Language of document : ECLI:EU:T:2006:383

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

12 ta' Diċembru 2006 (*)

"Rikors għal danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ħalib – Imposta addizzjonali – Kwantità ta' referenza – Produttur li kien daħal għal impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni – Produtturi SLOM 1984 – Nuqqas li terġa' tinbeda l-produzzjoni wara l-iskadenza ta' l-impenn"

Fil-kawża T‑373/94,

R. W. Werners, residenti f'Meppel (l-Olanda), inizjalment irrappreżentat minn H. Bronkhorst u E. Pijnacker Hordijk, avukati, u sussegwentement minn Pijnacker Hordijk,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn A. Brautigam u A.-M. Colaert, bħala aġenti, u sussegwentement mis-Sinjura Colaert,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn T. van Rijn, bħala aġent, assistit minn H. J. Rabe, avukati, u sussegwentement minn M. van Rijn,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett talba għal kumpens skond l-Artikolu 178 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 235 KE) u tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 215 tat-Trattat KE (li sar it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 288 KE) għad-danni allegatament subiti mir-rikorrent minħabba li ma tħalliex jikkummerċjalizza l-ħalib b'applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84, tal-31 ta' Marzu 1984, dwar regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' l-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), kif kompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84 tas-16 ta’ Mejju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 132, 1984, p. 11),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M.E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1078/77, tas-17 ta’ Mejju 1977, li jistabbilixxi sistema ta’ premiums għan-non kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u għall-konverżjoni ta' merħliet ta' baqar li jipproduċu l-ħalib (ĠU L 131, p. 1), kien jipprovdi għall-ħlas ta’ premium ta’ non kummerċjalizzazzjoni jew ta’ premium ta’ konverżjoni lill-produtturi li obbligaw ruħhom li ma jikkummerċjalizzawx il-ħalib jew prodotti tal-ħalib għal perijodu ta’ non kummerċjalizzazzjoni ta’ ħames snin jew li ma jikkummerċjalizzawx il-ħalib jew prodotti tal-ħalib u li jikkonvertu l-merħliet tagħhom li jipproduċu l-ħalib f'merħliet intiżi sabiex jipproduċu l-laħam għal perijodu ta’ konverżjoni ta’ erba’ snin.

2        Il-produtturi tal-ħalib li kienu daħlu għal impenn skond ir-Regolament Nru 1078/77 huma komunement imsejħa l-"produtturi SLOM"; dan l-akronimu ġej mill-espressjoni Olandiża "slachten en omschakelen" (oqtol u kkonverti) li tiddeskrivi l-obbligi tagħhom fil-kuntest tas-sistema ta' non kummerċjalizzazzjoni jew ta' konverżjoni.

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 10), u r-Regolament tal-Kunsill Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ l-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), introduċew, mill-1 ta’ April 1984, imposta addizzjonali fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib kunsinnati li kienu jaqbżu kwantità ta’ referenza li kellha tiġi ddeterminata, għal kull xerrej, fil-limitu ta' kwantità globali garantita lil kull Stat Membru. Il-kwantità ta’ referenza eżenti mill-imposta addizzjonali kienet ugwali għall-kwantità ta' ħalib jew ekwivalenti tal-ħalib ikkunsinnata minn produttur jew mixtrija minn maħleb, kif deċiż mill-Istat, matul is-sena ta’ referenza, li kienet, għal dak li jikkonċerna l-Olanda, is-sena 1983.

4        Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 148, p.13), ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84 tas-16 ta' Mejju 1984 (ĠU L 132, p. 11).

5        Il-produtturi li ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta' referenza adottata mill-Istat Membru kkonċernat, in eżekuzzjoni ta' impenn assunt skond ir-Regolament Nru 1078/77, kienu esklużi mill-allokazzjoni ta' kwantità ta' referenza.

6        Permezz tas-sentenzi tat-28 ta’ April 1988, Mulder (120/86, Ġabra p. 2321, iktar ’il quddiem is-"sentenza Mulder I"), u Von Deetzen (170/86, Ġabra p. 2355), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu r-Regolament Nru 857/84, kif ikkompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84, safejn dan ma kienx jipprovdi għall-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza lill-produtturi li, in eżekuzzjoni ta’ impenn assunt skond ir-Regolament Nru 1078/77, ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta’ referenza adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

7        Wara s-sentenzi Mulder u von Deetzen, iċċitati fil-punt 6 iktar 'il fuq, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’ Marzu 1989, ir-Regolament (KEE) Nru 764/89, li jemenda r-Regolament Nru 857/84 (ĠU L 84, 1989, p. 2), li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 1989, sabiex jippermetti l-għoti lill-kategorija ta' produtturi msemmija f'dawn is-sentenzi ta' kwantità ta’ referenza speċifika li tirrappreżenta 60% tal-produzzjoni tagħhom matul it-tnax-il xahar li ppreċedew l-impenn tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni assunt skond ir-Regolament Nru 1078/77.

8        L-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 764/89, kien jissuġġetta l-allokazzjoni provviżorja ta' kwantità ta' referenza speċifika, b'mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-produttur "jistabbilixxi in sostenn tat-talba tiegħu […] li huwa [kien] f'pożizzjoni li jipproduċi fl-impriża tiegħu sal-kwantità ta' referenza mitluba". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3a(1) ta' l-imsemmi Regolament, kien jirreferi għall-produttur "li l-perijodu ta' non kummerċjalizzazzjoni jew ta' konverżjoni tiegħu, in eżekuzzjoni ta' l-impenn assunt skond ir-Regolament […] Nru 1078/77, [kien] jiskadi wara l-31 ta' Diċembru 1983, jew wara t-30 ta' Settembru 1983 fl-Istati Membri fejn il-ġbir tal-ħalib tax-xhur ta' April sa Settembru huwa għall-anqas id-doppju ta' dak tax-xhur ta' Ottubru sa Marzu tas-sena ta' wara". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 3a(3) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat mir-Regolament Nru 764/89, jipprovdi li:

"Jekk fi żmien sentejn mid-29 ta' Marzu 1989, il-produttur jista' jipprova, għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità kompetenti, li huwa effettivament reġa' beda l-bejgħ dirett u/jew il-kunsinni u li dan il-bejgħ dirett u/jew dawn il-kunsinni laħqu matul l-aħħar tnax-il xahar livell ugwali jew superjuri għal 80% tal-kwantità ta' referenza provviżorja, il-kwantità ta' referenza speċifika għandha tiġi definittivament mogħtija lilu. Fil-każ kuntrarju, il-kwantità ta' referenza provviżorja għandha tirritorna kollha kemm hi fir-riżerva Komunitarja […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      B'applikazzjoni tar-Regolament Nru 764/89, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1033/89 ta’ l-20 ta’ April 1989, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1546/88, dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 110, 1989, p. 27), daħħal f'dan ir-Regolament ta' l-aħħar Artikolu 3a, li l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) tiegħu jaqra kif ġej:

"It-talba [għal kwantità ta’ referenza speċifika] prevista fl-Artikolu 3a(1) tar-Regolament […] Nru 857/84 għandha tiġi ppreżentata mill-produttur ikkonċernat lill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istat Membru, skond il-proċeduri stabbiliti minn dan ta' l-aħħar, u bil-kundizzjoni li l-produttur ikun jista’ jipprova li għadu jopera, kollha kemm hi jew in parti, l-istess impriża li kien jopera fil-mument ta’ l-approvazzjoni, prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1391/78, tat-talba tiegħu għall-ħruġ ta’ premium." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Il-produtturi li kienu daħlu għal impenji ta' non kummerċjalizzazzjoni jew ta' konverżjoni u li, skond ir-Regolament Nru 764/89, irċevew kwantità ta' referenza msejħa "speċifika" jissejħu l-"produtturi SLOM I".

