Language of document : ECLI:EU:C:2023:1012

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

A. LISU

B. Irregoli stabbiliti millISU

1. Irregoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

2. Irregoli ta’ eliġibbiltà

C. Ilproċedura amministrattiva u ddeċiżjoni kontenzjuża

D. Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

II. Ittalbiet talpartijiet

III. Fuq lappell

A. Fuq lewwel aggravju

1. Largumenti talpartijiet

a) Fuq lewwel parti

b) Fuq ittieni parti

c) Fuq ittielet parti

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

a) Fuq lapplikabbiltà talArtikolu 101 TFUE għallisport bħala attività ekonomika

b) Fuq lArtikolu 101(1) TFUE

1) Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” jew bħala “effett” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni fissens talArtikolu 101(1) TFUE

i) Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

ii) Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “effett” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

2) Fuq ilpossibbiltà li ċertu aġir speċifiku jitqies li ma jaqax taħt lArtikolu 101(1) TFUE

c) Fuq ilksur allegat f’dan ilkaż

d) Fuq leżistenza ta’ aġir li għandu l-“għan” li jirrestrinġi lkompetizzjoni f’dan ilkaż

1) Fuq lapplikabbiltà f’dan ilkaż talġurisprudenza li tirriżulta missentenzi tal1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C49/07, EU:C:2008:376), u tat28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C1/12, EU:C:2013:127)

2) Fuq ilklassifikazzjoni talaġir inkwistjoni f’dan ilkaż

B. Fuq ittieni aggravju

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

IV. Fuq lappell inċidentali

A. Fuq lewwel aggravju

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

a) Fuq lammissibbiltà u nnatura effettiva talaggravju

b) Fuq ilmertu

B. Fuq ittieni aggravju

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

V. Fuq irrikors filKawża T93/18

A. Largumenti talpartijiet

B. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

VI. Fuq lispejjeż


“Appell – Kompetizzjoni – Regoli stabbiliti minn federazzjoni sportiva internazzjonali – Pattinaġġ fuq is-silġ – Entità rregolata mid-dritt privat li għandha setgħat regolatorji, ta’ kontroll, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni – Regoli dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet, il-parteċipazzjoni tal-atleti f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll l-arbitraġġ tat-tilwim – Eżerċizzju parallel ta’ attivitajiet ekonomiċi – Organizzazzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet – Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandha effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittivi – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑124/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑26 ta’ Frar 2021,

International Skating Union, stabbilita fi Lausanne (l-Isvizzera), irrappreżentata minn J.‑F. Bellis, avocat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen, F. van Schaik, H. van Vliet u C. Zois, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Mark Jan Hendrik Tuitert, residenti f’Hoogmade (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Niels Kerstholt, residenti f’Zeist (il-Pajjiżi l-Baxxi),

European Elite Athletes Association, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentati minn B. J. H. Braeken, T. C. Hieselaar u X. Y. G. Versteeg, advocaten,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe u O. Spineanu–Matei, Presidenti ta’ Awla, J.–C. Bonichot, M. Safjan, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, l-International Skating Union (l-Unjoni Internazzjonali ta’ Pattinaġġ, iktar ’il quddiem l-“ISU”) titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Diċembru 2020, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni (T‑93/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:610), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2017) 8230 final tal-Kummissjoni Ewropea tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT/40208 – Regoli ta’ Eliġibilità tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2        Permezz tal-appell inċidentali tagħhom, Mark Jan Hendrik Tuitert u Niels Kerstholt kif ukoll l-European Elite Athletes Association (l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Atleti Elit, iktar ’il quddiem “EU Athletes”) jitolbu wkoll l-annullament parzjali tas-sentenza appellata.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

3        Il-fatti li wasslu għal din it-tilwima, kif esposti fil-punti 1 sa 37 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.      LISU

4        L-ISU hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat li għandha s-sede tagħha fl-Isvizzera. Hija tippreżenta ruħha bħala l-unika federazzjoni sportiva internazzjonali rrikonoxxuta mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) fil-qasam tal-pattinaġġ artistiku u tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ (iktar ’il quddiem il-“pattinaġġ fuq is-silġ”). Il-korpi tagħha jinkludu b’mod partikolari “korp regolatorju” imsejjaħ “Kungress”, li jikkostitwixxi l-“awtorità suprema”, u “korp eżekuttiv” imsejjaħ “Kunsill”.

5        Din l-assoċjazzjoni għandha bħala membri assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ pattinaġġ artistiku u ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ, li huma stess għandhom bħala membri jew bħala affiljati assoċjazzjonijiet u klabbs li magħhom jaderixxu, b’mod partikolari, atleti professjonali li jipprattikaw dawn id-dixxiplini sportivi fil-kuntest ta’ attività ekonomika.

6        Skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) tal-istatuti tagħha, li għalihom tirreferi d-deċiżjoni kontenzjuża, l-ISU għandha l-għan li tirregola, tamministra, tiġġestixxi u tippromwovi l-pattinaġġ fuq is-silġ fuq skala dinjija.

7        Hija teżerċita, b’mod parallel, attività ekonomika li tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ fuq is-silġ kif ukoll fl-isfruttament tad-drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet. Fil-qasam tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ, dawn jinkludu, fost oħrajn, it-tazzi tad-dinja fuq pista twila u fuq pista qasira kif ukoll diversi kampjonati internazzjonali u Ewropej. L-ISU hija responsabbli wkoll għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ fuq is-silġ li jsiru fil-qafas tal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa.

B.      Irregoli stabbiliti millISU

8        L-ISU ħarġet u ppubblikat sensiela ta’ regolamenti, ta’ kodiċijiet u ta’ komunikazzjonijiet, li jinkludu b’mod partikolari r-regoli li ġejjin.

1.      Irregoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

9        Fl‑20 ta’ Ottubru 2015, l-ISU ppubblikat il-Komunikazzjoni Nru 1974, intitolata “Kompetizzjonijiet Internazzjonali Miftuħa”, li tiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni internazzjonali ta’ pattinaġġ fuq is-silġ u li hija applikabbli kemm għall-assoċjazzjonijiet nazzjonali li huma membri tal-ISU kif ukoll għal kull entità jew impriża terza (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel”).

10      Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi, qabelxejn, li l-organizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-ISU u li hija għandha tosserva r-regoli stabbiliti minn din l-assoċjazzjoni. Hija tippreċiża b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li t-terminu li għandu jiġi osservat sabiex titressaq talba għal awtorizzazzjoni minn qabel huwa ta’ sitt xhur qabel id-data li fiha huwa previst li tinżamm il-kompetizzjoni prevista fil-każ fejn din tkun intiża li tiġi organizzata minn entità jew impriża terza, u ta’ tliet xhur qabel din id-data fil-każ fejn din tiġi organizzata minn assoċjazzjoni nazzjonali membru tal-ISU.

11      Sussegwentement, l-imsemmija komunikazzjoni telenka sensiela ta’ rekwiżiti ġenerali, finanzjarji, tekniċi, kummerċjali, sportivi u etiċi li kull organizzatur ta’ kompetizzjoni ta’ pattinaġġ fuq is-silġ huwa obbligat jikkonforma ruħu magħhom. Minn dawn jirriżulta, b’mod partikolari, li kull talba għal awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni finanzjarja, teknika, kummerċjali u sportiva (post tal-kompetizzjoni prevista, ammont tal-premjijiet li ser jingħataw, pjan finanzjarju, baġit, kopertura televiżiva, eċċ.), li kull organizzatur huwa obbligat jissottometti dikjarazzjoni li tikkonferma li huwa jaċċetta l-kodiċi tal-etika tal-ISU u li din tal-aħħar tista’ titlob li tiġi ppreżentata lilha informazzjoni addizzjonali dwar dawn l-elementi differenti.

12      Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni Nru 1974 tawtorizza lill-ISU taċċetta jew tiċħad, permezz ta’ deċiżjoni, it-talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel li jitressqu quddiemha abbażi kemm tar-rekwiżiti stabbiliti f’din il-komunikazzjoni stess kif ukoll tal-għanijiet fundamentali mfittxija minn din l-assoċjazzjoni, kif iddefiniti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tal-istatuti tagħha. L-imsemmija komunikazzjoni tipprevedi wkoll li, fil-każ ta’ ċaħda ta’ tali talba, l-organizzatur jista’ jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-ISU quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (iktar ’il quddiem il-“QAS”), stabbilita f’Lausanne (l-Isvizzera), konformement mar-regoli li ġew adottati mill-ISU bl-għan li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ arbitraġġ tat-tilwim (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ arbitraġġ”).

2.      Irregoli ta’ eliġibbiltà

13      Ir-regolamenti tal-ISU jinkludu regoli magħrufa bl-isem ta’ “regoli ta’ eliġibbiltà”, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom atleti jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ fuq is-silġ. Dawn ir-regoli ta’ eliġibbiltà jipprovdu li tali kompetizzjonijiet għandhom, minn naħa, ikunu ġew awtorizzati mill-ISU jew mill-membri tagħha u, min-naħa l-oħra, josservaw ir-regoli stabbiliti minn din l-assoċjazzjoni.

14      Fil-verżjoni tagħhom adottata matul l‑2014, l-imsemmija regoli ta’ eliġibbiltà kienu jinkludu b’mod partikolari r-Regola 102(1)(a)(i), li kienet tipprovdi li persuna “għandha l-privileġġ li tipparteċipa fl-attivitajiet u fil-kompetizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ISU biss jekk din il-persuna tosserva l-prinċipji u l-politiki tal-ISU kif ifformulati fl-istatuti [tagħha]”, u r-Regola 102(1)(a)(ii) li kienet tistipula li “l-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà hija maħsuba sabiex tiżgura l-protezzjoni adegwata tal-interessi ekonomiċi u oħrajn tal-ISU, li tuża d-dħul finanzjarju tagħha għall-amministrazzjoni u għall-iżvilupp tad-dixxiplini sportivi tal-ISU kif ukoll għas-sostenn u għall-benefiċċju tal-membri [tagħha] u tal-pattinaturi tagħhom”.

15      Dawn kien fihom ukoll ir-Regola 102(2)(c), ir-Regola 102(7) u r-Regola 103(2), li minnhom kien jirriżulta li, fil-każ ta’ parteċipazzjoni ta’ atleta f’kompetizzjoni mhux awtorizzata mill-ISU u/jew minn waħda mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali li huma membri tagħha, il-persuna kkonċernata kienet tesponi ruħha għal sanzjoni magħrufa bħala “telf ta’ eliġibbiltà” jew “ineliġibbiltà”, li kienet twassal għall-esklużjoni permanenti minn kull kompetizzjoni organizzata mill-ISU.

16      Matul l‑2016, ir-regoli ta’ eliġibbiltà kienu s-suġġett ta’ reviżjoni parzjali.

17      Ir-Regola 102(1)(a)(ii), kif tirriżulta minn din ir-reviżjoni parzjali, ma tirreferix iktar għall-“protezzjoni adegwata tal-interessi ekonomiċi u oħrajn tal-ISU”. Hija tiddikjara, minflok, li “l-kundizzjoni għall-eliġibbiltà hija maħsuba sabiex tiżgura protezzjoni adegwata tal-valuri etiċi, tal-għanijiet statutorji u ta’ interessi leġittimi oħra ” ta’ din l-assoċjazzjoni, li “tuża d-dħul finanzjarju tagħha għall-amministrazzjoni u għall-iżvilupp tad-dixxiplini sportivi tal-ISU kif ukoll għas-sostenn jew għall-benefiċċju tal-membri [tagħha] u tal-pattinaturi [tagħhom]”.

18      Skont ir-Regola 102(7), kif tirriżulta mill-imsemmija reviżjoni parzjali, il-parteċipazzjoni ta’ atleta f’kompetizzjoni mhux awtorizzata mill-ISU u/jew minn waħda mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali li huma membri tagħha tista’ tagħti lok għal twissija jew għal sanzjoni magħrufa bħala “telf ta’ eliġibbiltà” jew “ineliġibbiltà”, li twassal għall-esklużjoni minn kull kompetizzjoni organizzata mill-ISU, kemm jekk għal żmien determinat jew b’mod permanenti.

19      B’mod parallel ma’ dawn id-diversi regoli, l-Artikolu 25 tal-istatuti tal-ISU jipprevedi l-possibbiltà, għall-atleti li jkollhom l-intenzjoni jikkontestaw deċiżjoni li timponi fuqhom sanzjoni ta’ “telf ta’ eliġibbiltà” jew ta’ “ineliġibbiltà”, li jippreżentaw appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-QAS, konformement mar-regoli ta’ arbitraġġ.

C.      Ilproċedura amministrattiva u ddeċiżjoni kontenzjuża

20      M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt huma żewġ pattinaturi veloċi professjonali ddomiċiljati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huma aderixxew mal-Koninklijke Nederlandsche Schaatsenrijders Bond (KNSB), Federazzjoni Rjali Olandiża tal-Pattinaġġ, li hija membru tal-ISU.

21      EU Athletes tippreżenta ruħha bħala l-assoċjazzjoni Ewropea prinċipali li tirrappreżenta lill-atleti u lill-plejers f’diversi dixxiplini sportivi.

22      Fit‑23 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ġiet adita minn M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt b’ilment li fih huma sostnew li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà stabbiliti mill-ISU jiksru l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

23      Fil‑5 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura f’dan ir-rigward.

24      Fid‑29 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-ISU, li fiha hija qieset, essenzjalment, li din l-assoċjazzjoni kienet qiegħda tikser l-Artikolu 101 TFUE. L-ISU wieġbet għal dik id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fis‑16 ta’ Jannar 2017.

25      Fit‑8 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Kif huwa indikat fil-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni, din tirrigwarda prinċipalment ir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-ISU, kif ippreżentati fil-punti 13 sa 18 ta’ din is-sentenza, li jippermettu lil din l-assoċjazzjoni tikkontrolla l-parteċipazzjoni tal-atleti f’kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ fuq is-silġ u tissanzjonahom fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni mhux awtorizzata minnha. Madankollu, kif jirriżulta mill-istess premessa, hija tirreferi wkoll għar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-imsemmija kompetizzjonijiet mill-ISU, kif ippreżentati fil-punti 9 sa 12 ta’ din is-sentenza. Fl-aħħar nett, kif iddikjarat fil-premessi 5 u 6 tal-imsemmija deċiżjoni, din tirrigwarda wkoll ir-regoli ta’ arbitraġġ imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza.

26      Fil-premessi 112 u 115 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq ikkonċernat bħala s-suq dinji tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ kif ukoll l-isfruttament tad-drittijiet differenti marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet.

