Language of document : ECLI:EU:T:2012:332

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass naturali — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Tqassim tas-suq — Tul tal-ksur — Multi”

Fil-Kawża T‑360/09,

E.ON Ruhrgas AG, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja),

E.ON AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn G. Wiedemann u T. Klose, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, A. Bouquet u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn M. Buntscheck, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5355 finali, tat-8 ta’ Lulju 8 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.401 — E.ON/GDF), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas (Relatur), President, V. Vadapalas u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 1. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1        Id-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28, iktar ’il quddiem l-“ewwel direttiva dwar il-gass”) kienet tistabbilixxi regoli komuni għat-trażmissjoni, it-tqassim, il-provvista u l-ħażna ta’ gass naturali. Hija tippreskrivi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-gass naturali, inkluż gass naturali likwifikat (LNG), aċċess fis-suq u tħaddim ta’ sistemi kif ukoll il-kriterji u l-proċeduri applikabbli fir-rigward tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ trażmissjoni, ta’ tqassim, ta’ provvista u ta’ ħażna ta’ gass naturali.

2        L-ewwel direttiva dwar il-gass kienet tobbliga lill-Istati Membri sabiex jiftħu progressivament għall-kompetizzjoni s-suq tal-provvista ta’ gass naturali lill-konsumaturi l-kbar u sabiex jagħtu aċċess lil terzi għas-sistema ta’ trażmissjoni eżistenti.

3        Skont l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 30 tal-ewwel direttiva dwar il-gass, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard mill-10 ta’ Awwissu 2000.

4        Mill-1 ta’ Lulju 2004, l-ewwel direttiva dwar il-gass ġiet abrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).

 2. Drittijiet nazzjonali


 Id-dritt Ġermaniż

5        L-Energiewirtschaftsgesetz (liġi dwar is-salvagwardja tal-provvista fl-enerġija, iktar ’il quddiem l-“EnWG tal-1935”), tat-13 ta’ Diċembru 1935 (RGBl. I S. 1451), kienet tipprovdi sistema ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza tal-attivitajiet tal-kumpanniji tal-gass Ġermaniżi mill-awtoritajiet pubbliċi.

6        Skont l-Artikolu 103 tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (liġi li tissopprimi r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“GWB”), tas-27 ta’ Lulju 1957 (BGBl. I S. 1081), ċertu ftehim konkluż bejn kumpanniji ta’ distribuzzjoni ta’ enerġija kif ukoll bejn dawn il-kumpanniji u l-muniċipalitajiet lokali kienu eżenti mill-projbizzjoni li jiġi konkluż ftehim li jkun ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni. Din l-eżenzjoni kienet tkopri b’mod partikolari l-hekk imsejjaħ ftehim ta’ delimitazzjoni, li permezz tiegħu impriżi kienu jiftiehmu li ma jipprovdux elettriku jew gass fit-territorju ta’ waħda jew tal-oħra, kif ukoll l-hekk imsejjaħ ftehim ta’ permess esklużiv, li permezz tiegħu muniċipalità lokali kienet tagħti permess esklużiv lil kumpannija, li jippermettilha li tuża artijiet pubbliċi sabiex tibni u topera sistema ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku u ta’ gass. Sabiex jiġi implementat, dan il-ftehim kellu jiġi nnotifikat lill-awtorità ta’ kompetizzjoni kompetenti, li kellha s-setgħa li tipprojbixxihom jekk hija kienet tqis li dan kien jikkostitwixxi abbuż ta’ eżenzjoni legali.

7        Il-Gesetz zur Neuregelung des Energiewirtschaftsrechts (liġi li tirregola d-dritt tal-enerġija l-ġdid), tal-24 ta’ April 1998 (BGBl. 1998 I, p. 730), neħħiet, b’effett immedjat, l-eżenzjoni applikabbli għall-ftehim ta’ delimitazzjoni u ta’ permess esklużiv previst fl-Artikolu 103 tal-GWB. Din il-liġi ssostitwixxiet ukoll l-EnWG tal-1935 bil-Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung — Energiewirtschaftsgesetz (liġi dwar il-provvista tal-enerġija, iktar ’il quddiem l-“EnWG tal-1998”).

8        L-Erstes Gesetz zur Änderung des Gesetzes zur Neuregelung des Energiewirtschaftsrechts (liġi li temenda l-liġi li tipprovdi leġiżlazzjoni ġdida għad-dritt tal-enerġija), tal-20 ta’ Mejju 2003 (BGBl. 2003 I, p. 685), emendat l-EnWG tal-1998 bil-għan li timplementa l-ewwel direttiva dwar il-gass.

 Id-dritt Franċiż

9        L-Artikolu 1 tal-loi n° 46-628, sur la nationalisation de l’électricité et du gaz (liġi dwar in-nazjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass), tat-8 ta’ April 1946, (JORF tad-9 ta’ April 1946, p. 2651, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1946”), kien jipprovdi, qabel it-tħassir tiegħu permezz tad-digriet nru 2011-504, tad-9 ta’ Mejju 2011, (JORF tal-10 ta’ Mejju 2011, p. 7954):

“Mid-data li fiha tiġi fis-seħħ din il-liġi, għandhom jitqiesu li ġew innazzjonalizzati:

[…]

2° Il-produzzjoni, it-trażmissjoni, it-tqassim, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ gass kombustibbli.