13      Permezz tas-sentenza tal-11 ta' Diċembru 1990, Spagl (C‑189/89, Ġabra p. I‑4539), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 764/89, safejn dan kien jeskludi mill-allokazzjoni ta' kwantità ta' referenza speċifika skond din id-dispożizzjoni l-produtturi li l-perijodu ta' non kummerċjalizzazzjoni jew ta' konverżjoni tagħhom, in eżekuzzjoni ta' impenn assunt skond ir-Regolament Nru 1078/77, kien skada qabel il-31 ta' Diċembru jew, skond il-każ, qabel it-30 ta' Settembru 1983.

14      Wara s-sentenza Spagl, iċċitata fil-punt 13 iktar 'il fuq, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 1639/91, tat-13 ta' Ġunju 1991, li jemenda r-Regolament Nru 857/84 (ĠU L 150, p. 35), li, billi neħħa l-kundizzjonijiet iddikjarati invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja, ippermetta l-allokazzjoni ta' kwantità ta' referenza speċifika lill-produtturi kkonċernati. Dawn huma komunement imsejħa l-"produtturi SLOM II".

15      Permezz ta' sentenza interlokutorja tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90, Ġabra, p. I-3061, iktar ’il quddiem is-"sentenza Mulder II"), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-Komunità Ekonomika Ewropea responsabbli għad-danni subiti minn ċerti produtturi tal-ħalib li kienu daħlu għal impenji skond ir-Regolament Nru 1078/77 u li sussegwentement ma kinux tħallew jikkummerċjalizzaw il-ħalib minħabba l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84. Fir-rigward ta' l-ammonti li kellhom jitħallsu, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet sabiex jistabbilixxuhom permezz ta' ftehim.

16      Wara din is-sentenza, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppubblikaw fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta' Awwissu 1992 il-komunikazzjoni 92/C 198/04 (ĠU C 198, p. 4). Wara li fiha fakkru l-implikazzjonijiet tas-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq, l-istituzzjonijiet esprimew l-intenzjoni tagħhom li jiddefinixxu l-proċeduri prattiċi ta' kumpens għall-produtturi kkonċernati, sabiex jagħtu effett sħiħ lil din is-sentenza.

17      Sa l-adozzjoni ta' dawn il-proċeduri, l-istituzzjonijiet kienu impenjaw ruħhom li jirrinunzjaw li jqajmu l-preskrizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' kull produttur li jissodisfa l-kundizzjonijiet li joħorġu mis-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq. Madankollu, l-impenn in kwistjoni kien suġġett għall-kundizzjoni li d-dritt għal kumpens ma jkunx għadu ġie preskritt fid-data tal-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-5 ta' Awwissu 1992 jew fid-data li fiha l-produttur kien indirizza ruħu lil waħda mill-istituzzjonijiet.

18      Permezz tas-sentenza tas-27 ta' Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I‑203, iktar 'il quddiem is-"sentenza Mulder III"), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-ammont tal-kumpens mitlub mir-rikorrenti fil-kawżi previsti fis-senteza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq.

19      Permezz tas-sentenzi tal-31 ta' Jannar 2001, Bouma vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑533/93, Ġabra p. II‑203, iktar 'il quddiem is-'sentenza Bouma"), u Beusmans vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑73/94, Ġabra p. II-223, iktar 'il quddiem is-"sentenza Beusmans"), il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikorsi għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità mressqa skond l-Artikolu 235 KE u tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 288 KE ta' żewġ produtturi tal-ħalib fl-Olanda li kienu daħlu, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1078/77, għal impenji ta' non kummerċjalizzazzjoni li skadew fl-1983.

20      Fil-punt 45 tas-sentenza Bouma (punt 44 tas-sentenza Beusmans), iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeduċiet mis-sentenza Spagl, iċċitata fil-punt 13 iktar 'il fuq, li l-produtturi, li l-impenn tagħhom kien intemm fl-1983, setgħu biss jibbażaw utilment ir-rikorsi tagħhom għal dannu fuq il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jekk huma juru li r-raġunijiet li għalihom huma ma kinux reġgħu bdew il-produzzjoni tal-ħalib matul is-sena ta' referenza kienu marbutin mal-fatt li huma kienu waqqfu din il-produzzjoni għal ċertu żmien u li kien impossibbli għalihom, minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni ta' din il-produzzjoni, li jerġgħu jibdewha immedjatament.

21      Fil-punt 46 tas-sentenza Bouma (punt 45 tas-sentenza Beusmans), iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet għas-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq, billi kkonstatat dan li ġej:

"Minbarra dan, jirriżulta, mis-sentenza Mulder II, aktar preċiżament mill-punt 23, li r-responsabbiltà tal-Komunità hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-produtturi jkunu wrew b'mod ċar u manifest l-intenzjoni tagħhom li jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni. Fil-fatt, sabiex l-illegalità li wasslet għad-dikjarazzjoni ta' invalidità tar-Regolamenti li tat lok għas-sitwazzjoni tal-produtturi SLOM tista' tagħti dritt għal kumpens għall-benefiċċju ta' dawn ta' l-aħħar, dawn iridu ma jkunux tħallew jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib. Dan ifisser li l-produtturi li l-impenn tagħhom intemm qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 857/84 reġgħu bdew din il-produzzjoni jew, għall-anqas, ħadu miżuri għal dan l-iskop, bħar-realizzazzjoni ta' investimenti jew ta' tiswijiet, jew il-manutenzjoni tat-tagħmir neċessarju għal din il-produzzjoni (ara, fuq dan is-suġġett, […] il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Van Gerven qabel is-sentenza Mulder II, Ġabra p. I‑3094, punt 30)."

22      Fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet il-konstatazzjoni li ġejja, fil-punt 48 tas-sentenza Bouma (punt 47 tas-sentenza Beusmans), iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq:

"Fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent ma reġax beda l-produzzjoni tal-ħalib bejn id-data ta' skadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni […] u dik tad-dħul fis-seħħ tas-sistema tal-kwoti, fl-1 ta' April 1984, huwa jrid jipprova, sabiex it-talba tiegħu għal kumpens tista' tkun fondata, li huwa kellu l-intenzjoni li jerġa' jibda din il-produzzjoni ma' l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni u li huwa sab ruħu fl-impossibbiltà li jagħmel dan minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 857/84."