27      Fil-premessi 116 sa 134 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-ISU kellha pożizzjoni ta’ saħħa fis-suq ikkonċernat u li hija kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza, b’mod sostanzjali, il-kompetizzjoni li tista’ teżisti fih. L-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiġġustifika din l-evalwazzjoni jinkludu b’mod partikolari, minn naħa, ir-rwol ċentrali li din l-assoċjazzjoni tokkupa f’dan is-suq, fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni sportiva internazzjonali rrikonoxxuta mill-KOI fil-qasam tal-pattinaġġ fuq is-silġ u ta’ assoċjazzjoni li għandha bħala għan li tirregola, tamministra, tiġġestixxi u tippromwovi din id-dixxiplina sportiva fuq skala dinjija, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija torganizza u tikkummerċjalizza b’mod parallel il-kompetizzjonijiet internazzjonali prinċipali f’dan il-qasam. Fil-kuntest tal-analiżi tagħha dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq is-setgħa li għandha l-ISU li tistabbilixxi regoli li huma imposti fuq l-assoċjazzjonijiet nazzjonali kollha li huma membri tagħha kif ukoll fuq il-kompetizzjonijiet internazzjonali kollha tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ, kemm jekk dawn jiġu organizzati mill-ISU stess, mill-membri tagħha jew minn entitajiet jew impriżi terzi. Hija rrilevat ukoll, essenzjalment, li dawn ir-regoli jirrigwardaw il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-organizzazzjoni, mal-iżvolġiment u mal-isfruttament kummerċjali ta’ dawn il-kompetizzjonijiet (awtorizzazzjoni minn qabel, regoli tal-logħob, preskrizzjonijiet tekniċi, kundizzjonijiet finanzjarji, parteċipazzjoni tal-atleti, bejgħ ta’ drittijiet, impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, riżoluzzjoni ta’ tilwim, eċċ.) u li huma applikabbli għall-atturi kollha li jkollhom l-intenzjoni li jipparteċipaw fihom jew li jkunu involuti fl-organizzazzjoni jew fl-isfruttament tagħhom (assoċjazzjonijiet nazzjonali, atleti, organizzaturi, xandara televiżivi, sponsors, eċċ.).

28      Fil-premessi 146 sa 152 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-ISU kellha tiġi kklassifikata kemm bħala “assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn hija għandha bħala membri assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ pattinaġġ fuq is-silġ li jistgħu huma stess jiġu kklassifikati bħala “impriżi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn dawn jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi li jikkonsistu fl-organizzazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet kif ukoll fl-isfruttament tad-drittijiet differenti marbuta magħhom, u bħala “impriża” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni sa fejn hija teżerċita hija wkoll tali attivitajiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni qieset ukoll li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kellhom jiġu kklassifikati bħala “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” fis-sens tal-istess dispożizzjoni.

29      Fil-premessi 162 sa 188 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għar-raġuni li l-eżami tal-kontenut ta’ dawn ir-regoli, tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom u tal-għanijiet li huma intiżi li jilħqu kien juri li dawn kienu jippermettu lill-ISU, minn naħa, li tipprekludi lill-organizzaturi potenzjali ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ li jikkompetu ma’ dawk tagħha milli jaċċedu għal dan is-suq u, min-naħa l-oħra, li jillimitaw il-possibbiltà li għandhom il-pattinaturi veloċi professjonali milli jipparteċipaw liberament f’tali kompetizzjonijiet kif ukoll, b’dan il-mod, li jċaħħdu lill-organizzaturi potenzjali tagħhom mis-servizzi tal-atleti li l-preżenza tagħhom hija neċessarja għalihom.

30      Fil-premessi 189 sa 209 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat li, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li huma miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà fuq il-kompetizzjoni, qabel ma jiġu esposti r-raġunijiet li għalihom hija qieset li dawn ir-regoli kellhom ukoll l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

31      Fil-premessi 210 sa 266 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat, essenzjalment, li l-imsemmija regoli ma setgħux jitqiesu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għar-raġuni li huma ġġustifikati minn għanijiet leġittimi u neċessarji sabiex jintlaħqu dawn tal-aħħar.

32      Fil-premessi 268 sa 286 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li, minkejja li ma jikkostitwixxux, fihom infushom, restrizzjoni tal-kompetizzjoni, ir-regoli ta’ arbitraġġ xorta waħda kellhom jitqiesu li jsaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà.

33      Fil-premessi 287 sa 348 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod partikolari, li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 101(3) TFUE sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni, li dawn ir-regoli setgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li kien neċessarju li l-ISU tiġi ordnata ttemm il-ksur serju f’din id-deċiżjoni, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità. B’mod partikolari, fil-premessi 338 sa 342 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-miżuri li hija ordnat lill-ISU tieħu sabiex ittemm dan il-ksur kellhom b’mod partikolari jikkonsistu, l-ewwel nett, fl-adozzjoni ta’ kriterji ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ sanzjoni ta’ natura oġġettiva, trasparenti, nondiskriminatorja u proporzjonata, it-tieni nett, fl-istabbiliment ta’ proċeduri adegwati ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ sanzjonijiet, kif ukoll, it-tielet nett, fl-emenda tar-regoli ta’ arbitraġġ b’mod xieraq sabiex jiġi żgurat il-kontroll effettiv tad-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem dawn il-proċeduri.

34      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża jinkludi Artikolu 1 li jipprovdi li l-ISU “kisret l-Artikolu 101 [TFUE] […] meta adottat u applikat ir-regoli ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari r-Regoli 102 u 103 tar-Regoli Ġenerali […] tal‑2014 u tal‑2016, għall-pattinaġġ veloċi”. Huwa jinkludi wkoll Artikolu 2 li jordna lill-ISU ttemm dan il-ksur u tastjeni milli tirrepetih, kif ukoll Artikolu 4 li jipprovdi l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-ordnijiet.

D.      Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2018, l-ISU ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat tmien motivi bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni sal-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn dan l-artikolu ġie applikat għar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-imsemmi artikolu sa fejn dan ġie applikat għar-regoli ta’ arbitraġġ u, is-seba’ u t-tmien wieħed, fuq in-natura illegali, rispettivament, tal-ordnijiet u tal-pagamenti ta’ penalità li ġew imposti fuqha.

36      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Ġunju 2018, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

37      Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Settembru 2018, il-Presidenta tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħet dawn l-interventi.

38      Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti Ġenerali bagħtet il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

39      Fis‑16 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti Ġenerali adottat is-sentenza appellata, li fiha ddeċidiet, essenzjalment, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ivvizzjata b’illegalità sa fejn kienet tirrigwarda r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà iżda li kienet illegali sa fejn kienet tikkonċerna r-regoli ta’ arbitraġġ.

40      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 52 sa 63 tas-sentenza appellata, li l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fil-motivi li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża, kien infondat.

41      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 64 sa 123 tas-sentenza appellata, li t-tieni u r-raba’ motivi tal-ISU ma kinux jippermettu li jitqiesu bħala żbaljati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, qabelxejn, fil-punti 69 sa 76 tas-sentenza appellata, li, anki jekk is-setgħat regolatorji, ta’ kontroll, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni miżmuma mill-ISU ma kinux ġew iddelegati lilha minn awtorità pubblika, ir-regoli stabbiliti minn din l-assoċjazzjoni, fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni sportiva internazzjonali eżistenti fil-qasam tal-pattinaġġ fuq is-silġ, kellhom jinftiehmu fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza dwar l-eżerċizzju parallel, mill-istess entità, ta’ attività ekonomika kif ukoll ta’ setgħat li jistgħu jintużaw sabiex jipprekludu entitajiet jew impriżi li huma attwalment jew potenzjalment kompetituri tagħha milli jidħlu fis-suq (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, u tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kienu jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ l-iktar importanti u lukrattivi, b’mod partikolari l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-atleti fihom.

43      Sussegwentement, din il-qorti qieset, fil-punti 77 sa 121 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-kontenut tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, tal-għanijiet imfittxija minnhom kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jagħmlu parti minnu, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi li dawn ir-regoli kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

44      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, li, konsegwentement, ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati, barra minn hekk, l-argumenti mressqa mill-ISU, fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, sabiex jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti attwali jew potenzjali tal-imsemmija regoli fuq il-kompetizzjoni.

45      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 124 sa 130 tas-sentenza appellata, li, kuntrarjament għal dak li ġie sostnut mill-ISU fil-ħames motiv tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx kisret il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE billi ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rifjut tal-ISU li tawtorizza proġett ta’ kompetizzjoni ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ li kellu jsir f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda), jiġifieri fi Stat terz. F’dan ir-rigward, din il-qorti qieset, essenzjalment, li din l-istituzzjoni kienet irreferiet għal dan l-element sabiex turi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel stabbiliti mill-ISU, filwaqt li wriet, barra minn hekk, li dawn ir-regoli setgħu jipproduċu effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fi ħdan l-Unjoni.

46      Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali, wara li ddeċidiet, fil-punti 134 sa 140 tas-sentenza appellata, li s-sitt motiv imqajjem mill-ISU kien effettiv, li kien jirrigwarda l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ arbitraġġ fid-deċiżjoni kontenzjuża, laqgħet dan il-motiv fil-punti 141 sa 164 ta’ din is-sentenza.

47      Fil-ħames u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali qieset konsegwentement, fil-punti 165 sa 178 tas-sentenza appellata, li s-seba’ u t-tmien motiv tal-ISU, dwar il-legalità tal-ordnijiet u tal-pagamenti ta’ penalità previsti mid-deċiżjoni kontenzjuża, kellhom jintlaqgħu parzjalment, sa fejn dawn l-ordnijiet u dawn il-pagamenti ta’ penalità kienu relatati mar-regoli ta’ arbitraġġ. Fl-istess ħin, hija ċaħdet il-kumplament ta’ dawn il-motivi.

48      Fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment l-Artikoli 2 u 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

II.    Ittalbiet talpartijiet

49      Permezz tal-appell tagħha, l-ISU titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet parzjalment ir-rikors tal-ewwel istanza;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din ma ġietx diġà annullata mis-sentenza appellata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

50      Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li ISU tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

51      M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes jitolbu li l-appell jiġi miċħud.

52      Permezz tal-appell inċidentali tagħhom, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn din annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tiċħad ir-rikors tal-ewwel istanza sa fejn dan ma ġiex diġà miċħud mis-sentenza appellata, u

–        tikkundanna lill-ISU għall-ispejjeż sostnuti fl-istadju tal-appell.

53      Il-Kummissjoni titlob li l-appell inċidentali jintlaqa’ u li ISU tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

54      L-ISU titlob li l-appell inċidentali jiġi miċħud u li M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

III. Fuq lappell

55      Insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata, l-ISU tinvoka żewġ aggravji bbażati fuq il-ksur konġunt tal-Artikolu 263 u tal-Artikolu 101(1) TFUE.

56      Barra minn hekk, hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza t-tilwima u tiddeċiedi dwarha.

A.      Fuq lewwel aggravju

1.      Largumenti talpartijiet

57      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li huwa strutturat fi tliet partijiet, l-ISU tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, talli kisret il-funzjoni tagħha li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont ir-regoli tal-kompetizzjoni u li kisret il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” imsemmi fl-Artikolu 101(1) TFUE.

58      Qabel l-espożizzjoni ta’ dan l-aggravju, l-ISU tippreżenta tliet elementi ta’ kuntest li, fil-fehma tagħha, għandhom jiċċaraw l-eżami tiegħu.

59      L-ewwel nett, hija tindika li, matul kważi seklu (1892‑1990), ir-regoli ta’ eliġibbiltà li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-atleti fil-kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ fuq is-silġ ġew applikati esklużivament għal dilettanti, qabel ma ġie deċiż, wara evoluzzjoni tal-pożizzjoni tal-KOI, li l-atleti professjonali jkunu jistgħu jipparteċipaw huma wkoll f’dawn il-kompetizzjonijiet. Hija żżid li huwa wara dan l-iżvilupp li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel applikabbli għall-imsemmija kompetizzjonijiet ġew introdotti, bl-għan li jiġi ggarantit li dawn iseħħu skont l-istess regoli fuq skala dinjija, kemm jekk jiġu organizzati mill-ISU jew minn entità jew impriża terza.

60      It-tieni nett, l-ISU tosserva li d-deċiżjoni kontenzjuża tindirizza l-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ, li jikkostitwixxi dixxiplina sportiva ta’ niċċa li rrappreżentat għaliha dħul mill-bejgħ ta’ 5 miljuni franki Svizzeri (CHF) (madwar EUR 5.1 miljun bir-rata tal-kambju attwali) għall-2016, minn total ta’ kważi CHF 32 miljun (madwar EUR 32.7 miljun bir-rata tal-kambju attwali), fejn il-bilanċ tiegħu joriġina mid-dixxiplina sportiva iktar magħrufa li hija l-pattinaġġ artistiku. Hija żżid li din id-dixxiplina sportiva ta’ niċċa tippreżenta biss attrazzjoni limitata għall-pubbliku ġenerali u li hija din is-sitwazzjoni li tispjega li l-ebda entità jew impriża terza qatt ma resqitilha talba għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, sa dik li tissemma fid-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, hija rċeviet għoxrin talba ta’ din in-natura fil-qasam tal-pattinaġġ artistiku matul l-aħħar għoxrin sena, li kollha ġew awtorizzati. L-ISU tippreċiża wkoll li r-rifjut li tiġi awtorizzata l-unika talba mressqa lilha, darbtejn (jiġifieri matul l‑2011 u wara matul l‑2014), fil-qasam tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ kienet ibbażata fuq il-post ċentrali li l-organizzatur tal-kompetizzjoni internazzjonali ppjanata kellu l-intenzjoni li jagħti lill-imħatri. Barra minn hekk, dan il-proġett spiċċa ġie awtorizzat matul l‑2016 fil-Pajjiżi l-Baxxi f’format li ma jinkludix iktar l-użu tal-imħatri.

61      It-tielet nett, l-ISU tesponi li, filwaqt li kklassifikat ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” u minħabba l-“effett” fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni xorta waħda abbandunat l-oppożizzjoni fil-prinċipju li hija kienet inizjalment uriet, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, fir-rigward ta’ dawn ir-regoli, billi kkonċentrat fuq in-natura arbitrarja u sproporzjonata tagħhom f’dan il-każ. Dan, barra minn hekk, jispjega għaliex l-ISU implimentat l-ordnijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża permezz, b’mod partikolari, ta’ komunikazzjoni intiża li temenda l-imsemmija regoli u mhux li tħassarhom.

62      Filwaqt li tosserva li l-ISU ma tallega l-eżistenza ta’ ebda żnaturament tal-fatti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li l-fatti li tirreferi għalihom is-sentenza appellata għandhom għalhekk jitqiesu bħala stabbiliti b’mod definittiv, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżattezza tal-elementi ta’ kuntest ippreżentati, fl-istadju tal-appell, mill-ISU. B’mod partikolari, hija tirrileva, l-ewwel nett, li l-għoxrin kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ artistiku li ġew awtorizzati minnha, fir-realtà, ma ġewx organizzati minn entitajiet jew impriżi terzi iżda minn membri ta’ din l-assoċjazzjoni. It-tieni nett, il-proġett ta’ kompetizzjoni ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ li l-ISU spiċċat sabiex tawtorizza matul l‑2016 tkompla ukoll, fil-frattemp, minn assoċjazzjoni nazzjonali li hija membru tagħha. It-tielet nett, ir-rifjut tal-ISU li tawtorizza dan il-proġett, kif inizjalment ikkonċepit minn impriża terza, seħħ meta din l-assoċjazzjoni kienet taf perfettament li ebda użu tal-imħatri ma kien previst f’dan il-kuntest.