[…]”

10      Qabel ma ġiet emendata bil-loi 2004‑803, relative au service public de l’électricité et du gaz et aux entreprises électriques et gazières (liġi dwar is-servizz pubbliku tal-elettriku u tal-gass u dwar l-impriżi tal-elettriku u tal-gass) tad-9 ta’ Awwissu 2004, (JORF tal-11 ta’ Awwissu 2004, p. 14256), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-liġi tal-1946 kien jipprovdi:

“Il-ġestjoni tal-impriżi ta’ gass innazzjonalizzati hija fdata fi stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali bl-isem ta’ Gaz de France (GDF), Service National”.

11      Sa ma daħlet fis-seħħ il-loi 2003‑8, relative aux marchés du gaz et de l’électricité et au service public de l’énergie (liġi dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u dwar is-servizz pubbliku tal-enerġija), tat-3 ta’ Jannar 2003, (JORF tal-4 ta’ Jannar 2003, p. 265, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-2003”), il-liġi tal-1946 kienet tagħti lil Gaz de France monopolju fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ gass.

12      Il-liġi tal-2003, li kienet intiża sabiex tittrasponi l-ewwel direttiva dwar il-gass, ipproċediet sabiex fetħet is-suq Franċiż tal-gass għall-kompetizzjoni. Din il-liġi fetħet b’mod partikolari l-aċċess għan-netwerks u għall-provvista ta’ gass naturali lill-klijenti eliġibbli u neħħiet il-monopolju ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ta’ gass.

13      Gaz de France ġiet ikkonvertita f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata permezz tal-Liġi 2004‑803.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 1. L-impriża inkwistjoni

14      L-ewwel rikorrenti, E.ON Ruhrgas AG, li hija r-riżultat tal-konċentrazzjoni bejn E.ON AG u Ruhrgas AG u li hija miżmuma 100 % mit-tieni rikorrenti, E.ON sa mill-31 ta’ Jannar 2003, hija l-ikbar fornitur ta’ gass naturali fil-Ġermanja u waħda mill-atturi prinċipali fis-suq Ewropew. Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2002 li tawtorizza din il-konċentrazzjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi obbligaw lil E.ON Ruhrgas sabiex timplementa programm ta’ trasferiment ta’ gass (iktar ’il quddiem il-“PTG”), li tikkonċerna kwantità totali ta’ 200 TWh.

15      E.ON hija impriża Ġermaniża li tipproduċi, tittrażmetti, tqassam u tipprovdi enerġija, essenzjalment gass naturali u elettriku.

16      GDF Suez SA hija r-riżultat tal-konċentrazzjoni bejn Gaz de France (iktar ’il quddiem “GDF”) u Suez li saret fit-22 ta’ Lulju 2008. Din hija impriża preżenti fuq il-katina kollha tal-enerġija, fl-elettriku u fil-gass naturali, responsabbli għall-proċess kollu. Hija l-operatur storiku u l-ewwel fornitur ta’ gass naturali fi Franza. Hija wkoll waħda mill-ewwel fornituri ta’ gass naturali fl-Ewropa.

 2. Il-Ftehim MEGAL

17      Permezz ta’ ftehim tat-18 ta’ Lulju 1975 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim MEGAL”), GDF u Ruhrgas iddeċidew li jibnu u joperaw flimkien il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Din tal-aħħar, li hija kompletament operattiva sa mill-1 ta’ Jannar 1980, hija waħda mill-mini ta’ trażmissjoni ta’ gass prinċipali li jippermettu l-importazzjoni tal-gass fil-Ġermanja u fi Franza. Hija taqsam in-Nofsinhar tal-Ġermanja u tgħaqqad fuq distanza ta’ 461 km il-fruntiera bejn il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka mal-fruntiera bejn il-Ġermanja u Franza, bejn Waidhaus (il-Ġermanja) u Medelsheim (il-Ġermanja).

18      Fl-anness 2 tal-Ftehim MEGAL, ġew iddefiniti l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ ta’ gass mixtri rispettivament minn GDF u minn Ruhrgas. Ċertu numru ta’ punti ta’ ħruġ mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ġew iffissati għal Ruhrgas, fejn punti ta’ ħruġ supplimentari, jekk ikun il-każ jistgħu jiġu miżjuda. Fir-rigward ta’ GDF, ġie indikat li l-punt ta’ ħruġ tal-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass tal-kwantitajiet kollha ta’ gass li għandhom jiġu trażmessi minn dan il-pajp għat-trażmissjoni tal-gass għal din il-kumpannija huwa punt li jinsab fil-fruntiera bejn il-Ġermanja u Franza, viċin Habkirchen (il-Ġermanja), sakemm il-partijiet fil-Ftehim MEGAL ma jiftiehmux mod ieħor.

19      Skont il-Ftehim MEGAL, GDF u Ruhrgas ħolqu l-impriża komuni MEGAL GmbH Mittel-Europäische Gasleitungsgesellschaft, li saret MEGAL Mittel-Europäische Gasleitungsgesellschaft mbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “MEGAL”), li lilha ġie fdat il-bini u l-operat tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, kif ukoll it-trażmissjoni ta’ gass minn din tal-aħħar. Il-proprjetà tal-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass ukoll ġiet fdata f’idejn MEGAL.

20      GDF u Ruhrgas ħolqu wkoll, b’applikazzjoni tal-Ftehim MEGAL, l-impriża komuni MEGAL Finance Co. Ltd (iktar ’il quddiem “MEGAL Finco”), inkarigata li tikseb u tiġġenera l-kapital neċessarju għall-bini tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

21      Fit-18 ta’ Lulju 1975, Ruhrgas u GDF iffirmaw ukoll tlettax-il ittra (iktar ’il quddiem l-“ittri ta’ akkumpanjament”) intiżi sabiex jispeċifikaw ċerti aspetti tekniċi, finanzjarji u operattivi tal-ġestjoni tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Fost dawn l-ittri, jinsabu l-ittra msejħa “Direktion I” u l-ittra msejħa “Direktion G”.

