Language of document : ECLI:EU:T:2011:461

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Settembru 2011 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-EMSA – Intervent ta’ bastimenti ta’ assistenza bil-għan li jiġi miġġieled it-tniġġis bl-idrokarburi – Ċaħda tal-offerta – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ konformità tal-offerta mal-għan tal-kuntratt – Konsegwenzi – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt – Assenza ta’ żvelar tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi tal-offerta magħżula – Motivazzjoni – Għoti tal-kuntratt – Assenza ta’ interess ġuridiku – Talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ngħatat il-kuntratt – Talba għad-danni”

Fil-Kawża T‑8/09,

Dredging International NV, stabbilita f’Zwijndrecht (il-Belġju),

Ondernemingen Jan de Nul NV, stabbilita f’Hofstade-Aalst (il-Belġju),

irrappreżentati minn R. Martens u A. Van Vaerenbergh, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), irrappreżentata minn J. Menze, bħala aġent, assistit minn J. Stuyck u A.‑M. Vandromme, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, primarjament, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EMSA tad‑29 ta’ Ottubru 2008, li tiċħad l-offerta mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata EMSA/NEG/3/2008, li tirrigwarda l‑konklużjoni ta’ kuntratti għal servizzi relatati mal-intervent ta’ bastimenti ta’ assistenza bil-għan li jiġi miġġieled it-tniġġis bl-idrokarburi (lott Nru 2: Baħar tat-Tramuntana) u li tattribwixxi l-kuntratt lil DC International, sussegwentement, talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt konkluż bejn l-EMSA u DC International u, finalment, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Kuntratt

1        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-8 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, S 48), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) fetħet, taħt ir-referenza EMSA/NEG/3/2008, proċedura ta’ negozjati li tikkonċerna kuntratt għal servizzi relatati mal-intervent ta’ bastimenti ta’ assistenza bil-għan li jiġi miġġieled it-tniġġis bl-idrokarburi. Kontemporanjament mal-avviż ta’ kuntratt, l-EMSA ppubblikat, fuq is-sit tal-internet tagħha, stedina għal parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, li magħha kien hemm annessi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’din tal-aħħar u l-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Il-punt VI(3) tal-avviż ta’ kuntratt kien jirreferi għal dik il-pubblikazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni addizzjonali li setgħet tinkiseb minnha.

2        Il-lott Nru 2 tal-kuntratt għal servizzi kien jikkonċerna l-intervent fil-Baħar tat-Tramuntana.

3        Skont il-punt II(2)(1) tal-avviż ta’ kuntratt, il-punt 3(4) tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-punt 5 tal-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-valur totali massimu għal-lott Nru 2 kien ta’ EUR 4 000 000.

4        Skont il-punt II(3) tal-avviż ta’ kuntratt, il-punt 3(3) tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-punt 3(3) tal-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, it-tul tal-kuntratt kien ta’ 36 xahar li jibda jiddekorri mill-għoti tiegħu. Il‑kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jispeċifikaw li dan il-perijodu seta’ jiġġedded darba għal tul massimu ta’ tliet snin.

5        Skont il-punt 12(2) tal-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-fatt li tiġi ppreżentata offerta li tkun ogħla mil-limitu massimu tal-baġit stabbilit għal kull lott kien jikkostitwixxi raġuni għall-esklużjoni mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.

2.     Parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ negozjati

6        Ir-rikorrenti, Dredging International NV u Ondernemingen Jan de Nul NV, ikkostitwew flimkien l-impriża komuni Joint Venture Oil Combat (iktar ’il quddiem “JVOC”) u ppreżentaw il-kandidatura tagħhom għal-lott Nru 2 fid‑29 ta’ April 2008.

7        Wara t-tmiem tal-fażi tas-sejħa għal kandidaturi, l-EMSA, fit‑30 ta’ Mejju 2008, bagħtet lir-rikorrenti stedina, li magħha kien hemm mehmuża l-ispeċifikazzjonijiet definittivi tal-kuntratt, sabiex jippreżentaw offerta.

8        Fit-18 ta’ Ġunju 2008 nżammet laqgħa ta’ kjarifika bejn ir-rikorrenti u l-EMSA. Matul din il-laqgħa, minn naħa, l-EMSA ppreċiżat li, jekk l-obbligi kuntrattwali jiġu eżegwiti b’mod sodisfaċenti, kienet ser tiġi proposta estensjoni ta’ tliet snin lill-kokontraenti. Min-naħa l-oħra, l-EMSA enfasizzat l-importanza tal-osservanza tal-limiti massimi tal-baġit.

9        JVOC ppreżentat l-offerta tagħha fil-15 ta’ Lulju 2008.

10      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Awwissu 2008, l-EMSA fformulat osservazzjonijiet preliminari dwar l-offerta tar-rikorrenti. B’mod partikolari hija enfasizzat li l‑offerta ta’ JVOC kellha tiġi emendata sa fejn din kienet ogħla mil-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2, taħt piena ta’ esklużjoni mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.

11      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ġibdu l-attenzjoni tal-EMSA fir-rigward tal-fatt li l-offerta tagħhom kienet ibbażata fuq perijodu ta’ sitt snin, b’mod konformi mal-fakultà pprovduta, fl-opinjoni tagħhom, mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, l-ispiża medja għal perijodu ta’ tliet snin kien inqas mil-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2. F’dan ir-rigwrad, ir-rikorrenti ppreċiżaw ukoll li offerta fuq bażi ta’ sitt snin tirrappreżenta soluzzjoni vantaġġuża għaż-żewġ naħat.

12      Permezz ta’ ittra li r-rikorrenti jindikaw li rċevew fit-12 ta’ Settembru 2008, l‑EMSA rrimarkat li, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerti ppreżentati kellhom ikunu bbażati fuq tul ta’ tliet snin. Għaldaqstant l-EMSA stiednet lir-rikorrenti sabiex jipproponu prezz li josserva dan ir-rekwiżit.

13      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti kkontestaw l‑interpretazzjoni mill-EMSA tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Huma żammew l-offerta tagħhom, ibbażata fuq tul kuntrattwali ta’ sitt snin, u tennew li dak it-tul kien jippreżenta l-aħjar soluzzjoni f’dan il-każ.

3.     Deċiżjonijiet tal-EMSA u komunikazzjonijiet sussegwenti

14      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ottubru 2008, l-EMSA informat lir-rikorrenti li, peress li huma ma kinux osservaw kriterju li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-esklużjoni mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, l-offerta tagħhom ma kinitx intgħażlet. L-EMSA ppreċiżat li r-rikorrenti setgħu jressqu talba sabiex jiksbu l-isem ta’ min rebaħ il-kuntratt kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom, kif ir-rikorrenti għamlu permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Novembru 2008.

15      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Novembru 2008, l-EMSA wieġbet għat-talba tar-rikorrenti billi indikat li l-kuntratt kien ingħata lil DC International (iktar ’il quddiem “DCI”) u li r-raġuni għaċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC kienet in-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2.

16      Permezz ta’ ittri tas-7 u tat-13 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti kkontestaw iċ‑ċaħda tal-offerta tagħhom, talbu kopja tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u esprimew dubji fir-rigward tal-osservanza minn DCI ta’ waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll ta’ preskrizzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dawn tal-aħħar. Fl-ittra tat-13 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti, barra minn hekk, talbu lill-EMSA sabiex tosserva terminu ta’ stennija u sabiex tiddeżisti milli tiffirma l-kuntratt ma’ DCI sakemm huma ma jkunux irċevew l‑informazzjoni dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Dawn it-talbiet ġew imtennija fl-ittra tar-rikorrenti tal-21 ta’ Novembru 2008.