63      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-eżami tal-appell għandu jsir, b’mod koerenti mad-deċiżjoni kontenzjuża u mas-sentenza appellata, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt li r-regoli stabbiliti mill-ISU għandhom mhux biss fuq l-atleti, li jipprekluduhom milli jipproponu liberament is-servizzi tagħhom lil organizzaturi potenzjali ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali minbarra din l-assoċjazzjoni u l-membri tagħha, iżda wkoll fuq dawn l-operaturi stess, li jipprekluduhom milli jorganizzaw liberament kompetizzjonijiet internazzjonali kemm b’mod dirett (regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel) kif ukoll indirettament (regoli ta’ eliġibbiltà).

64      M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes isostnu dawn l-argumenti.

a)      Fuq lewwel parti

65      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-ISU tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet bħala infondati, bħala ineffettivi jew mingħajr eżami ċerti argumenti u provi li hija kienet ippreżentat fl-ewwel istanza, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha ta’ annullament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, sabiex tikkontesta l-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li kien hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”.

66      F’dan ir-rigward, hija ssostni, qabelxejn, li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, fil-prattika, evalwat b’mod konġunt l-adozzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, imbagħad ikklassifikat dawn iż-żewġ elementi bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, kif barra minn hekk irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 57 u 126 tas-sentenza appellata.

67      Sussegwentement, hija tindika li stiednet lill-Qorti Ġenerali, permezz tat-tieni motiv ta’ annullament tagħha, sabiex twarrab din il-klassifikazzjoni ġuridika kif ukoll sabiex tiċċensura l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tadottaha. B’mod partikolari, l-ISU tippreċiża li hija kkontestat, fl-ewwel istanza, id-diversi evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 174 sa 179 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, kif muri, fir-rigward tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ, bir-rifjut allegatament intenzjonali u antikompetittiv tagħha li tawtorizza l-uniku proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali kompetitriċi li ġie sottomess lilha matul l-aħħar għoxrin sena, fil-verżjoni inizjali tagħha, u, fir-rigward tal-pattinaġġ artistiku, bl-awtorizzazzjoni parallela ta’ madwar għoxrin kompetizzjoni internazzjonali organizzati minn terzi.

68      Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-funzjoni tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE billi ċaħdet l-argumenti u l-provi tagħha dwar dan is-suġġett, fil-punti 116, 117, 121 u 127 tas-sentenza appellata, għar-raġuni li kienu infondati, ineffettivi jew anki irrilevanti sa fejn dawn kienu jirrigwardaw elementi ta’ intenzjonalità u ta’ applikazzjoni li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom ma kienx neċessarju sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, jew dixxiplina sportiva differenti minn dik li tikkostitwixxi s-suq ikkonċernat minn din ir-restrizzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti naqset milli ssemmi argumenti jew provi oħra li kienu ġew ippreżentati lilha, b’mod partikolari dawk dwar is-suġġett tal-imħatri. F’dan ir-rigward, l-ISU tenfasizza li, minkejja li ma kinux effettivament previsti fil-kuntest tal-proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali terza li kien ġie sottomess lilha, dawn l-imħatri kienu madankollu fil-qalba tal-kunċett li l-organizzatur ta’ din il-kompetizzjoni kellu l-intenzjoni li jippromwovi.

69      Il-Kummissjoni, sostnuta minn M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll minn EU Athletes, tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

b)      Fuq ittieni parti

70      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-ISU tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ssostitwixxiet l-evalwazzjoni fattwali u legali tal-Kummissjoni b’dik tagħha billi kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur differenti minn dak li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, bi ksur tal-funzjoni tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE u billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101(1) TFUE.

71      F’dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali mhux biss iffokat fuq aġir parzjalment differenti minn dak li kien ġie ikkritikat mill-Kummissjoni (billi ffokat fuq l-eżistenza stess tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, u mhux iktar fuq l-adozzjoni u l-applikazzjoni tagħhom b’mod konġunt), iżda wettqet ukoll klassifikazzjoni differenti ta’ dan l-aġir. Fuq dan it-tieni aspett, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ikkonkludiet esklużivament li kienet teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, billi bbażat ruħha, barra minn hekk, mhux biss fuq l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fit-Taqsima 8.3 tad-deċiżjoni kontenzjuża (intitolata “Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”) iżda wkoll fuq dawk imsemmija fit-Taqsima 8.5 tagħha (intitolata “Ir-regoli ta’ eliġibbiltà jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE]”). Issa, din tal-aħħar tirrigwarda kwistjoni distinta.

72      Fit-tieni lok, din il-kitba mill-ġdid tad-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata hija stess fuq interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-Artikolu 101(1) TFUE.

73      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiddistingwi r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” u minħabba l-“effett”, fejn l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ klassifikazzjonijiet hija applikabbli biss għall-aġir li jista’ jitqies, min-natura tiegħu stess, li huwa ta’ ħsara għall-kompetizzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx kif id-diversi elementi li rreferiet għalihom fil-punti 87 sa 89, 91 sa 93 u 101 sa 110 tas-sentenza appellata kienu jiġġustifikaw li tiġi adottata tali klassifikazzjoni. Għall-kuntrarju, hija llimitat ruħha li teżamina l-kliem li bih huma fformulati r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kif ukoll l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minnhom b’mod astratt u dekuntestwalizzat, u sussegwentement ikkonkludiet, fi tmiem dan l-eżami, li hemm il-possibbiltà jew ir-riskju li dawn ir-regoli jintużaw għal finijiet antikompetittivi fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li huma jagħtu lill-ISU.

74      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-imsemmija analiżi (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, u tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127) hija rilevanti biss fil-preżenza ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-“effett” u għalhekk ma tistax tiġi applikata b’analoġija sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza eventwali ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, kif din il-qorti għamlet fil-punti 72 u 88 tas-sentenza appellata.

75      Il-Kummissjoni, sostnuta minn M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll minn EU Athletes, tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

c)      Fuq ittielet parti

76      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-ISU tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żbalji ta’ liġi meta vvalidat l-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni tikklassifika r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

77      F’dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali aċċettat b’mod żbaljat li l-kontenut ta’ dawn ir-regoli jista’ jiġi invokat insostenn ta’ tali klassifikazzjoni.

78      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni fil-premessi 162 u 163 tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għal dak li l-Qorti Ġenerali ddikjarat fil-punti 91 u 95 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-imsemmija regoli jipprevedu l-possibbiltà, għall-ISU, li tapplika numru ta’ sanzjonijiet severi għall-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ mhux awtorizzati huwa, fih innifsu, insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Għaldaqstant, huwa meħtieġ ukoll li l-eżami tal-effetti tagħhom jippermetti li jiġi stabbilit li huma ġew applikati għall-atleti li pparteċipaw f’kompetizzjonijiet li l-awtorizzazzjoni tagħhom tirriżulta li ġiet irrifjutata għal raġuni illeġittima.

79      Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 163 tad-deċiżjoni kontenzjuża u għal dak li l-Qorti Ġenerali sostniet fil-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata, il-fatt li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà ma jirreferux għal għanijiet preċiżament identifikabbli, li ma jinkludux kriterji ddefiniti b’mod ċar u li l-ISU għalhekk għandha setgħa diskrezzjonali jew tal-inqas marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ wisq sabiex tapplikahom lanqas ma jippermetti, fih innifsu, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Hawnhekk għal darba oħra huwa neċessarju li jiġu evalwati l-effetti konkreti ta’ dan.

80      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li esponiet il-Kummissjoni, b’mod partikolari, fil-premessi 164 u 165 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-fatt li dawn ir-regoli kienu jirreferu, fil-verżjoni tagħhom adottata matul l‑2014, għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-ISU ma jippermettix, bħala tali, li jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni, fatt li barra minn hekk il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-punti 98 u 109 tas-sentenza appellata.

81      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni qieset fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għal dak li l-Qorti Ġenerali aċċettat fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-imsemmija regoli jistgħu jiġu applikati għall-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjoni internazzjonali terza mhux awtorizzata mill-ISU indipendentement minn kull kunflitt ta’ kalendarju bejn din il-kompetizzjoni u kompetizzjoni organizzata jew awtorizzata mill-ISU huwa irrilevanti, sa fejn ma hijiex l-eżistenza ta’ tali kunflitt ta’ kalendarju iżda l-promozzjoni tal-imħatri li wasslet lil din l-assoċjazzjoni sabiex tirrifjuta, fil-verżjoni inizjali tagħha, il-proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali terza li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kontenzjuża.

82      Fit-tieni lok, l-ISU ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fi tliet aspetti meta analizzat l-għanijiet segwiti mir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà.

83      Qabelxejn, hija rrikonoxxiet, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li l-ISU kellha d-dritt li tfittex li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tagħha, kuntrarjament għal dak li kienet sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 169 tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda naqset milli tislet il-konsegwenza minn dan, jiġifieri li din l-istituzzjoni ma setgħetx tiddeduċi l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv minn dan il-fatt biss.

84      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali pprovat tirrimedja dan l-iżball u l-impossibbiltà korrelattiva li jinsilet argument mill-għanijiet segwiti mir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà sabiex tiġi stabbilita klassifikazzjoni ta’ għan antikompetittiv billi ddeduċiet, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ tali għan ta’ elementi oħra, relatati man-natura allegatament vaga, arbitrarja u sproporzjonata ta’ dawn ir-regoli. B’dan il-mod, din il-qorti ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha, li kienet ibbażat ruħha fuq dawn l-elementi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għal finijiet oħra (premessi 255 sa 258) għajr l-istabbiliment ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (premessi 162 sa 187).

85      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-imsemmija elementi huma rilevanti biss sabiex jinftiehem l-effett ta’ aġir li jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 69).

86      Fit-tielet lok, l-ISU tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta stħarrġet l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà. Minn naħa, din il-qorti ċaħdet b’mod żbaljat, fil-punti 115 sa 117 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħha dwar l-awtorizzazzjoni ta’ diversi kompetizzjonijiet internazzjonali terzi fil-qasam tal-pattinaġġ artistiku għar-raġuni li dan tal-aħħar ma kienx jagħmel parti mis-suq ikkonċernat f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li elementi relatati ma’ suq li ma huwiex is-suq ikkonċernat jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-kuntest (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 78 u 79). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti eskludiet b’mod żbaljat, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, dawn id-diversi eżempji pprovati ta’ awtorizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet terzi għar-raġuni li, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kienet ġustament iddeċidiet li kienet teżisti possibbiltà jew riskju ta’ applikazzjoni arbitrarja tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà.

87      Il-Kummissjoni, sostnuta minn M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll minn EU Athletes, tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

88      Permezz tat-tliet partijiet tal-ewwel aggravju tagħha, l-ISU tikkritika, taħt aspetti differenti, il-mod kif il-Qorti Ġenerali stħarrġet il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża u r-riżultat li waslet għalih wara dan l-istħarriġ. Essenzjalment, hija ssostni li, fid-dawl, minn naħa, tas-sens u tal-portata tal-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, tal-mod kif din id-dispożizzjoni ġiet applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata minħabba żbalji ta’ liġi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha billi kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur differenti minn dak li kien ġie kkaratterizzat minn din l-istituzzjoni (it-tieni parti), it-tieni nett, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali aċċettat b’mod żbaljat li dan il-ksur jista’ jitqies li għandu bħala “għan” ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (it-tieni u t-tielet parti) u, it-tielet nett, li l-Qorti Ġenerali injorat il-funzjoni tagħha billi ċaħdet uħud mill-argumenti u mill-provi li kienu ġew ippreżentati lilha sabiex tikkontesta din il-klassifikazzjoni (l-ewwel u t-tielet parti).

89      Fid-dawl tal-mod kif dan il-motiv huwa strutturat, jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien il-partijiet differenti, wara li jitfakkar is-sens u l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE, li fid-dawl tagħhom l-eventwali fondatezza tagħhom għandha tiġi evalwata.

90      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li la huma kkontestati l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali li l-ISU għandha tiġi kklassifikata, fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE, bħala “assoċjazzjoni ta’ impriżi” li teżerċita, barra minn hekk, attività ekonomika li tikkonsisti fl-organizzazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ, u lanqas dawk li jgħidu li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà jikkostitwixxu “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens tal-istess artikolu. Lanqas ma huma kkontestati l-konstatazzjonijiet li jgħidu li din id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tista’ “[tolqot] l-kummerċ bejn l-Istati Membri”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fl-aħħar nett, lanqas ma huma kkontestati, lanqas sussidjarjament, il-konstatazzjonijiet li jgħidu li l-imsemmija deċiżjoni ma tissodisfax id-diversi kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

a)      Fuq lapplikabbiltà talArtikolu 101 TFUE għallisport bħala attività ekonomika 

91      Sa fejn l-eżerċizzju ta’ sport jikkostitwixxi attività ekonomika, huwa jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli fil-preżenza ta’ tali attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 4, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 27).

92      Huma biss ċerti regoli speċifiċi li, minn naħa, ikunu ġew adottati esklużivament għal raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika u li, min-naħa l-oħra, ikunu jirrigwardaw kwistjonijiet li jikkonċernaw biss l-isport bħala tali li għandhom jitqiesu bħala estranji għal kull attività ekonomika. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ dawk dwar l-esklużjoni tal-plejers barranin mill-kompożizzjoni tat-timijiet li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw il-pajjiż tagħhom jew dwar l-iffissar tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni użati għall-għażla tal-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet fuq bażi individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 8; tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 76 u 127, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 43, 44, 63, 64 u 69).

93      Bl-eċċezzjoni ta’ dawn ir-regoli speċifiċi, ir-regoli li jirriżultaw mill-assoċjazzjonijiet sportivi u, b’mod iktar wiesa’, l-aġir tal-assoċjazzjonijiet li adottawhom, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 30 sa 33), li jimplika li dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “impriżi” fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jew li r-regoli inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

94      Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, ta’ regoli li jirrigwardaw l-eżerċizzju, minn assoċjazzjoni sportiva, ta’ setgħat li jikkontribwixxu għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ kompetizzjonijiet sportivi, li l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom jikkostitwixxu attività ekonomika għall-impriżi li jwettqu tali attività jew li għandhom l-intenzjoni li jwettquha, inkluża tali assoċjazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 28). Dan jista’ jkun il-każ ukoll tar-regoli li huma intiżi li jirregolaw il-parteċipazzjoni ta’ atleti f’tali kompetizzjonijiet, li tikkostitwixxi attività ekonomika meta dawn jipprattikaw l-isport ikkonċernat fuq bażi professjonali jew semiprofessjonali.