22      L-ittra Direktion G tipprovdi li ġej:

“[…]

Il-kapaċitajiet ta’ trasport li ġew jew li għandhom jiġu attribwiti lil [GDF], fil-kuntest ta’ kuntratt, għat-trażmissjoni ta’ gass, jikkonċernaw gass li nxtara jew għandu jinxtara minn [GDF] u li għandu jiġi kkunsinnat lil [MEGAL] u/jew lil [MEGAL Finco] għal finijiet ta’ tranżitu f’isem [GDF] lejn Franza u intiż għall-konsum fi Franza.

Il-kapaċitajiet ta’ trasport li ġew jew li għandhom jiġu attribwiti lil Ruhrgas, fil-kuntest ta’ kuntratt, għat-trażmissjoni ta’ gass, jikkonċernaw it-trażmissjoni għal kull fini oħra ta’ tranżitu kif ukoll it-trażmissjoni ta’ gass permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass u ta’ gass meħud mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intiż għall-konsum fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew mixtri minn Ruhrgas għal finijiet ta’ tranżitu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

[…]”

23      Skont l-ittra Direktion I:

“[…]

[GDF] timpenja ruħha li ma tikkunsinnax jew li ma tfornix gass, ikun liema jkun, direttament jew indirettament, fil-kuntest tal-Ftehim [MEGAL], lil klijenti li jinsabu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

[…]”.

24      Fit-22 ta’ Ġunju 1976, Ruhrgas u GDF innotifikaw il-ħolqien ta’ MEGAL u ta’ MEGAL Finco lill-Bundeskartellamt (uffiċċju Federali Ġermaniż tal-akkordji).

25      Permezz ta’ ftehim tat-13 ta’ Awwissu 2004 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2004”), GDF u E.ON Ruhrgas ikkonfermaw li għal żmien twil kienu kkunsidraw l-ittri Direktion G u Direktion I bħala “nulli u mingħajr effett”, fejn dan il-ftehim kien iħassar l-imsemmija ittri b’effett retroattiv.

26      Fil-5 ta’ Settembru 2005, GDF u E.ON Ruhrgas iffirmaw ftehim ta’ konsorzju (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2005”), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2005, li permezz tiegħu huma fformolaw mill-ġdid ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom għal dak li jikkonċerna MEGAL. Il-ftehim ta’ konsorzju jipprovdi li kull wieħed mill-imsieħba ta’ MEGAL għandu “drittijiet ta’ użu bħala benefiċjarju” bi proporzjon mas-sehem tiegħu ta’ kapaċità fuq il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Dan il-ftehim ġie kkompletat permezz ta’ ftehim interim fid-9 ta’ Settembru 2005.

27      Fit-23 ta’ Marzu 2006, GDF u E.ON ikkonkludew ftehim li jġib fi tmiemhom il-ftehim kollu l-ieħor li jikkonċernaw MEGAL konklużi bejniethom qabel il-ftehim tal-2005.

 3. Il-proċedura amministrattiva

28      Fil-5 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet li jordnaw lil GDF u lil E.ON, kif ukoll lis-sussidjarji kollha tagħhom, sabiex jissottomettu ruħhom għal ispezzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Saru ispezzjonijiet fis-16 u fis-17 ta’ Mejju 2006.

29      Fid-dawl tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni bagħtet numru ta’ talbiet għal informazzjoni lil GDF, lil E.ON u lil E.ON Ruhrgas (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“impriżi inkwistjoni”).

30      Fit-18 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni fetħet proċeduri fis-sens tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

31      Fid-9 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi inkwistjoni. Bħala risposta, dawn tal-aħħar ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u esprimew l-opinjoni tagħhom waqt seduta li nżammet fl-14 ta’ Ottubru 2008.

32      Fis-27 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni informat lill-impriżi inkwistjoni dwar fatti addizzjonali meħuda inkunsiderazzjoni minn meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u stednithom jirrisponduha bil-miktub. Il-Kummissjoni ppermettitilhom ukoll jaċċedu għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposti rispettivi tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll għad-dokumenti miġbura mid-data tal-adozzjoni tagħha. L-impriżi inkwistjoni bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fl-4 ta’ Mejju 2009 (fir-rigward ta’ GDF) u fis-6 ta’ Mejju 2009 (fir-rigward tar-rikorrenti).

 Id-deċiżjoni kkontestata

33      Fit-8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 5355 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.401 — E.ON/GDF) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li sunt tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ottubru 2009 (ĠU C 248, p. 5).