23      Permezz tas-sentenza tad-29 ta' April 2004, Bouma u Beusmans vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑162/01 P u C‑163/01 P, Ġabra p. I‑4509, iktar 'il quddiem is-"sentenza Bouma u Beusmans"), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli magħmula kontra s-sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq.

24      Fil-punti 62 u 63 tas-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

"62      Il-Qorti tal-Prim'Istanza limitat ruħha li tiddeduċi mis-sentenza Spagl, fil-punt 45 tas-sentenza Bouma (punt 44 tas-sentenza Beusmans), li l-produtturi li l-impenn tagħhom [kien] intemm fl-1983 [kellhom] juru li r-raġunijiet li għalihom huma ma [kinux] reġgħu bdew il-produzzjoni tal-ħalib matul is-sena ta' referenza [kienu] marbutin mal-fatt li huma [kienu] waqqfu din il-produzzjoni għal ċertu żmien u li kien impossibbli għalihom, minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni ta' din il-produzzjoni, li jerġgħu jibdewha immedjatament.

63      Din l-interpretazzjoni tas-sentenza Spagl mhijiex ivvizzjata bi żball."

25      Fil-punt 72 tas-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat dan li ġej:

"[…] il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex is-Sinjuri Bouma u Beusmans ikunu jistgħu jitolbu kumpens fil-kwalità tagħhom ta' produtturi SLOM 1983 jistgħu joħorġu biss mill-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lir-regoli f'dan il-qasam. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1639/91 jemenda l-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 764/89, dwar l-għoti ta' kwantità ta' referenza speċifika, imma ma jiddeterminax il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex produttur SLOM 1983 ikun jista' jitlob kumpens. Il-kumpens skond ir-Regolament Nru 2187/93 jibqa' awtonomu, billi s-sistema stabbilita minnu tikkostitwixxi alternattiva għar-riżoluzzjoni ġudizzjarja tal-kwistjoni u tipprovdi mezz addizzjonali sabiex jinkiseb kumpens (sentenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tad-9 ta' Ottubru 2001, Flemmer et, C‑80/99 sa C‑82/99, Ġabra p. I‑7211, punt 47)".

26      Fil-punti 89 u 90 tas-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet hekk:

"89      Bid-differenza ta' l-allegazzjoni tas-Sinjuri Bouma u Beusmans, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet, fil-punt 46 tas-sentenza Bouma (punt 45 tas-sentenza Beusmans), tasal għal konklużjoni ġenerali li r-responsabbiltà tal-Komunità hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-produtturi jkunu mmanifestaw b'mod ċar l-intenzjoni tagħhom li jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni.

90      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet teżiġi, fil-punt 46 tas-sentenza Bouma (punt 45 tas-sentenza Beusmans), li produttur SLOM 1983 jimmanifesta, ma' l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu skond ir-Regolament Nru 1078/77, l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jibda l-produzzjoni tal-ħalib jew billi jerġa' jibda jipproduċi[, jew], għall-anqas, bħal fil-każ tal-produtturi SLOM I, billi jieħu miżuri għal dan il-għan, bħar-realizzazzjoni ta' investimenti jew ta' tiswijiet, jew il-manutenzjoni tat-tagħmir neċessarju għal din il-produzzjoni."

27      Fil-punti 100 u 101 tas-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej:

"100      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tagħha, li t-tqassim ta' l-oneru tal-prova magħmul mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenzi kkontestati hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li huwa l-obbligu tar-rikorrent li juri li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet differenti ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Peress li din ir-responsabbiltà tista' tiġi stabbilita biss jekk produttur jipprova l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jibda l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib jew billi jerġa' jibda l-produzzjoni wara l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni, jew permezz ta' manifestazzjonijiet oħra ta' din ir-rieda, huwa l-obbligu tal-persuna li titlob kumpens li tipprova r-realtà ta' l-intenzjoni tagħha.

101      Fir-rigward ta' l-ilment li s-Sinjuri Bouma u Beusmans ma setgħux jippreżumu l-konsegwenzi li seta' jkollu n-nuqqas li jerġgħu jibdew il-produzzjoni qabel l-1 ta' April 1984, għandu jiġi rrilevat li huma kellhom jistennew, bħal kull operatur li jixtieq jibda l-produzzjoni tal-ħalib, [li] jiġu suġġetti għal regoli dwar il-politika tas-swieq li jkunu ġew adottati fil-frattemp. Għaldaqstant, huma ma setgħux leġittimament jistennew li jkunu jistgħu jerġgħu jibdew il-produzzjoni fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jipprevalu qabel (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Mulder I, punt 23)."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

28      Ir-rikorrent, produttur tal-ħalib fl-Olanda, daħal, fl-24 ta' Mejju 1980, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1078/77, għal impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni li skada fl-24 ta' Mejju 1985.

29      Wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 764/89, ir-rikorrent ippreżenta lill-awtoritajiet Olandiżi, fit-2 ta' Ġunju 1989, applikazzjoni għall-għoti ta' kwantità ta' referenza speċifika, li fiha huwa ddikjara "li huwa seta' effettivament jipproduċi fl-impriża tiegħu l-kwantità ta' referenza speċifika allokata".

30      Permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Lulju 1989, ir-rikorrent ingħatatlu kwantità ta' referenza speċifika provviżorja.

31      Permezz ta' deċiżjoni tal-31 ta' Ottubru 1990, ingħatat lir-rikorrent kwantità ta' referenza definittiva li sussegwentement itteħditlu lura permezz ta' deċiżjoni tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura, tan-Natura u tas-Sajd Olandiż tal-11 ta' Ottubru 1991, wara investigazzjoni li minnha rriżulta li huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għal allokazzjoni definittiva, fid-dawl tal-fatt li huwa ma pproduċiex il-ħalib previst mill-Beschikking Superheffing SLOM-deelnemers (leġiżlazzjoni relattiva għall-imposta addizzjonali li titħallas mill-parteċipanti fis-sistema SLOM) fl-impriża SLOM inizjali.

32      Barra minn hekk, mart ir-rikorrent kienet tiġġestixxi produzzjoni tal-ħalib fl-impriża SLOM inizjali.

33      Ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura, tan-Natura u tas-Sajd. Billi dan ir-rikors ġie miċħud, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-College van Beroep voor het Bedrijfsleven (il-Qorti Amministrattiva Kummerċjali ta' l-Olanda), li huwa wkoll ġie miċħud b'deċiżjoni tas-16 ta' Jannar 1997.

 Proċedura

34      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Novembru 1994, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Ir-rikors ġie irreġistrat taħt in-numru tal-kawża T-373/94.