17      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2008, li r-rikorrenti jindikaw li rċevew fl-24 ta’ Novembru 2008, l-EMSA wieġbet li kienu biss l-offerenti li l-offerta tagħhom kienet ammissibbli li kellhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar il‑vantaġġi relattivi tal-offerta li ntgħażlet. Issa, skont l-EMSA, l-offerta ta’ JVOC kienet inammissibbli peress li ma kinitx tosserva raġuni għal esklużjoni, jiġifieri l‑limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2. Bil-għan li twieġeb għad-dubji espressi mir-rikorrenti, l-EMSA żiedet li l-bastimenti proposti minn DCI kienu effettivament josservaw ir-raġuni għal esklużjoni msemmija minn dawn tal-aħħar.

18      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti kkontestaw l‑inammissibbiltà tal-offerta ta’ JVOC u tennew it-talba tagħhom intiża sabiex jiksbu kopja tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni.

19      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2008, l-EMSA wieġbet li hija kienet ser teżamina t-talba tar-rikorrenti. Fis-16 ta’ Diċembru 2008, hija bagħtitilhom ittra ġdida, fejn hija ddikjarat mill-ġdid li l-offerta ta’ JVOC kienet eċċediet il-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 u li konsegwentement, hija kellha tiġi miċħuda fl-istadju tal-evalwazzjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, skont l-EMSA, ir‑rikorrenti setgħu biss jirċievu informazzjoni li tirrigwarda r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom, u mhux dettalji dwar l-offerta li ntgħażlet.

20      Peress li r-rikorrenti rċevew l-ittra tas-16 ta’ Diċembru 2008 fil-5 ta’ Jannar 2009, fil-frattemp huma ressqu mill-ġdid it-talbiet tagħhom permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2008.

4.     Iffirmar tal-kuntratt ma’ DCI

21      L-EMSA ffirmat il-kuntratt ma’ DCI fis-17 ta’ Novembru 2008.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2009, ir‑rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

23      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u, konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

24      Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet, fid-19 ta’ Ottubru 2009, li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet filwaqt li stednithom iweġbuhom bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2010.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-EMSA tad-29 ta’ Ottubru 2008 “li tiċħad l-offerta ta’ JVOC u li tagħti l-kuntratt lil DCI”;

–        tiddikjara n-nullità tal-kuntratt iffirmat bejn l-EMSA u DCI ;

–        tikkonċedi lil JVOC kumpens għad-danni subiti minħabba l-imsemmija deċiżjoni, stmati li jammontaw għal EUR 725 500, miżjuda bl-interessi moratorji;

–        tikkundanna lill-EMSA għall-ispejjeż.

27      L-EMSA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors għal annullament infondat;

–        tiddikjara t-talba għall-kumpens inammissibbli jew, tal-inqas, infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talba għal annullament

28      Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-EMSA tad-29 ta’ Ottubru 2008, li permezz tagħha l-offerta ta’ JVOC ġiet miċħuda u l-kuntratt ingħata lil DCI. Insostenn tat-talba tagħhom huma jinvokaw erba’ motivi.

29      L-ewwel motiv jinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju ġenerali”), tal-Artikolu 135(2) tar-Regolament tal-EMSA tad-9 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implementazzjoni tar-regolament finanzjarju tal-EMSA (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ implementazzjoni tal-EMSA”), tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, marbut mal-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti lir-rikorrenti u mal-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti għaċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC.

30      It-tieni parti mqajma mir-rikorrenti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 105(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali, tal-Artikolu 158a(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-regolament finanzjarju ġenerali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“regoli għall-implementazzjoni ġenerali”), u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Dan il-ksur huwa marbut mar-rifjut tal-EMSA li tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt ma’ DCI sal-komunikazzjoni lir-rikorrenti tad-dokumenti mitluba minnhom.

31      It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, marbut ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kunsiderazzjoni tal-offerta ta’ DCI.

32      It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, marbut ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kunsiderazzjoni tal-offerta ta’ JVOC.

33      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-natura manifestament inadegwata u mhux raġonevoli tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2.

34      Jeħtieġ madankollu jiġi osservat li ċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC ma saritx fl-istess stadju tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt li fiha dan il-kuntratt ingħata lil DCI. Fil-fatt, l-offerta ta’ JVOC ġiet miċħuda qabel il-fażi ta’ tqabbil tal-offerti l-oħra li kien għad fadal. L-għoti tal-kuntratt lil DCI, bħala tali, jikkostitwixxi r-riżultat tal-imsemmi tqabbil.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-formulazzjoni tar-rikors, hemm lok li jiġi deċiż li ċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC u l-għoti tal-kuntratt lil DCI jikkostitwixxu żewġ deċiżjonijiet differenti (iktar ’il quddiem, rispettivament, id-“deċiżjoni ta’ ċaħda” u d-“deċiżjoni tal-għoti”), u jeħtieġ li t-talbiet għal annullament li jikkonċernawhom jiġu eżaminati separatament.

36      F’dan ir-rigward, fost il-motivi mqajma mir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ ċaħda hija ttrattata fl-ewwel parti tal-ewwel motiv kif ukoll fit-tielet u fir-raba’ motivi. Mill-banda l-oħra, it-tieni parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv jittrattaw il-legalità tad-deċiżjoni tal-għoti u l-implementazzjoni tagħha.

37      Barra minn hekk, hija t-talba għall-annulamment tad-deċiżjoni ta’ ċaħda li għandha tiġi eżaminata l-ewwel. Fil-fatt, kien permezz ta’ din id-deċiżjoni li l‑EMSA ċaħdet l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti bil-għan li jiksbu l-kuntratt ikkontestat. Għaldaqstant hija din id-deċiżjoni li temmet l-opportunità tagħhom li jiksbu l-għoti tal-kuntratt li għalih huma kienu ppreżentaw offerta.

38      Għandha mbagħad tiġi eżaminata l-ammissibbiltà u, jekk ikun il-każ, il‑fondatezza tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti.

 Fuq id-deċiżjoni ta’ ċaħda

39      Fil-kuntest tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, il-Qorti Ġenerali ser tittratta, fl-ewwel lok, il-kwistjoni tal-konformità tal-offerta ta’ JVOC mal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2, imsemmija fit-tielet motiv u f’parti mill-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv. Fit-tieni lok, ser jiġi ttrattat ir-raba’ motiv, dwar in-natura adegwata tal-imsemmi limitu tal-baġit. Fl-aħħar lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti lir-rikorrenti u dwar il-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti taċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, marbut ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kunsiderazzjoni tal-offerta ta’ JVOC, kif ukoll fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, sa fejn din tikkonċerna l-konformità tal-offerta ta’ JVOC mal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2

–       L-argumenti tal-partijiet

40      Preliminarjament, ir-rikorrenti ppreċiżaw li huma jirriżervaw id-dritt li jelaboraw u jikkompletaw l-argumentazzjoni tagħhom skont l-elementi tal-fajl tal-EMSA li għalihom huma jiksbu aċċess, jekk ikun il-każ, bis-saħħa ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

41      Fuq il-mertu, ir-rikorrenti jsostnu li l-EMSA wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, billi kkunsidrat li l-offerta ta’ JVOC kellha tiġi miċħuda peress li ma kinitx tosserva l-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2.

