjoni. Huma biss il-persuni li jkunu organizzaw it-tentattiv ta’ kuntrabandu li fil-fatt u fid-dritt jikkontrollaw il-prodotti inkwistjoni fil-mument tal-konfiska tagħhom. L-imsemmija qorti kkonstatat ukoll li WR kien informa b’dan is-sekwestru lill-persuna li kienet inkarigat it-trasport tal-prodotti inkwistjoni, li l-identità tal-persuni li wasslu għat-tentattiv ta’ kuntrabandu ma kinitx ġiet stabbilita u li l-Amministrazzjoni fiskali u doganali ma kinitx ippruvat tiddetermina l-identità ta’ dawn il-persuni u lanqas dik tal-proprjetarju tal-vettura tqila.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dik il-qorti, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit), iddeċidiet li WR kien “aġent innoċenti” u li, konsegwentement, ma setax jiġi kkunsidrat bħala li “żamm” jew li “wettaq il-kunsinna” tal-prodotti inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-2010. Skont l-istess qorti, fin-nuqqas ta’ għarfien reali jew impliċitu tal-pussess materjali ta’ prodotti ta’ kuntrabandu minn WR, ir-responsabbiltà ta’ WR tqajjem kwistjonijiet serji ta’ kompatibbiltà mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Għalhekk, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali)) annullat kemm l-avviż ta’ rkupru kkontestat kif ukoll il-multa imposta fuq WR.

18      L-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità) ir-Renju Unit) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Amministrazzjoni fiskali u doganali kontra din id-deċiżjoni ta’ annullament. Dik il-qorti ddeċidiet, essenzjalment, li l-kwalità ta’ “aġent innoċenti” għandha l-effett li teżenta minn kull responsabbiltà l-persuni li ma għandhomx għarfien reali jew impliċitu li l-prodotti li huma jittrasportaw huma prodotti li għalihom kellhom jitħallsu dazji tas-sisa iżda li ma kinux tħallsu. Għalhekk, ikun kuntrarju kemm għad-Direttiva 2008/118 kif ukoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-“aġent totalment innoċenti” jkun responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa evitati.

19      Il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Amministrazzjoni fiskali u doganali mis-sentenza tal-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità)) għal dak li jikkonċerna l-multa imposta fuq WR, iżda għandha dubji dwar il-fondatezza, fir-rigward tad-Direttiva 2008/118, tal-konferma minn din l-aħħar qorti tal-annullament tal-avviż ta’ rkupru kkontestat.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (L-Ingilterra u Wales) (Diviżjoni Ċivili), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Persuna […] li jkollha l-pussess fiżiku ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa f’punt meta d-dazju tas-sisa jsir imponibbli fuq dawn il-prodotti fl-Istat Membru B hija responsabbli għal dan id-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118 […] f’ċirkustanzi fejn din il-persuna:

a)      ma kellha ebda interess legali jew ta’ benefiċċju fil-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa;

b)      kienet qiegħda tittrasporta l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, bi [b’korrispettiv ta’] ħlas, f’isem ħadd ieħor bejn Stat Membru A u Stat Membru B; u

c)      kienet taf li l-prodotti fil-pussess tagħha kienu prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa iżda ma kinitx taf u ma kellhiex raġuni għal xiex tissuspetta li d-dazju tas-sisa sar imponibbli fuq il-prodotti fl-Istat Membru B fiż-żmien li dan id-dazju tas-sisa sar hekk imponibbli jew qabel?

2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk [il-persuna inkwistjoni] ma kinitx taf li l-prodotti fil-pussess tagħha kienu prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa?”

 Fuq id-domandi preliminari

21      Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jingħataw risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li tittrasporta, f’isem ħaddieħor, prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa lejn Stat Membru ieħor u li jkollha fil-pussess tagħha dawn il-prodotti fil-mument meta d-dazji tas-sisa relatati magħhom saru eżiġibbli hija responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-dazji, skont din id-dispożizzjoni, anki jekk hija ma jkollha l-ebda dritt jew interess fir-rigward tal-imsemmija prodotti u ma hijiex konxja li dawn huma suġġetti għas-sisa jew, jekk huma, ma hijiex konxja li d-dazji tas-sisa relatati saru eżiġibbli.

22      Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2008/118, fil-każijiet fejn prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru jinżammu, għal finijiet kummerċjali – jiġifieri minn persuna li ma hijiex individwu jew minn individwu privat għall-użu proprju tiegħu u ttrasportati minnu stess – fi Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkunsinnati jew użati, id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor. Abbażi tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu hija responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar eżiġibbli “l-persuna li twettaq il-konsenja, jew li żżomm il-prodotti intenzjonati li jiġu kkonsenjati, jew dik li lilha jiġu kkonsenjati l-prodotti fl-Istat Membru l-ieħor.”

23      Id-Direttiva 2008/118 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ persuna li “żżomm” il-prodotti suġġetti għas-sisa, fis-sens tal-Artikolu 33(3) ta’ din id-direttiva, u lanqas ma tagħmel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu dan il-kunċett. Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita skont is-sens abitwali ta’ dawn fil-lingwa kurrenti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih huma użati u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2020, Santen, C‑673/18, EU:C:2020:531, punt 41, u tas-16 ta’ Lulju 2020, AFMB et, C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Issa, il-kunċett ta’ persuna li “żżomm” prodotti jirrigwarda, fil-lingwaġġ kurrenti, persuna li għandha fil-pussess tagħha dawn il-prodotti. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata għandhiex dritt jew kwalunkwe interess fir-rigward tal-prodotti li hija żżomm hija irrilevanti.