35      Permezz ta' digriet ta' l-Ewwel Awla Estiża ta' l-24 ta' Jannar 1995, il-Qorti tal-Prim'Istanza ssospendiet il-proċeduri f'din il-kawża sakemm tingħata s-sentenza Mulder III, iċċitata fil-punt 18 iktar 'il fuq.

36      Permezz ta' digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla Estiża ta' l-24 ta' Frar 1995, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tgħaqqad il-kawżi T‑372/94 u T‑373/94 mal-kawżi magħquda T‑530/93 sa T‑533/93, T‑1/94 sa T‑4/94, T‑11/94, T‑53/94, T‑71/94, T‑73/94 sa T‑76/94, T‑86/94, T‑87/94, T‑91/94, T‑94/94, T‑96/94, T‑101/94 sa T‑106/94, T‑118/94 sa T‑124/94, T‑130/94 u T‑253/94.

37      Fit-30 ta' Settembru 1998 saret laqgħa informali quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li fiha pparteċipaw ir-rappreżentanti tal-partijiet. Matul din il-laqgħa, il-partijiet kellhom l-okkażjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-klassifikazzjoni analitika, magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, tal-kawżi relattivi għall-produtturi SLOM, li kienet tinkludi l-kategorija "D", li tikkonċerna l-produtturi SLOM li m'akkwistawx kwantità ta' referenza definittiva jew li tali kwantità ta' referenza ttiħditilhom lura u li lilhom, konsegwentament, ma saret l-ebda offerta ta' kumpens skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2187/93, tat-22 ta’ Lulju 1993, li jipprovdi għal offerta ta' kumpens lil ċerti produtturi ta' ħalib jew ta' prodotti tal-ħalib li temporanjament ma tħallewx iwettqu l-attività tagħhom (ĠU L 196, 1993, p. 6).

38      Fis-17 ta' Jannar 2002, saret it-tieni laqgħa informali quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li fiha pparteċipaw ir-rappreżentanti tal-partijiet. Sar ftehim bejn il-partijiet dwar l-għażla ta' kawża bi prova fi ħdan il-kategorija III tal-produtturi SLOM u l-Qorti tal-Prim'Istanza ordnat is-sospensjoni tal-kawżi l-oħra li jirrigwardaw din l-istess kategorija sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża bi prova li kellha tintgħażel.

39      Permezz ta' digriet tal-President tat-Tieni Awla Estiża tas-27 ta' Ġunju 2002, il-Qorti tal-Prim'Istanza ordnat it-tneħħija tal-kawża T-2/94 mil-lista tal-kawżi magħquda msemmija fil-punt 36 ta' din is-sentenza.

40      Permezz ta' ittra tal-25 ta' Lulju 2002 mibgħuta lill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproponew li terġa' tinfetaħ il-proċedura fil-kawża T-373/94 bħala l-kawża bi prova għall-kategorija III tal-produtturi SLOM. Ir-rikorrent ma ressaqx osservazzjonijiet f'dan ir-rigward.

41      Permezz ta' digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla Estiża tat-2 ta' Diċembru 2002, il-Qorti tal-Prim'Istanza ordnat li l-kawża T‑373/94 tinfired mill-kawżi magħquda msemmija fil-punt 36 ta' din is-sentenza u li l-proċeduri fil-kawża T‑373/94 jitkomplew.

42      Fil-5 ta' Frar 2003, ir-rikorrent ippreżenta, fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza, rikors aġġornat intiż sabiex jissostitwixxi r-rikors inizjali.

43      Permezz ta' deċiżjoni tal-konferenza plenarja tat-2 ta' Lulju 2003, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tirrinvija din il-kawża lil Awla komposta minn tliet Imħallfin, f'dan il-każ l-Ewwel Awla.

44      Peress li l-kompożizzjoni ta’ l-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet fil-bidu tas-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-Awla.

45      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tipproċedi għal miżuri istruttorji preliminari.

46      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta li nżammet fis-6 ta' April 2006.

47      L-avukat tar-rikorrent talab, waqt il-proċedura orali, li l-Qorti tal-Prim'Istanza torganizza laqgħa informali f'din il-kawża kif ukoll fil-kawżi l-oħra ppatroċinati minnu sabiex tiddetermina l-kawżi li fihom l-intenzjoni li terġa' tinbeda l-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni kienet ippruvata. Il-Kummissjoni opponiet għal din it-talba minħabba li l-għan ta' din il-kawża, li hija kawża bi prova, kien li jiġi riżolt punt ta' liġi konkret u li l-provi neċessarji f'kull kawża kellhom jitressqu lill-Qorti tal-Prim'Istanza skond il-proċedura normali.

48      Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, waqt il-proċedura orali, li tirriżerva d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta' din it-talba għall-organizzazzjoni ta' laqgħa informali u għall-ftuħ mill-ġdid, jekk ikun neċessarju, tal-proċedura orali. Fir-rigward tal-kawżi l-oħra li huma ppatroċinati mill-avukat tar-rikorrent, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li deċiżjoni ser tittieħed fil-kuntest ta' dawn il-kawżi.

49      Ir-rikorrent sostna wkoll, waqt il-proċedura orali, li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ottubru 2004, van den Berg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑164/01 P, Ġabra p. I‑10225), it-talba tiegħu għal kumpens ma kinitx totalment preskritta. Fuq talba tal-Kunsill, il-Qorti tal-Prim'Istanza tat lil dan ta' l-aħħar terminu ta' tliet ġimgħat sabiex tippermettilu jiddefinixxi l-pożizzjoni tiegħu u jiddikjara jekk kienx beħsiebu jirtira l-motiv tiegħu rigward il-preskrizzjoni kompleta tat-talba. Il-Kummissjoni indikat li hija taqbel ma' l-opinjoni tal-Kunsill. Il-konvenuti affermaw li t-talba kienet parzjalment preskritta.

50      Permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Mejju 2006, il-Kunsill wieġeb li huwa kien qed jirrinunzja għall-eċċezzjoni tal-preskirzzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għall-perijodu bejn il-25 ta' Settembru 1988 u d-29 ta' Marzu 1989.

51      Permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 2006, il-President tal-Ħames Awla Estiża ddeċieda li jdaħħal dan id-dokument fil-proċess u li jagħlaq il-proċedura orali.

 It-talbiet tal-partijiet

52      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tordna lill-Komunità tħallas l-ammont ta' EUR 5 908.52, flimkien ma' l-interessi bir-rata ta' 8% fis-sena mid-19 ta' Mejju 1992 sal-ġurnata tal-ħlas;

–        tordna lill-Komunità tbati l-ispejjeż.

53      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

54      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Id-dritt

55      Ir-rikorrent jallega li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità huma sodisfatti u li ma tistax tintlaqa' l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni parzjali tat-talba tiegħu mqajma mill-Kunsill.

