Language of document : ECLI:EU:T:2021:730

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Bejgħ online – Deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni – Esklużjoni tal-Italja – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Att preparatorju – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑19/21,

Amazon.com, Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti),

Amazon Services Europe Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Amazon EU Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu,

Amazon Europe Core Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu,

irrappreżentati minn A. Komninos u G. Tantulli, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Ernst, T. Franchoo, G. Meessen u C. Sjödin, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 7692 final tal‑10 ta’ Novembru 2020, dwar il-ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE fil-Każ AT.40703 Amazon – Buy Box,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger u N. Półtorak (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Amazon.com, Inc., Amazon Services Europe Sàrl, Amazon EU Sàrl u Amazon Europe Core Sàrl (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Amazon”), jagħmlu parti mill-impriża Amazon. B’mod partikolari, Amazon hija attiva fuq l-internet, u teżerċita b’mod partikolari tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bl-imnut online u ta’ provvista ta’ diversi servizzi online.

2        Fl‑10 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C(2020) 7692 final, dwar il-ftuħ tal-proċedura fil-Każ AT.40703 Amazon – Buy Box (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

3        Fil-fehma tal-Kummissjoni, ċerti prattiki kummerċjali ta’ Amazon jistgħu jiffavorixxu artifiċjalment l-offerti ta’ bejgħ bl-imnut tagħha stess u l-offerti tal-bejjiegħa tal-post tas-suq tagħha li jużaw is-servizzi loġistiċi u distributorji ta’ Amazon.

4        Il-Kummissjoni qieset li, ġaladarba pprovata, il-prattika inkwistjoni tista’ tkun kuntrarja għall-Artikolu 102 TFUE.

5        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li l-investigazzjoni kienet ser tkopri ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha, bl-eċċezzjoni tal-Italja, li hija ġġustifikat, fl-istqarrija għall-istampa marbuta mal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, bil-fatt li l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni kienet bdiet tinvestiga problemi parzjalment simili f’April 2019, billi kkonċentrat fuq is-suq Taljan.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Jannar 2021, Amazon ippreżentat dan ir-rikors.

7        Permezz ta’ att separat ippreżentat fid‑19 ta’ Jannar 2021, Amazon ressqet talba għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. B’deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2021, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

8        Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura. Amazon ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fl‑14 ta’ Mejju 2021.

9        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil‑21 u fit‑22 ta’ April 2021 rispettivament, ir-Repubblika Taljana u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità għall-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja) talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

10      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ April 2021, iċ-Chamber of Commerce of the United States of America (il-Kamra tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-Amerika) u l-Computer & Communications Industry Association talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet ta’ Amazon.

11      Fir-rikors tagħha, Amazon titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din teskludi lill-Italja mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lil Amazon għall-ispejjeż.

13      Fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, Amazon titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Id-dritt

14      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tinvoka tliet motivi ta’ inammissibbiltà bbażati, l-ewwel, fuq l-assenza ta’ att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, it-tieni, fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku ta’ Amazon u, it-tielet, fuq l-impossibbiltà, għall-Qorti Ġenerali, li tipproċedi bl-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u li tordnalha temenda l-perimetru ġeografiku tal-investigazzjoni li hija fetħet.

15      Ir-rikorrenti jqisu li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża jikkonferixxu lid‑deċiżjoni kkontestata n-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat.

16      Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-konvenut jitlob hekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. F’dan il-każ, peress li l‑Kummissjoni talbet deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali, li tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti fil-proċess, għandha tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

17      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jitqiesu bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, indipendentement mill-għamla tagħhom, li għandhom bħala għan li jipproduċi effetti legali vinkolanti. Dawn l-effetti legali vinkolanti għandhom jiġu evalwati fid-dawl tas-sustanza ta’ dan l-att u skont kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir-Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punti 47 u 48).