95      Madankollu, l-attività sportiva tippreżenta karatteristiċi speċifiċi innegabbli li, filwaqt li jikkonċernaw b’mod speċjali l-isport għal dilettanti, jistgħu jinstabu wkoll fl-ipprattikar tal-isport bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 33).

96      Issa, il-karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzaw settur ekonomiku jistgħu eventwalment jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra u sa fejn dawn ikunu rilevanti, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u b’mod iktar speċjali waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk aġir partikolari għandux jitqies li għandu bħala “għan” jew, fin-nuqqas, bħala “effett” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqa’ kif ukoll tal-“kundizzjonijiet reali” jew tal-“qafas reali” li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-settur jew tas-swieq ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C‑250/92, EU:C:1994:413, punt 31). Tali eżami jista’ jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni, pereżempju, tan-natura, tal-organizzazzjoni jew saħansitra tal-funzjonament tal-isport ikkonċernat u, b’mod iktar speċifiku, tal-grad ta’ professjonalizzazzjoni tiegħu, tal-mod kif dan jiġi pprattikat, tal-mod kif jinteraġixxu l-atturi differenti li jipparteċipaw fih kif ukoll tar-rwol li għandhom l-istrutturi jew l-organi responsabbli għalih fil-livelli kollha, li magħhom l-Unjoni tiffavorixxi l-kooperazzjoni, skont l-Artikolu 165(3) TFUE.

b)      Fuq lArtikolu 101(1) TFUE

97      L-Artikolu 101(1) TFUE jiddikjara inkompatibbli mas-suq intern u jipprojbixxi kull ftehim bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

1)      Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” jew bħala “effett” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni fissens talArtikolu 101(1) TFUE

98      Sabiex ikun jista’ jitqies, f’każ partikolari, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li jintwera jew li dan l-aġir għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew li dan l-aġir għandu tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, paġna 359, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 31).

99      Għal dan l-għan, għandu jitwettaq, l-ewwel nett, l-eżami tal-għan tal-aġir inkwistjoni. Fil-każ fejn, fi tmiem tali eżami, dan l-aġir jirriżulta li jkollu għan antikompetittiv, ma huwiex neċessarju li jsir eżami tal-effett tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, huwa biss fl-ipoteżi fejn l-imsemmi aġir ma jistax jitqies li għandu tali għan antikompetittiv li huwa neċessarju li jitwettaq, fit-tieni lok, l-eżami ta’ dan l-effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, paġna 359, kif ukoll tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 16 u 17).

100    L-eżami li għandu jitwettaq huwa differenti skont jekk l-aġir inkwistjoni għandux bħala “għan” jew bħala “effett” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li kull wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti huwa suġġett għal sistema legali u probatorja distinta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63).

i)      Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

101    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif miġbura fil-qosor, b’mod partikolari, fis-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 78), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67), il-kunċett ta’ “għan” antikompetittiv, filwaqt li ma jikkostitwixxix, kif jirriżulta mill-punti 98 u 99 ta’ din is-sentenza, eċċezzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “effett” antikompetittiv, għandu madankollu jiġi interpretat b’mod strett.

102    Għalhekk, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jirreferi esklużivament għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Fil-fatt, ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, paġna 359; tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 78, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67).

103    Fost it-tipi ta’ aġir li għandhom jitqiesu bħala tali hemm, fl-ewwel lok, ċertu aġir kollużiv partikolarment ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni, bħall-kartelli orizzontali li jwasslu għall-iffissar tal-prezzijiet, għal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew għat-tqassim tal-klijentela. Fil-fatt, dawn it-tipi ta’ aġir huma ta’ natura li jwasslu għal żieda fil-prezzijiet jew għal tnaqqis fil-produzzjoni u, għalhekk, fl-offerta, li jwasslu għal użu ħażin tar-riżorsi, għad-detriment tal-impriżi utenti u tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punti 17 u 33; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 32).

104    Mingħajr ma neċessarjament jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni, tipi oħra ta’ aġir jistgħu wkoll jitqiesu, f’ċerti każijiet, bħala li għandhom għan antikompetittiv. Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, għal ċerti tipi ta’ ftehimiet orizzontali minbarra kartelli, pereżempju dawk li jwasslu għall-esklużjoni ta’ impriżi kompetituri mis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 76, 77, 83 sa 87 u 101, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punti 113 u 114), jew ukoll għal ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li għandhom l-għan li jikkoordinaw l-aġir tal-membri tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il‑Kummissjoni, 45/85, EU:C:1987:34, punt 41).

105    Sabiex jiġi ddeterminat, f’każ partikolari, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jippreżentawx, min-natura tagħhom stess, grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa neċessarju li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-kontenut tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika inkwistjoni, it-tieni nett, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jagħmlu parti minnu u, it-tielet nett, l-għanijiet li huma intiżi li jilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 79).

106    F’dan ir-rigward, qabelxejn, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqa’ l-aġir inkwistjoni, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-settur jew tas-swieq inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 80). Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati u a fortiori li jintwerew l-effetti ta’ dan l-aġir fuq il-kompetizzjoni, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali u negattivi jew pożittivi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 98 u 99 ta’ din is-sentenza.

107    Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-għanijiet segwiti mill-aġir inkwistjoni, għandhom jiġu ddeterminati l-għanijiet oġġettivi li dan l-aġir huwa intiż li jilħaq fir-rigward tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-impriżi involuti aġixxew mingħajr l-intenzjoni suġġettiva li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punti 64 u 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

108    Fl-aħħar nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha msemmija fit-tliet punti preċedenti ta’ din is-sentenza għandu, fi kwalunkwe każ, juri r-raġunijiet preċiżi li għalihom l-aġir inkwistjoni jippreżenta grad suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni, li jiġġustifikaw li jitqies li dan ikollu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 69).

ii)    Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “effett” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

109    Il-kunċett ta’ aġir li għandu “effett” antikompetittiv jinkludi, min-naħa tiegħu, kull aġir li ma jistax jitqies li għandu “għan” antikompetittiv, bil-kundizzjoni li jintwera li dan l-aġir għandu bħala effett attwali jew potenzjali li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, u dan b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 77, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 117).

110    Għal dan l-għan, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih isseħħ fl-assenza tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, paġna 360, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 118), billi jiġi ddefinit is-suq jew is-swieq li fihom dan l-aġir huwa intiż li jipproduċi l-effetti tiegħu, imbagħad billi jiġu kkaratterizzati dawn tal-aħħar, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali. Dan l-eżami jimplika huwa stess li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

2)      Fuq ilpossibbiltà li ċertu aġir speċifiku jitqies li ma jaqax taħt lArtikolu 101(1) TFUE

111    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi li huma partijiet f’dan il-ftehim jew suġġetti għall-osservanza ta’ din id-deċiżjoni ma taqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu wħud minn dawn il-ftehimiet u wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jista’ jwassal sabiex jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn huma ġġustifikati mit-tfittxija ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li, fihom infushom, ma humiex ta’ natura antikompetittiva, it-tieni nett, li l-mezzi konkreti li jintużaw sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan l-għan u, it-tielet nett, li, anki jekk jirriżulta li dawn il-mezzi għandhom l-effett inerenti li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni, tal-inqas potenzjalment, tal-kompetizzjoni, dan l-effett inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni. Din il-ġurisprudenza tista’ tapplika, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli adottati minn assoċjazzjoni bħal assoċjazzjoni professjonali jew assoċjazzjoni sportiva, sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet ta’ natura etika jew deontoloġika u, b’mod iktar wiesa’, sabiex jiġi limitat l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jekk l-assoċjazzjoni kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet li għadhom kif tfakkru huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97; tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 42 sa 48, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 93, 96 u 97).

112    B’mod iktar partikolari, fil-qasam tal-isport, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrileva, fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, li l-leġiżlazzjoni antidoping adottata mill-KOI ma taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, minkejja li tillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-atleti u għandha l-effett inerenti li tirrestrinġi l-kompetizzjoni potenzjali bejniethom billi tiddefinixxi limitu li lil hinn minnu l-preżenza ta’ nandrolone tikkostitwixxi doping, bl-għan li jiġi ssalvagwardjat l-iżvolġiment ġust, onest u oġġettiv tal-kompetizzjoni sportiva, li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs bejn l-atleti, li tiġi protetta s-saħħa tagħhom kif ukoll li jiġi żgurat ir-rispett tal-valuri etiċi li jinsabu fil-qalba tal-isport, li fosthom hemm il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 43 sa 55).

113    Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 111 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi applikata fil-preżenza ta’ aġir li mhux talli ma jkollux biss l-“effett” inerenti li jirrestrinġi, tal-inqas potenzjalment, il-kompetizzjoni billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, iżda jkollu, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, grad ta’ ħsara li jiġġustifika li jitqies li l-“għan” proprju tiegħu huwa l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha. Għalhekk, huwa biss jekk jirriżulta, fi tmiem l-eżami tal-aġir li jkun inkwistjoni f’każ partikolari, li dan l-aġir ma jkollux bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li għandu jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk dan jistax jaqa’ taħt din il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 69; tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 49, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 51, 53, 56 u 57).

114    Għal dak li jirrigwarda l-aġir li jkollu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa għalhekk biss skont l-Artikolu 101(3) TFUE u sakemm il-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni jiġu osservati li jista’ jingħatalu l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

115    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandhom jiġu evalwati d-diversi argumenti mressqa mill-ISU.

c)      Fuq ilksur allegat f’dan ilkaż

116    Fir-rigward tal-argumenti tal-ISU li jgħidu li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha billi kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur differenti minn dak li kien ġie kkaratterizzat minnha, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, fil-punti 57 u 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur li kien jikkonsisti, għall-ISU, fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni, fis-suq dinji tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ kif ukoll tal-isfruttament tad-drittijiet differenti marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet, tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, fil-verżjonijiet tagħhom adottati matul l‑2014 u l‑2016, kif tfakkar barra minn hekk l-ISU fl-appell tagħha. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll, fl-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ punti, li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat dan l-aġir bħala ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE għar-raġuni li kellu, minn naħa, bħala “għan” u, min-naħa l-oħra, bħala “effett” li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

117    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 77 sa 120 tas-sentenza appellata, l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni tikklassifika l-fatt li ġew adottati u applikati r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà bħala aġir li għandu “l-għan” li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, billi eżaminat, l-ewwel nett, dawk dwar il-kontenut ta’ dawn ir-regoli, it-tieni nett, dawk li jikkonċernaw l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija regoli u, it-tielet nett, dawk relatati mal-kuntest li fih dawn l-istess regoli jaqgħu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għaliha, barra minn hekk, isir riferiment fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata. Fi tmiem l-istħarriġ tagħha, din il-qorti qieset, fil-punti 121 sa 123 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda wieħed mill-iżbalji ta’ liġi u mill-żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li bihom ġiet ikkritikata mill-ISU, b’tali mod li l-klassifikazzjoni bħala aġir li għandu bħala “għan” li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma kinitx tidher infondata u li, għaldaqstant, kien inutli li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tal-ISU dwar il-klassifikazzjoni alternattiva u sussidjarja bħala aġir li għandu bħala “effett” li jirrestrinġi din il-kompetizzjoni.

118    Fit-tielet u l-aħħar lok, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-identifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni f’dan il-każ u l-klassifikazzjoni li saret minnha, fis-sentenza appellata, jikkorrispondu f’kull aspett għall-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li jgħid li l-ISU kisret l-Artikolu 101(1) TFUE billi adottat u applikat ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, għandu jinqara fid-dawl tal-premessi 161 sa 188 tagħha, li fihom il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-għanijiet li huma intiżi li jilħqu u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu, dawn ir-regoli kellhom jitqiesu bħala li għandhom “l-għan” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, qabel ma żiedet b’mod distint u indipendenti, fil-premessi 194 sa 209 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-imsemmija regoli kellhom ukoll bħala “effett” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

119    B’mod partikolari, kif juru dawn il-konstatazzjonijiet differenti, il-Kummissjoni ma adottatx klassifikazzjoni ġuridika “li tgħaqqad” il-kunċetti alternattivi ta’ “għan” u ta’ “effett” antikompetittiv, kif tallega l-ISU. Għall-kuntrarju, hija użat, b’mod parallel, żewġ klassifikazzjonijiet ġuridiċi distinti u indipendenti waħda mill-oħra, li kull waħda minnhom, jekk tiġi preżunta ġġustifikata, kienet suffiċjenti sabiex isservi ta’ bażi għad-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża.

120    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ISU, fuq ksur differenti minn dak li kien ġie kkaratterizzat mill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, hija llimitat ruħha li tiddeċiedi li l-ewwel waħda miż-żewġ klassifikazzjonijiet ġuridiċi adottati minn din l-istituzzjoni ma kienet ivvizzjata minn ebda wieħed mill-iżbalji allegati mill-ISU.

121    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-partijiet tas-sentenza appellata li huma ddedikati għall-istħarriġ tal-fondatezza ta’ din il-klassifikazzjoni fid-dawl tal-kontenut (punti 81 sa 98), tal-għanijiet (punti 99 sa 114) u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku (punti 115 sa 120) tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà fl-ebda mument ma jeżaminaw il-mod kif dawn ġew applikati mill-ISU, għandu jiġi kkonstatat li dan l-approċċ huwa identiku għal dak segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, il-partijiet tagħha li fihom jiġu eżaminati l-kontenut (premessi 162 sa 167 u 180 sa 187), l-għanijiet (premessi 168 sa 171) u l-kuntest ekonomiku u ġuridiku (premessi 172 u 173) ta’ dawn ir-regoli lanqas ma jindirizzaw tali problema, li hija eżaminata biss fil-kuntest ta’ partijiet differenti, bħal dawk relatati mal-“intenzjoni” tal-ISU (premessi 174 sa 179) jew mal-“effett” tal-imsemmija regoli fuq il-kompetizzjoni (premessi 199 sa 205).

122    Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti tal-ISU li jgħidu li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur differenti minn dak li kien ġie kkaratterizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni b’dik tagħha.

d)      Fuq leżistenza ta’ aġir li għandu l-“għan” li jirrestrinġi lkompetizzjoni f’dan ilkaż

123    L-argumenti tal-ISU li jgħidu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 101(1) TFUE u kkonkludiet b’mod żbaljat, abbażi ta’ din l-interpretazzjoni, li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kienu ġew ikklassifikati ġustament, mill-Kummissjoni, bħala aġir li għandu “l-għan” li jirrestrinġi l-kompetizzjoni huma prinċipalment ta’ tliet tipi.