42      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 ma jikkostitwixxix kriterju ta’ esklużjoni fis-sens tal-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament finanzjarju ġenerali, peress li dan il-limitu ma jikkonċernax l-affidabbiltà jew l-adegwatezza tal-offerenti b’mod ġenerali iżda jikkonċerna aspett essenzjali tal-offerta tagħhom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-limitu massimu ma jirrendix l-offerta kkonċernata inammissibbli.

43      Fit-tieni lok, il-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 ma kienx indikat bħala kriterju ta’ esklużjoni fl-avviż ta’ kuntratt jew fil-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, kif jirrikjedu l-Artikolu 116(3)(a) tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-EMSA u l-Artikolu 130(3)(a) tar-regoli għall-implementazzjoni ġenerali. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-limitu massimu jissemma fl-imsemmija dokumenti ma huwiex suffiċjenti. Bl-istess mod, l-abbozz tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt serva biss, skont it-termini tiegħu stess, sabiex jagħti orjentazzjoni ġenerali fir-rigward tad-dokumenti li kellhom jiġu ppreżentati mill-kandidati.

44      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li huma osservaw il-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2. F’dan ir-rigward huma jispjegaw li, bil-għan li jkunu jistgħu jipproponu s-soluzzjoni l-iktar vantaġġuża mil-lat ekonomiku, huma għażlu perijodu ta’ servizzi ta’ sitt snin, li jippermetti li l-ispejjeż tal-investiment jiġu rkuprati fuq tul twil ta’ żmien u, konsegwentement, li jitnaqqas il-prezz unitarju. Skont ir-rikorrenti, perijodu kuntrattwali ta’ sitt snin jidher li jikkorrispondi mal-aspettattivi tal-EMSA, peress li l-punt 3(3) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jipprevedi espressament tiġdid tal-kuntratt għal perijodu ta’ tliet snin u peress li l-EMSA kkonfermat, waqt il-laqgħa ta’ kjarifika, li hija kienet qiegħda tfittex sħubija fuq tul twil ta’ żmien.

45      Issa, skont ir-rikorrenti, meta l-prezz totali tal-kuntratt propost minn JVOC jinqasam fi tnejn, sabiex ikun relattiv għat-tul ta’ tliet snin, dan huwa inqas mil-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2.

46      Ir-rikorrenti jżidu li fil-każ ta’ tiġdid tal-kuntratt inizjali ta’ tliet snin konkluż ma’ DCI, l-EMSA tkun naqset fl-obbligu tagħha li tagħżel l-offerta l-iktar vantaġġuża u tkun kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn hija ċaħdet l-offerta ta’ JVOC li tkopri s-sitt snin sħaħ. Fil-fatt, l-offerta ta’ JVOC hija l-offerta l-iktar vantaġġuża għal tali tul ta’ żmien.

47      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC hija diskriminatorja u sproporzjonata. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-EMSA ma kellhiex l-obbligu li teskludi kull offerta li teċċedi l-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2, iżda kienet obbligata teżamina jekk jeżistux raġunijiet li jippermettu li l-offerta ma tiġix eskluża direttament, u b’mod partikolari li teżamina l-vantaġġi eventwali tal-konfigurazzjoni speċifika proposta.

48      L-EMSA tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

49      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li l-aċċess għall-fajl tal-EMSA li jitolbu r-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħhom għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma jikkonċernax l-elementi relatati maċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC, iżda biss dawk marbuta mal-offerta ta’ DCI u mal-evalwazzjoni tagħha mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess eventwali għal dawn l‑elementi tal-aħħar ma jistax ikollu influwenza fuq il-motivi u l-argumenti li jikkonċernaw id-deċiżjoni ta’ ċaħda, li hija ttrattata fit-tielet motiv u fl-ewwel parti tal-ewwel motiv.

50      Fuq il-mertu, hemm lok li jiġi rrimarkat, qabel kollox, li, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda, l‑EMSA invokat in-nuqqas ta’ konformità tal-offerta ta’ JVOC mal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 bħala r-raġuni espliċita għaċ-ċaħda ta’ dik l-offerta.

51      Issa, kif jirriżulta mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti u mill-elementi tal-proċess, l-allegazzjoni li ġie eċċedut l-imsemmi limitu massimu tal-baġit hija biss il‑konsegwenza tal-fatt li l-offerta ta’ JVOC kienet ibbażata fuq tul kuntrattwali ta’ sitt snin.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi eżaminat, minbarra l-kwistjoni dwar l‑osservanza tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2, dik tal-osservanza tat-tul tal-kuntratt kif previst fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti kinux iġġustifikati jippreżentaw offerta u jipproponu prezz fuq il-bażi ta’ tul kuntrattwali ta’ sitt snin.

53      Kif ġie indikat fil-punt 4 iktar ’il fuq, il-punt II(3) tal-avviż tal-kuntratt, il‑punt 3(3) tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-punt 3(3) tal-abbozz tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jispeċifikaw li t-tul tal-kuntratt kien ta’ 36 xahar li jibda jiddekorri mill-għoti tiegħu. Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-abbozz tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jippreċiżaw, f’dan ir-rigward, li dan il-perijodu seta’ jiġġedded darba għal tul massimu ta’ tliet snin. Barra minn hekk, l-abbozz tal-kuntratt għall-provvista ta’ bastimenti, anness mal-abbozz tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kien jispeċifika, fl-Artikolu V(2) tiegħu, li t-tiġdid kien suġġett għal ftehim bil-miktub milħuq bejn il-partijiet.

54      Huwa ċertament veru, f’dan il-kuntest, li l-abbozz tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jippreċiża, fil-punt 4 tal-parti introduttiva, li l-informazzjoni li kienet inkluża kienet ġiet ipprovduta lill-offerenti unikament sabiex tassistihom fil-preparazzjoni għall-parteċipazzjoni eventwali tagħhom fil-fażi tal-preżentazzjoni tal-offerti. Madankollu, fil-punt 5 tal-parti introduttiva, l-EMSA indikat li, għalkemm l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu pprovduti fil-forma ta’ abbozz, ma kinux madankollu previsti modifiki maġġuri. Barra minn hekk, l‑ispeċifikazzjonijiet definittivi tal-kuntratt irripproduċew il-kontenut tal-abbozz tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fir-rigward tat-tul previst tal-kuntratt.

55      Fir-rigward tal-laqgħa ta’ kjarifika li saret mar-rikorrenti, mill-proċess verbali stabbilit f’dik l-okkażjoni jirriżulta li l-EMSA ddikjarat li hija kienet qiegħda tfittex sħubija fuq tul twil ta’ żmien. Madankollu, ir-rappreżentanti tagħha ssuġġettaw b’mod espliċitu t-tiġdid tal-kuntratt għall-eżekuzzjoni sodisfaċenti tal-obbligi kuntrattwali, filwaqt li enfasizzaw b’mod ċar li l-imsemmi tiġdid kien jiddependi fuq il-volontà tal-partijiet, b’mod partikolari tal-EMSA, u li dan it‑tiġdid ma kienx awtomatiku.

56      Barra minn hekk, fl-ittra rċevuta mir-rikorrenti fit-12 ta’ Settembru 2008, l-EMSA speċifikament ġibditilhom l-attenzjoni għall-fatt li t-tul kuntrattwali previst kien ta’ tliet snin u indikatilhom li l-offerti kollha ppreżentati kellhom ikunu bbażati fuq dak it-tul, bil-għan li jkun jista’ jitwettaq tqabbil konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-EMSA talbet espressament lir-rikorrenti sabiex jirrevedu l‑offerta finanzjarja tagħhom abbażi ta’ tul kuntrattwali ta’ tliet snin u billi jittieħed kont tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2.