56      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, f'dan il-każ, l-eżami tal-kwistjoni tal-preskrizzjoni jeħtieġ li l-ewwel jiġi determinat jekk tistax tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 215 tat-Trattat KE (li sar it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 288 KE) u, fl-affermattiv, sa liema data (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 28; Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 27, u tas-7 ta' Frar 2002, Gosch vs Il-Kummissjoni, T‑199/94, Ġabra p. II‑391, punt 40).

 L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrent jikkontesta l-pożizzjoni tal-konvenuti li skondha l-produtturi SLOM I li, bħalu, ittiħditilhom lura l-kwota tagħhom jistgħu jitolbu kumpens għall-perijodu sa l-1 ta' April 1989 jekk huma juru li huma kienu ħadu miżuri konkreti ma' l-iskadenza ta' l-impenn SLOM tagħhom sabiex jerġgħu jibdew il-produzzjoni.

58      Ir-rikorrent jikkunsidra li tali eżiġenza ta' prova mhijiex valida, minħabba li, minn naħa, hija bl-ebda mod m'hija ġġustifikata mill-fatti li jikkonċernaw il-produtturi SLOM I u, min-naħa l-oħra, hija tammonta għal diskriminazzjoni illegali kontra l-produtturi SLOM I li ttiħditilhom lura l-kwota tagħhom meta mqabbla mal-produtturi SLOM I li bbenefikaw minn kwota definittiva.

59      Huwa jikkonstata li l-eżiġenza li jippretendu l-konvenuti hija bbażata fuq l-argument żviluppat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, iżda jikkunsidra li din l-eżiġenza ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tal-produtturi SLOM I, billi r-raġuni li għaliha l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, f'dawn is-sentenzi, li l-produtturi in kwistjoni kellhom jippruvaw l-intenzjoni tagħhom li jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn SLOM kienet relatata mal-fatt li l-impenn SLOM skada matul is-sena ta' referenza, jiġifieri l-1983.

60      Skond ir-rikorrent, il-produtturi SLOM li, bħalu, kienu daħlu għal impenji ta' non kummerċjalizzazzjoni li kienu jiskadu wara t-tmiem tas-sena ta' referenza kienu jinsabu f'sitwazzjoni fundamentalment differenti minn dik ta' produtturi SLOM II, bħalma huma r-rikorrenti fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq. Għalhekk, peress li, sa l-aħħar tas-sena ta' referenza, jiġifieri l-1983, kien għad baqa' 17-il xahar qabel l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni, mhuwiex raġjonevoli li jintalab min-naħa tiegħu li huwa jipprova, għall-finijiet li tiġi stabbilta r-responsabbiltà tal-Komunità, li huwa kien ħa miżuri konkreti matul is-sena ta' referenza sabiex jerġa' jibda l-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni.

61      Ir-rikorrent iżid li, mill-1 ta' April 1984, il-produtturi SLOM kollha kienu jafu li huma kienu esklużi mis-sistema tal-kwoti u li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, kien ikun irraġonevoli li jsiru investimenti bil-għan li terġa' tinbeda l-produzzjoni tal-ħalib meta kien ċar li din il-produzzjoni tal-ħalib ma setgħatx terga' tinbeda. Dan japplika wkoll għal dak li jirrigwarda l-eżiġenza ta' prova fir-rigward ta' talba għall-għoti ta' kwantità ta' referenza ma' l-iskadenza ta' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni, f'dan il-każ fl-1985, peress li kien stabbilit li talba bħal din kienet tiġi purament u sempliċement miċħuda, bħal fil-każ ta' dawk imressqa minn produtturi SLOM. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti indikaw lill-produtturi SLOM fl-1985 li ma kien hemm l-ebda prospett realistiku, għal dawk fosthom li kienu jinsabu fis-sitwazzjoni tar-rikorrent, li tiġi attribwita lilhom kwantità ta' referenza.

62      Għalhekk ir-rikorrent jikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, l-eżiġenza ta' prova li produttur SLOM I ħa miżuri konkreti bil-għan li jerġa' jibda l-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni la qatt ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mill-konvenuti.

63      F'dan ir-rigward, ir-rikorrent jiċċita s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Frar 2002, Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑187/94, Ġabra p. II‑367), li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 47, li r-rikorrenti kkonċernata f'din il-kawża, li l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni tagħha kien skada fil-31 ta' Marzu 1985, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, ma kinitx obbligata tipprova, sabiex tiġġustifika d-dritt tagħha għal kumpens, li hija kellha l-intenzjoni li terġa' tibda l-produzzjoni tal-ħalib wara l-iskadenza ta' l-impenn tagħha, billi, mad-dħul fis-seħħ ta' din is-sistema, il-manifestazzjoni ta' tali intenzjoni fil-prattika kienet saret impossibbli.

64      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità mhumiex sodisfatti f'dan il-każ, b'mod li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

65      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet, prevista fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 215, tat-Trattat KE, tista' tiġi stabbilita biss jekk jiġu sodisfatti numru ta' kundizzjonijiet, f'dak li jirrigwarda l-illegalità ta' l-imġieba allegata, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-imġiba illegali u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' April 1971, Lütticke vs Il-Kummissjoni, 4/69, Ġabra p. 325, punt 10, u tas-17 ta' Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, Ġabra p. 3211, punt 18; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T‑481/93 et T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punt 80; Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 39, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 38, ikkonfermati mis-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, punt 43, u s-sentenza Gosch vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 56 iktar 'il fuq, punt 41).

66      Rigward is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-ħalib li daħlu għal impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni, ir-responsabbiltà tal-Komunità hija stabbilita fir-rigward ta' kull produttur li sofra dannu minħabba li ma tħalliex jikkunsinna l-ħalib b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84 (sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq, punt 22). Din ir-responsabbiltà hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi (sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 40, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 39, ikkonfermati mis-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, punti 45 sa 47, u s-sentenza Gosch vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 56 iktar 'il fuq, punt 42).

67      Madankollu, dan il-prinċipju jista' jiġi invokat kontra att leġiżlattiv Komunitarju biss fil-każ fejn il-Komunità stess tkun preċedentement ħolqot sitwazzjoni li tista' toħloq aspettattivi leġittimi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Jannar 1992, Kühn, C‑177/90, Ġabra p. I‑35, punt 14; sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 41, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 40, ikkonfermati mis-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, punti 45 sa 47, u s-sentenza Gosch vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 56 iktar 'il fuq, punt 43).

