Language of document : ECLI:EU:T:2015:269

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Mejju 2015 (*)

“Sistema tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti — Regolament (UE) Nru 1151/2012 — Ċaħda tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem ‘pomazánkové máslo’ (butir li jiddellek) bħala speċjalità tradizzjonali ggarantita — Rabta’ mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-użu tal-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott ‘butir’”

Fil-Kawża T‑51/14,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Vitáková, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Guillem Carrau, Z. Malůšková u K. Walkerová, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/658/UE, tat-13 ta’ Novembru 2013, dwar ir-rifjut ta’ talba għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti prevvist fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Pomazánkové máslo (STG)] (ĠU L 305, p. 22),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolamenti Nru 1234/2007 u Nru 445/2007

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1), ġabar flimkien il-wieħed u għoxrin organizzazzjonijiet komuni ta’ swieq li jkopru diversi prodotti jew gruppi ta’ prodotti, li qabel kienu rregolati minn daqstant regolamenti bażiċi separati kif ukoll minn regolamenti oħra tal-Kunsill li kienu jikkompletawhom. Fir-rigward tal-ħalib, tal-prodotti tal-ħalib u tax-xaħmijiet kienu ġew adottati diversi strumenti legali li kienu jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom u l-użu tal-isem, bħar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2991/94, tal-5 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi standards għal xaħmijiet li jistgħu jiddelku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 15).

2        Ir-Regolament Nru 1234/2007, li ħassar u ssostitwixxa, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 2991/94, filwaqt li rriproduċa d-dispożizzjonijiet kollha tiegħu, huwa fost l-oħrajn intiż, hekk kif jirriżulta mill-premessa 51 tiegħu, li juniformizza l-użu tal-ismijiet kummerċjali bil-ħsieb li titħares il-kompetizzjoni u li jiġu protetti l-konsumaturi (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑37/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza C‑37/11”, Ġabra EU:C:2012:640, punti 2 u 61).

3        L-Artikolu 115 tar-Regolament Nru 1234/2007 għalhekk jiffissa l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni għax-xaħmijiet applikabbli għall-prodotti li għandhom kontenut ta’ xaħam ta’ mill-inqas 10 % iżda inqas minn 90 % bil-piż u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem, billi jagħmel riferiment għall-Anness XV tiegħu.

4        L-Appendiċi tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 115 ta’ dan ir-regolament, jipprevedi li l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott “butir” huwa rriżervat għall-“prodott b’kontenut ta’ xaħam tal-ħalib ta’ mhux inqas minn 80 % iżda inqas minn 90 %, kontenut ta’ ilma ta’ massimu ta’ 16 % u kontenut niexef u mhux xaħmi tal-ħalib ta’ massimu 2 %”. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma elenkati fit-tielet subparagrafu tal-punt I(2) ta’ dan l-anness u jirrigwardaw:

a)      desinjazzjoni [ismijiet] ta’ prodotti li n-natura eżatta tagħhom hija ċara minn użu tradizzjonali u/jew meta d-desinjazzjonijiet huma użati b’mod ċar sabiex jiddeskrivu kwalità li hija karatteristika tal-prodott;

b)      prodotti konċentrati (butir, marġerina, taħlitiet) b’kontenut ta’ xaħam ta’ 90 % jew iktar.

5        Il-prodotti li l-kontenut ta’ xaħmijiet tal-ħalib tagħhom huwa inqas minn 80 % u li l-kontenut ta’ ilma huwa ta’ iktar minn 16 % għandu jkollhom wieħed mill-ismijiet l-oħra elenkati fil-parti A tal-Appendiċi tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007. Il-punt 4 tal-parti A tal-imsemmi appendiċi għalhekk jipprevedi li l-prodotti li l-kontenut tagħhom ta’ xaħmijiet tal-ħalib huwa jew ta’ inqas minn 39 %, jew ta’ iktar minn 41 % iżda ta’ inqas minn 60 %, jew ta’ iktar minn 62 % iżda ta’ inqas minn 80 %, għandhom jindikaw “prodott tal-ħalib tal-frix [li jiddellek] X %”.