124    Essenzjalment, l-ISU tikkritika lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, talli tat interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “għan” antikompetittiv meta qieset, bħall-Kummissjoni, li, fid-dawl tat-tip ta’ aġir li kien inkwistjoni f’dan il-każ, l-eżami tal-kontenut tiegħu, tal-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kien jaqa’ kellu jsir fid-dawl tas-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376), u tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, EU:C:2013:127). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li dan l-aġir kellu jiġi kklassifikat bħala ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE għar-raġuni li kellu bħala “għan” ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kif kien jirriżulta mill-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kontenut, l-għanijiet kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà. Fl-istess ħin, din il-qorti naqset milli tiddeċiedi dwar elementi essenzjali oħra, bħall-intenzjoni attribwita mill-Kummissjoni lill-ISU u l-effetti ta’ dawn ir-regoli fuq is-suq ikkonċernat kif ukoll fuq is-suq konness tal-pattinaġġ artistiku. It-tielet nett, meta wettqet eżami konġunt tat-tieni u tar-raba’ motiv għal annullament, li kienu jirrigwardaw rispettivament il-kunċett ta’ “għan” antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li ċertu aġir jista’ jitqies li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98), il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi supplimentari li kienu jikkonsistu, essenzjalment, fil-“fużjoni” ta’ dawn iż-żewġ kwistjonijiet distinti u fis-sostituzzjoni, b’dan il-mod, tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha.

1)      Fuq lapplikabbiltà f’dan ilkaż talġurisprudenza li tirriżulta missentenzi tal1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C49/07, EU:C:2008:376), u tat28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C1/12, EU:C:2013:127)

125    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ż-żamma jew l-iżvilupp mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern jista’ jiġi ggarantit biss jekk jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs bejn l-impriżi. Issa, il-fatt li impriża li teżerċita attività ekonomika partikolari tingħata s-setgħa li tiddetermina, de jure jew anki de facto, liema impriżi oħra huma awtorizzati jeżerċitaw huma wkoll din l-attività kif ukoll li tiffissa l-kundizzjonijiet li fihom din tal-aħħar tista’ tiġi eżerċitata jpoġġiha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi u jagħtiha vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha, billi jippermettilha li tipprekludihom milli jidħlu fis-suq ikkonċernat jew li tiffavorixxi l-attività tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C‑18/88, EU:C:1991:474, punt 25; tat‑12 ta’ Frar 1998, Raso et, C‑163/96, EU:C:1998:54, punti 28 u 29, kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 38, 49, 51 u 52) kif ukoll, b’dan il-mod, li tipprekludi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq il-merti għad-detriment tal-konsumaturi, billi jiġu limitati l-produzzjoni, l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi alternattivi jew anki l-innovazzjoni.

126    Konsegwentement, tali setgħa tista’ tingħata lil impriża partikolari biss bil-kundizzjoni li tkun suġġetta għal limiti, obbligi u stħarriġ, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din is-setgħa toriġinax mill-għoti, minn Stat Membru, ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali li jqiegħdu lill-impriża li lilha tingħata f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 50 u 53), mill-aġir awtonomu ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, li jippermettilha li tipprekludi impriżi potenzjalment kompetituri milli jaċċedu għal dan is-suq jew għal swieq konnessi jew relatati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C‑18/88, EU:C:1991:474, punti 17 sa 20 u 24), jew ukoll mid-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, iktar u iktar meta l-assoċjazzjoni li minnha toriġina din id-deċiżjoni għandha titqies, b’mod parallel, bħala “impriża” minħabba l-attività ekonomika li hija teżerċita fl-imsemmi suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 39, 44, 45, 59, 91 u 92).

127    Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, sakemm ma tkunx suġġetta għal limiti, obbligi u stħarriġ li jistgħu jeskludu r-riskju ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, tali setgħa, meta tingħata lil impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti, tikser, permezz tal-eżistenza tagħha stess, l-Artikolu 102 TFUE, moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 106 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 50 u 53).

128    Bl-istess mod, peress li l-Artikoli 101 u 102 TFUE, filwaqt li jsegwu għanijiet distinti u għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti, jistgħu japplikaw fl-istess ħin għall-istess aġir meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, EU:C:1989:140, punt 32; tas‑16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punt 33, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 146), u li dawn l-artikoli għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod koerenti, fl-osservanza, madankollu, tal-karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzawhom, għandu jitqies li tali setgħa tista’ titqies li għandha bħala “għan” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

129    Jekk jitqies li dan ma huwiex il-każ, din is-setgħa tista’, tal-inqas, titqies li għandha bħala “effett” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 69).

130    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qieset essenzjalment, fil-punti 68 sa 76 tas-sentenza appellata, l-istess bħall-Kummissjoni fil-premessi 172 u 173 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, fid-dawl tat-tip ta’ aġir inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tagħti lil din l-assoċjazzjoni responsabbli għal dixxiplina sportiva setgħa regolatorja, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni li tippermettilha tawtorizza jew tipprekludi l-aċċess tal-impriżi potenzjalment kompetituri għal suq partikolari, li fuqu l-imsemmija assoċjazzjoni teżerċita hija stess attività ekonomika, l-eżami tal-għan ta’ dan l-aġir, b’mod iktar partikolari tal-kontenut tiegħu, tal-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu, kellu jsir fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376), u tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, EU:C:2013:127).

2)      Fuq ilklassifikazzjoni talaġir inkwistjoni f’dan ilkaż

131    Sabiex tingħata deċiżjoni dwar jekk deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tagħti lil din l-assoċjazzjoni setgħa regolatorja, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni li tippermettilha tawtorizza jew tipprekludi l-aċċess tal-impriżi potenzjalment kompetituri għal suq partikolari, li fih l-imsemmija assoċjazzjoni teżerċita hija stess attività ekonomika, għandhiex titqies li għandha bħala għan jew, fin-nuqqas, bħala effett li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa rilevanti li jiġi ddeterminat, qabelxejn, jekk din is-setgħa hijiex irregolata minn kriterji sostantivi trasparenti, ċari u preċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 84 sa 86, 90, 91 u 99), li jippermettu li jiġi evitat li din tkun tista’ tintuża b’mod arbitrarju. Barra minn hekk, dawn il-kriterji għandhom, evidentement, ikunu ġew stabbiliti f’forma aċċessibbli, qabel kull implimentazzjoni tas-setgħa li huma intiżi li jirregolaw.

132    Dawn jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, kriterji li jippromwovu, b’mod adegwat u effettiv, iż-żamma ta’ kompetizzjonijiet sportivi bbażati fuq l-opportunitajiet indaqs u l-mertu.

133    Fl-affermattiv, tali kriterji għandhom, sussegwentement, ikunu xierqa sabiex jiżguraw l-eżerċizzju nondiskriminatorju ta’ tali setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 99) u, fir-rigward tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, in-natura kemm oġġettiva kif ukoll proporzjonata tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 48 u 55). Sabiex l-imsemmija kriterji jkunu jistgħu jitqiesu, b’mod ġenerali, bħala nondiskriminatorji, huwa neċessarju li dawn ma jissuġġettawx l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet terzi kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-atleti fihom għal rekwiżiti li jkunu jew differenti minn dawk li huma applikabbli għall-kompetizzjonijiet organizzati u kkummerċjalizzati mill-entità li tieħu d-deċiżjonijiet, jew identiċi jew simili iżda impossibbli jew eċċessivament diffiċli sabiex jiġu ssodisfatti fil-prattika minn impriża li ma għandhiex l-istess kwalità ta’ assoċjazzjoni jew mhux l-istess setgħat bħal din l-entità u li tinsab, għaldaqstant, f’sitwazzjoni differenti minnha. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kriterji li jirregolaw id-determinazzjoni tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, dawn għandhom, barra minn hekk, jiggarantixxu li dawn jiġu ddeterminati, f’kull każ konkret, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura, tat-tul kif ukoll tal-gravità tan-nuqqas ikkonstatat.

134    Fl-aħħar nett, l-imsemmija kriterji għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 99).

135    Barra minn hekk, is-setgħa inkwistjoni għandha tkun irregolata minn modalitajiet proċedurali trasparenti u nondiskriminatorji, bħal dawk dwar it-termini applikabbli għat-tressiq ta’ talba għal awtorizzazzjoni minn qabel u għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwarha, li ma jistgħux jaffettwaw lill-impriżi potenzjalment kompetituri billi jipprekluduhom milli jaċċedu b’mod effettiv għas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 86 u 92) u, b’mod definittiv, li jillimitaw b’hekk il-produzzjoni.

136    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-ħames punti preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ISU, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-għan tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, billi rreferiet għall-kwistjoni dwar jekk dawn ir-regoli kinux maħsuba b’mod li jippermetti li jiġi evitat li s-setgħat ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni li huma jagħtu lil din l-assoċjazzjoni jintużaw b’mod arbitrarju, diskriminatorju jew sproporzjonat.

137    B’mod partikolari, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, waqt l-eżami konkret tal-kontenut tal-imsemmija regoli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 85 sa 89 u 118 tas-sentenza appellata, li dawn ma kinux iġġustifikati, b’mod verifikabbli, minn ebda għan speċifiku u li huma ma jirregolawx is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-ISU sabiex tawtorizza jew tirrifjuta l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ kompetizzjoni ta’ pattinaġġ veloċi li jistgħu jiġu ppreżentati lilha minn entitajiet jew impriżi terzi abbażi ta’ kriterji ta’ awtorizzazzjoni trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji u, konsegwentement, verifikabbli, b’tali mod li din l-assoċjazzjoni għandha titqies li tgawdi minn setgħa diskrezzjonali.

138    Għandu jingħad ukoll li dawn l-evalwazzjonijiet, li kienu intiżi, kif jirriżulta mill-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata, sabiex iwieġbu għall-argumenti speċifikament ippreżentati mill-ISU bl-għan li jikkontestaw uħud mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma jistgħux jitqiesu, essenzjalment, bħala ġodda fir-rigward ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, fil-premessa 173 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet b’mod ġenerali għan-neċessità li tissuġġetta setgħa diskrezzjonali bħal dik li għandha l-ISU għal obbligi, għal limiti u għal kontroll, qabel ma tindika b’mod iktar partikolari, fil-premessi 163 u 185 tal-imsemmija deċiżjoni, li dan ma kienx il-każ f’dan il-każ, fl-assenza ta’ rabta bejn din is-setgħa u għanijiet speċifiċi u verifikabbli.

139    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset essenzjalment, fil-punti 91 sa 95 u 97 tas-sentenza appellata, li s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-ISU fuq l-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi li ma kinux suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tagħha ma kinux irregolati minn kriterji xierqa sabiex jiżguraw in-natura oġġettiva u proporzjonata tagħhom, u kienu jikkostitwixxu element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kellhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Dawn l-evalwazzjonijiet, li kienu intiżi wkoll, kif jirriżulta mill-punti 83, 90 u 96 tas-sentenza appellata, sabiex iwieġbu għall-argumenti mressqa mill-ISU insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, lanqas ma jistgħu jitqiesu li jirrigwardaw kwistjonijiet ġodda meta mqabbla ma’ dawk indirizzati fil-premessi 162, 163, 166 u 186 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

140    It-tieni nett, filwaqt li rreferiet, bil-mod li għadu kif tfakkar, għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 125 sa 128 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali inkludiet l-evalwazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ raġunament ġuridiku ġenerali li għandu l-għan li jiddetermina, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punti 105 sa 108 ta’ din is-sentenza u kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 68, 76, 80 u 120 tas-sentenza appellata, jekk il-Kummissjoni kinitx ġustament ikkonkludiet li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kellhom jitqiesu, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-għanijiet li huma intiżi li jilħqu kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu, bħala li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-grad suffiċjenti ta’ ħsara li huma jippreżentaw fir-rigward tagħha.

141    Issa, l-ISU ma tikkontestax il-fondatezza ta’ dan ir-raġunament ġuridiku ġenerali.

142    Fil-fatt, hija tillimita ruħha, qabelxejn, li ssostni li wħud mill-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmi raġunament, bħan-natura diskrezzjonali tas-setgħa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li jagħtuha r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, in-natura sproporzjonata tas-sanzjonijiet li dawn ir-regoli jippermettulha timponi fuq l-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi mhux awtorizzati jew ukoll il-fatt li l-imsemmija regoli kienu jirreferu, tal-inqas sal‑2014, għal għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-ISU, ma humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ din il-qorti li dawn ir-regoli tqiesu ġustament bħala li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Madankollu, tali argument ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni, peress li din hija bbażata fuq evalwazzjoni globali.

143    Sussegwentement, l-ISU ssostni, essenzjalment, li din il-konklużjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn hija tibbaża ruħha, b’mod definittiv, fuq il-possibbiltà jew ir-riskju, inerenti għall-kontenut u għall-istruttura stess tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, li dawn jistgħu jintużaw għal finijiet antikompetittivi li jipprekludu l-entitajiet jew l-impriżi li jistgħu jikkompetu ma’ din l-assoċjazzjoni milli jaċċedu għas-suq ikkonċernat kif ukoll li jiffavorixxu l-kompetizzjonijiet organizzati minn din tal-aħħar.

144    Madankollu, tali konklużjoni, kif ifformulata fil-punti 95, 118 u 119 tas-sentenza appellata, hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, minkejja li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li huwa possibbli għal assoċjazzjoni sportiva bħall-ISU li tadotta, tapplika kif ukoll tiżgura li jiġu osservati, permezz ta’ sanzjonijiet, regoli dwar l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali fid-dixxiplina sportiva kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 67 u 68; tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 44, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 60), dawn il-kunsiderazzjonijiet fl-ebda każ ma jippermettu li jitqiesu li huma leġittimi regoli li, bħar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, ma humiex suġġetti għal limiti, obbligi u kontroll xierqa.

145    Għall-kuntrarju, tali regoli għandhom jitqiesu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 125 sa 128 ta’ din is-sentenza, li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fatt, huma jagħtu lill-entità li adottathom u li hija awtorizzata timplImentahom is-setgħa li tawtorizza, tikkontrolla jew tikkundizzjona l-aċċess għas-suq ta’ kull impriża potenzjalment kompetitriċi, u li tiddetermina kemm il-livell ta’ kompetizzjoni li jista’ jeżisti f’dan is-suq kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom din il-kompetizzjoni eventwali tista’ tiġi eżerċitata.

146    F’dan ir-rigward, l-imsemmija regoli huma ta’ natura li jippermettu, jekk mhux li jeskludu mis-suq kull impriża kompetitriċi, anki jekk daqstant effikaċi, tal-inqas li jillimitaw l-ippjanar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet alternattivi jew ġodda skont il-format jew il-kontenut tagħhom. B’dan il-mod, dawn huma, barra minn hekk, ta’ natura li jċaħħdu lill-atleti minn kull possibbiltà li jipparteċipaw f’dawn il-kompetizzjonijiet, minkejja li dawn jistgħu jkunu ta’ interess għalihom, pereżempju minħabba format innovattiv, filwaqt li josservaw il-prinċipji, il-valuri u r-regoli kollha tal-logħob li fuqhom hija bbażata d-dixxiplina sportiva kkonċernata. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn huma ta’ natura li jċaħħdu lill-ispettaturi u lit-telespettaturi minn kull possibbiltà li jiġu offruti li jattendu l-imsemmija kompetizzjonijiet jew li jaraw ix-xandira tagħhom.

