Language of document : ECLI:EU:T:2015:269

Kawża T‑51/14

Ir-Repubblika Ċeka

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Sistema tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti — Regolament (UE) Nru 1151/2012 — Ċaħda tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem ‘pomazánkové máslo’ (butir li jiddellek) bħala speċjalità tradizzjonali ggarantita — Rabta’ mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-użu tal-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott ‘butir’”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Mejju 2015

1.      Agrikoltura — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Sistema tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STG) — Regolament Nru 1151/2012 — Tniżżil fir-reġistru tas-STG ta’ isem ta’ prodott jew ta’ prodott tal-ikel — Kundizzjoni — Osservanza tar-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni ddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1151/2012, Artikolu 2(3); Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Metodi — Interpretazzjoni letterali, sistematika, storika u teleoloġika — Teħid inkunsiderazzjoni tal-għan u tal-istruttura ġenerali tal-att inkwistjoni

1.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, li jgħidu li dan ir-regolament japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tal-Unjoni marbutin mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, u b’mod partikolari għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq unika, u għat-tikkettar tal-ikel, għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li isem kummerċjali jista’ jitniżżel fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STG) biss jekk dan jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni ddefiniti fir-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS).

F’dan il-kuntest, ikkaratterizzat mill-importanza li l-leġiżlatur Ewropew jagħti għall-uniformizzazzjoni tal-użu tal-ismijiet kummerċjali tal-prodotti agrikoli bil-ħsieb li titħares il-kompetizzjoni u li jiġu protetti l-konsumaturi, interpretazzjoni li tgħid li r-Regolamenti Nru 1234/2007 u Nru 1151/2012 jikkostitwixxu metodi alternattivi ta’ reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ prodotti agrikoli ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-effett tagħha jkun li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jużaw is-sistema tas-STG biex jevitaw ir-regoli dwar l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 1234/2007 u, jekk il-prodott inkwistjoni jista’ jiġi kkummerċjalizzat, li dan tal-aħħar jingħata vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat u li jqarraq bil-konsumatur.

Bl-istess mod, l-argument li jgħid li l-effett ta’ dan ir-raġunament ikun li titnaqqas l-effettività tar-Regolament Nru 1151/2012 billi tiġi imposta proċedura addizzjonali u billi tiġi limitata l-attrattività tal-klassifikazzjoni STG ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, iż-żewġ regolamenti għandhom għanijiet parzjalment differenti u jipprevedu rekwiżiti differenti. Huwa koerenti li, mal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, previsti fir-Regolament Nru 1234/2007, tiżdied il-proċedura speċifika u separata prevista fir-Regolament Nru 1151/2012, li hija intiża li tiggarantixxi lill-konsumaturi li ċerti prodotti agrikoli jistgħu jsostnu, ġustament, karatteristiċi li jagħtuhom valur miżjud.

(ara l-punti 30, 35, 41, 50)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 34)