18      Għaldaqstant, bħala prinċipju, ir-rikors għal annullament jintuża biss fil-konfront ta’ miżura li permezz tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tistabbilixxi definittivament, fi tmiem proċedura amministrattiva, il-pożizzjoni tagħha. Kuntrarjament, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati l-atti intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punt 37).

19      F’dan il-kuntest, għalkemm miżuri ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux fihom innifishom ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, l-illegalitajiet possibbli li jivvizzjawhom jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li fir-rigward tiegħu huma jkunu stadju ta’ preparazzjoni, li jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kompleta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 12).

20      L-effetti u n-natura ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, adottata skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1348 tat‑3 ta’ Awwissu 2015 (ĠU 2015, L 208, p. 3), għandhom jiġu evalwati skont il-funzjoni ta’ din fil-kuntest tal-proċedura li twassal għal deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 487/2009 tal‑25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU 2009, L 148, p. 1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 13).

21      Din il-proċedura ġiet elaborata sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati jesprimu l-fehma tagħhom u sabiex il-Kummissjoni tiġi pprovduta bl-aħħar kjarifika possibbli qabel ma din tieħu deċiżjoni li taffettwa l-interessi tagħhom. Għaldaqstant, din għandha l-għan li toħloq, favur dawn, garanziji proċedurali, u, kif jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004, li tistabbilixxi d-dritt tagħhom li jinstemgħu mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 14).

22      Madankollu, rikors għal annullament intiż kontra l-ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE jista’ jobbliga lill-qorti tal-Unjoni tevalwa kwistjonijiet li dwarhom il-Kummissjoni għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi, u għalhekk għandu bħala konsegwenza antiċipazzjoni tad-dibattitu fil-mertu u konfużjoni tal-fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. B’hekk, dan ikun inkompatibbli mas-sistemi ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni u tar-rimedji previsti mit-Trattat, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-iżvolġiment korrett tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 20).

23      Isegwi li, skont il-ġurisprudenza, att li permezz tiegħu l-Kummissjoni tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE, jipproduċi biss, bħala prinċipju, l-effetti proprji ta’ att proċedurali u ma jaffettwax, għajr minn aspett proċedurali, is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 17, u d-digriet tal‑15 ta’ Marzu 2019, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni, T‑410/18, EU:T:2019:166, punt 19).

24      F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw biss il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni teskludi Stat Membru mill-perimetru ġeografiku tal-proċedura li hija tiftaħ, u mhux id-deċiżjoni kkontestata bħala tali. Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 17 sa 23 iktar ’il fuq, din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata tipproduċix ukoll sempliċement l-effetti proprji ta’ att proċedurali.

25      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni tista’ f’kull mument tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, iżda mhux iktar tard mid-data li fiha hija toħroġ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

26      Għalhekk, l-att li bih il-Kummissjoni tinforma lil impriża bl-intenzjoni tagħha li tiftaħ proċedura sabiex tadotta waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jispeċifika l-allegat ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, imwettaq minn impriża waħda jew iktar matul perijodu wieħed jew iktar fuq suq ta’ prodotti wieħed jew iktar u suq ġeografiku wieħed jew iktar, li jirrigwarda dan l-att (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom, C‑857/19, EU:C:2021:139, punt 29).

27      Minn dan isegwi li diversi indikazzjonijiet għandhom obbligatorjament ikunu inklużi f’deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004, fosthom is-suq jew is-swieq ġeografiċi li ser tkun qiegħda tittratta l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, id-delimitazzjoni ta’ dan il-perimetru ġeografiku hija biss wieħed mill-elementi obbligatorji ta’ deċiżjoni li tinfetaħ proċedura bil-għan li tiġi adottata waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

28      Konsegwentement, billi ddeċidiet, f’dan il-każ, li tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 li ma jikkonċernax it-territorju tal-Italja, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddelimita l-perimetru ġeografiku tal-imsemmija proċedura, kif meħtieġ minn deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

29      Amazon tirrileva madankollu li ċerti deċiżjonijiet ta’ natura proċedurali jistgħu jipproduċu effetti legali vinkolanti u definittivi fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza.