147    Fl-aħħar nett, l-ISU tikkontesta, essenzjalment, iċ-ċaħda sommarja jew mingħajr eżami, mill-Qorti Ġenerali, tad-diversi argumenti u provi tagħha dwar l-intenzjoni li wasslitha sabiex tadotta r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà (punt 121 tas-sentenza appellata) kif ukoll dwar l-applikazzjoni u l-effetti ta’ dawn ir-regoli fis-suq ikkonċernat u fis-suq relatat tal-pattinaġġ artistiku (punti 115 sa 117 tas-sentenza appellata). Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 98, 99, 106 u 107 ta’ din is-sentenza.

148    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi jew ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta qieset li l-Kummissjoni kienet ġustament ikklassifikat ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà bħala aġir li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Il-fatt li, kif issostni barra minn hekk l-ISU, din il-qorti eżaminat b’mod konġunt, b’mod partikolari fil-punti 101 sa 104 u 108 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni distinta dwar jekk dawn ir-regoli setgħux madankollu jitqiesu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, bħala li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li din il-ġurisprudenza hija irrilevanti fil-preżenza ta’ aġir li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, kif jirriżulta mill-punti 113 u 114 ta’ din is-sentenza, huwa, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-fondatezza tar-raġunament imfakkar fil-punt 140 tal-imsemmija sentenza.

149    Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq ittieni aggravju

1.      Largumenti talpartijiet

150    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-ISU tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma fehmitx u ma eżaminatx b’mod korrett ir-raba’ motiv ta’ annullament kif ukoll il-provi prodotti insostenn tiegħu, bi ksur tal-funzjoni tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE.

151    F’dan ir-rigward, hija tesponi, l-ewwel nett, li dan il-motiv ta’ annullament kellu għan preċiż u limitat li jikkonsisti f’li jsostni li r-rifjut tagħha li tawtorizza l-proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali intiż sabiex jinżamm f’Dubai u li kien ġie ppreżentat lilha minn organizzatur terz ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li dan ir-rifjut kellu għan leġittimu li jikkonsisti f’li tiġi osservata l-projbizzjoni tal-imħatri stabbilita fil-kodiċi tal-etika tagħha u ma setax jitqies li kien immotivat mill-intenzjoni li jiġi eskluż kompetitur potenzjali mis-suq tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ, kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

152    It-tieni nett, l-ISU ssostni li l-Qorti Ġenerali emendat il-portata tal-imsemmi motiv ta’ annullament billi qieset, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li kien jimplika li tiġi deċiża l-kwistjoni ġenerali dwar jekk ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kinux iġġustifikati minn għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-integrità tad-dixxiplini sportivi li jaqgħu taħt l-ISU.

153    It-tielet nett, l-ISU tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fl-istess ħin, ammettiet, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li hija kellha d-dritt tistabbilixxi regoli intiżi li jipprekludu li l-imħatri jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ u rrifjutat, fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, li tiddeċiedi dwar il-legalità, fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE, tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għall-proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali msemmi fid-deċiżjoni kontenzjuża, għar-raġuni li din l-applikazzjoni ma kinitx ġiet ikklassifikata bħala ksur mill-Kummissjoni, iżda ssemmiet biss sabiex turi l-mod kif l-imsemmija regoli setgħu jiġu applikati fil-prattika. Fil-fatt, mill-premessi u mid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà għall-proġett inkwistjoni ġiet ikklassifikata bħala ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, bl-istess mod bħall-adozzjoni tagħhom, u li din il-klassifikazzjoni ġuridika ġiet adottata mill-Kummissjoni wara eżami li kien jirrigwarda prinċipalment, jew saħansitra esklużivament, ir-rifjut tal-ISU li tawtorizza l-imsemmi proġett. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina l-argumenti u l-provi kollha li kienu ġew ippreżentati lilha mill-ISU sabiex tikkontesta tali klassifikazzjoni u tistabbilixxi n-natura ġġustifikata tal-aġir tagħha, fatt li madankollu din il-qorti astjeniet milli tagħmel.

154    Il-Kummissjoni, sostnuta minn M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll minn EU Athletes, tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

155    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali żbaljat dwar il-portata tar-raba’ motiv ta’ annullament imqajjem mill-ISU, billi qieset b’mod żbaljat li hija kienet adita bil-kwistjoni ġenerali dwar jekk ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kinux iġġustifikati minn għan leġittimu u mhux bil-kwistjoni speċifika dwar jekk l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għall-proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi li għalih tirreferi din l-assoċjazzjoni kinitx iġġustifikata minn tali għan leġittimu, dan il-motiv huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv.

156    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonfermat il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, ikkunsidrati bħala tali u għalhekk indipendentement mill-applikazzjoni tagħhom każ b’każ, kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ għan leġittimu eventwali, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma għandha ebda rilevanza f’dan il-kuntest, kif jirriżulta mill-punti 107, 113 u 114 ta’ din is-sentenza.

157    Għaldaqstant, peress li ż-żewġ aggravji tal-appell ġew miċħuda, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

IV.    Fuq lappell inċidentali

158    Insostenn tal-appell inċidentali tagħhom, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes jinvokaw żewġ aggravji bbażati, essenzjalment, fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Artikolu 101 TFUE.

A.      Fuq lewwel aggravju

1.      Largumenti talpartijiet

159    Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, li jinkludi żewġ partijiet, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li r-regoli ta’ arbitraġġ stabbiliti mill-ISU ma setgħux jitqiesu li jsaħħu l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

160    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes isostnu li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li r-regoli ta’ arbitraġġ setgħu jiġu ġġustifikati minn interess leġittimu marbut mal-karatteristiċi speċifiċi tal-isport hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

161    F’dan ir-rigward, huma jiddikjaraw, fl-ewwel lok, li minn dawn ir-regoli jirriżulta li l-atleti li huma milquta minn deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà adottata mill-ISU huma obbligati jressqu, b’mod esklużiv, it-tilwima tagħhom ma’ din l-assoċjazzjoni quddiem il-QAS. Huma jindikaw ukoll li dawn l-atleti huma obbligati jaċċettaw ir-regoli kollha adottati mill-ISU, fosthom dawk li jistabbilixxu tali mekkaniżmu ta’ arbitraġġ tat-tilwim, sabiex ikunu jistgħu jiġu awtorizzati jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ fuq is-silġ organizzati minn din l-assoċjazzjoni jew mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ pattinaġġ li huma membri tagħha.

162    Fit-tieni lok, huma josservaw li l-QAS hija korp ta’ arbitraġġ stabbilit barra mill-Unjoni, li l-membri tiegħu huma maħtura mill-assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali bħall-ISU jew, fil-prattika, suġġetti għall-influwenza determinanti ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet, u li d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp jistgħu jkunu esklużivament is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Federali (l-Isvizzera), li l-istħarriġ tagħhu huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tal-ordni pubbliku fis-sens iddefinit minn din il-qorti, li jeskludi r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

163    Huma jżidu li, għalkemm il-qrati nazzjonali tal-Unjoni teoretikament iżommu rwol fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi, l-istħarriġ ġudizzjarju li huma jistgħu jeżerċitaw fuqhom f’tali kuntest huwa, l-ewwel nett, frammentat u għalhekk għali (sa fejn atleta għandu jikkontesta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernah f’kull wieħed mill-Istati Membri fejn huwa għandu l-intenzjoni jipparteċipa f’kompetizzjoni), it-tieni nett, tardiv u anki ineffikaċi (sa fejn id-deċiżjoni ġudizzjarja li tintalab ġeneralment tingħata wara ż-żamma ta’ din il-kompetizzjoni u sa fejn l-atleta huwa pprojbit milli jitlob miżuri kawtelatorji fil-frattemp), it-tielet nett, limitat jew saħansitra marġinali (sa fejn sentenza tista’ titqies li tmur kontra l-ordni pubbliku tal-Unjoni biss fil-każ ta’ ksur flagranti, effettiv u konkret tar-regoli tal-kompetizzjoni) u, ir-raba’ nett u fi kwalunkwe każ, mingħajr portata reali (sa fejn l-ISU għandha s-setgħa li teżegwixxi hija stess jew li ġġiegħel lill-membri tagħha jeżegwixxu deċiżjoni dwar atleta partikolari, billi tipprojbixxi kull parteċipazzjoni tiegħu fil-kompetizzjonijiet internazzjonali li hija jew li huma jorganizzaw).

164    Fit-tielet u l-aħħar lok, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes iqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li l-mekkaniżmu stabbilit mir-regoli ta’ arbitraġġ “[seta’ jkun iġġustifikat] minn interessi leġittimi marbuta mal-ispeċifiċità tal-isport”.

165    Fil-fatt, din il-qorti bbażat ruħha, essenzjalment, b’mod globali u astratt fuq in-natura speċifika tal-isport fil-ġeneralità tiegħu, filwaqt li r-regoli inkwistjoni f’dan il-każ japplikaw fil-kuntest konkret tal-ipprattikar tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ bħala attività ekonomika. Issa, l-użu obbligatorju u esklużiv tal-arbitraġġ ma jistax jiġi ġġustifikat bl-istess mod fiż-żewġ każijiet. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa iktar u iktar problematiku peress li, b’differenza mill-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni, korp ta’ arbitraġġ estern għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, bħall-QAS, ma għandux l-obbligu li jiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li l-QAS tinterpreta u tapplika, barra minn hekk, b’mod notorjament żbaljat.

166    Il-Kummissjoni, li ssostni dawn l-argumenti kollha, issostni, b’mod iktar ġenerali, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jinjora l-modalitajiet konkreti tal-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ stabbilit mill-ISU. B’mod partikolari, b’differenza minn mekkaniżmu ta’ arbitraġġ konvenzjonali liberament miftiehem bejn il-partijiet, ir-regoli ta’ arbitraġġ stabbiliti mill-ISU huma, fil-prattika, imposti fuq l-atleti b’mod unilaterali, b’mod esklużiv u taħt piena ta’ projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet organizzati mill-ISU, projbizzjoni li tixbah, b’mod definittiv, l-impossibbiltà għall-persuni kkonċernati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom.

167    Permezz tat-tieni parti tal-aggravju tagħhom, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset essenzjalment, fil-punti 157 sa 164 tas-sentenza appellata, li r-regoli ta’ arbitraġġ la setgħu jippreġudikaw l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u lanqas jagħmlu iktar diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-atleti milquta minn deċiżjonijiet ta’ ineliġibbiltà adottati għal raġunijiet antikompetittivi, b’tali mod li dawn ir-regoli ma setgħux jitqiesu li jsaħħu l-ksur serju fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

168    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huma jfakkru li l-QAS hija korp ta’ arbitraġġ estern għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, qabel ma jżidu li l-indipendenza u l-imparzjalità reali tiegħu fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali bħall-ISU jistgħu jiġu kkontestati. Huma jesponu wkoll li d-deċiżjonijiet tal-QAS jistgħu jkunu biss is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju marġinali li jeskludi kull teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, quddiem qorti li, barra minn hekk, ma hijiex awtorizzata tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, huma jtennu li r-regoli ta’ arbitraġġ huma, fir-realtà, imposti unilateralment fuq l-atleti.

169    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huma jqisu li dawn ir-regoli kellhom jitqiesu mill-Qorti Ġenerali bħala li huma ta’ natura li jikkompromettu l-osservanza effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll li jagħmlu iktar diffiċli l-eżerċizzju mill-atleti tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u b’hekk isaħħu l-ksur ikkaratterizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

170    Fit-tieni lok, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli rrelativizzat l-effett tal-imsemmija regoli fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-atleti, billi rreferiet għall-possibbiltà li dawn għandhom li jressqu kawżi għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti fil-każ fejn dawn ikunu ġew milquta minn deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà adottata għal raġunijiet antikompetittivi. Fil-fatt, għalkemm tali azzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja ex post tal-individwi leżi minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll sabiex tissaħħaħ l-effettività ta’ dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204), huma ma jistgħux jirrimedjaw l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermettilhom jiksbu rimedju effettiv ex ante.

171    Barra minn hekk, f’dan il-każ, huwa evidenti li dan ir-rimedju jikkonsisti fl-ewwel lok, għal pattinatur li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà adottata għal raġunijiet antikompetittivi, f’li jikseb fi żmien xieraq l-annullament tagħha kif ukoll fil-possibbiltà korrelattiva li jerġa’ jibda l-attività professjonali tiegħu, u mhux biss li jingħata diversi snin wara kumpens bl-għan li jinkiseb kumpens għall-projbizzjoni illegali li tiġi eżerċitata din l-attività u għat-telf korrispondenti ta’ karriera kif ukoll ta’ dħul. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-regoli tal-proċedura tal-QAS jipprojbixxu lir-rikorrenti milli jitolbu miżuri kawtelatorji u li diversi qrati nazzjonali diġà ċaħdu talbiet għal kumpens minħabba li dawn kellhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva mogħtija lil dan il-korp skont ir-regoli ta’ arbitraġġ.

172    Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ raġunament analogu meta ddeċidiet li l-possibbiltà li għandhom l-atleti kkonċernati minn deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà adottata għal raġunijiet antikompetittivi li jressqu lment quddiem il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANK”) hija sodisfaċenti. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dawn għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fit-trattament tal-ilmenti li jaslulhom u li għalhekk ma jistgħux jiġu mġiegħla jagħtuhom segwitu billi jikklassifikaw il-fatti allegati fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1979, GEMA vs Il‑Kummissjoni, 125/78, EU:C:1979:237, u tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il‑Kummissjoni, C‑56/12 P, EU:C:2013:575).

173    Il-Kummissjoni ssostni dawn l-argumenti kollha u żżid li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, żball evidenti ta’ komprensjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi qieset li r-raġunament li jinsab f’din id-deċiżjoni kien jikkonsisti fil-klassifikazzjoni tar-regoli ta’ arbitraġġ bħala “ċirkustanza aggravanti” fis-sens mogħti lil din l-espressjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi li jistgħu jiġu imposti fil-preżenza ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-fatt, indipendentement mill-fatt li ebda multa ma ġiet imposta f’dan il-każ fuq l-ISU, il-Kummissjoni tenfasizza li hija llimitat ruħha, fil-kuntest tal-eżami tal-mertu tagħha, li tindika li dawn ir-regoli kienu jsaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li tirriżulta mir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, billi jsaħħu l-possibbiltà mogħtija minn dawn ir-regoli lil din l-assoċjazzjoni li teskludi kull kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ.