68      Għaldaqstant, operatur li ġie mħeġġeġ, permezz ta' att tal-Komunità, li jissospendi l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib, għal perijodu limitat, fl-interess ġenerali u għall-ħlas ta' premium, jista' leġittimament jistenna li ma jkunx suġġett, fit-tmiem ta' l-impenn tiegħu, għal restrizzjonijiet li jaffettwawh b'mod speċifiku, preċiżament minħabba l-fatt li huwa kien għamel użu tal-possibbiltajiet offerti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja (sentenzi Mulder I, iċċitata fil-punt 6 iktar 'il fuq, punt 24, u von Deetzen, iċċitata fil-punt 6 iktar 'il fuq, punt 13). Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ma jipprekludix li, taħt sistema bħal dik ta' l-imposta addizzjonali, jiġu imposti xi restrizzjonijiet fuq produttur, minħabba l-fatt li ma kkummerċjalizzax il-ħalib, jew li kkummerċjalizza biss kwantità mnaqqsa, matul perijodu determinat qabel id-dħul fis-seħħ ta' din is-sistema, wara deċiżjoni li huwa ħa liberament, mingħajr ma ġie mħeġġeġ jagħmel hekk minn att Komunitarju (sentenzi Kühn, iċċitata fil-punt 67 iktar 'il fuq, punt 15; Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 42, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 41, ikkonfermati mis-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, punti 45 sa 47, u s-sentenza Gosch vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 56 iktar 'il fuq, punt 44).

69      Minbarra dan, jirriżulta mis-sentenza Spagl, iċċitata fil-punt 13 iktar 'il fuq, li l-Komunità ma tistax, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, teskludi awtomatikament mill-għoti tal-kwoti l-produtturi kollha li l-impenji tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni jew ta' konverżjoni ntemmu fl-1983, b'mod partikolari dawk li, bħal fil-każ tas-Sur Spagl, ma setgħux jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib minħabba raġunijiet li kienu marbuta ma' l-impenn tagħhom (sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 43, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 42, ikkonfermati mis-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, punt 53, u s-sentenza Gosch vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 56 iktar 'il fuq, punt 45). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hekk, fil-punt 13 ta' din is-sentenza:

"[I]l-leġiżlatur Komunitarju seta' validament jistabbilixxi terminu għall-iskadenza tal-perijodu ta' non kummerċjalizzazzjoni jew ta' rikonverżjoni tal-persuni kkonċernati, intiż sabiex jiġu esklużi mill-benefiċċju [tad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta' kwantità ta' referenza speċifika] dawk il-produtturi li ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta' referenza in kwistjoni kollha jew parti minnha minħabba raġunijiet li m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni jew ta' konverżjoni. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju [ta' protezzjoni] ta' l-aspettattivi leġittimi, kif interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq, jipprekludi li terminu ta' dan it-tip jiġi stabbilit f'kundizzjonijiet tali li huwa jkollu bħala effett li jeskludi wkoll mill-benefiċċju [ta' dawn id-dispożizzjonijiet] produtturi li l-fatt li ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta' referenza kollha jew parti minnha huwa l-konsegwenza ta' l-eżekuzzjoni ta' impenn assunt skond ir-Regolament Nru 1078/77."

70      Huwa għaldaqstant raġjonevoli li jiġi dedott minn din is-sentenza li l-produtturi li l-impenn tagħhom intemm fl-1983 jistgħu jibbażaw utilment ir-rikors tagħhom għal kumpens fuq il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi biss jekk huma juru li r-raġunijiet li għalihom huma ma reġgħux bdew il-produzzjoni tal-ħalib matul is-sena ta' referenza huma marbuta mal-fatt li huma kienu waqqfu din il-produzzjoni għal ċertu żmien u li kien impossibbli għalihom, minħabba motivi ta' organizzazzjoni ta' din il-produzzjoni, li jerġgħu jibdewha immedjatament (sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 45, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 44, ikkonfermati mis-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, punti 62 u 63, u s-sentenza Gosch vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 56 iktar 'il fuq, punt 47).

71      Minbarra dan, jirriżulta mis-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq (punt 23), li r-responsabbiltà tal-Komunità hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-produtturi li daħlu għal impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni jkunu mmanifestaw b'mod ċar l-intenzjoni tagħhom li jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' dan l-impenn. Fil-fatt, skond is-sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq (punt 46) u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq (punt 45), sabiex l-illegalità li wasslet għad-dikjarazzjoni ta' invalidità tar-regolamenti li taw lok għas-sitwazzjoni tal-produtturi SLOM tkun tista' tagħti dritt għal kumpens għall-benefiċċju ta' dawn ta' l-aħħar, dawn iridu ma jkunux tħallew jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib minħabba d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali.

72      Jekk produttur ma jkunx wera din l-intenzjoni, huwa ma jistax jippretendi li kellu aspettattivi leġittimi fil-possibbiltà li jerġa' jibda l-produzzjoni tal-ħalib fi kwalunkwe mument fil-futur. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-pożizzjoni tiegħu mhijiex differenti minn dik ta' l-operaturi ekonomiċi li ma kinux jipproduċu l-ħalib u li, wara l-introduzzjoni fl-1984 tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, ma tħallewx jibdew tali produzzjoni. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-qasam ta' l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq, li l-għan tagħhom jinvolvi aġġustamenti kostanti skond il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika, l-operaturi ekonomiċi mhumiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fil-fatt li huma mhumiex ser ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet li jirriżultaw minn eventwali regoli tal-politika tas-swieq jew tal-politika strutturali (ara s-sentenzi Bouma, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 47, u Beusmans, iċċitata fil-punt 19 iktar 'il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata mis-sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, punti 99 sa 102, u s-sentenza Gosch vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 56 iktar 'il fuq, punt 49).

73      Fir-rigward tal-produtturi li l-impenn tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni ntemm wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-azzjonijiet meħuda mill-produtturi in kwistjoni fil-kawża Mulder II u li għalihom issir referenza fl-ewwel sentenza tal-punt 23 tas-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq, jiġifieri t-talba, qabel l-iskadenza ta' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni, sabiex jiġu allokati kwantità ta' referenza speċifika taħt l-imposta addizzjonali u sabiex jerġgħu jibdew il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib l-aktar tard immedjatament wara li jkunu akkwistaw kwantità ta' referenza speċifika skond ir-Regolament Nru 764/89, li dawn il-produtturi kienu mmanifestaw b'mod xieraq l-intenzjoni tagħhom li jerġgħu jibdew l-attività ta' produttur tal-ħalib. Minn dan hija kkonkludiet li t-telf tad-dħul mill-kunsinni tal-ħalib ma setax jiġi kkunsidrat bħala l-konsegwenza ta' abbandun tal-produzzjoni tal-ħalib deċiż liberament mir-rikorrenti (sentenza Bouma u Beusmans, iċċitata fil-punt 23 iktar 'il fuq, punt 88).

74      F'dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrent daħal għal impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni li skada fl-24 ta' Mejju 1985, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali.

75      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rikorrent ma talabx, bħal fil-każ tal-produtturi in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq, li l-impenn tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni kien jiskadi wkoll wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali, li jiġi allokat kwantità ta' referenza skond din is-sistema qabel l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent lanqas m'għamel tali talba immedjatament wara t-tmiem tal-perijodu kopert minn dan l-impenn.

76      Fit-tieni lok, huwa wkoll paċifiku li r-rikorrent, kuntrarjament għall-produtturi in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq, ma reġax beda l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib immedjatament wara li akkwista kwantità ta' referenza speċifika skond ir-Regolament Nru 764/89 fl-impriża SLOM inizjali.