6        L-Artikolu 121(ċ)(i) tar-Regolament Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni tad-derogi għar-regoli stabbiliti minn dan ir-regolament u, b’mod partikolari, biex tistabbilixxi l-lista ta’ prodotti li, fuq il-bażi tal-listi mibgħuta mill-Istati Membri, jibbenefikaw mill-imsemmija derogi.

7        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2007, tat-23 ta’ April 2007, li jistipula ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2991/94 u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87 dwar il-protezzjoni tal-ismijiet użati fil-marketing tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU L 106, p. 24), li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 577/97, tal-1 ta’ April 1997, li jistipula ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2991/94 u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87 dwar il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet [ismijiet] użati fil-marketing tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 359), jinkludi, fl-Anness I tiegħu, il-lista tal-prodotti li jibbenefikaw mid-deroga prevista fil-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007. Skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 445/2007, din il-lista hija eżawrjenti, karatteristika li tfakkret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq (EU:C:2012:640, punt 59).

 Ir-Regolamenti Nru 509/2006 u Nru 1151/2012

8        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 181), stabbilixxa reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ prodotti agrikoli jew oġġetti tal-ikel imanufatturati bl-użu ta’ materja prima tradizzjonali jew li jkunu kkaratterizzati minn kompożizzjoni tradizzjonali jew minn mod ta’ produzzjoni jew ta’ pproċessar li jirrifletti tip ta’ produzzjoni jew ta’ pproċessar tradizzjonali.

9        Ir-Regolament Nru 509/2006 ġie mħassar u ssostitwit, mit-3 ta’ Jannar 2013, bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, p. 1). L-għan ta’ dan ir-regolament il-ġdid kien, minn naħa, li jgħaqqad id-diversi testi dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli (premessi 10 sa 13) u, min-naħa l-oħra, li jtejjeb, jiċċara u jirfina d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 509/2006, sabiex l-iskema tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (iktar ’il quddiem is-“STG”) issir iktar attraenti, peress li kienu ġew irreġistrati biss ftit ismijiet (premessa 34).

10      Ir-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxi, fl-Artikolu 1(2) tiegħu, skemi tal-kwalità li jipprovdu l-bażi għall-identifikazzjoni u, fejn xieraq, għall-protezzjoni ta’ ismijiet u termini li, b’mod partikolari, jindikaw jew jiddeskrivu prodotti agrikoli li jkollhom karatteristiċi li jżidu l-valur jew attributi li jżidu l-valur b’riżultat tal-metodi tal-biedja jew tal-ipproċessar użati fil-produzzjoni tagħhom, jew tal-post tal-produzzjoni jew kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Dan jiġbor flimkien tliet skemi tal-kwalità separati: id-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, is-STG u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji.

11      L-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 jistipula li “[d]an ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tal-Unjoni marbutin mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, u b’mod partikulari għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq unika, u għat-tikkettar tal-ikel”.

12      Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, isem għandu jkun eliġibbli għar-reġistrazzjoni bħala STG fejn dan jiddeskrivi prodott speċifiku jew oġġett tal-ikel li jkun ġej minn tip ta’ produzzjoni, ipproċessar jew minn kompożizzjoni li jikkorrispondu għal prattika tradizzjonali fir-rigward ta’ dan il-prodott jew dan l-oġġett tal-ikel, jew ikun magħmul minn materja prima jew minn ingredjenti li huma dawk użati tradizzjonalment. L-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament jistipula, barra minn hekk, li, sabiex isem jiġi rreġistrat bħala STG, huwa għandu jkun intuża tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku, jew ikun jidentifika l-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott. Ir-reġistrazzjoni bħala STG tal-isem ta’ prodott jew ta’ oġġett tal-ikel għandu, għalhekk, jissodisfa r-rekwiżiti imposti minn dan ir-regolament u, b’mod partikolari, għandu jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 19 tal-istess regolament. Ir-reġistrazzjoni tagħti lill-imsemmi isem il-protezzjoni ddefinita fl-Artikoli 23 u 24 tar-regolament inkwistjoni.