174    Bħala risposta, l-ISU, li tittratta ż-żewġ partijiet tal-aggravju flimkien, issostni, fl-ewwel lok, li dan huwa ineffettiv. Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 132 u 137 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tiddeċiedi b’mod superfluwu fuq ir-regoli ta’ arbitraġġ.

175    Fit-tieni lok, l-ISU ssostni, sussidjarjament, li l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jibdel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, la din it-tilwima u lanqas id-deċiżjoni kontenzjuża ma kienu jirrigwardaw il-leġittimità stess tal-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-QAS. Tal-inqas, uħud mill-argumenti invokati insostenn ta’ dan l-aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, jew għaliex huma ġodda (bħal dawk relatati mad-distinzjoni li għandha ssir bejn l-aspetti ekonomiċi u mhux ekonomiċi tal-isport, l-indipendenza tal-QAS jew il-modalitajiet ta’ stħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-QAS mill-Qorti Federali), jew għaliex sempliċement jirriproduċu elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża jew fin-noti tal-ewwel istanza mingħajr ma jispjegaw kif il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi jew żnaturat il-fatti fis-sentenza appellata (bħal dawk relatati man-natura insuffiċjenti, fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tal-possibbiltà li l-atleti jressqu azzjonijiet għall-kumpens għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali jew jressqu lment lill-Kummissjoni jew lill-ANK).

176    Fit-tielet u l-aħħar lok, l-ISU ssostni li l-aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat. Fil-fatt, kemm il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, irrikonoxxew ġustament li l-użu ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ obbligatorju u esklużiv kien jikkostitwixxi mekkaniżmu ġeneralment aċċettat ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim u li f’dan il-każ seta’ jiġi ġġustifikat fid-dawl tan-neċessità li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi u effikaċi tar-regoli stabbiliti mill-ISU għall-atleti kollha li jipprattikaw il-pattinaġġ fuq is-silġ.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

a)      Fuq lammissibbiltà u nnatura effettiva talaggravju 

177    Appellant jista’ jippreżenta appell billi jinvoka aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u intiżi li jikkritikaw il-fondatezza ġuridika tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, C‑176/06 P, EU:C:2007:730, punt 17, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 77).

178    F’dan il-każ, l-awturi tal-appell inċidentali għandhom l-għan, permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, li jikkontestaw il-fondatezza ġuridika tal-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 154 u 156 sa 164 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jsaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” ikkawżata mir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà.

179    Barra minn hekk, il-motivi tas-sentenza appellata li huma msemmija fl-ewwel aggravju tal-appell inċidentali huma dawk li wasslu lill-Qorti Ġenerali tilqa’ s-sitt motiv u, parzjalment, is-seba’ motiv imqajma fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, dawn il-motivi jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-punti 171 sa 174 u 180 ta’ din is-sentenza, is-sostenn tad-dispożittiv ta’ din tal-aħħar sa fejn dan annulla parzjalment l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn dan l-artikolu jirrigwarda r-regoli ta’ arbitraġġ. Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li tallega l-ISU, l-imsemmi aggravju ma huwiex ineffettiv.

180    Dan premess, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell hija madankollu limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li hija ma tistax tiddeċiedi, f’dan il-kuntest, fuq motivi jew argumenti li ma tressqux quddiem l-ewwel qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et, C‑266/97 P, EU:C:2000:171, punt 79, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 80).

181    Issa, f’dan il-każ, l-ISU ġustament issostni li l-argumenti li l-awturi tal-appell inċidentali jiddedikaw għall-konsegwenzi ġuridiċi li jistgħu jirriżultaw minn eventwali nuqqas ta’ indipendenza tal-QAS la jagħmlu parti minn dawk li ġew sottomessi lill-Qorti Ġenerali u lanqas, barra minn hekk, minn dawk li fuqhom il-Kummissjoni ddeċidiet fid-deċiżjoni kontenzjuża.

182    Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

183    Min-naħa l-oħra, huma ammissibbli l-argumenti l-oħra li l-ISU tikkontesta l-ammissibbiltà tagħhom, li kollha huma relatati ma’ premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-partijiet opponew għalihom fl-ewwel istanza u li l-awturi tal-appell inċidentali u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma ħadithomx inkunsiderazzjoni jew talli ma ħadithomx inkunsiderazzjoni b’mod korrett meta ddeċidiet dwar il-motiv ta’ din l-assoċjazzjoni dwar ir-regoli ta’ arbitraġġ.

b)      Fuq ilmertu

184    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-premessi 268 sa 286 tad-deċiżjoni kontenzjuża, u b’mod iktar partikolari fil-premessi 269 sa 277, 271 u 281 sa 283 tagħha, il-Kummissjoni qieset li r-regoli ta’ arbitraġġ, minkejja li ma kinux fihom infushom jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, kellhom madankollu jitqiesu, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom u tal-portata tagħhom, fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku tagħhom, bħala li jsaħħu l-ksur li din l-istituzzjoni kienet preċedentement ikkonstatat l-eżistenza tiegħu. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni sostniet f’dawn il-premessi, essenzjalment, li, billi jirrendu iktar diffiċli l-istħarriġ ġudizzjarju, fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ li permezz tagħhom il-QAS tiddeċiedi dwar il-validità tad-deċiżjonijiet li jkunu ġew adottati mill-ISU skont is-setgħat diskrezzjonali mogħtija lilha mir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, ir-regoli ta’ arbitraġġ isaħħu l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa inerenti fl-eżistenza ta’ tali setgħat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat li dan l-istħarriġ ġudizzjarju kien fdat lil qorti stabbilita fi Stat terz, u għalhekk esterna għall-Unjoni kif ukoll għall-ordinament ġuridiku tagħha, u li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta minn din il-qorti, tali sentenzi ma setgħux jiġu mistħarrġa fid-dawl tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’dan il-mod, din l-istituzzjoni, fl-aħħar mill-aħħar, ma kkritikatx l-eżistenza, l-organizzazzjoni jew il-funzjonament tal-korp ta’ arbitraġġ li l-QAS tikkostitwixxi, iżda l-immunità ġudizzjarja li skontha l-ISU tibbenefika minnha, fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni, għad-detriment tal-persuni li l-assenza ta’ regolamentazzjoni ta’ dawn is-setgħat u n-natura diskrezzjonali li jirriżultaw minnha jippermettulha taffettwa.

185    Fit-tieni lok, il-motivi li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li dan ir-raġunament tal-Kummissjoni kien ivvizzjat bi żbalji ta’ liġi huma, essenzjalment, erba’. L-ewwel nett, din il-qorti rrilevat li l-Kummissjoni la kienet ikkontestat il-possibbiltà stess li tirrikorri għall-arbitraġġ sabiex issolvi ċertu tilwim u lanqas ma qieset li l-konklużjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ kienet tirrestrinġi, fiha nnifisha, il-kompetizzjoni (punt 154 tas-sentenza appellata). It-tieni nett, hija ddikjarat li l-Kummissjoni lanqas ma kienet qieset li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jiksru d-dritt għal smigħ xieraq bħala tali (punt 155 ta’ dik is-sentenza). It-tielet nett, hija qieset li, billi jagħtu ġurisdizzjoni obbligatorja u esklużiva lill-QAS sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet adottati mill-ISU bis-saħħa tas-setgħat tagħha ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ sanzjoni, ir-regoli ta’ arbitraġġ setgħu jkunu ġġustifikati minn interessi leġittimi marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi tal-isport, li jikkonsistu f’li qorti waħda u speċjalizzata tkun tista’ tiddeċiedi, b’mod rapidu, ekonomiku u uniformi, dwar il-multipliċità ta’ tilwim, spiss ikkaratterizzat minn dimensjoni internazzjonali, li għalih jista’ jagħti lok l-eżerċizzju ta’ attività sportiva professjonali ta’ livell għoli (punt 156 tal-imsemmija sentenza). Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-atleti u l-entitajiet jew l-impriżi li jkunu qegħdin jippjanaw li jorganizzaw kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ li jikkompetu ma’ dawk li torganizza l-ISU jibqgħu liberi li jadixxu mhux biss lill-qrati nazzjonali b’azzjonijiet għall-kumpens għad-danni, iżda wkoll lill-Kummissjoni u lill-ANK b’ilmenti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (punti 157 sa 161 tal-istess sentenza).

186    Għandu jiġi osservat li l-ewwel tnejn minn dawn il-motivi, li ma humiex ikkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux iservu ta’ bażi għall-konstatazzjoni ta’ annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali peress li dawn ma jirrigwardawx l-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkontesta r-regoli ta’ arbitraġġ u għalhekk ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

187    Min-naħa l-oħra, l-awturi tal-appell inċidentali u l-Kummissjoni huma korretti meta jsostnu li t-tielet u r-raba’ motiv huma ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

188    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni ġenerali u mingħajr distinzjoni li tgħid li r-regoli ta’ arbitraġġ jistgħu jiġu ġġustifikati minn interessi leġittimi marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi tal-isport, sa fejn dawn jagħtu lill-QAS ġurisdizzjoni obbligatorja u esklużiva sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet li l-ISU tista’ tadotta bis-saħħa tas-setgħat tagħha ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ sanzjoni, tinjora, kif isostnu essenzjalment l-awturi tal-appell inċidentali u l-Kummissjoni, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati sabiex mekkaniżmu ta’ arbitraġġ bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ ikun jista’ jitqies, minn naħa, bħala li jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza effettiva tad-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku li jinkludu d-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, bħala kompatibbli mal-prinċipji li jistrutturaw l-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni.

189    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif huwa paċifiku bejn il-partijiet u kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 156, 159 u 160 tas-sentenza appellata, ir-regoli ta’ arbitraġġ imposti mill-ISU jirrigwardaw, b’mod partikolari, żewġ tipi ta’ tilwim li jistgħu jseħħu fil-kuntest ta’ attivitajiet ekonomiċi li jikkonsistu, waħda, f’li jiġu organizzati u kkummerċjalizzati kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ u, l-oħra, f’li persuna tipparteċipa, bħala atleta professjonali, f’tali kompetizzjonijiet. Dawn ir-regoli japplikaw għalhekk għal tilwim li jirrigwarda l-ipprattikar ta’ sport bħala attività ekonomika u, għalhekk, jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija regoli għandhom josservawh, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 91 sa 96 ta’ din is-sentenza, sa fejn dawn jiġu implimentati fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati UE u FUE, indipendentement mill-post fejn huma stabbiliti l-entitajiet li adottawhom (sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 11; tas‑27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, 89/85, 114/85, 104/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punt 16, kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 43 sa 45).

190    Konsegwentement, hija biss l-implimentazzjoni ta’ tali regoli fil-kuntest ta’ tali tilwim u fit-territorju tal-Unjoni li hija inkwistjoni f’dan il-każ u mhux l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli f’territorju differenti minn dak tal-Unjoni, l-implimentazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ tipi oħra ta’ tilwim, bħal tilwim li jikkonċerna biss l-isport bħala tali u għalhekk ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni jew, a fortiori, l-implimentazzjoni ta’ regoli ta’ arbitraġġ f’oqsma differenti.

191    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 181 u 184 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija regoli ma humiex inkwistjoni f’dan il-każ sa fejn huma jattribwixxu l-istħarriġ fl-ewwel istanza tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-ISU lill-korp ta’ arbitraġġ li l-QAS tikkostitwixxi, iżda biss sa fejn jattribwixxu l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija mill-QAS u l-istħarriġ fl-aħħar istanza tad-deċiżjonijiet tal-ISU lill-Qorti Federali, jiġifieri qorti ta’ Stat terz.

192    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-Artikoli 101 u 102 TFUE huma dispożizzjonijiet ta’ effett dirett li joħolqu drittijiet għall-individwi, li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, EU:C:1974:6, punt 16, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 24), u li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 36 u 39).

193    Huwa għalhekk li, filwaqt li rrilevat li individwu għandu l-possibbiltà li jikkonkludi ftehim li jattribwixxi, f’termini ċari u preċiżi, it-tilwim kollu jew parti minnu marbut miegħu lil korp ta’ arbitraġġ, minflok lill-qorti nazzjonali li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dan it-tilwim skont ir-regoli tad-dritt intern applikabbli, u li r-rekwiżiti dwar l-effikaċja tal-proċedura ta’ arbitraġġ jistgħu jiġġustifikaw li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ ikun ta’ natura limitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 35, u tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu fakkret li tali stħarriġ ġudizzjarju għandu, fi kwalunkwe każ, ikun jista’ jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn id-deċiżjonijiet josservawx id-dispożizzjonijiet fundamentali li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku tal-Unjoni, li minnhom jagħmlu parti l-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 37). L-istess rekwiżit huwa iktar u iktar meħtieġ meta tali mekkaniżmu ta’ arbitraġġ għandu jitqies li huwa, fil-prattika, impost minn persuna rregolata mid-dritt privat, bħal assoċjazzjoni sportiva internazzjonali, fuq oħra, bħal atleta.

194    Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju, l-użu ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ ikun ta’ natura li jippreġudika l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mill-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni u l-osservanza effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, kif dawn għandhom jiġu żgurati – u għalhekk ikunu żgurati fl-assenza ta’ tali mekkaniżmu – mir-regoli nazzjonali dwar ir-rimedji ġudizzjarji.

195    L-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tapplika b’mod partikolari għar-regoli ta’ arbitraġġ bħal dawk imposti mill-ISU.

196    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, filwaqt li għandhom awtonomija ġuridika li tippermettilhom jadottaw regoli dwar, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, l-iżvolġiment tajjeb tagħhom u l-parteċipazzjoni tal-atleti fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 67 u 68, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 60), assoċjazzjonijiet sportivi ma jistgħux, b’dan il-mod, jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 81 u 83, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 52), li fosthom hemm id-drittijiet li joħolqu l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

197    Għal din ir-raġuni, regoli bħar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà għandhom ikunu akkumpanjati minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv, kif jirriżulta mill-punti 127 u 134 ta’ din is-sentenza.

198    Dan ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv jimplika li, fil-każ fejn tali regoli huma akkumpanjati minn dispożizzjonijiet li jagħtu ġurisdizzjoni obbligatorja u esklużiva lil organu ta’ arbitraġġ, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet mogħtija minn dan il-korp tkun tista’ tivverifika li dawn id-deċiżjonijiet josservaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Barra minn hekk, dan jimplika li din il-qorti tissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa mill-Artikolu 267 TFUE, b’mod li tkun tista’, jekk ikun il-każ, tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja meta hija tqis li deċiżjoni tagħha hija neċessarja fuq kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni li tqajmet f’kawża pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 1982, Nordsee, 102/81, EU:C:1982:107, punti 14 u 15, kif ukoll tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 40).