34      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-aġir ikkonċernat kien il-ftehim u/jew il-prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, bejn l-impriżi inkwistjoni, li kien jikkonsisti f’li wieħed ma jidħolx — jew li jidħol biss b’mod limitat — fis-suq nazzjonali tal-ieħor u sabiex b’hekk jipproteġu s-swieq nazzjonali tagħhom billi joqogħdu lura milli jbigħu fis-suq nazzjonali tal-parti l-oħra l-gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

35      Il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li l-Ftehim MEGAL, l-anness 2 tiegħu kif ukoll l-ittri Direktion G u Direktion I kienu jikkostitwixxu ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, inkwantu l-impriżi inkwistjoni kienu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu b’mod speċifiku fis-suq. Fil-fehma tagħha, dawn il-ftehim kienu jillimitaw l-aġir kummerċjali tal-imsemmija impriżi billi jirrestrinġu l-użu tagħhom tal-gass trażmess permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

36      Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-impriżi inkwistjoni kienu ltaqgħu diversi drabi sabiex jiddiskutu l-istrateġiji ta’ bejgħ reċiproċi tagħhom fil-Ġermanja u fi Franza ta’ gass trażmess permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u sabiex jinformaw ruħhom dwar l-istrateġija rispettiva tagħhom. Fil-fehma tagħha, dawn il-kuntatti u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva mill-perspettiva kummerċjali kienu intiżi sabiex jinfluwenzaw l-aġir kummerċjali tal-imsemmija impriżi, sabiex jimplementaw l-ittri Direktion G u Direktion I u sabiex jadattaw il-kontenut tagħhom għall-kundizzjonijiet ġodda tas-suq wara l-liberalizzazzjoni tas-swieq Ewropej tal-gass (iktar ’il quddiem il-“liberalizzazzjoni”), mingħajr madankollu ma neħħew il-limitazzjonijiet li kienu jinkludu dawn l-ittri.

37      Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-aġir tal-impriżi inkwistjoni, li kien jikkonsisti fi ftehim inizjali ta’ tqassim tas-swieq u fi prattiki miftiehma f’forma ta’ laqgħat perijodiċi intiżi sabiex jiftiehmu u jimplementaw dan il-ftehim matul iktar minn 25 sena, kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu u “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”.

38      Fir-rigward tal-bidu tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li, fil-Ġermanja, dan kien beda fid-data li fiha l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kien sar operattiv, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1980. Hija qieset li, fi Franza, il-ksur kien beda fid-data li fiha l-ewwel direttiva dwar il-gass kellha tiġi trasposta, jiġifieri l-10 ta’ Awwissu 2000. Minħabba l-monopolju legali, li rriżulta wara l-liġi tal-1946, eżistenti fil-qasam tal-importazzjoni u tal-provvista ta’ gass, il-Kummissjoni effettivament qieset li l-aġir inkwistjoni ma kienx seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass. F’dan ir-rigward, minkejja li l-ewwel direttiva dwar il-gass ġiet trasposta fi Franza fl-2003, il-Kummissjoni osservat li l-kompetizzjoni setgħet ġiet ristretta sa mill-10 ta’ Awwissu 2000, inkwantu, minn din id-data, kompetituri ta’ GDF setgħu pprovdew gass lil klijenti eliġibbli fi Franza.

39      Fir-rigward tat-tmiem tal-ksur, il-Kummissjoni osservat li, minkejja li l-impriżi inkwistjoni kienu uffiċjalment ħassru l-ittri Direktion G u Direktion I fit-13 ta’ Awwissu 2004, huma kienu waqfu milli japplikaw ir-restrizzjonijiet li jipprekludu lil GDF milli tuża l-punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja, ħlief fil-każ tal-volumi mixtrija fil-kuntest tal-PTG, biss fi tmiem Settembru 2005. Barra minn hekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li, sa mill-2004, GDF kienet xtrat volumi ta’ gass minn E.ON Ruhrgas li kienu ġejjin mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL sabiex tikkunsinnahom fil-Ġermanja ma kienx jimmarka tmiem il-ksur, ġaladarba, sa Ottubru 2005, il-bejgħ ta’ gass li ġej mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL magħmul fil-Ġermanja minn GDF kien jikkorrispondi għall-volumi mixtrija minnha fil-kuntest tal-PTG.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li l-ksur li għalih GDF u E.ON Ruhrgas kienu responsabbli għaldaqstant kien dam mill-inqas mill-1 ta’ Jannar 1980 sat-30 ta’ Settembru 2005 fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja u mill-inqas mill-10 ta’ Awwissu 2000 sat-30 ta’ Settembru 2005 fir-rigward tal-ksur imwettaq fi Franza. Billi ħadet il-kontroll ta’ E.ON Ruhrgas fil-31 ta’ Jannar 2003, E.ON hija, skont il-Kummissjoni “responsabbli in solidum” ma’ E.ON Ruhrgas għal ksur li dam mill-31 ta’ Jannar 2003 sat-30 ta’ Settembru 2005.

41      Il-Kummissjoni imponiet multi fuq l-impriżi inkwistjoni, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għal dan il-għan, hija applikat il-metodoloġija esposta fil-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

42      B’hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-bejgħ ikkonċernat bil-ksur kien bejgħ ta’ gass trażmess mill-impriżi inkwistjoni billi użaw il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL lil klijenti fil-Ġermanja u lil klijenti eliġibbli fi Franza, bl-eċċezzjoni tal-bejgħ imwettaq fil-kuntest tal-PTG.

43      Fid-dawl tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni applikat perċentwali inizjali ta’ 15 % tal-bejgħ ikkonċernat.

44      Fir-rigward tat-tul tal-ksur meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-multa, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward ta’ Franza, il-perijodu mill-10 ta’ Awwissu 2000 sat-30 ta’ Settembru 2005, jiġifieri 5 snin, xahar u 20 jum. Hija kkunsidrat li, fir-rigward tal-Ġermanja, kien hemm lok sabiex jiġi limitat il-perijodu li għalih kellha tiġi imposta l-multa għal dik mill-24 ta’ April 1998, data li fiha l-leġiżlatur Ġermaniż neħħa l-monopolju fattwali eżistenti f’dan il-pajjiż minħabba l-eżenzjoni li minnha kienu jibbenefikaw il-ftehim ta’ delimitazzjoni, sat-30 ta’ Settembru 2005, jiġifieri 7 snin u 5 xhur.