30      Minn naħa, dawn jinkludu deċiżjonijiet li, filwaqt li jikkostitwixxu stadji ta’ proċedura amministrattiva pendenti, ma jistabbilixxux biss il-kundizzjonijiet għall-iżvolġiment sussegwenti tagħha, iżda jipproduċu effetti li jmorru lil hinn mill-kuntest proċedurali u jbiddlu d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati fuq il-livell sostantiv. Min-naħa l-oħra, ċerti deċiżjonijiet ta’ natura proċedurali jistgħu jiġu kkontestati abbażi tal-fatt li huma jiksru drittijiet proċedurali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International vs Il-Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6, punti 96, 97 u 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Madankollu, f’dan il-każ, l-esklużjoni mill-Italja tal-perimetru ġeografiku tal-proċedura miftuħa mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tbiddilx id-drittijiet u l-obbligi ta’ Amazon fuq il-livell sostantiv, u lanqas ma tippreġudika d-drittijiet proċedurali tagħha.

32      Fil-fatt, minn naħa, din id-delimitazzjoni tal-perimetru ġeografiku tal-investigazzjoni miftuħa mill-Kummissjoni għandha bħala għan li tkun ta’ preparazzjoni għad-deċiżjoni finali, u f’dan ir-rigward tista’ tevolvi, peress li jibqa’ possibbli għall-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li temenda l-perimetru ġeografiku tal-investigazzjoni tagħha, billi testendih jew tnaqqsu, sabiex tadattah, skont il-każ, għall-informazzjoni li jista’ jkollha għarfien tagħha.

33      Huwa biss meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE kontra Amazon u li tintemm il-proċedura inkwistjoni li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-portata ġeografika tal-allegat ksur.

34      Min-naħa l-oħra, billi ddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-suq ġeografiku li fuqu kellha ssir l-investigazzjoni tagħha kien ifisser iż-ŻEE kollha, bl-esklużjoni tal-Italja, il-Kummissjoni użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tiddelimita l-perimetru ġeografiku tal-investigazzjoni tagħha, li huwa ekwivalenti għal tħejjija ta’ lista ta’ Stati li minnha tkun assenti l-Italja. Konsegwentement, din l-esklużjoni tal-Italja mill-perimetru tal-investigazzjoni mibdija mill-Kummissjoni hija konsegwenza purament proċedurali li tirriżulta mill-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, b’tali mod li ma tistax tibdel id-deċiżjoni kkontestata f’att li jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ Amazon u għalhekk f’att li jista’ jiġi kkontestat.

35      L-istess konklużjoni għandha tinsilet fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ Amazon li jipprovdu li d-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, tobbligaha tiddefendi ruħha kontra żewġ awtoritajiet differenti, l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, b’osservanza tar-regoli proċedurali, tal-garanziji u, b’mod ġenerali, ta’ sistemi differenti u, min-naħa l-oħra, tista’ twassal għal applikazzjoni diverġenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kif ukoll għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet diverġenti, li jistgħu jippreġudikaw l-approċċ Ewropew uniformi tal-attivitajiet tagħha.

36      Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li Amazon għandha tiddefendi ruħha quddiem żewġ awtoritajiet differenti ma għandux effetti għajr dawk tal-kuntest proċedurali u għalhekk ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali tagħha, bħalma seta’ jiġi deċiż fir-rigward tar-regoli dwar il-preskrizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑15 ta’ Marzu 2019, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni, T‑410/18, EU:T:2019:166, punt 26). Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet inkoerenti jew ta’ sanzjonijiet diverġenti, imposti kemm mill-awtorità tal-kompetizzjoni Taljana kif ukoll mill-Kummissjoni, ma huwiex il-konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata, iżda huwa konsegwenza ta’ dawn il-proċeduri amministrattivi jew tad-deċiżjonijiet finali sussegwenti. Kif indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, huwa biss fi tmiem il-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni u mill-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni, li Amazon tkun tista’ tinvoka l-illegalitajiet eventwali li jivvizzjaw l-imsemmija proċeduri jew id-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem tagħhom insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-att definittiv.