77      Ċertament, mill-proċess jirriżulta, l-ewwel nett, li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 764/89, ir-rikorrent talab li jiġi allokat kwantità ta' referenza speċifika li ngħatatlu fil-21 ta' Lulju 1989. Il-kwantità ta' referenza definittiva, li ngħatatlu fil-31 ta' Ottubru 1990, madankollu ttiħditlu lura b'deċiżjoni tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura, tan-Natura u tas-Sajd tal-11 ta' Ottubru 1991, minħabba "li minn investigazzjoni li saret mis-servizz ta' spezzjoni ġenerali ta' l-[imsemmi] Ministeru rriżulta li [ir-rikorrent] ma [kienx jissodisfa] l-kundizzjonijiet għal din l-allokazzjoni definittiva", peress li huwa ma pproduċiex "fl-impriża SLOM inizjali [tiegħu] il-ħalib previst mill-Beschikking Superheffing SLOM-deelnemers".

78      It-tieni nett, l-appell ippreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het Bedrijfsleven ġie miċħud b'sentenza tas-16 ta' Jannar 1997, għar-raġuni, b'mod partikolari, li "[l-]unitajiet ta' produzzjoni ta' l-impriża SLOM inizjali ma [kinux] […] involuti fil-produzzjoni mill-ġdid tal-ħalib b'mod li [ma setax jiġi] kkunsidrat li r-rikorrent [reġa'] beda l-imsemmija produzzjoni mill-impriża SLOM inizjali".

79      Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mis-sentenza tas-16 ta' Jannar 1997 tal-College van Beroep voor het Bedrijfsleven li "[i]d-deċiżjoni li ħa r-rikorrent li ma jirritornax biex juża l-impriża SLOM inizjali sabiex jipproduċi l-kwantità li tikkorrispondi għall-kwota SLOM provviżorjament allokata, u dan minħabba li martu kienet tiġġestixxi produzzjoni tal-ħalib f'din l-impriża SLOM, għandha tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ta' ġestjoni li l-konsegwenzi tagħha għandhom jiġu sostnuti mir-rikorrent".

80      Kif enfasizza l-Kunsill, il-produzzjoni ma setgħatx terġa' tibda fl-impriża SLOM inizjali peress li din ta' l-aħħar kienet qed tintuża minn mart ir-rikorrent għall-finijiet tal-produzzjoni tal-ħalib, billi r-rikorrent iddeċieda li juża l-imsemmija impriża għal skop ġdid.

81      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat mir-Regolament Nru 764/89, u ta' l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1546/88, tat-3 ta' Ġunju 1988 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 (ĠU L 139, p. 12), kif emendat mir-Regolament Nru 1033/89, relattivi għall-kundizzjonijiet għall-allokazzjoni ta' kwantità ta' referenza speċifika, li l-produzzjoni tal-ħalib għandha ssir mill-impriża SLOM inizjali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Diċembru 1992, O’Brien, C‑86/90, Ġabra p. I‑6251, punti 11 u 12; tas-27 ta' Jannar 1994, Herbrink, C‑98/91, Ġabra p. I‑223, punti 12 u 13, u van den Berg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 49 iktar 'il fuq, punt 71).

82      Kif irrileva ġustament il-Kunsill, filwaqt li l-Komunità, wara s-sentenza Mulder I, iċċitata fil-punt 6 iktar 'il fuq, adottat regolamenti ġodda li jippermettu l-għoti ta' kwantità ta' referenza lill-produtturi SLOM, hija kienet obbligata tillimita dan l-għoti għal dawk li setgħu realment jippretenduh, jiġifieri dawk li effettivament kellhom l-intenzjoni li jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni, u teskludi minn dan l-għoti lil dawk li ma kellhomx din l-intenzjoni u li għalhekk kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-bdiewa l-oħra li ma pproduċewx ħalib matul is-sena ta' referenza u li għalhekk ma setgħux jakkwistaw kwantità ta' referenza meta ddaħħlet is-sistema ta' l-imposta addizzjonali.

83      F'dan is-sens, it-tieni premessa tar-Regolament Nru 764/89 tispeċifika li "madankollu, dawn il-produtturi jistgħu jippretendu tali allokazzjonijiet biss jekk huma jissodisfaw ċerti kriterji ta' eliġibbiltà u b'hekk jistabbilixxu l-intenzjoni tagħhom u l-possibbiltajiet reali tagħhom li jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib u l-impossibbiltà li fiha sabu ruħhom li jakkwistaw l-allokazzjoni ta' kwantità ta' referenza bis-saħħa ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament […] Nru 857/84" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

84      Fid-dawl ta' l-elementi msemmija fil-punti 74 sa 83 ta' din is-sentenza eżaminati fid-dawl tas-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq, għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat li, safejn il-kwantità ta' referenza definittiva li r-rikorrent kien akkwista ttiħditlu lura, minħabba, preċiżament, li huwa ma ssodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 857/84, kif emendat mir-Regolament Nru 764/89, sabiex ikollu dritt għal tali kwantità ta' referenza, u b'mod partikolari minħabba li huwa ma pproduċiex il-ħalib fl-impriża SLOM inizjali, in-non kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib wara l-iskadenza ta' l-impenn li għalih huwa daħal mhijiex, fin-nuqqas tar-rikorrent li jressaq il-prova ta' l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jibda l-produzzjoni tal-ħalib, imputabbli għad-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali.

85      Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie kkonstatat mill-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu qabel is-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 15 iktar 'il fuq, il-Komunità tista' tippreżumi, fir-rigward tal-produtturi tal-ħalib li l-impenn tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni ntemm wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali u li talbu kwantità ta' referenza speċifika fil-kuntest tar-Regolament Nru 764/89, iżda li ma akkwistawhiex minħabba li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija f'dan ir-Regolament, li, fin-nuqqas ta' prova kuntrarja min-naħa tagħhom, huma ma kinux jistgħu jakkwistaw kwantità ta' referenza li kieku dan kien previst mir-Regolament Nru 857/84, b'mod li huma jinsabu fl-istess pożizzjoni bħall-produtturi SLOM li qatt ma talbu kwantità ta' referenza.

86      Tali preżunzjoni għandha tapplika wkoll għall-produtturi li, bħar-rikorrent, akkwistaw kwantità ta' referenza speċifika fil-kuntest tar-Regolament Nru 764/89, li ttiħditilhom lura minħabba li huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet msemmija f'dan ir-Regolament.