45      Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni barra minn hekk applikat għall-akkordju ammont addizzjonali ta’ 15 % mill-bejgħ ikkonċernat.

46      Il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, għandu jiġi ddeterminat, b’mod eċċezzjonali, ammont bażiku identiku għaż-żewġ impriżi inkwistjoni. Sabiex ma tippreġudikax lil waħda minnhom, il-Kummissjoni adottat bħala ammont bażiku tal-multa l-ammont li jikkorrispondi għall-valur tal-bejgħ ’l iktar baxx. Għalhekk hija ffissat l-istess ammont bażiku tal-multa lill-impriżi kollha inkwistjoni, jiġifieri EUR 553 miljun.

47      Billi ma kkonstatatx aggravanti jew attenwanti, il-Kummissjoni ma aġġustatx dan l-ammont bażiku.

48      Għalhekk il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 553 miljun lil E.ON u lil E.ON Ruhrgas (“responsabbli in solidum”) u multa bl-istess ammont lil GDF.

49      L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 1

[L-impriżi inkwistjoni], kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi ħadu sehem fi ftehim u prattiċi miftiehma fis-settur tal-gass naturali.

It-tul tal-ksur kien għal E.ON Ruhrgas u għal [GDF], tal-anqas mill-1 ta’ Jannar 1980 sat-30 ta’ Settembru 2005, sa fejn il-ksur jikkonċerna lill-Ġermanja, u tal-anqas mill-10 ta’ Awissu 2000 sat-30 ta’ Settembru 2005 sa fejn il-ksur jikkonċerna lil Franza. Il-perijodu tal-ksur għal E.ON […] kien bejn il-31 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Settembru 2005.

Artikolu 2

Fir-rigward tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, għandhom jiġu imposti l-multi li ġejjin:

a) E.ON Ruhrgas […] u E.ON […], responsabbli in solidum: EUR 553 000 000

b) GDF […]: EUR 553 000 000

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

50      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

51      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla), iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal domanda u sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet irrispondew għal din it-talba fit-terminu mogħti.

52      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2011.

53      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali peress li huma kienu saru jafu b’element ġdid. Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba u qieset li ma kienx ġustifikat li tiftaħ il-proċedura orali mill-ġdid.

54      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2012, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

55      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

57      It-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

 1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

58      Insostenn tat-talbiet tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jqajmu ħames motivi fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur allegat, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-raba’ wieħed, fuq il-preskrizzjoni tal-ksur allegat u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE

59      Dan il-motiv jinkludi sitt partijiet fejn l-ewwel waħda hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE inkwantu r-restrizzjonijiet previsti bl-ittri Direktion G u Direktion I u bl-anness 2 tal-Ftehim MEGAL huma restrizzjonijiet anċillari leċiti, it-tieni waħda, fuq żball ta’ liġi li jirriżulta mill-klassifikazzjoni ta’ GDF u ta’ E.ON Ruhrgas bħala kompetituri potenzjali qabel il-liberalizzazzjoni li seħħet f’April 1998 (fil-Ġermanja) u fil-bidu tas-sena 2002 (fi Franza), it-tielet waħda, fuq żball fl-analiżi tal-ittra Direktion G, ir-raba’ waħda, fuq in-nuqqas ta’ għan antikompetittiv tal-ittri Direktion G u Direktion I u tal-anness 2 tal-Ftehim MEGAL, il-ħames waħda fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE inkwantu r-restrizzjonijiet anċillari ma kellhomx l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u, is-sitt waħda, fuq żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-“kuntatti” bħala ftehim jew prattiki miftiehma.

–       Fuq l-ewwel parti

60      Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE minħabba l-fatt li l-ittri Direktion G u Direktion I kif ukoll l-anness 2 tal-Ftehim MEGAL jikkostitwixxu restrizzjonijiet anċillari leċiti neċessarji għall-ħidma t-tajba tad-dispożittiv konvenzjonali marbut mal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u proporzjonati għall-għanijiet segwiti. Waqt is-seduta, huma speċifikaw li huma kienu jqisu li l-ittra Direktion G ma kinitx tinkludi restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, iżda li l-argument dwar ir-restrizzjonijiet anċillari kien japplika wkoll għall-imsemmija ittra sa fejn kien jirreferi għall-ittra Direktion I.

61      Il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-argumenti relatati mal-ittra Direktion G fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv.

62      Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari jkopri kull restrizzjoni li hija direttament marbuta u neċessarja għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il-Kummissjoni, T‑112/99, Ġabra p. II‑2459, punt 104).

63      Bil-kliem restrizzjoni direttament marbuta mal-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali, għandha tinftiehem kull restrizzjoni li l-importanza tagħha hija sekondarja meta mqabbla mal-implementazzjoni ta’ din l-operazzjoni u li tikkomporta rabta diretta magħha (sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 105).

64      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura neċessarja ta’ restrizzjoni, din timplika eżami minn żewġ aspetti. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, jekk ir-restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk hijiex proporzjonali għaliha (ara s-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 106, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fir-rigward tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni, għandu jiġu enfasizzat li, sa fejn l-eżistenza ta’ regola ta’ raġuni fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi aċċettata, ikun żbaljat li wieħed jinterpreta, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tar-restrizzjonijiet anċillari, ir-rekwiżit tan-neċessità oġġettiva bħala li jimplika l-bżonn li jintiżnu l-effetti favur u kontra l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 107).