37      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004, ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lid-destinatarji tagħha mid-drittijiet proċedurali tagħhom. Din il-proċedura ġiet żviluppata sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati jesprimu l-fehma tagħhom u sabiex il-Kummissjoni tiġi pprovduta bl-aħħar kjarifika possibbli qabel ma din tieħu deċiżjoni li taffettwa l-interessi tagħhom (digriet tad‑29 ta’ Jannar 2020, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni, C‑418/19 P, mhuwiex ippubblikat, EU:C:2020:43, punt 48). Għaldaqstant, din għandha l-għan li toħloq, favur dawn, garanziji proċedurali, u, kif jirriżulta mill-premessa 32 tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 773/2004, li tistabbilixxi d-dritt tal-impriżi li jinstemgħu mill-Kummissjoni.

38      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni li l-Italja tiġi eskluża mill-perimetru tal-proċedura miftuħa mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tipproduċi biss l-effetti proprji ta’ att proċedurali u ma taffettwax, għajr minn aspett proċedurali, is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Amazon.

39      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-allegazzjonijiet ta’ Amazon, li jipprovdu li d-deċiżjoni kkontestata, għalkemm ta’ natura proċedurali, tipproduċi effetti legali u vinkolanti, sa fejn l-esklużjoni mit-territorju Taljan mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċċaħħad lil Amazon mill-protezzjoni kontra l-proċeduri paralleli prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

40      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, fejn il-Kummissjoni tiftaħ proċedura kontra impriża waħda jew iktar minħabba allegat ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jiċċaħħdu mill-kompetenza tagħhom li jressqu proċeduri kontra l-istess impriżi għall-istess aġir allegatament antikompetittiv, li jseħħ fl-istess suq jew swieq ta’ prodotti u ġeografiċi matul l-istess perijodu jew perijodi (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom, C‑857/19, EU:C:2021:139, punt 30).

41      Dan it-tiċħid tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huwa ġġustifikat mill‑għan imfittex mir-Regolament Nru 1/2003, li huwa intiż li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi tawtorizza lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri japplikaw dan id-dritt b’mod parallel mal-Kummissjoni. Madankollu, l-applikazzjoni parallela tal-imsemmija regoli ma tistax issir għad-detriment tal-impriżi. Għalhekk, iċ-ċaħda tal-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali tippermetti li l-impriżi jiġu protetti minn proċeduri paralleli min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet u tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom, C‑857/19, EU:C:2021:139, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jiddeċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiki li jaqgħu taħt l-Artikoli 101 jew 102 TFUE u li diġà huma s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

43      Madankollu, il-protezzjoni prevista mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 tikkonċerna l-każ ta’ żewġ proċeduri paralleli, fil-każ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni, u mhux dik ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura f’suq speċifiku bil-għan li wieħed jibbenefika minn din il-protezzjoni.

44      Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-għan imfittex mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li jistabbilixxi regola proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 70), huwa li jipproteġi impriżi minn proċeduri paralleli min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni, billi jċaħħad lil tal-ewwel mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE fir-rigward ta’ fatti li huma s-suġġett ta’ proċedura mibdija mill-Kummissjoni. B’hekk, l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu bħala effett li jipproteġi lil impriżi minn proċeduri paralleli min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet differenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑15 ta’ Marzu 2019, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni, T‑410/18, EU:T:2019:166, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Madankollu, din il-protezzjoni minn proċeduri paralleli prevista mill-ġurisprudenza ma timplika ebda dritt, għall-benefiċċju ta’ impriża, li kawża tiġi ttrattata kompletament mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom kompetenzi paralleli fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li l-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 hija bbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib bejniethom (ara sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il-Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      La r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kooperazzjoni fi Ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43) ma jipprevedu regola ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

