Language of document : ECLI:EU:T:2016:430

(Kawża T‑66/14)

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

John Arnold Bredenkamp et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni Ewropea

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet, fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Iffriżar ta’ fondi – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2015

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Dritt għall-proprjetà – Inklużjoni

(It-tieni parafrafu tal-Artikolu 235 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17 u 52(1))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Regolament li jistitwixxi miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ pajjiż terz – Miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-mexxejja ta’ dan il-pajjiż jew ikkontrollati minnhom – Rabta suffiċjenti bejn dawn il-persuni u entitajiet u r-reġim ta’ dan il-pajjiż – Artikoli 60 KE u 301 KE meħuda flimkien – Eliġibbiltà

(Arikoli 60 KE u 301 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 314/2004, Artikolu 6)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet ta’ difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjara effettiva – Miżuri restrittivi – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni, entitajiet jew korpi fir-rigward tas-sitwazzjoni f’pajjiż terz – Dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta' tali miżuri – Assenza – Eċċezzjoni – Proroga tal-applikazzjoni ta’ miżuri meħdua inizjalment għal perijodu limitat

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 47; Regolament tal-Kunsill Nru 314/2004, Artikolu 6)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet ta’ difiża – Miżuri restrittivi – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni, entitajiet jew korpi fir-rigward tas-sitwazzjoni f’pajjiż terz – Dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Limiti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 47; Regolament tal-Kunsill Nru 314/2004)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 17, 24, 26)

2.      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, b’mod partikolari t-termini “għar-rigward ta’ pajjizi [in kwistjoni]” u “pajjiż terz jew terzi” li jinsabu fihom, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ miżuri kontra pajjiżi terzi, dan l-aħħar kunċett jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikontrollati jew direttament jew indirettament minnhom. Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-mexxejja ta’ ċerti impriżi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE sakemm ikun stabbilit li huma assoċjati mal-mezzejja tal-pajjiż terz destinatarju.

Fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-miżuri restrittivi, li jikkonsistu fil-prevenzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna pprovduta lill-gvern destinatarju, il-kunċett ta’ assoċjat għandu jinkludi wkoll il-persuni li jiżviluppaw attivitajiet bħall-fatt ta’ għoti lir-reġim fis-setgħa ta’ sostenn finanzjarju u forom oħra ta’ sostenn, b’mod partikolari permezz ta’ impriżi. Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri restrittivi kontra kwalunkwe persuna ġuridika li tappartjeni lil persuna fiżika assoċjata mal-mexxejja tal-pajjiż hija evidentement kundizzjoni għall-effettività tal-imsemmija miżuri. B’hekk, peress li l-ismijiet tal-persuni ġuridiċi kienu mniżżla fil-lista li timponi miżuri restrittivi peress li huma jappartjenu għal persuna fiżika li tinsab ukoll fl-imsemmija lista, din l-inklużjoni hija bbażata validament fuq l-Artikoli 60 u 301 KE.

(ara l-punti 31, 35-37)

3.      Fid-dawl tal-effett ta’ sorpriża neċessarja għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, id-dritt għal smigħ, li għandu jiġi rrispettat fil-qasam ta’ miżuri restrittivi, ma jeħtieġx la li l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lill-persuna jew l-entità kkonċernata bir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fuq il-lista li timponi restrizzjonijiet, qabel l-inklużjoni inizjali ta’ dan l-isem fuq din il-lista u lanqas li l-Kunsill għandu, ex officio, jisma’ lil din il-persuna jew entità. Madankollu, meta l-Kunsill iffiriża inizjalment assi għal perijodu determinat, huwa għandu, bħala prinċipju, jagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu qabel ma tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ din il-miżura. Fil-fatt, sabiex ikunu effettivi, l-atti li jestendu l-applikazzjoni ta’ tali miżura ma għandhomx neċessarjament jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża. Madankollu, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni diġà koperti minn dawn tal-aħħar jippreżumi li l-Kunsill ikun ipproduċa elementi ġodda fil-konfront ta’ dawn il-persuni.

(ara l-punti 48, 49, 51)

4.      Filwaqt li huwa minnu li, meta informazzjoni preċiża biżżejjed, li tippermetti lil mersuna kkonċernata mniżżla f’lista li timponi miżuri restrittivi li tesprimi utilment il-perspettiva tagħha dwar il-provi kontriha mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, tkun ġiet ikkomunikata, ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax l-obbligu għal dawn tal-aħħar li jipprovdu spontanjament aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħhom, jibqa’ l-fatt li, fuq talba tal-parti kkonċernata, l-imsemmija istituzzjonijiet huma meħtieġa li jipprovdu aċċess għad-dokumenti uffiċjali kollha mhux kunfidenzjali li jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni.

(ara l-punt 50)