13      L-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxu proċedura ta’ reġistrazzjoni li tippermetti li l-gruppi li jaħdmu bil-prodotti inkwistjoni u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti jippreżentaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ STG quddiem l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-grupp. L-Istat Membru jivverifika li l-applikazzjoni tkun iġġustifikata u, jekk ikun il-każ, jippreżenta fajl ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni. Fil-każ fejn din tal-aħħar tqis li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ STG stipulati fir-regolament ma humiex issodisfatti, hija għandha tadotta atti ta’ implementazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Fit-22 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Ċeka ressqet quddiem il-Kummissjoni applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “pomazánkové máslo” (butir li jiddellek) fir-reġistru tas-STG, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 509/2006.

15      Fl-1 ta’ April 2011, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ċeka li hija kienet lestiet l-eżami previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 509/2006 u li kienet tqis li l-applikazzjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament, u b’mod partikolari r-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 4(3)(b) tal-imsemmi regolament, li jigħid li isem li jesprimi karattru speċifiku ta’ prodott agrikolu jew ta’ oġġett tal-ikel ma jistax jiġi rreġistrat jekk “ikun qarrieqi, bħall-eżempju partikolari jkun referenza għal karatteristika ovvja tal-prodott jew għal waħda li ma tikkorrispondix ma’ l-ispeċifikazzjoni u li għalhekk x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott”.

16      Il-Kummissjoni qieset li l-indikazzjoni “pomazánkové máslo” kienet tinkludi l-kelma “máslo” (butir), li jista’ jqarraq lill-konsumaturi peress li jissuġġerixxi li l-prodott għandu karatteristiċi li effettivament ma għandux. Fil-fatt, il-kontenut ta’ xaħmijiet tal-prodott ma kienx, fil-fehma tagħha, konformi mar-rekwiżiti ddefiniti fir-Regolament Nru 1234/2007.

17      Fit-30 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika Ċeka rrispondiet lill-Kummissjoni li hija kienet ser twettaq l-analiżi ġuridika tal-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar fid-dawl tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq (EU:C:2012:640).

18      Fil-fatt, f’żewġ okkażjonijiet, fit-18 ta’ Ġunju 2004 u fl-14 ta’ Marzu 2007, ir-Repubblika Ċeka kienet talbet lill-Kummissjoni tapplika, fir-rigward tal-prodott “pomazánkové máslo” id-deroga prevista fl-ewwel inċiż tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2991/94 (riprodott fil-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007), iżda l-Kummissjoni kienet irrifjutat, b’ittri tat-23 ta’ Settembru 2005 u tas-27 ta’ Awwissu 2007, li tilqa’ t-talbiet tagħha. Peress li r-Repubblika Ċeka ma emendatx il-leġiżlazzjoni tagħha, fis-6 ta’ Ġunju 2008 il-Kummissjoni bagħtitilha ittra ta’ intimazzjoni. Fit-3 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni bagħtitilha opinjoni motivata u sussegwentement, fil-25 ta’ Jannar 2011, hija ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

19      Permezz tas-sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq (EU:C:2012:640), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, billi awtorizzat il-bejgħ tal-“pomazánkové máslo” taħt l-isem “máslo”, meta dan il-prodott għandu kontenut ta’ xaħam tal-ħalib ta’ inqas minn 80 % u kontenut ta’ ilma u ta’ materja niexfa mhux xaħmi rispettivament ta’ iktar minn 16 % u 2 %, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 115 tar-Regolament Nru 1234/2007, moqri flimkien mal-ewwel u mat-tieni subparagrafu tal-Punt I(2) tal-Anness XV tal-imsemmi regolament kif ukoll mal-Parti A(1) u (4) tal-Appendiċi għal dan l-anness.

20      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2012, ir-Repubblika Ċeka indikat lill-Kummissjoni li kienet tqis li ma kien hemm xejn li jipprekludi t-tkomplija tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-isem “pomazánkové máslo” fir-reġistru tas-STG u li investigazzjoni nazzjonali kienet stabbiliet li l-imsemmi isem ma kienx ikkunsidrat qarrieqi mill-konsumaturi Ċeki.

21      Ir-Regolament Nru 1151/2012, li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2013, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 509/2006.