47      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li ma jistax jitqies li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jippermetti lil awtorità tal-kompetizzjoni tissospendi jew tagħlaq każ minħabba li awtorità oħra tkun qiegħda tittratta jew tkun ittrattat l-istess kawża, u li l-premessa 18, li minnha jirriżulta li “l-għan hu li kull każ għandu jkun negozjat minn awtorità waħda”, jistabbilixxu kriterju ta’ attribuzzjoni jew ta’ tqassim tal-kawżi jew tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali possibbilment ikkonċernati mill-kawża inkwistjoni (ara sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il-Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 38).

48      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kooperazzjoni fi Ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni, il-punt 4 tagħha jispeċifika li l-konsultazzjonijiet u l-iskambji fi ħdan in-network jirrigwardaw awtoritajiet li jaġixxu fl-interess pubbliku u l-punt 31 tagħha jżid li hija ma tagħtix lill-impriżi involuti dritt individwali li l-kawża tiġi ttrattata minn awtorità speċifika. B’mod iktar ġenerali, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas l-imsemmija komunikazzjoni ma joħolqu drittijiet jew aspettattivi għal impriża fir-rigward tat-trattament tal-kawża tagħha minn awtorità ta’ kompetizzjoni speċifika (ara sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il-Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Minn dan isegwi li Amazon ma għandhiex raġun issostni li hija ġiet imċaħħda, mill-parti kkontestata tad-deċiżjoni kkontestata, mill-protezzjoni prevista mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn dan l-effett protettiv ma jimplikax li l-Kummissjoni hija obbligata tiftaħ proċedura sabiex l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiċċaħħdu mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

50      Barra minn hekk, jekk jitqies li l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni, bi ksur tal-protezzjoni kontra l-proċeduri paralleli prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, tmexxi proċedura li tikkonċerna l-istess perimetru ġeografiku u l-istess allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħal dik mibdija mill-Kummissjoni, Amazon tibqa’ f’pożizzjoni li tikkontesta dan il-fatt quddiem il-qrati nazzjonali billi tinvoka, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-imsemmija awtorità. Jekk jitqies ukoll li hemm irregolaritajiet matul il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni, dawn tal-aħħar jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kkontestati fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

51      Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-parti kkontestata tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn teskludi lill-Italja mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni, tikkostitwixxi att preparatorju li ma jipproduċix effetti legali fil-konfront ta’ Amazon fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tintlaqa’ u li, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

52      Konformement mal-Artikolu 144(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut jinvoka eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ kompetenza kif prevista fl-Artikolu 130(1), id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ma għandhiex tittieħed qabel ma din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda jew titħalla għad-deċiżjoni fil-mertu. F’dan il-każ, peress li r-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli fl-intier tiegħu, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imsemmija fil-punti 9 u 10 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

54      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk, bħal f’dan il-każ, l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel ma tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. Peress li t-talbiet għal intervent ma ġewx innotifikati lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni u, għaldaqstant, dawn ma tpoġġewx f’sitwazzjoni li jbatu l-ispejjeż, għandu jitqies li r-Repubblika Taljana, l-Awtorità għall-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, il-Kamra tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Computer & Communications Industry Association għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom f’dan ir-rigward.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tarRepubblika Taljana, tal-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità għall-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq), taċ-Chamber of Commerce of the United States of America (il-Kamra tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-Amerika) u tal-Computer & Communications Industry Association.

3)      Amazon.com, Inc., Amazon Services Europe Sàrl, Amazon EU Sàrl u Amazon Europe Core Sàrl għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Ir-Repubblika Taljana, l-Awtorità għall-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, il-Kamra tal-Kummerċ tal-Istati Uniti talAmerika u l-Computer & Communications Industry Association għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talbiet għal intervent.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Ottubru 2021.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

H. Kanninen


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.