Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2024 – EUSPA vs Eastern Airways (UK)

(Kawża T-155/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (rappreżentant: E. Villa, aġent)

Konvenut: Eastern Airways (UK) Ltd (Sutton Coldfield, ir-Renju Unit)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-konvenuta tħallas lura s-somma ta’ EUR 247 033.60, flimkien ma’ interessi moratorji li jammontaw għal 3.50 % tal-ammont prinċipali mill-21 ta’ Settembru 2021 sa ma jsir il-pagament; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku.

Ir-rikorrenti tallega li hija intitolata għall-ħlas lura tal-ammont ta’ prefinanzjament mogħti għall-finijiet tal-Ftehim ta’ Sussidju Nru GSA/GRANT/EGNOS/02/2014 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Sussidju”), peress li:

il-konvenuta ma implimentatx l-Azzjoni, kif speċifikat fl-Anness I tal-Ftehim ta’ Sussidju, u naqset milli tosserva l-obbligi kuntrattwali sostanzjali tagħha skont il-Ftehim ta’ Sussidju, li wassal għax-xoljiment ġust ta’ dan tal-aħħar;

il-gravità tan-nuqqasijiet tal-konvenuta tiġġustifika l-irkupru sħiħ tal-ammont ta’ prefinanzjament imsemmi iktar ’il fuq, peress li l-ebda għan tal-Azzjoni ma ntlaħaq sax-xoljiment ġust tal-Ftehim ta’ Sussidju u l-Azzjoni ma wasslet għal ebda riżultat previst mill-konvenuta fil-proposta tagħha;

ir-rikorrenti ħadet il-passi proċedurali stabbiliti kollha qabel l-irkupru.

____________