57      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li mill-avviż ta’ kuntratt, minn dokumenti ppubblikati kontemporanjament li għalihom jirreferi dan tal-aħħar kif ukoll minn dikjarazzjonijiet ulterjuri tal-EMSA jirriżulta b’mod ċar u preċiż li t‑tul tal-kuntratt rikjest kien ta’ 36 xahar u li t-tiġdid tal-imsemmi kuntratt, li jikkonsisti fl-irduppjar ta’ dak it-tul, ma kienx awtomatiku, iżda kien, għall-kuntrarju, suġġett għall-ftehim mill-EMSA.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kellhomx dritt li jippreżentaw offerta u li jipproponu prezz abbażi ta’ tul ta’ sitt snin, u dan jimplika li l-offerta ta’ JVOC ma kinitx konformi mad-dokumenti tas-sejħa għal offerti fir-rigward tat-tul tal-kuntratt.

59      Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni, ir-rikorrenti jsostnu ġustament li la n-nuqqas ta’ konformità tal-offerta ta’ JVOC mat-tul previst tal-kuntratt u lanqas il-fatt li nqabeż il-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 li jirriżulta minnu ma jikkostitwixxu raġunijiet għal esklużjoni fis-sens tal-Artikoli 93 sa 96 tar-Regolament finanzjarju ġenerali. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi ma jikkorrispondux għall-għan tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li huwa li tiġi vverifikata l-affidabbiltà ġenerali tal-offerenti, il-kondotta tagħhom u l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi.

60      Bl-istess mod, iċ-ċirkustanzi kkonċernati ma jikkostitwixxux kriterji tal-għażla fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament finanzjarju ġenerali u tal-Artikoli 135 sa 137 tar-regoli għall-implementazzjoni ġenerali, peress li huma ma jikkonċernawx direttament il-kapaċità finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali tar-rikorrenti.

61      Dawn il-konstatazzjonijiet huma kkorroborati mill-fatt li, fi tmiem il-fażi tas-sejħa għal kandidaturi li tikkonsisti fil-verifika b’mod partikolari tal-osservanza tal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla, l-EMSA stiednet lir-rikorrenti sabiex jagħmlu offerta.

62      Għall-kuntrarju, il-kwistjoni tal-konformità ta’ offerta mat-tul previst tal-kuntratt u, konsegwentement, ma’ limitu massimu tal-baġit, ma tirrigwardax it-tqabbil mal-offerti l-oħra ppreżentati u għaldaqstant ma tippermettix li jiġi ddeterminat liema waħda minn dawn l-offerti hija, skont il-każ, l-iktar waħda ekonomikament vantaġġuża jew l-irħas. Konsegwentement, l-imsemmija ċirkustanzi ma jikkostitwixxux kriterji ta’ għoti fis-sens tal-Artikolu 97 tar-Regolament finanzjarju ġenerali u tal-Artikolu 138 tar-regoli għall-implementazzjoni ġenerali.

63      Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi inkwistjoni jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet li offerta għandha tosserva sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti. Konsegwentement, huma jaqgħu taħt id-definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt.

64      Għalhekk, it-tul previst ta’ kuntratt għal servizzi jikkontribwixxi sabiex jiġi ddeterminat is-suġġett tal-kuntratt li jirrigwarda dawn is-servizzi, peress li dan it‑tul iservi bħala bażi għall-kalkolu tal-prezzijiet u, b’mod partikolari, tal-irkupru tal-investimenti inizjali.

65      Bl-istess mod, meta tindika limitu massimu tal-baġit, jiġifieri parametru ta’ prezz assolut, l-awtorità kontraenti tiddefinixxi kundizzjoni li huwa suġġett għaliha t‑twettiq tas-suġġett tal-kuntratt, b’tali mod li tippreċiża wkoll dan tal-aħħar.

66      Id-definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt hija prevista mill-Artikolu 92 tar-Regolament finanzjarju ġenerali, li jistabbilixxi li “[i]d-dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti għandhom jagħtu deskrizzjoni sħiħa, ċara u preċiża tas-suġġett tal-kuntratt u jispeċifikaw il-kriterji tal-esklużjoni, l-għażla u l-għoti applikabbli għall-kuntratt”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt hija distinta mill-kriterji ta’ esklużjoni, ta’ għażla u ta’ għoti.

67      Fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità ta’ offerta mas-suġġett tal-kuntratt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 146(3) tar-regoli għall-implementazzjoni ġenerali jipprevedi li “[t]albiet għall-parteċipazzjoni u offerti li ma jissodisfawx il-ħtiġiet essenzjali kollha stabbiliti fid-dokumentazzjoni ta’ sostenn tas-sejħa biex isiru l-offerti jew il-ħtiġiet speċifiċi preskritti fihom ikunu eliminati”.

68      Jeħtieġ li jiżdied, f’dan ir-rigward, li l-għan tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt huwa li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli. Konsegwentement, l-awtorità kontraenti għandha tkun tista’ tiddefinixxi liberament is-suġġett ta’ kuntratt pubbliku skont il-ħtiġijiet tagħha u dan jimplika li hija ma tistax tiġi obbligata tikkunsidra offerta li tikkonċerna suġġett li jkun differenti minn dak rikjest minnha, kif iddikjarat fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti.

69      Bl-istess mod, bħala regola ġenerali, in-nuqqas ta’ osservanza tas-suġġett tal-kuntratt jirrendi impossibbli t-tqabbil effettiv tal-offerti ppreżentati, peress li dan jelimina l-bażi ta’ referenza komuni tagħhom.

70      Barra minn hekk, il-fatt li l-awtorità kontraenti tinjora d-dokumenti tas-sejħa għal offerti, billi taċċetta offerti li ma jikkorrispondux għas-suġġett tal-kuntratt, kif iddefinit fl-imsemmija dokumenti, ma jistax jiġi kkonċiljat mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

71      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa essenzjali li l-awtorità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tkun tista’ tiżgura ruħha, bi preċiżjoni, mill-kontenut tal-offerta u, b’mod partikolari, mill-konformità ta’ din tal-aħħar mal-kundizzjonijiet previsti fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti. Għalhekk, meta offerta tkun ambigwa u meta l-awtorità kontraenti ma jkollhiex il-possibbiltà li tistabbilixxi, malajr u b’mod effikaċi, għalxiex din effettivament tikkorrispondi, l‑awtorità kontraenti ma jkollha ebda għażla oħra ħlief li tiċħad din l-offerta (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il‑Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 34). L-istess konsegwenza tirriżulta, a fortiori, meta, bħal f’dan il-każ, l-offerta ma tikkorrispondix manifestament mas-suġġett tal-kuntratt.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-konformità mas-suġġett tal-kuntratt, kif deskritt fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari li kull offerta għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt. In‑nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni għandha twassal għall-eliminazzjoni tal-offerta kkonċernata mill-awtorità kontraenti, mingħajr ma din tal-aħħar tiġi mqabbla mal-offerti l-oħra ppreżentati.

73      Issa, f’dan il-każ, mill-punti 58 u 63 iktar ’il fuq jirriżulta li l-offerta ta’ JVOC ma kinitx konformi mad-dokumenti tas-sejħa għal offerti fir-rigward ta’ element tad-definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt, jiġifieri t-tul previst tal-kuntratt. Konsegwentement, l-EMSA ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet l‑imsemmija offerta mingħajr ma qabblitha mal-offerti l-oħra, qabel ma pproċediet bl-għoti tal-kuntratt.