66      Din il-pożizzjoni hija ġġustifikata mhux biss sabiex tinżamm l-effettività tal-Artikolu 81(3) KE, iżda wkoll għal raġunijiet ta’ konsistenza. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 81(1) KE ma jeħtieġx analiżi tal-effetti pożittivi u negattivi ta’ restrizzjoni prinċipali fuq il-kompetizzjoni, l-istess konstatazzjoni hija meħtieġa fir-rigward tal-analiżi tar-restrizzjonijiet li jakkumpanjawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 108).

67      Konsegwentement, l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-operazzjoni prinċipali ma tistax ma tkunx relattivament astratta. Din ma hijiex kwistjoni li jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq inkwistjoni, ir-restrizzjoni hijiex indispensabbli għas-suċċess kummerċjali tal-operazzjoni prinċipali iżda sabiex jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest partikolari tal-operazzjoni prinċipali, ir-restrizzjoni hijiex meħtieġa sabiex tiġi implementata din l-operazzjoni. Jekk, fin-nuqqas tar-restrizzjoni l-operazzjoni prinċipali tirriżulta diffiċli jew saħansitra impossibbli li tiġi implementata, ir-restrizzjoni tista’ titqies bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha (sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 109).

68      Fejn restrizzjoni hija oġġettivament meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali, huwa xorta waħda meħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tul ta’ żmien tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografika tagħha jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi implementata din l-operazzjoni. Jekk it-tul ta’ żmien jew il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni jeċċedu dak li huwa meħtieġ għat-twettieq tal-operazzjoni, din għandha tiġi evalwata separatament fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE tat-Trattat (ara s-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 113, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għandu jiġi osservat li, sa fejn l-evalwazzjoni tan-natura anċillari ta’ ftehim partikolari fir-rigward ta’ operazzjoni prinċipali tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-konvenuta, stħarriġ ġudizzjarju ta’ din l-evalwazzjoni jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, għan-natura adegwata tal-motivazzjoni u għall-eżattezza materjali tal-fatti, għan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u għall-abbuż ta’ poter (ara s-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il quddiem, punt 114, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Jekk jiġi stabbilit li restrizzjoni hija direttament marbuta u meħtieġa sabiex tiġi implementata operazzjoni prinċipali, il-kompatibbiltà ta’ din ir-restrizzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata ma’ dik tal-operazzjoni prinċipali. Għaldaqstant, jekk l-operazzjoni prinċipali ma taqax fi ħdan il-kamp tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE, l-istess ikun jgħodd għar-restrizzjonijiet direttament marbuta u meħtieġa għal din l-operazzjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, l-operazzjoni prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda tibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE, din l-eżenzjoni tkopri wkoll l-imsemmija restrizzjonijiet anċillari (sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punti 115 u 116).

71      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ittri ta’ akkumpanjament ma setgħux ikunu restrizzjonijiet anċillari leċiti, inkwantu jipprovdu għal tqassim tas-suq. Hija qieset ukoll, fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ittri ta’ akkumpanjament ma dehru la neċessarji u lanqas proporzjonati sabiex jinkiseb l-għan li jikkonsisti f’li jiġi konkluż ftehim ta’ impriża komuni intiż għall-kostruzzjoni u għall-operat konġunt tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Fil-fehma tagħha, l-impriżi inkwistjoni ma kinux, fil-fatt, ipprovaw li kien ikun impossibbli li tiġi żgurata l-kostruzzjoni tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fin-nuqqas tar-restrizzjonijiet imposti fuq Ruhrgas u fuq GDF. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-affermazzjonijiet ta’ Ruhrgas li jgħidu li, kieku GDF ma kinitx aċċettat li tillimita l-bejgħ tagħha ta’ gass fil-Ġermanja, Ruhrgas kienet tikkostruwixxi l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass waħedha u kienet toffri lil GDF kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ta’ gass lejn Franza. Skont il-Kummissjoni, l-argumenti dwar il-ħarsien tal-investimenti ta’ Ruhrgas ma jurix li r-restrizzjonijiet inkwistjoni kienu neċessarji u proporzjonati. Fil-premessa 256 tad-deċiżjoni kkontestata hija żiedet li l-attitudni tal-impriżi inkwistjoni fil-mument tan-notifika tal-konċentrazzjoni tagħhom lill-Bundeskartellamt turi li huma ma kinux jaħsbu li l-ittri ta’ akkumpanjament kienu indissolubbilment marbuta mal-ftehim globali.

72      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li r-restrizzjonijiet previsti mill-ittri ta’ akkumpanjament kienu neċessarji għall-kostruzzjoni u għall-ħidma tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Ir-rikorrenti jsostnu li d-dispożittiv konvenzjonali dwar l-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass kien isegwi għan leġittimu li kien il-kostruzzjoni ta’ pajp għat-trażmissjoni ta’ gass li jippermetti li titjieb il-provvista u l-ftuħ tas-swieq tal-gass naturali fil-Ġermanja u fi Franza. Fil-fehma tagħhom, dan l-għan kien jeħtieġ il-ħolqien ta’ impriża komuni li tagħti drittijiet ta’ proprjetà fuq dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass lil GDF, fejn b’hekk tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista. Huma jsostnu wkoll li GDF, fil-kapaċità tagħha bħala ko-proprjetarja, setgħet tikkompeti ma’ Ruhrgas fil-Ġermanja, fejn b’hekk jiġi kompromess l-investiment ta’ din tal-aħħar fil-pajp ġdid għat-trażmissjoni ta’ gass, liema fatt kien għaldaqstant irendi neċessarji r-restrizzjonijiet anċillari previsti mill-ittri ta’ akkumpanjament.