22      Fl-14 ta’ Mejju 2013, ir-Repubblika Ċeka informat lill-Kummissjoni li, wara s-sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq (EU:C:2012:640), hija bdiet proċess leġiżlattiv li kellu jwassal sabiex l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott “pomazánkové máslo” jiġi ssostitwit għal “tradiční pomazánkové” (prodott li jiddellek tradizzjonali), isem akkumpanjat mill-indikazzjoni “mléčná pomazánka 34 %” (xaħam tal-ħalib li jiddellek 34 %).

23      Fit-2 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ċeka li, fid-dawl tal-eżami mwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ddefiniti minn dan ir-regolament, għaliex ma kinitx tosserva d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1234/2007, bi ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012.

24      Il-Kummissjoni talbet iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-isem “pomazánkové máslo” bħala STG waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli tas-17 ta’ Ottubru 2013. L-imsemmi kumitat qabel, b’maġġoranza, mal-proposta tal-Kummissjoni.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/658/UE, tat-13 ta’ Novembru 2013, dwar ir-rifjut ta’ talba għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti previst fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Pomazánkové máslo (STG)].

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Jannar 2014, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat dan ir-rikors.

27      Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika Ċeka tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 50 u 52 tar-Regolament Nru 1151/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-istess regolament, sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għar-reġistrazzjoni tas-STG “pomazánkové máslo” u ċaħdet l-applikazzjoni tagħha għal raġuni oħra milli dik ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.

30      Ir-Repubblika Ċeka għalhekk issostni li l-Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha li tirreġistra l-isem “pomazánkové máslo” fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1234/2007, li b’mod partikolari jistabbilixxi r-regoli dwar l-użu tal-isem li taħtu jiġu mibjugħa l-prodotti butir u xaħmijiet li jistgħu jiddelku, filwaqt li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 ma tipprevedi tali rekwiżit. Hija tikkunsidra li dawn ir-regolamenti jikkostitwixxu metodi alternattivi ta’ reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ prodotti agrikoli, li t-tnejn huma intiżi li jiżguraw l-informazzjoni tal-konsumaturi dwar il-karatteristiċi tal-prodott bis-saħħa ta’ ismu. Hija tqis li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, li jgħid li dan tal-aħħar japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tal-Unjoni marbuta mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, u b’mod partikolari għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq unika, u għat-tikkettar tal-ikel, jikkostitwixxi sempliċi dikjarazzjoni li tindika li dan it-test ma jirregolax b’mod eżawrjenti l-kwistjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-indikazzjoni tal-oġġetti tal-ikel.

31      Skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, “[i]l-Kummissjoni għandha tiskrutinja b’mezzi adatti kwalunkwe applikazzjoni li tirċievi taħt l-Artikolu 49, sabiex tivverifika li din tkun iġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva”. L-Artikolu 52(1) tal-imsemmi regolament jispeċifika li “[f]ejn, abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni mill-iskrutinju li jsir taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1), il-Kummissjoni tqis bħala mhux sodisfatti l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni” u li “[d]awk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2)”.

32      Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, “[i]sem għandu jkun eliġibbli għar-reġistrazzjoni bħala speċjalità tradizzjonali garantita fejn dan jiddeskrivi prodott speċifiku jew oġġett tal-ikel li [...] ikun ġej minn tip ta’ produzzjoni, ipproċessar jew minn kompożizzjoni li jikkorrispondu għal prattika tradizzjonali fir-rigward ta’ dak il-prodott jew oġġett tal-ikel[,] jew […] ikun magħmul minn materja prima jew minn ingredjenti li huma dawk użati tradizzjonalment”. L-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament barra minn hekk jindika li, “[s]abiex isem jiġi rreġistrat bħala speċjalità tradizzjonali garantita, huwa għandu […] ikun intuża tradizzjonalment biex jirriferi għall-prodott speċifiku [...] jew […] jidentifika l-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott”.