74      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tul previst tal-kuntratt u l-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 ġewx iddefiniti b’mod validu fid-dokumenti rilevanti, ġie kkonstatat iktar ’il fuq li dawn il-kundizzjonijiet jaqgħu taħt id‑definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt. Konsegwentement jeħtieġ li jiġi applikat l‑Artikolu 92 tar-Regolament finanzjarju ġenerali, li jipprovdi li “[i]d-dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti għandhom jagħtu deskrizzjoni sħiħa, ċara u preċiża tas-suġġett tal-kuntratt”. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 130(3)(a) tar-regoli għall-implementazzjoni ġenerali, invokat mir-rikorrenti, isemmi biss il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla, u għaldaqstant ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.

75      Fir-rigward tat-tul previst tal-kuntratt, ikun biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 53 sa 57 iktar ’il fuq, fejn ġie kkonstatat li mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti jirriżulta b’mod ċar u preċiż li t-tul tal-kuntratt rikjest mill-EMSA kien ta’ 36 xahar u li t-tiġdid tal-imsemmi kuntratt, li jikkonsisti fl-irduppjar ta’ dak it-tul, ma kienx awtomatiku, iżda kien, għall-kuntrarju, suġġett għall-ftehim bejn il‑partijiet, fosthom l-EMSA.

76      Fir-rigward tal-limitu massimu tal-baġit għal-lott Nru 2, ġie indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq li, skont il-punt II(2)(1) tal-avviż ta’ kuntratt, il-punt 3(4) tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-punt 5 tal-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-valur totali massimu għal-lott Nru 2 kien ta’ EUR 4 000 000. Barra minn hekk, skont il-punt 12(2) tal-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-fatt li tiġi ppreżentata offerta li tkun ogħla mil-limitu massimu tal-baġit stabbilit għal kull lott kien jikkostitwixxi raġuni għall-esklużjoni mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, skont kif jirriżulta mill-punt 5 iktar ’il fuq.

77      Sa fejn ir-rikorrenti jsosntu, f’dan ir-rigward, li l-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien maħsub biss sabiex jassisti lill-offerenti, ikun suffiċjenti li jsir riferiment għall-punt 54 iktar ’il fuq. Dwar il-fatt li, skont il-punt 5 tal-parti tal-avviż ta’ kuntratt li tirrigwarda d-deskrizzjoni tal-lott Nru 2, il-valur tal-limitu massimu tal-baġit kien estimattiv, jeħtieġ li jiġi osservat li dan ġie ffissat b’mod kategoriku kemm fl-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll fl-ispeċifikazzjonijiet definittivi tal-kuntratt.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li kemm it-tul previst tal-kuntratt kif ukoll il-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 ġew deskritti b’mod ċar u preċiż fid-dokument tas-sejħa għal offerti, b’mod konformi mar-rekwiżit impost mill-Artikolu 92 tar-Regolament finanzjarju ġenerali.

79      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jippreżentawx argumenti speċifiċi sabiex isostnu l-allegazzjoni tagħhom li ċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC abbażi tan-nuqqas ta’ konformità tagħha mas-suġġett tal-kuntratt kienet diskriminatorja jew sproporzjonata. Għall-kuntrarju, minn dak li ġie espost fil-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq jirriżulta li din il-konsegwenza kienet l-unika waħda kompatibbli mal-għan tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, kif ukoll mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress, minn naħa, li l-offerta ta’ JVOC ma kinitx tikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-EMSA, kif iddikjarati fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ osservanza tat-tul previst tal-kuntratt kien jirrendi impossibbli t-tqabbil tal-imsemmija offerta mal-offerti l-oħra ppreżentati.

80      F’dan il-kuntest, sa fejn mill-punti 53 sa 57 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tul tal-kuntratt rikjest mill-EMSA kien ta’ tliet snin, l-allegazzjoni li, fuq bażi ta’ sitt snin, l-offerta ta’ JVOC kienet iktar vantaġġuża mill-offerta ta’ DCI hija irrilevanti.

81      Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑406/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra), invokata mir-rikorrenti, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, offerta li kienet tikkorrispondi għas-suġġett tal-kuntratt u li setgħet, għaldaqstant, tiġi mqabbla mal-offerti l-oħra, ma laħqitx, fil-kuntest ta’ dan it-tqabbil, il-limitu minimu ta’ punti ddefiniti skont id-diversi kriterji ta’ għoti. Għall-kuntrarju, fil-kawża preżenti, l-offerta ta’ JVOC ġiet miċħuda qabel l-istadju tat-tqabbil tal-offerti u, għaldaqstant qabel l-għoti, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tas-suġġett tal-kuntratt.

82      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tielet motiv, kif ukoll l‑ewwel parti tal-ewwel motiv sa fejn din tikkonċerna l-konformità tal-offerta ta’ JVOC mal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura manifestament inadegwata u mhux raġonevoli tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 kien eċċessivament baxx u għaldaqstant ma kienx jippermetti lill-offerenti li jippreżentaw offerta li tissodisfa r-rekwiżiti kollha imposti mill-EMSA. Minn dan huma jiddeduċu li kull offerta li tosserva l-imsemmi limitu massimu tal-baġit ma kinitx konformi mal-imsemmija rekwiżiti. Ir-rikorrenti jippreċiżaw, f’dak il‑kuntest, li tlieta mill-erba’ offerti inizjali kienu jeċċedu l-limitu massimu tal-baġit. Huma jżidu li huma kkontestaw darbtejn l-applikazzjoni tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2.

84      L-EMSA tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

85      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat qabel kollox li r-rikorrenti ma ppreżentaw ebda element iddettaljat li jsostni l-allegazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, l-unika ċirkustanza konkreta invokata minnhom hija l-prezz għoli għall-akkwist tat-tagħmir għall-ġbir taż-żejt, li fil-każ tagħhom jammonta għal EUR 1 960 000.

86      Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda element li jissuġġerixxi li tali spiża kienet neċessarja sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti kollha ddefiniti mill-EMSA, jew inkella li dik l-ispiża, waħidha, kienet tirrendi impossibbli l-osservanza tal-limitu massimu tal-baġit għal-lott Nru 2.

87      Bl-istess mod, il-fatt li tlieta mill-erba’ offerti inizjalment ippreżentati ma kinux josservaw il-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 ma jistabbilixxix, waħdu, li dan il-limitu massimu kien eċċessivament baxx jew li l-unika offerta li tosservah ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti kollha definiti mill-EMSA. Fil-fatt, huwa perfettament possibbli li din l-offerta tal-aħħar kienet l-unika waħda li tosserva kemm il-limitu massimu tal-baġit kif ukoll ir-rekwiżiti l-oħra previsti.

88      Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 68 iktar ’il fuq, l‑awtorità kontraenti għandha tkun tista’ tiddefinixxi liberament is-suġġett tal-kuntratt u, għaldaqstant, għandha tkun tista’ tagħżel il-kundizzjonijiet li l-offerti ppreżentati għandhom josservaw. Għalhekk, hija tista’ b’mod partikolari tiddetermina t-tul tal-kuntratt li għandha tikkonkludi u tista’ tistabbilixxi l-limiti massimi tal-baġit li l-offerti għandhom ikunu konformi magħhom, bi qbil mal-limiti tal-baġit tagħha. F’dan ir-rigward, hija ma hijiex obbligata li tikkonsulta lill-offerenti potenzjali fir-rigward tal-adegwatezza tal-kundizzjonijiet li hija tiddefinixxi.