87      Din l-analiżi hija konformi ma' l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-introduzzjoni fl-1984 tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali, li, kif ġie rrilevat fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66 u 72 ta' din is-sentenza, hija stabbilita biss fir-rigward tal-produtturi li temporanjament kienu waqqfu l-produzzjoni tal-ħalib, li l-bidu mill-ġdid ta' din il-produzzjoni ġie impedit preċiżament minħabba d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali. Min-naħa l-oħra, ir-rifjut li jingħata kumpens lil dawk li ma kinux reġgħu bdew il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib wara l-iskadenza ta' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni għal raġunijiet li mhumiex marbutin mad-dħul fis-seħħ ta' din is-sistema huwa ġġustifikat mill-bżonn li dawn jiġu impediti milli jitolbu l-allokazzjoni ta' kwantità ta' referenza speċifika mhux bil-għan li jerġgħu jibdew il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib fuq bażi permanenti, iżda sabiex minn din l-allokazzjonia jieħdu vantaġġ purament finanzjarju, billi jipprevalixxu ruħhom mill-valur kummerċjali li l-kwantitajiet ta' referenza jkunu sadattant akkwistaw (ara, f'dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ottubru 1991, von Deetzen, C‑44/89, Ġabra p. I‑5119, punt 24).

88      Għaldaqstant, huma l-produtturi li, bħar-rikorrent, kienu waqqfu l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib fil-kuntest tar-Regolament Nru 1078/77 u talbu kwantità ta' referenza speċifika wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 764/89, li ngħatatilhom imbagħad ittiħditilhom lura, li għandhom jipprovaw li, ma' l-iskadenza ta' l-impenn tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni, huma kellhom l-intenzjoni li jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib.

89      Fuq dan il-punt u kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, is-sentenza Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 63 iktar 'il fuq, u b'mod partikolari l-punt 47 tagħha, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-prova ta' l-intenzjoni tar-rikorrent li jerġa' jibda l-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni mhijiex meħtieġa aktar.

90      Din is-sentenza għandha tinqara biss fid-dawl tal-fatti ta' dik il-kawża. Għaldaqstant, is-Sinjura Rudolph, li kienet produttriċi tal-ħalib li kienet daħlet, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1078/77, għal impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni, li kien skada fil-31 ta' Marzu 1985, kienet akkwistat, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 764/89, kwantità ta' referenza speċifika li ppermettitilha li terġa' tibda l-produzzjoni tal-ħalib.

91      Is-sentenza Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 63 iktar 'il fuq (punt 47), għandha għalhekk tinqara fis-sens li l-prova ta' l-intenzjoni li terġa' tinbeda l-produzzjoni tal-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni hija dejjem meħtieġa, imma li din il-prova hija kkunsidrata li ġiet stabbilita meta l-produtturi li l-impenn tagħhom ta' non kummerċjalizzazzjoni ntemm wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' l-imposta addizzjonali jipprovaw li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli li tippermettilhom li jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib billi jitolbu u jżommu kwantità ta' referenza speċifika għall-finijiet tal-bidu mill-ġdid ta' l-attività ta' produttur tal-ħalib.

92      Issa, f'dan il-każ, l-ewwel nett, ir-rikorrent ittiħditlu lura l-kwantità ta' referenza speċifika li kienet ingħatatlu wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 764/89, minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq imsemmija kienet tissuġġetta l-allokazzjoni ta' tali kwantità ta' referenza.

93      It-tieni nett, kien biss waqt il-proċedura orali li r-rikorrent ipproduċa serje ta' atti u dokumenti li kienu ġa jeżistu u li setgħu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest ta' laqgħa informali li huwa ppropona lill-Qorti tal-Prim'Istanza li torganizza għall-finijiet li jiġu analizzati dawn l-atti u dokumenti, li jidhru li juru li t-tifel tiegħu, li kellu 17-il sena fl-1985, kien segwa taħriġ professjonali bil-għan li jeżerċita x-xogħol ta' produttur tal-ħalib u b'hekk jieħu x-xogħol tar-rikorrent, peress li dan kien wasal biex jirtira. Barra minn hekk, huwa nvoka l-fatt li setgħet issir dikjarazzjoni mill-kontabilist tiegħu għall-finijiet li tiġi kkonfermata l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jibda l-produzzjoni tal-ħalib.

94      Issa, minbarra l-fatt li t-taħriġ professjonali u d-dikjarazzjoni fuq imsemmija ma jistgħux jikkostitwixxu passi meħuda mill-produttur sabiex juru l-intenzjoni tiegħu li jipproduċi l-ħalib ma' l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjonijiet relattivi saru biss waqt is-seduta, meta l-atti u d-dokumenti li allegatament isostnuhom setgħu ddaħħlu fil-proċess fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub. Minn dan isegwi li t-talba tar-rikorrent għall-organizzazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' laqgħa informali għall-finijiet taż-żieda mal-proċess ta' dawn l-atti u dokumenti u ta' l-eżami tagħhom għandha tiġi miċħuda.

95      Fl-aħħar nett, kif irrileva l-Kunsill, lanqas ma tressqu provi bil-għan li juru, f'każ li jkun hemm bżonn, li r-raġunijiet li żammew lir-rikorrent milli jerġa' jibda l-produzzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 764/89 ma kinux jeżistu ma' l-iskadenza ta' l-impenn ta' non kummerċjalizzazzjoni u li dawn ma kinux jostakolaw din il-produzzjoni mill-ġdid.

96      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent naqas milli jistabbilixxi li, konformement mal-prinċipji mfakkra iktar 'il fuq, ma' l-iskadenza ta' l-impenn tiegħu ta' non kummerċjalizzazzjoni, huwa kellu l-intenzjoni li jerġa' jibda l-produzzjoni tal-ħalib.

97      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-argument tar-rikorrent li jgħid li seħħet diskriminazzjoni bejn il-produtturi tal-ħalib skond jekk jaqgħux fil-kategorija tal-produtturi SLOM I li l-kwantità ta' referenza speċifika tagħhom ittiħditilhom lura jew fil-kategorija tal-produtturi SLOM I li kellhom kwantità ta' referenza speċifika definittiva ma jistax jintlaqa', peress li teżisti differenza oġġettiva bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' produtturi, b'mod li dawn m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod identiku.

98      Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' non diskriminazzjoni jeżiġi li s-sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b'mod identiku, sakemm tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 22, u tal-25 ta' Novembru 1986, Klensch et, 201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punt 9; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju, 1995, O’Dwyer et vs Il-Kunsill, T‑466/93, T‑469/93, T‑473/93, T‑474/93 u T‑477/93, Ġabra p. II‑2071 punt 113, u ta' l-14 ta' Lulju 1998, Hauer vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑119/95, Ġabra p. II‑2713, punt 63).

99      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li r-rikorrent ma stabbilixxiex rabta kawżali bejn ir-Regolament Nru 857/84 u d-dannu invokat. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-responsabbiltà tal-Komunità ma tistax tiġi stabbilita fir-rigward tar-rikorrent minħabba l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84, mingħajr mhuwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għal tali responsabbiltà humiex sodisfatti.

100    Għaldaqstant, lanqas mhemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-preskrizzjoni.

101    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

102    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Is-Sur R. W. Werners għandu jbati l-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta' Diċembru 2006.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.