33      Filwaqt li r-Repubblika Ċeka tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tillimita l-eżami tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-verifikazzjoni tal-fatt li l-isem inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tqis li hija kellha wkoll tivverifika jekk dan kienx jissodisfa r-rekwiżiti previsti fir-Regolament Nru 1234/2007, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012. Skont dan l-Artikolu 2(3), li jifforma parti mid-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għar-regolament u li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, “[d]an ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tal-Unjoni marbutin mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, u b’mod partikulari għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq unika, u għat-tikkettar tal-ikel”.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jiġux ikkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑236/07, Ġabra, EU:T:2010:451, punt 44). Għalhekk l-għan tar-regoli tal-Unjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex dawn jingħataw interpretazzjoni li tiżgura l-effettività tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑27/04, Ġabra, EU:C:2004:436, punt 74).

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, li jgħidu li dan ir-regolament “japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tal-Unjoni marbutin mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, u b’mod partikulari għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq unika, u għat-tikkettar tal-ikel”, għandhomx jiġu interpretati bħala li jfissru li isem jista’ jitniżżel fir-reġistru tas-STG biss jekk dan jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni ddefiniti fir-Regolament Nru 1234/2007.

36      L-ewwel nett, li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tista’ tiġi dedotta minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, fid-dawl tas-sens ċar tal-espressjoni “mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tal-Unjoni marbutin mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, u b’mod partikulari għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq unika”. Fil-fatt, din l-espressjoni tfisser li l-imsemmi regolament ma jistax jipprekludi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi r-regoli ta’ din l-organizzazzjoni komuni.

37      It-tieni nett, l-interpretazzjoni esposta fil-punt 36 iktar ’il fuq donnha hija konformi mal-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1234/2007. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar ir-rwol fundamentali ta’ dan ir-regolament fil-funzjonament tal-politika agrikola Ewropea. Skont l-Artikolu 288(2) TFUE, l-imsemmi regolament, bħal kull regolament, jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Dan jinkludi assjem ta’ regoli li jirrigwardaw il-ġestjoni tas-swieq agrikoli, l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ manifattura tal-prodotti agrikoli kif ukoll l-esportazzjoni u l-importazzjoni tagħhom.

38      F’dak li jirrigwarda l-ħalib, il-prodotti tal-ħalib u x-xaħmijiet, ġew stabbiliti diversi strumenti ġuridiċi sabiex jiġu rregolati l-kummerċjalizzazzjoni u l-isem ta’ dawn il-prodotti, strumenti li kienu intiżi “li jtejbu l-pożizzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fuq is-suq min-naħa l-waħda u li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn xaħmijiet li jistgħu jiddelku tal-ħalib u dawk li ma joriġinawx mill-ħalib min-naħa l-oħra, it-tnejn li huma għall-benefiċċju tal-produtturi u l-konsumaturi” (premessa 51 tar-Regolament Nru 1234/2007). Ir-Regolament Nru 2991/94, li kien jinkludi klassifikazzjoni akkumpanjata minn regoli dwar l-isem, kien jiddefinixxi hekk l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti tal-ħalib u għall-prodotti li ma joriġinawx mill-ħalib (premessa 51 tar-Regolament Nru 1234/2007). Ir-Regolament Nru 1234/2007, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 2991/94, filwaqt li rriproduċa d-dispożizzjonijiet kollha tiegħu (sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq, EU:C:2012:640, punt 2), żamm din il-klassifikazzjoni, li għandha tinżamm (sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq, EU:C:2012:640, punt 56). Dan huwa wkoll intiż li juniformizza l-użu tal-ismijiet kummerċjali bil-ħsieb li titħares il-kompetizzjoni u li jiġu protetti l-konsumaturi (premessa 51 tar-Regolament Nru 1234/2007 u s-sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq, EU:C:2012:640, punt 61).

39      L-Appendiċi tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 115 ta’ dan ir-regolament, jipprevedi li l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott “butir” huwa rriżervat għall-“prodott b’kontenut ta’ xaħam tal-ħalib ta’ mhux inqas minn 80 % iżda inqas minn 90 %, kontenut ta’ ilma ta’ massimu ta’ 16 % u kontenut niexef u mhux xaħmi tal-ħalib ta’ massimu 2 %”. L-uniċi eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma elenkati fit-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-imsemmi anness u jirrigwardaw:

a)      ismijiet ta’ prodotti li n-natura eżatta tagħhom hija ċara minn użu tradizzjonali u/jew meta l-ismijiet jintużaw b’mod ċar sabiex jiddeskrivu kwalità li hija karatteristika tal-prodott;

b)      prodotti konċentrati (butir, marġerina, taħlitiet) b’kontenut ta’ xaħam ta’ 90 % jew iktar.