89      Jekk l-awtorità kontraenti effettivament tiddetermina limitu massimu tal-baġit eċċessivament baxx, hija tesponi lilha nnifisha għar-riskju li ma tiġi ppreżentata ebda offerta sodisfaċenti, b’tali mod li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt ikollha tiġi rripetuta b’kundizzjonijiet emendati. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma timplikax li hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-offerenti u lanqas, a fortiori, li tikkonforma ruħha mas-suġġerimenti tagħhom.

90      Din il-konstatazzjoni timplika li ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti qajmu quddiem l‑EMSA l-kwistjoni tan-natura allegatament inadegwata tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 hija irrilevanti.

91      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, sa fejn din tikkonċerna l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti lir-rikorrenti u l-motivazzjoni taċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC

–       L-argumenti tal-partijiet

92      Ir-rikorrenti jsostnu li l-EMSA kisret l-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali, l-Artikolu 135(2) tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-EMSA, l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-prinċipju ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva peress li, minn naħa, hija ma kkomunikatilhomx ċerti dokumenti u, min-naħa l-oħra, hija ma mmotivatx iċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC sal-grad rikjest mil-liġi.

93      Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jfakkru li, minkejja diversi talbiet f’dan is-sens, l-EMSA rrifjutat li tibagħtilhom ir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u l-offerta ta’ DCI jew l-estratti rilevanti minn dawn id-dokumenti. Issa, mill-Artikolu 135(2) tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-EMSA, moqri flimkien mal‑Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali u mal-Artikolu 149 tar-regoli ta’ implementazzjoni ġenerali, jirriżulta li l-EMSA kienet obbligata tibgħat informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula lil offerent li kien ippreżenta offerta ammissibbli u li kien ressaq talba f’dan is-sens.

94      Skont ir-rikorrenti, l-għan ta’ dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni huwa li jippermetti lil offerent mhux magħżul li jifhem ir-raġunijiet li abbażi tagħhom l‑offerta tiegħu ġiet miċħuda u li jiżgura ruħu li huwa ma kienx is-suġġett ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ offerenti oħra. Fil-fatt, offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ikollu d-dritt li jingħata l-informazzjoni kollha neċessarja li tippermettilu jipprova li l-offerti tal-offerenti l-oħra lanqas ma kienu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li anki dawn l-offerti kellhom jiġu miċħuda.

95      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li, anki jekk l-offerta ta’ JVOC ma ġietx effettivament imqabbla ma’ dik ta’ DCI, b’tali mod li ma jeżistux elementi li jikkonċernaw il‑vantaġġi relattivi ta’ din tal-aħħar, dejjem hemm lok li jiġu kkomunikati l‑karatteristiċi tal-offerta tal-offerent magħżul kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar mill-awtorità kontraenti.

96      Fir-rigward tal-motivazzjoni taċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC, ir-rikorrenti jsostnu li l-EMSA ma indikatx, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda, ir-raġuni li abbażi tagħha l-offerta ma ntgħażlitx u lanqas ma semmiet ir-rimedji disponibbli sabiex l-imsemmija deċiżjoni tiġi kkontestata.

97      Ir-rikorrenti jispjegaw, f’dan il-kuntest, li s-sempliċi dikjarazzjoni, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda, dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ kriterju ta’ esklużjoni ma hijiex motivazzjoni adegwata, peress li din ma ppermettitilhomx li jifhmu r-raġuni li abbażi tagħha l-offerta ta’ JVOC ġiet miċħuda. Fil-fatt, ir-raġuni speċifika li fuqha hija stabbilita d-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet esposta biss fl-ittra tas-6 ta’ Novembru 2008.

98      Fl-aħħar, ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti u tal-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

99      L-EMSA tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

100    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali, “[l]-awtorità tal-kuntratti [awtorità kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni, u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil‑miktub, bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess [offerent magħżul] u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt”.

101    L-Artikolu 149 tar-regoli ta’ implementazzjoni ġenerali, li l-kontenut tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 135 tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-EMSA, jipprovdi l-preċiżjonijiet li ġejjin:

“1. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu mill-aktar fis lill-kandidati u min jifta’ l-offerti [offerenti] bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għotja [għoti] tal-kuntratt […]

2. Fi żmien ħmistax-il ġurnata kalendarja mid-data li tintlaqa’ talba bil-miktub, tikkomunika t-tagħrif previt [previst] fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju [ġenerali].

3. Fil-każ ta’ kuntratti mogħtija mill-Istituzzjonijiet tal-Komunità f’isimhom stess, […] l-awtorità li tagħti l-kuntratti [awtorità kontraenti] għandha tinforma lil dawk kollha li jitfgħu offerti [offerenti] jew kandidati li ma jkunux irnexxew, fl-istess ħin u individwalment, bil-posta u bil-fax jew il-posta elettronika, li l-applikazzjoni jew l-offerta tagħhom ma jkunux intlaqgħu […]

F’kull każ, l-awtorità li tagħti l-kuntratti għandha tindika r-raġunijiet għaliex l‑offerta jew applikazzjoni ma jkunux ġew aċċettati u r-rimedji legali disponibbli.

[…]

Dawk li tefgħu l-offerti [L-offerenti] jew il-kandidati eliminati jistgħu jakkwistaw informazzjoni kumplimentari dwar ir-raġunijiet għall-eliminazzjoni tagħhom, permezz ta’ talba bil-miktub […], u għal dawk kollha li tefgħu offerta ammissibbli, fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta li ntgħażlet kif ukoll l‑isem ta’ min ta din l-offerta, bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2), it-tieni inċiż, tar-Regolament Finanzjarju [ġenerali]. L‑awtoritajiet kontraenti għandhom jirrispondu f’tul ta’ żmien ta’ ħmistax-il ġurnata li għandhom jibdew jgħoddu mid-data tal-ilqugħ tat-talba.”

102    Bil-għan li tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligi li hija suġġetta għalihom l‑EMSA fil-konfront tar-rikorrenti skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali, skont l-Artikolu 149 tar-regoli ta’ implementazzjoni ġenerali u skont l-Artikolu 135 tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-EMSA, jeħtieġ għaldaqstant jiġi vverifikat jekk l-offerta ta’ JVOC kinitx ammissibbli fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

103    F’dan ir-rigward it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 146(3) tar-regoli ta’ implempentazzjoni ġenerali jipprovdi li “[l]-offerti meqjusa aċċetabbli [ammissibbli] huma dawk l-offerti ta’ kandidati u min tefa’ l-offerta [offerenti] li mhumiex esklużi u li jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni [għażla]”.

104    Issa, peress li ssemmi biss il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla, din id‑dispożizzjoni tinjora ċ-ċirkustanza, esposta fil-punti 59 sa 72 iktar ’il fuq, li l‑konformità mas-suġġett tal-kuntratt tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari, li n‑nuqqas ta’ osservanza tagħha jiġġustifika li l-offerta kkonċernata tiġi miċħuda mingħajr ma tiġi mqabbla mal-offerti l-oħra ppreżentati.

105    Għalhekk, il-kliem tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 146(3), tar-regoli ta’ implementazzjoni ġenerali ma jikkorrispondux għall-għan tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, kif ukoll tal-isem ta’ min ikun ingħata l-kuntratt, previst fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali.

106    Dan l-għan jikkonsisti fil-fatt li l-offerent, li l-offerta tiegħu laħqet l-istadju ta’ qabel l-għoti tal-kuntratt, tqabblet mal-offerti l-oħra u ġiet iddikjarata bħala inqas vantaġġuża, ikun jista’ jivverifika jekk it-tqabbil twettaqx b’mod korrett u, jekk ikun il-każ, li jikkontestah. Fil-fatt, tali verifika ma tistax titwettaq fin-nuqqas tal-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-offerta magħżula.