199    Għalhekk, billi llimitat ruħha li tqis, b’mod indifferenzjat u astratt, li r-regoli ta’ arbitraġġ “jistgħu jkunu ġġustifikati minn interessi leġittimi marbuta mal-ispeċifiċità tal-isport” sa fejn jafdaw l-istħarriġ tat-tilwim marbut mal-implimentazzjoni tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà lil “qorti speċjalizzata”, mingħajr ma jfittxu li jiżguraw li dawn ir-regoli ta’ arbitraġġ kienu konformi mar-rekwiżiti kollha msemmija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza u b’hekk kienu jippermettu stħarriġ effettiv tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minkejja li l-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq dawn ir-rekwiżiti, fil-premessi 270 sa 277, 282 u 283 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha li l-imsemmija regoli kienu jsaħħu l-ksur ikkaratterizzat fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi.

200    It-tieni nett, din il-qorti wettqet ukoll żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 157 sa 161 tas-sentenza appellata, li l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kienet żgurata fid-dawl, minn naħa, tal-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji li jippermettu lill-persuni destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ kompetizzjoni jew ta’ deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà li jitolbu l-kumpens għad-dannu li tkun ikkawżatilhom din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti u, min-naħa l-oħra, tal-possibbiltà li jressqu lment quddiem il-Kummissjoni jew quddiem ANK.

201    Fil-fatt, minkejja li hija essenzjali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punti 26 u 27, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punti 25, 43 u 44), il-fatt li persuna għandha l-possibbiltà li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn aġir li jista’ jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ma jistax jirrimedja l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti lil din il-persuna tadixxi lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex tikseb, jekk ikun il-każ wara l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji, il-waqfien ta’ dan l-aġir jew, meta dan ikun ikkostitwit minn att, l-istħarriġ u l-annullament ta’ dak l-att, jekk ikun il-każ wara proċedura preliminari ta’ arbitraġġ li tkun seħħet skont ftehim li jipprevedi l-implimentazzjoni tagħha. Dan japplika iktar u iktar fil-każ ta’ persuni li jeżerċitaw l-attività ta’ atleta professjonali, li l-karriera tagħhom tista’ tkun relattivament qasira, b’mod partikolari meta tiġi eżerċitata f’livell għoli.

202    Barra minn hekk, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika li, filwaqt li jiġi ppreżervat formalment, dan id-dritt jiġi, fil-prattika, imċaħħad minn parti essenzjali mill-portata tiegħu, bħalma jkun il-każ jekk l-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jiġi eżerċitat fuq l-aġir jew l-att inkwistjoni jirriżulta eċċessivament limitat fid-dritt jew fil-fatt, b’mod partikolari għaliex ma jistax jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku tad-dritt tal-Unjoni.

203    A fortiori, il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem il-Kummissjoni jew quddiem ANK ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju bħal dak imsemmi fil-punt 201 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-Kummissjoni, li, kif ġustament jirrilevaw din l-istituzzjoni u l-awturi tal-appell inċidentali, l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), ma jagħtix lill-awtur ta’ talba ppreżentata lilha skont dan l-artikolu d-dritt li jeżiġi deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-eżistenza jew tal-ineżistenza tal-ksur li huwa jallega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il‑Kummissjoni, C‑56/12 P, EU:C:2013:575, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

204    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju huwa fondat fl-intier tiegħu. Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn annullat parzjalment l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn dan l-artikolu jirrigwarda r-regoli ta’ arbitraġġ.

B.      Fuq ittieni aggravju

1.      Largumenti talpartijiet

205    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li l-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-karatterizzazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan f’dan il-każ, iċ-ċirkustanza li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kellhom l-għan, b’mod partikolari, li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-ISU.

206    F’dan ir-rigward, huma jqisu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti fil-punt 107 tas-sentenza appellata, meta rrifjutat li tammetti li dan l-għan kien jirriżulta minn dawn ir-regoli kemm fil-verżjoni tagħhom adottata matul l‑2014 kif ukoll f’dik adottata matul l‑2016.

207    Fit-tieni lok, huma jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, fil-punti 107 u 109 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li tali għan ma kienx, fih innifsu, ta’ natura antikompetittiva. Fil-fatt, minkejja li huwa ġeneralment ammissibbli, għal impriża jew għal assoċjazzjoni ta’ impriżi li teżerċita attività ekonomika, li tippromwovi l-interessi ekonomiċi tagħha stess, din il-qorti naqset milli tislet il-konsegwenzi mill-konstatazzjonijiet u mill-evalwazzjonijiet tagħha stess dwar il-kuntest ġuridiku u ekonomiku rilevanti, b’mod partikolari dawk magħmula fil-punti 70 u 114 tas-sentenza appellata, li minnhom kien jirriżulta li l-ISU kienet għaqdet l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika monopolistika fis-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ mad-detenzjoni ta’ setgħa regolatorja, ta’ kontroll, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni li kien ipoġġiha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi li kienet teħtieġ l-istabbiliment ta’ obbligi, ta’ limiti u ta’ kontroll xierqa. Il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni billi tiddeċiedi li, fid-dawl tagħha, l-għan inkwistjoni f’dan il-każ kien jikkostitwixxi element rilevanti sabiex tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, kif kienet għamlet il-Kummissjoni.

208    L-ISU tirrifjuta dawn l-argumenti kollha.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

209    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li qieset, fil-punti 107 u 109 tas-sentenza appellata, li wħud mill-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu żbaljati, il-Qorti Ġenerali xorta waħda ddeċidiet b’mod definittiv, fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, li dawn l-iżbalji ma kellhom ebda effett fuq il-konklużjoni ġuridikament fondata ta’ din l-istituzzjoni li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-ISU sa fejn dan kien dirett kontra dan l-aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża.

210    Għalhekk, dan l-aggravju jirrigwarda motivi tas-sentenza appellata li mhux biss huma superfluwi iżda li, barra minn hekk, jaqgħu fil-kuntest ta’ raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali tiċħad parti mit-talbiet tal-ISU, u għalhekk, f’dan ir-rigward, tagħti sodisfazzjon kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lil M. J. H. Tuitert u lil N. Kerstholt kif ukoll lil EU Athletes. Konsegwentement, permezz ta’ dan l-aggravju, dawn tal-aħħar jitolbu biss li jiksbu sostituzzjoni tal-motivi li ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għalihom. Issa, talba ta’ dan it-tip hija inammissibbli (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 42, u tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni, C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punt 61).

211    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

212    Għaldaqstant, l-appell inċidentali għandu jintlaqa’ kif speċifikat fil-punt 204 ta’ din is-sentenza.

213    Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża.

V.      Fuq irrikors filKawża T93/18

214    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

215    F’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-appell ippreżentat mill-ISU mis-sentenza appellata sa fejn dik ċaħdet it-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li tirrigwarda r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà, ir-rikors fil-Kawża T‑93/18 jibqa’ jeżisti biss sa fejn huwa dirett kontra l-parti ta’ din id-deċiżjoni li tikkonċerna r-regoli ta’ arbitraġġ.

216    Peress li s-sitt u s-seba’ motiv tal-ewwel istanza, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn dan l-artikolu ġie applikat għar-regoli ta’ arbitraġġ, kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u peress li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruttorja tal-proċess, ir-rikors huwa fi stat li jiġi deċiż għal dak li jirrigwarda dawn il-motivi, b’tali mod li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwarhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130, kif ukoll tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il‑Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 104).

A.      Largumenti talpartijiet

217    Permezz tas-sitt motiv tagħha fl-ewwel istanza, l-ISU ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ddeċidiet b’mod żbaljat li r-regoli ta’ arbitraġġ isaħħu n-natura antikompetittiva minħabba l-għan tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà.

218    Fil-fatt, l-użu obbligatorju ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ konvenzjonali jikkostitwixxi metodu ġeneralment aċċettat ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-QAS għandha rwol fundamentali għall-applikazzjoni uniformi tar-regoli sportivi. Barra minn hekk, l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lil dan il-korp, li seħħ matul il-proċedura amministrattiva li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, jikkostitwixxi progress fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ rimedju intern għall-ISU li kien jeżisti sa dak iż-żmien. Fl-aħħar nett, il-persuni kkonċernati għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-imsemmi korp quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, li huma awtorizzati jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

219    B’mod iktar globali, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma humiex rilevanti, peress li din l-istituzzjoni stess tirrikonoxxi li r-regoli ta’ arbitraġġ ma jikkostitwixxux, bħala tali, ksur.

220    Permezz tas-seba’ motiv tagħha fl-ewwel istanza, l-ISU ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li timponi fuqha miżuri korrettivi li jirrigwardaw ir-regoli ta’ arbitraġġ, fl-assenza ta’ rabta bejn dawn ir-regoli u r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kif ukoll ta’ eliġibbiltà.

B.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

221    Kif jirriżulta mill-punti 199 u 204 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha, fil-premessi 270 sa 277, 282 u 283 tad-deċiżjoni kontenzjuża, fuq ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 188 sa 198 ta’ din is-sentenza sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jsaħħu, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom u tal-portata tagħhom, fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku tagħhom, in-natura antikompetittiva minħabba l-għan tas-setgħat, mhux akkumpanjati minn obbligi, minn limiti u minn stħarriġ ġudizzjarju xieraq, li din l-assoċjazzjoni għandha skont ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà.

222    L-ebda wieħed mill-argumenti invokati mill-ISU ma jippermetti li jitqies li tali konklużjoni hija vvizzjata minn xi żball, a fortiori minn żball manifest.

223    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, minn naħa, mill-premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża li huma msemmija fil-punt 216 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-regoli ta’ arbitraġġ jattribwixxu, b’mod obbligatorju u esklużiv, it-tilwim dwar l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà lill-QAS, korp ta’ arbitraġġ li d-deċiżjonijiet tiegħu huma suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti Federali. Il-Kummissjoni tiddikjara, b’mod partikolari, li l-istħarriġ li din il-qorti tista’ teżerċita fuq dawn is-sentenzi jeskludi l-kwistjoni dwar jekk dawn humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku li huma l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Barra minn hekk, hija tosserva li l-Qorti Federali ma hijiex qorti ta’ Stat Membru, iżda qorti esterna għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, li ma għandhiex is-setgħa li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett. Fl-aħħar nett, hija tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Federali, l-atleti, fil-prattika, ma għandhomx għażla oħra ħlief dik li jaċċettaw li t-tilwim tagħhom mal-ISU jkun attribwit lill-QAS, sakemm ma jirrinunzjawx milli jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet kollha organizzati mill-ISU jew mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ pattinaġġ li huma membri tagħha, u għalhekk, b’mod definittiv, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom.

224    Min-naħa l-oħra, ir-regoli ta’ arbitraġġ jeskludu l-possibbiltà, għall-applikanti li huma l-atleti destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà jew l-entitajiet jew impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ, li jitolbu l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji kemm quddiem il-korp ta’ arbitraġġ kompetenti kif ukoll quddiem il-qrati nazzjonali li jistgħu eventwalment jintalbu jiddeċiedu dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija minn dan il-korp. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li din l-eżekuzzjoni tista’ ġeneralment tiġi żgurata mill-ISU u mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ pattinaġġ li huma membri tagħha, mingħajr ma jkun meħtieġ l-intervent ta’ qorti nazzjonali għal dan l-għan.

225    Issa, l-ISU ma tressaq ebda argument preċiż u sostnut li jippermetti li jitqies li dawn il-varji kunsiderazzjonijiet huma bbażati fuq bażi fattwali żbaljata jew ivvizzjati bi żball manifest wieħed jew iktar ta’ evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li wħud minnhom, bħal dawk dwar l-impossibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-QAS ikunu suġġetti għall-istħarriġ ta’ qorti li tkun tista’ tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku tad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi tirrikorri għall-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, huma eżatti, u li oħrajn, bħal dawk li jgħidu li l-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ inkwistjoni f’dan il-każ huwa, fil-prattika, impost unilateralment mill-ISU fuq l-atleti, jingħaqdu ma’ dawk tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan ir-rigward (Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2018, Mutu u Pechstein vs L‑Isvizzera, CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punti 109 sa 115).

226    Għaldaqstant, is-sitt motiv huwa infondat.

227    Fir-rigward tas-seba’ motiv, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE, hija għandha s-setgħa li tobbliga, permezz ta’ deċiżjoni, lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati sabiex itemmu dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il‑Kummissjoni, 7/82, EU:C:1983:52, punt 23) u, għal dan l-għan, li timponilhom kull miżura korrettiva li tkun proporzjonata għall-imsemmi ksur u neċessarja sabiex jitwaqqaf effettivament (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 39).

228    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jsaħħu l-ksur ikkaratterizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi jirrendu iktar diffiċli l-istħarriġ ġudizzjarju, fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ tal-QAS li jkunu ngħataw wara deċiżjonijiet adottati mill-ISU skont is-setgħat diskrezzjonali mogħtija lilha mir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ eliġibbiltà.

229    Barra minn hekk, l-ISU, li tillimita ruħha li tinvoka b’mod żbaljat l-assenza ta’ rabta bejn dawn id-diversi regoli, ma tikkontestax b’mod utli l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-neċessità tal-miżuri korrettivi imposti minn din l-istituzzjoni fir-rigward tar-regoli ta’ arbitraġġ.

230    F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas is-seba’ motiv ma jidher fondat.

231    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn dan ma kienx diġà ġie miċħud fis-sentenza appellata.

 VI.      Fuq lispejjeż

232    Bis-saħħa tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

233    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

234    Skont l-Artikolu 138(2) tal-istess Regoli, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jitqassmu l-ispejjeż.

235    F’dan il-każ, l-ISU tilfet kemm fil-Kawża C‑124/21 P kif ukoll fil-parti tal-Kawża T‑93/18 deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja.

236    Barra minn hekk, M. J. H. Tuitert u N. Kerstholt kif ukoll EU Athletes, filwaqt li tilfu fit-tieni aggravju tagħhom, rebħu fit-talbiet tagħhom.

237    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ISU għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kemm fil-Kawża C‑124/21 P kif ukoll fil-parti tal-Kawża T‑93/18 deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni, ta’ M. J. H. Tuitert u ta’ N. Kerstholt kif ukoll ta’ EU Athletes.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      L-appell inċidentali huwa milqugħ.

3)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas16 ta’ Diċembru 2020, International Skating Union vs IlKummissjoni (T93/18, EU:T:2020:610), hija annullata sa fejn annullat parzjalment l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2017) 8230 final tal-Kummissjoni Ewropea tat8 ta’ Diċembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT/40208 – Regoli ta’ Eliġibilità tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ).

4)      Ir-rikors fil-Kawża T93/18 huwa miċħud sa fejn dan ma kienx diġà ġie miċħud fis-sentenza msemmija fil-punt 3 ta’ dan id-dispożittiv.

5)      International Skating Union hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawża C124/21 P u fil-parti tal-Kawża T93/18 imsemmija fil-punt 4 ta’ dan id-dispożittiv.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.