73      Għandu jiġi kkonstatat, hekk kif ammettew huma stess fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fis-seduta, li, fin-nuqqas tar-restrizzjonijiet previsti mill-ittri ta’ akkumpanjament, Ruhrgas kienet tibni l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass waħedha u kienet toffri lil GDF kapaċitajiet għat-trażmissjoni ta’ gass lejn Franza.

74      B’hekk, mill-affermazzjonijiet tar-rikorrenti jirriżulta li d-dispożittiv konvenzjonali dwar il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL inkwistjoni ma kienx neċessarju għat-twettiq tal-kostruzzjoni ta’ pajp għat-trażmissjoni ta’ gass li jippermetti li tittejjeb il-provvista u l-ftuħ tas-swieq.

75      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kostruzzjoni ta’ pajp għat-trażmissjoni ta’ gass minn Ruhrgas u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ tranżitu ma’ GDF ma kienx jippermetti li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tat-territorju Franċiż, għandu jiġi osservat li huma ma jipprovawx li ftehim ta’ tranżitu ma kienx jippermetti lil GDF jistabbilixxi provvista kompatibbli mal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. F’dan ir-rigward, il-problemi bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa mfakkra mir-rikorrenti ma jidhrux li jistgħu jiġu trasposti għas-sitwazzjoni inkwistjoni li tikkonċerna żewġ kumpanniji.

76      Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li, kieku Ruhrgas kellha tikkostruwixxi l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass waħedha, mingħajr dubju dan kien ikun differenti mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u GDF ma kinitx tibbenefika minn sigurtà ta’ provvista paragunabbli, ma huma ssostanzjati minn ebda prova. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li dawn l-affermazzjonijiet huma fondati, ċirkustanza tali ma tippermettix waħedha li jiġi pprovat li l-ittri ta’ akkumpanjament kienu direttament marbuta u neċessarji għall-implementazzjoni tal-operazzjoni.

77      Għalhekk il-ħolqien ta’ impriża komuni bejn Ruhrgas u GDF ma kienx neċessarju għall-kisba tal-għan imsemmi fil-punt 72 iktar ’il fuq. Konsegwentement, ir-restrizzjonijiet previsti fl-ittri ta’ akkumpanjament ma kinux neċessarji, peress li Ruhrgas setgħet kienet l-unika proprjetarja tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass.

78      Li kieku kellu jitqies ukoll li l-ħolqien ta’ impriża komuni għandha tiġi kkunsidrata bħala neċessarja għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma pprovawx li, fin-nuqqas tar-restrizzjonijiet previsti mill-ittri ta’ akkumpanjament, l-operazzjoni prinċipali setgħet diffiċilment titwettaq. Fil-fatt, huma ma pprovdewx elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li kompetizzjoni eventwali ta’ GDF fis-suq Ġermaniż kienet tkun iktar minn sempliċi riskju kummerċjali u kienet tippreżenta perikolu tali għall-investimenti ta’ Ruhrgas li l-operazzjoni kollha kemm hi kienet titqiegħed inkwistjoni, meta fl-istess waqt huma jirrikonoxxu li l-possibbiltà li jinkisbu klijenti fil-Ġermanja kien sekondarju għal GDF fi żmien meta sar l-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass.

79      Barra minn hekk, bil-kontra tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-projbizzjonijiet ta’ provvista konklużi bejn GDF u Ruhrgas ma kinux jippermettu li tiġi protetta l-impriża komuni MEGAL, sa fejn jirriżulta mill-kliem tal-ittri ta’ akkumpanjament li l-projbizzjonijiet ta’ provvista kienu jikkonċernaw l-attività tal-kumpanniji parent u mhux l-attività tas-sussidjarja.

80      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovawx li r-restrizzjonijiet previsti fl-ittri ta’ akkumpanjament kienu oġġettivament neċessarji għall-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali, jiġifieri l-kostruzzjoni u l-operat tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

81      B’hekk, mingħajr lanqas ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia de Paris (161/84, Ġabra p. 353), fuq it-tul u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografiku tar-restrizzjoni kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti lill-Bundeskartellamt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-imsemmija ittri ma setgħux jikkostitwixxu restrizzjonijiet anċillari leċiti.

82      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni parti

83      Fil-kuntest ta’ din il-parti, imqajma sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-impriżi inkwistjoni ma kinux kompetituri potenzjali fil-Ġermanja qabel il-bidu tas-sena 2000 u fi Franza qabel il-bidu tas-sena 2002. Għalhekk, l-ittri ta’ akkumpanjament u l-anness 2 tal-Ftehim MEGAL ma jmorrux kontra l-Artikolu 81(1) KE.

84      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 81(1) KE huwa applikabbli biss fis-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imsemmija minn dan it-test relatati mal-effett tan-negozju bejn l-Istati Membri u mar-riperkussjonijiet fuq il-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, fir-rigward taċ-ċirkustanzi simili tal-Artikolu 87(1) KE, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 143).

85      L-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali, sabiex ikun magħruf jekk, fid-dawl tal-istruttura tas-suq u tal-kuntesti ekonomiċi u ġuridiċi li jirregolaw il-funzjonament tiegħu, jeżistux possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom, jew li kompetitur ġdid jista’ jidħol fis-suq inkwistjoni u jikkompeti mal-impriżi stabbiliti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, Ġabra p. I‑935, punt 21; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 137, u tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni, T‑461/07, Ġabra p. II‑1729, punt 68).