107    Għall-kuntrarju, meta ċ-ċaħda ta’ offerta ssir qabel il-fażi tal-għoti, din ma tirriżultax, bħala regola ġenerali, mit-tqabbil mal-offerta magħżula. Konsegwentement, il-verifika tal-fondatezza taċ-ċaħda ma hijiex suġġetta għall-komunikazzjoni ta’ elementi li jirrigwardaw l-offerta magħżula.

108    F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jippretendu r-rikorrenti, l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali ma jipprevedix li offerent għandu jkun jista’ jivverifika l-konformità tal-offerti l-oħra kollha mal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla u mas-suġġett tal-kuntratt. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, din id‑dispożizzjoni ma kinitx tkun limitata li tipprevedi l-komunikazzjoni tal-elementi li jirrigwardaw biss l-offerta magħżula.

109    Barra minn hekk, offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda qabel l-istadju ta’ qabel l-għoti tal-kuntratt għandu l-possibbiltà li jippreżenta, quddiem l-awtorità kontraenti, osservazzjonijiet dwar irregolaritajiet li, fl-opinjoni tiegħu, jivvizzjaw l-offerti ta’ offerenti oħra u li ma ġewx identifikati. Jekk huwa jqis li l-awtorità kontraenti injorat l-osservazzjonijiet ippreżentati u li l-għoti tal-kuntratt konsegwentement ta lok għal frodi jew għal irregolarità finanzjarja, huwa jista’ jinforma lill-awtoritajiet kompetenti f’dak il-qasam, u b’mod partikolari lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi.

110    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li offerta li ma tkunx konformi mas-suġġett tal-kuntratt ma hijiex ammissibbli fis-sens tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali, tal-Artikolu 149 tar-regoli ta’ implementazzjoni ġenerali u tal-Artikolu 135 tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-EMSA.

111    F’dan il-każ mill-punti 53 sa 73 iktar ’il fuq jirriżulta li l-offerta ta’ JVOC ma kinitx konformi mas-suġġett tal-kuntratt fir-rigward tat-tul previst tal-kuntratt.

112    Konsegwentement, l-EMSA kienet obbligata biss, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni, kif espost fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2), tar-Regolament finanzjarju ġenerali, fl-Artikolu 149 tar-regoli ta’ implementazzjoni ġenerali u fl-Artikolu 135 tar-regoli ta’ implementazzjoni tal-EMSA, li tinforma lir-rikorrenti bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u bir-rimedji disponibbli.

113    Fir-rigward, minn naħa, tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC, l-EMSA indikat dan li ġej fid-deċiżjoni ta’ ċaħda:

“Il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkunsidra li l-offerta tagħkom, kif ippreżentata, ma kinitx ammissibbli fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Il-kumitat kien tal-opinjoni li ma ġiex sodisfatt kriterju ta’ esklużjoni u li, konsegwentement, l‑offetra ma kinitx tosserva r-rekwiżiti indikati għal din il-proċeura għall-għoti ta’ kuntratt.”

114    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod, min-naħa, li jippermetti lill-interessati li jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura adottata sabiex jinvokaw id‑drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, Ġabra p. II‑1403, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih huwa ġie adottat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS u STG vs Il‑Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, Ġabra p. II‑205, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, jeħtieġ li d-deċiżjoni ta’ ċaħda titpoġġa fil-kuntest tal-iskambji preċedenti bejn l-EMSA u r-rikorrenti, li saru fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.

116    Issa, it-tul previst tal-kuntratt u l-importanza tal-osservanza tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 ġew diskussi mir-rikorrenti u l-EMSA waqt il-laqgħa ta’ kjarifika, li nżammet fit-18 ta’ Ġunju 2008. In-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi tul mill-offerta ta’ JVOC u n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi limitu massimu tal-baġit li jirriżulta minnu, ġew sussegwentement ittrattati fl-ittri tal-14 ta’ Awwissu u tal-l, tat-12 u tad-29 ta’ Settembru 2008.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, mill-qari tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jifhmu li d-dikjarazzjoni li l-offerta ta’ JVOC kienet inaċċettabbli fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, li ma ġiex sodisfatt kriterju li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-esklużjoni mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt u li r-rekwiżiti indikati ma kinux sodisfatti kienet tirrigwarda, b’mod preċiż ħafna, in-nuqqas ta’ osservanza tat-tul previst tal‑kuntratt u n-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 li jirriżulta minnu.

118    Barra minn hekk, b’risposta għat-talba tar-rikorrenti tat-3 ta’ Novembru 2008, l‑EMSA bagħtitilhom l-ittra tas-6 ta’ Novembru 2008, li fiha hija indikat b’mod espliċitu li ċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2, li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tat-tul previst tal-kuntratt. Din l-ispjegazzjoni ġiet imtennija fl-ittra tal-EMSA tad-19 ta’ Novembru 2008.

119    Barra min hekk, il-motivazzjoni pprovduta ppermettiet lir-rikorrenti li jsostnu d‑drittijiet tagħhom, peress li, kif jirriżulta minn dan ir-rikors, huma qajmu motivi u argumenti li jikkonċernaw il-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2 u l‑kwistjoni inerenti tal-osservanza tat-tul tal-kuntratt. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali tinsab f’pożizzjoni fejn tista’ tevalwa b’mod adegwat dawn l-istess motivi u argumenti abbażi tal-motivazzjoni pprovduta.

120    F’dawn iċ-ċrikustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-EMSA ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-indikazzjoni tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC.

121    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-EMSA ma indikatx ir-rimedji disponibbli għar-rikorrenti, la fid-deċiżjoni ta’ ċaħda u lanqas fil-komunikazzjonijiet bil-miktub ulterjuri tagħha.

122    L-argument imressaq mill-EMSA f’dan ir-rigward, jiġifieri li hija tqis li tali rimedji ma kinux jeżistu, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, f’dak il-każ, l-EMSA kellha għall-inqas tindika din il-pożizzjoni fil-komunikazzjonijiet skambjati mar-rikorrenti.

123    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, peress li l-indikazzjoni tar-rimedji disponibbli hija indipendenti mis-suġġett tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, l-assenza tagħha ma tistax tinċidi fuq il-legalità ta’ din tal-aħħar. Din iċ-ċirkustanza tista’, l‑iktar l-iktar, tkun rilevanti fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt għal rikors mir-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

124    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ppreżentaw, fit-terminu previst, dan ir‑rikors li jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda u li huma ma ppreżentaw ebda argument u ebda prova li tippermetti li jiġi konkluż li l-assenza ta’ indikazzjoni tar-rimedji disponibbli fl-imsemmija deċiżjoni impedixxiethom milli jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom għal rikors.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għalkemm l-EMSA naqset milli ssemmi r-rimedji disponibbli fid-deċiżjoni ta’ ċaħda, din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti f’dan il-każ.

126    Fl-aħħar, sa fejn ġie kkonstatat iktar ’il fuq li l-EMSA ma kinitx obbligata tikkomunika lir-rikorrenti l-elementi li jirrigwardaw l-offerta ta’ DCI, li hija mmotivat, sal-grad rikjest mil-liġi, iċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC u li l-assenza ta’ indikazzjoni tar-rimedji disponibbli hija irrilevanti f’dan il-każ, ma jidhirx kif l‑EMSA kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti jew id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan is-sens, li ma humiex sostnuti minn argumenti iktar preċiżi, għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

127    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv, sa fejn din tikkonċerna l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti jew informazzjoni lir-rikorrenti u l-motivazzjoni taċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC.