25      Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118 li jindika li l-kwalità ta’ persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa, bħala “persuna li żżomm il-prodotti intenzjonati li jiġu kkonsenjati”, tiddependi mill-verifika ta’ kundizzjoni dwar il-fatt li din il-persuna tkun konxja jew kellha raġonevolment tkun konxja mill-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa skont din id-dispożizzjoni.

26      Din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata mill-istruttura tad-Direttiva 2008/118.

27      Skont l-Artikolu 7(1) u (2)(b) ta’ din id-direttiva, id-dazju tas-sisa għandu jsir eżiġibbli fil-mument tar-“rilaxx għall-konsum” fl-Istat Membru fejn isir dan ir-rilaxx. Il-kunċett ta’ “rilaxx għall-konsum” huwa ddefinit bħala ż-żamma ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, mingħajr ma jkun inġabar id-dazju tas-sisa. F’każ bħal dan, il-persuna suġġetta għad-dazju tas-sisa hija, b’konformità mal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmija direttiva, “il-persuna li qed iżżomm [dawn] il-prodotti jew kull persuna oħra li pparteċipat fiż-żamma [ta’ dawn i]l-prodotti […].”

28      Issa, bħall-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118, l-Artikolu 8(1)(b) ta’ din id-direttiva ma jinkludi ebda definizzjoni espressa tal-kunċett ta’ “żamma” u ma jeżiġix li l-persuna kkonċernata jkollha dritt jew ikollha xi interess fir-rigward tal-prodotti li hija żżomm, u lanqas li din tkun konxja jew kellha raġonevolment tkun konxja mill-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa skont din id-dispożizzjoni.

29      Min-naħa l-oħra, f’każ differenti minn dak imsemmi fl-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118, jiġifieri fil-każ ta’ irregolarità waqt moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 8(1)(a)(ii) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li hija responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa kull persuna li pparteċipat fit-tneħħija irregolari ta’ dawn il-prodotti mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u li, barra minn hekk, hija kellha raġonevolment tkun konxja min-natura irregolari tat-tneħħija. Din it-tieni kundizzjoni, simili għar-rekwiżit ta’ element intenzjonali, ma nżammitx mil-leġiżlatur tal-Unjoni, la fl-Artikolu 33(3) u lanqas, fil-fatt, fl-Artikolu 8(1)(b) tal-istess direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 39).

30      Minn dan isegwi li, meta, fid-Direttiva 2008/118, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li element intenzjonali jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa, huwa ppreveda hemmhekk dispożizzjoni espressa f’dan is-sens.

31      Barra minn hekk, interpretazzjoni li tillimita l-kwalità ta’ persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ “persuna li żżomm il-prodotti intiżi li jiġu kkunsinnati”, fis-sens tal-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118, biss għall-persuni li huma konxji jew kellhom raġonevolment ikunu konxji tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa, ma hijiex konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/118, li fosthom hemm il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 59).

32      Fil-fatt, din id-direttiva tistabbilixxi, kif jistabbilixxi l-Artikolu 1(1) tagħha, arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti elenkati fih u dan, b’mod partikolari, sabiex, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 8, l-eżiġibbiltà tas-sisa tkun identika fl-Istati Membri kollha u li d-dejn fiskali relatat magħha jiġi effettivament miġbur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2001, Van de Water, C‑325/99, EU:C:2001:201, punti 39 u 41).

33      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddefinixxi b’mod wiesa’, fl-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118, il-kategorija tal-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa fil-każ ta’ moviment ta’ prodotti suġġetti għas-sisa diġà “rilaxxati għall-konsum” fi Stat Membru u miżmuma, għal finijiet kummerċjali, fi Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkunsinnati jew użati hemmhekk, u dan b’mod li jiġi żgurat kemm jista’ jkun l-irkupru ta’ dawn id-dazji.

34      Issa, li tinżamm kundizzjoni addizzjonali intiża sabiex il-“persuna li żżomm il-prodotti ddestinati li jiġu kkunsinnati”, fis-sens tal-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118, tkun konxja jew raġonevolment kellha tkun konxja mill-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa, jagħmel diffiċli, fil-prattika, l-irkupru ta’ dawn id-dazji mingħand il-persuna li magħha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu f’kuntatt dirett u li, f’diversi sitwazzjonijiet, hija l-unika waħda mingħand min, fil-prattika, dawn l-awtoritajiet jistgħu jeżiġu l-ħlas tal-imsemmija dazji.

35      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118 hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, eventwalment prevista mid-dritt nazzjonali, għall-persuna li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ħallset id-dazji tas-sisa li saru eżiġibbli li tressaq azzjoni ta’ rkupru kontra persuna oħra responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-dazji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 44).

36      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tittrasporta, f’isem ħaddieħor, prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa lejn Stat Membru ieħor u li jkollha fil-pussess tagħha dawn il-prodotti fil-mument meta d-dazji tas-sisa relatati magħhom saru eżiġibbli hija responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-dazji, skont din id-dispożizzjoni, anki jekk hija ma jkollha l-ebda dritt jew interess fir-rigward tal-imsemmija prodotti u ma hijiex konxja li dawn huma suġġetti għas-sisa jew, jekk huma, ma hijiex konxja li d-dazji tas-sisa relatati saru eżiġibbli.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 33(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tittrasporta, f’isem ħaddieħor, prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa lejn Stat Membru ieħor u li jkollha fil-pussess tagħha dawn il-prodotti fil-mument meta d-dazji tas-sisa relatati magħhom saru eżiġibbli hija responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-dazji, skont din id-dispożizzjoni, anki jekk hija ma jkollha l-ebda dritt jew interess fir-rigward tal-imsemmija prodotti u ma hijiex konxja li dawn huma suġġetti għas-sisa jew, jekk huma, ma hijiex konxja li d-dazji tas-sisa relatati saru eżiġibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.