40      Ir-Regolament Nru 445/2007 jinkludi, fl-Anness I tiegħu, il-lista ta’ prodotti li jibbenefikaw mid-deroga prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2991/94. Kif ammettew il-partijiet matul is-seduta, it-tħassir tar-Regolament Nru 2991/94 bir-Regolament Nru 1234/2007 ma kellux l-effett li jħassar ir-Regolament Nru 445/2007, peress li d-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2991/94 ġew riprodotti b’mod identiku fil-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007. L-imsemmija lista għalhekk baqgħet fis-seħħ u tippreċiża l-portata tal-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-imsemmi anness. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq (EU:C:2012:640, punt 57), id-deroga stabbilita tal-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) ta’ dan l-anness hija neċessarjament eċċezzjoni, peress li, skont is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 2991/94, dan tal-aħħar kien intiż li jistabbilixxi klassifikazzjoni uniformi tax-xaħmijiet li jistgħu jiddelku. Kif indikat fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 445/2007 u kif jirriżulta mis-sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq (EU:C:2012:640, punt 59), din il-lista hija eżawrjenti.

41      F’dan il-kuntest, ikkaratterizzat mill-importanza li l-leġiżlatur Ewropew jagħti għall-uniformizzazzjoni tal-użu tal-ismijiet kummerċjali bil-ħsieb li titħares il-kompetizzjoni u li jiġu protetti l-konsumaturi, ir-regoli li jirregolaw l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott “butir” għandhom jingħataw interpretazzjoni li tiżgura l-effettività kollha tagħhom. Issa, l-effett tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 issuġġerita mir-Repubblika Ċeka jkun li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jużaw is-sistema tas-STG biex jevitaw ir-regoli dwar l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 1234/2007 u, jekk il-prodott inkwistjoni jista’ jiġi kkummerċjalizzat, li dan tal-aħħar jingħata vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat u li jqarraq bil-konsumatur. Bil-kontra ta’ dan, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni magħżula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u mfakkra fil-punt 36 iktar ’il fuq, tippermetti l-osservanza tar-regoli dwar l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott “butir”.

42      It-tielet nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 esposta fil-punt 36 iktar ’il fuq donnha hija konformi mal-għanijiet ta’ dan it-test.

43      Fil-fatt, skont il-premessa 34 tar-Regolament Nru 1151/2012, l-għan speċifiku tal-iskema għas-STG huwa li jgħin lill-produtturi ta’ prodotti tradizzjonali jikkomunikaw lill-konsumaturi l-attributi li jagħtu valur miżjud lill-prodotti tagħhom L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament jindika wkoll li s-sistema tas-STG “hija stabbilita [...] biex jiġu salvagwardati l-metodi ta’ produzzjoni u riċetti tradizzjonali billi produtturi ta’ prodott tradizzjonali jiġu megħjuna jikkummerċjalizzaw u jikkomunikaw l-attributi li jżidu l-valur tar-riċetti u l-prodotti tradizzjonali tagħhom lill-konsumaturi”. Min-naħa l-oħra, din ma tistabbilixxix skema ta’ standards ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli parallela jew alternattiva għal dik stabbilita bir-Regolament Nru 1234/2007, u ħafna inqas deroga għar-regoli ddefiniti f’dan l-aħħar test.

44      Iktar minn hekk, li kieku t-teżi tar-Repubblika Ċeka kellha tiġi aċċettata, l-effett tagħha jkun li tippermetti r-reġistrazzjoni bħala STG ta’ prodotti li ma jissodisfawx l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni previsti fir-Regolament Nru 1234/2007 u li ma jistgħux, konsegwentement u bħala prinċipju, jiġu kkummerċjalizzati, filwaqt li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 isem irreġistrat bħala SGT jista’ jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodott li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.