128    Peress li ġew miċħuda l-motivi u l-argumenti kollha li jikkonċernaw id-deċiżjoni ta’ ċaħda, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba intiża għall-annullament tagħha.

 Fuq id-deċiżjoni tal-għoti

129    Preliminarjament, hemm lok li jiġi eżaminat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti peress li n-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qorti Komunitarja tista’ teżamina ex officio (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 L-argumenti tal-partijiet

130    Ir-rikorrenti jqisu li, peress li huma talbu l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, huma għandhom ukoll interess ġuridiku sabiex jaġixxu kontra d-deċiżjoni tal-għoti. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, fin-nuqqas ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-għoti, l-annullament eventwali tad-deċiżjoni ta’ ċaħda jkun nieqes minn kull skop.

131    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li huma għandhom ukoll interess li juru li l‑offerti l-oħra kollha kellhom jiġu eliminati mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

132    Skont l-EMSA, offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet eliminata qabel l-istadju ta’ qabel id-deċiżjoni tal-għoti ma għandux interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

133    Skont il-ġurisprudenza, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn dik il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2009, Antwerpse Bouwwerken vs Il-Kummissjoni, T‑195/08, Ġabra p. II‑4439, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Issa, meta l-offerta ta’ offerent tiġi miċħuda qabel l-istadju ta’ qabel id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt, b’tali mod li ma titqabbilx mal-offerti l-oħra, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-offerent ikkonċernat sabiex jaġixxi kontra d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt hija suġġetta għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiegħu. Fil-fatt, huwa biss f’każ li din id-deċiżjoni tal-aħħar tiġi annullata li l‑annullament tad-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt jista’, jekk ikun il-każ, ikollu konsegwenzi legali għall-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda qabel l‑istadju ta’ qabel id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt u jista’ jkun ta’ benefiċċju għalih, billi jħassar deċiżjoni adottata wara li jkun sar tqabbil li inġustament ma jkunx inkluda l-offerta tiegħu.

135    Għall-kuntrarju, meta t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiġi miċħuda, l-annullament tad-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt ma jistax ikollu konsegwenzi legali fuq l-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda qabel l‑istadju ta’ qabel id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt. F’dak il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tostakola lill-offerent ikkonċernat milli jiġi affettwat mid-deċiżjoni sussegwenti li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor.

136    Barra minn hekk, mill-punti 108 u 109 iktar ’il fuq jirriżulta li, fis-sistema tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament finanzjarju ġenerali u tar-regoli ta’ implementazzjoni ġenerali relattivi għall-kuntratti pubbliċi, ma huwiex l-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda qabel l-istadju ta’ qabel id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt li għandu jivverifika l-konformità tal-offerti kollha li ġew ammessi fl-imsemmi stadju mal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla u mas-suġġett tal-kuntratt. Konsegwentement, l-offerent ikkonċernat ma jistax jibbaża l-interess ġuridiku tiegħu sabiex jaġixxi kontra d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt fuq in-neċessità li titwettaq tali verifika.

137    F’dan il-każ, it-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet miċħuda fil-punt 127 iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn dak li ġie espost fil-punti 132 sa 135 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku sabiex jaġixxu kontra d-deċiżjoni tal-għoti, b’tali mod li t-talba tagħhom intiża għall-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni hija inammissibbli.

2.     Fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt iffirmat ma’ DCI

138    Ir-rikorrenti jsostnu li l-illegalitajiet invokati minnhom fil-kuntest taż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv jirriżultaw fil-konsegwenza li l-kuntratt iffirmat mill-EMSA ma’ DCI għandu jiġi ddikjarat null.

139    Issa, minn naħa, l-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ma rrileva ebda illegalità li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni ta’ ċaħda. Konsegwentement, fir-rigward ta’ dik il-parti, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq premessa żbaljata.

140    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi osservat li l-iffirmar tal-kuntratt ma’ DCI mill-EMSA huwa r-riżultat tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti. Issa, mill-punti 132 sa 136 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku sabiex jaġixxu kontra l-imsemmija deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma lanqas ma għandhom interess ġuridiku sabiex jiksbu dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt iffirmat bejn l-EMSA u DCI abbażi ta’ allegazzjonijiet li jikkonċernaw il-legalità tad-deċiżjoni tal-għoti, bħall-allegazzjonijiet ippreżentati fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

3.     Fuq it-talba għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

141    Ir-rikorrenti jsostnu li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda u tal-għoti kkawżatilhom dannu kkostitwit mit-telf ta’ opportunità sostanzjali li jingħataw il‑kuntratt, mill-ispejjeż sostnuti fl-okkażjoni tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll minn tnaqqis tar-reputazzjoni tagħhom.

142    L-EMSA tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza tat-talba tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

143    Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, għall-fondatezza ta’ rikors għad-danni ppreżentat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l‑istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-danni invokati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44). Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37).

144    F’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar, preliminarjament, li ġie kkonstatat fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq li s-suġġett tar-rikors għal annullament kien ikkostitwit minn żewġ deċiżjonijiet distinti, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ ċaħda u d-deċiżjoni tal-għoti.

145    Issa, minn naħa, l-eżami tal-motivi u tal-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma rrilevax li din tal-aħħar kienet ivvizzjata b’illegalità. Konsegwentement, il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir attribwit lill-EMSA ma hijiex sodisfatta fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni.

146    Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza kkonstatata fil-punti 132 sa 136 iktar ’il fuq, li r‑rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku sabiex jaġixxu kontra d-deċiżjoni tal-għoti, timplika li d-dannu li huma allegatament ġarrbu, jekk jiġi preżunt bħala li ġie stabbilit, ma jistax ikun il-konsegwenza tal-imsemmija deċiżjoni, iżda tad-deċiżjoni ta’ ċaħda. Għalhekk, il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta kawżali ma hijiex sodisfatta fir-rigward tad-deċiżjoni tal-għoti.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li t-talba għad-danni tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tagħha.

4.     Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

148    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jirrigwardaw il-produzzjoni, minn naħa, tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u ta’ kopja tal-offerta ta’ DCI jew tal-estratti rilevanti minn dawn id‑dokumenti u, min-naħa l-oħra, ta’ elementi li jikkonċernaw żidiet eventwali tal-prezz fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż ma’ DCI. Madankollu, sa fejn dawn l-imsemmija dokumenti ma jikkontestawx, fi kwalunkwe każ, l-eżami mwettaq iktar ’il fuq, hemm lok li din it-talba tiġi miċħuda.

149    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

150    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-EMSA.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dredging International NV u Ondernemingen Jan de Nul NV huma kkundannati għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Kuntratt

2.  Parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ negozjati

3.  Deċiżjonijiet tal-EMSA u komunikazzjonijiet sussegwenti

4.  Iffirmar tal-kuntratt ma’ DCI

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għal annullament

Fuq id-deċiżjoni ta’ ċaħda

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, marbut ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kunsiderazzjoni tal-offerta ta’ JVOC, kif ukoll fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, sa fejn din tikkonċerna l-konformitŕ tal-offerta ta’ JVOC mal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura manifestament inadegwata u mhux raġonevoli tal-limitu massimu tal-baġit previst għal-lott Nru 2

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, sa fejn din tikkonċerna l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti lir-rikorrenti u l-motivazzjoni taċ-ċaħda tal-offerta ta’ JVOC

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq id-deċiżjoni tal-għoti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt iffirmat ma’ DCI

3.  Fuq it-talba għad-danni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.