45      Fir-raba’ u l-aħħar nett, l-argumenti l-oħra magħmula mir-Repubblika Ċeka ma jistgħux jikkonfutaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 magħżula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 36 iktar ’il fuq.

46      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 hija koerenti, sa fejn ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1151/2012 jikkoinċidu ma dawk previsti fid-dispożizzjonijiet tal-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007.

47      Madankollu, għandu qabel kollox u f’kull każ jitfakkar li, anki jekk jitqies li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1151/2012 u fid-dispożizzjonijiet tal-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007 jissovraponu ruħhom, il-Kummissjoni tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, li jimponulha li tosserva d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1234/2007. Barra minn hekk, il-portata tad-dispożizzjonijiet tal-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007 hija ċirkoskritta mil-lista eżawrjenti stabbilita fl-Anness I tar-Regolament Nru 445/2007 (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

48      Sussidjarjament, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li r-rekwiżiti previsti fil-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007 u dawk stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1151/2012 huma differenti. Ir-Regolament Nru 1234/2007, li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ deroga għar-regoli dwar l-isem tax-xaħmijiet li jistgħu jiddelku, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda “desinjazzjoni [ismijiet] ta’ prodotti li n-natura eżatta tagħhom hija ċara minn użu tradizzjonali [tagħhom]” għandu, effettivament jiġi interpretat mhux biss bħala li jimponi li l-isem inkwistjoni jkun is-suġġett ta’ użu tradizzjonali, iżda wkoll li n-natura eżatta tal-prodott inkwistjoni tkun differenti minn dik tal-prodott li ismu huwa protett. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1151/2012 jimponi biss li l-prodott inkwistjoni jkun ġej minn tip ta’ produzzjoni, ipproċessar jew minn kompożizzjoni li jikkorrispondu għal prattika tradizzjonali jew li jkun isem użat tradizzjonalment jew li jindika n-natura tradizzjonali tal-prodott.

49      Tali interpretazzjoni tal-punt a) tat-tielet subparagrafu tal-punt I(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007 hija, effettivament, konformi mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ ħarsien tal-kompetizzjoni mfittxija minn dan ir-regolament, li jawtorizza derogi biss għal prodotti li n-natura reali tagħhom ma tistax tiġi mfixkla ma dik tal-prodotti li isimhom huwa protett.

50      Bl-istess mod, l-argument tar-Repubblika Ċeka li jgħid li l-effett tar-raġunament tal-Kummissjoni jkun li titnaqqas l-effettività tar-Regolament Nru 1151/2012 billi tiġi imposta proċedura addizzjonali u billi tiġi limitata l-attrattività tal-klassifikazzjoni STG ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, iż-żewġ regolamenti għandhom għanijiet parzjalment differenti (ara l-punti 38 u 43 iktar ’il fuq) u jipprevedu rekwiżiti differenti (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). Huwa koerenti li, mal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, previsti fir-Regolament Nru 1234/2007, tiżdied il-proċedura speċifika u separata prevista fir-Regolament Nru 1151/2012, li hija intiża li tiggarantixxi lill-konsumaturi li ċerti prodotti agrikoli jistgħu jsostnu, ġustament, karatteristiċi li jagħtuhom valur miżjud.

51      Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li, kif issostni r-Repubblika Ċeka, fis-sentenza C‑37/11, punt 2 iktar ’il fuq (EU:C:2012:640) il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx il-kwistjoni ta’ jekk il-“pomazánkové máslo” jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni effettivament għamlet riferiment, fil-punt 2 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, għall-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-isem kontenzjuż ma kienx konformi mar-Regolament Nru 1234/2007, konklużjoni li kienet tiġġustifika, abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni.

52      Minn dak kollu li ġie espost iktar il-fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 meta qieset li isem ma jistax jitniżżel fir-reġistru tas-STG meta dan ma jirrispettax ir-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni ddefiniti fir-Regolament Nru 1234/2007.

53      Għal din ir-raġuni, il-motiv uniku bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 50 u 52 tar-Regolament Nru 1151/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-istess regolament, għandu jiġi miċħud għaliex infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

55      Peress li r-Repubblika Ċeka tilfet, hemm lok li hija tiġu kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata għall-ispejjeż

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Mejju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.