86      Sabiex jiġi vverifikat jekk impriża tikkostitwixxix kompetitur potenzjali f’suq, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni, kinux jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li din tidħol fl-imsemmi suq u tikkompeti mal-impriżi stabbiliti ġewwa fih. Tali prova ma għandhiex tistrieħ fuq sempliċi ipoteżi, iżda għandha tiġi ssostanzjata permezz ta’ punti ta’ fatt jew analiżi tal-istrutturi tas-suq rilevanti. B’hekk, impriża ma tistax tiġi kklassifikata bħala kompetitur potenzjali jekk id-dħul tagħha fis-suq ma jikkorrispondix għal strateġija ekonomika vijabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punti 166 u 167).

87      Minn dan jirriżulta neċessarjament li, għalkemm l-intenzjoni ta’ impriża li tidħol f’suq hija eventwalment rilevanti għall-finijiet tal-verifika dwar jekk hija tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq, l-element essenzjali li fuqu għandha tistrieħ tali klassifikazzjoni huwa madankollu kkostitwit bil-kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq (sentenza Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 168).

88      F’dan il-każ, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tas-suq Franċiż tal-gass u dik tas-suq Ġermaniż tal-gass.

89      Minn naħa, fir-rigward tas-suq Franċiż, huwa paċifiku li l-monopolju fil-qasam tal-importazzjoni u l-provvista ta’ gass li minnu ilha tibbenefika GDF mill-1946 tneħħa biss mill-1 ta’ Jannar 2003, u dan meta t-terminu għat-traspożizzjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-ewwel direttiva tal-gass kellu jiskadi fl-10 ta’ Awwissu 2000. Għalhekk, mill-inqas sa din l-aħħar data, ebda kompetizzjoni, anki potenzjali, ma kienet teżisti fis-suq Franċiż tal-gass u l-aġir inkwistjoni ma setax, fir-rigward ta’ dan is-suq, jaqa’ taħt l-Artikolu 81 KE.

90      Fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-10 ta’ Awwissu 2000, mill-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li minn din id-data, ċerti klijenti ġew iddikjarati eliġibbli u fornituri ta’ gass setgħu jidħlu fis-suq Franċiż. Dan wara kollox ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, la fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas fir-risposta tagħhom quddiem id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

91      Għandu jiġi enfasizzat li din il-possibbiltà li jinbidlu l-fornituri kienet sussegwenti għall-adozzjoni tal-ewwel direttiva fuq il-gass, sentejn wara. Għaldaqstant ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jippreparaw id-dħul tagħhom fis-suq Franċiż sa minn Ġunju 1998.

92      Għaldaqstant Ruhrgas setgħet tidħol fis-suq Franċiż sa minn Awwissu 2000. Il-fatt li dan id-dħul kien jikkonċerna biss grupp ristrett ta’ klijenti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienu neqsin minn possibbiltà reali u konkreta li jidħlu fis-suq.

93      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li Ruhrgas u GDF kienu kompetituri potenzjali fis-suq Franċiż sa mill-10 ta’ Awwissu 2000.

94      Min-naħal l-oħra, fir-rigward tas-suq Ġermaniż, il-Kummissjoni kkonfutat, fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, l-affermazzjoni li tgħid li GDF qatt ma kienet kompetitur potenzjali għal Ruhrgas qabel il-liberalizzazzjoni. F’dan ir-rigward hija enfasizzat li d-dritt Ġermaniż qatt ma pprojbixxa d-dħul fis-suq ta’ fornituri ġodda, iżda kien jippermetti biss lill-fornituri storiċi sabiex iqiegħdu ostakoli importanti mad-dħul fis-suq billi jikkonkludu ftehim li jkun eżenti mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-eżenzjoni li minnha kien jibbenefika dan il-ftehim ma kienx assolut, iżda suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Il-ftehim li għalih l-eżenzjoni kienet invokata kellu jiġi nnotifikat lill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti, li setgħet tipprojbixxi ftehim jekk hija kienet tqis li dan kien jikkostitwixxi abbuż tal-eżenzjoni legali. Fl-aħħar nett, billi straħet fuq il-każijiet ta’ Wingas u ta’ Mobil, il-Kummissjoni kkonstatat li l-possibbiltà li jkun hemm kompetizzjoni minkejja l-ostakoli importanti ħafna mad-dħul fis-suq ma kinitx biss teoretika. Minn dan hija kkonkludiet li kien possibbli, għal GDF, li tbigħ gass fit-territorju ta’ provvista tradizzjonali ta’ Ruhrgas, minkejja ostakoli kunsiderevoli għad-dħul fis-suq, b’mod li hija setgħet tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali ta’ Ruhrgas matul il-perijodu kollu inkwistjoni.

95      Barra minn hekk il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 294 tad-deċiżjoni kkontestata, li la l-EnWG tal-1935 u lanqas l-Artikolu 103 tal-GWB ma kienu jipprovdu monopolju legali għal Ruhrgas jew għal kull operatur storiku ieħor fit-territorju Ġermaniż. Barra minn hekk, dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

96      Madankollu r-rikorrenti jqisu li ma kinitx teżisti possibbiltà effettiva, konkreta u realistika ta’ aċċess għas-suq u li, konsegwentement, GDF ma kinitx kompetitur potenzjali ta’ Ruhrgas. Huma jqisu li kull kompetizzjoni kienet eskluża qabel il-liberalizzazzjoni ta’ April 1998, u li, effettivament, GDF setgħet issir kompetitur ta’ Ruhrgas fil-Ġermanja biss fis-sena 2000.

97      Jeħtieġ li ssir distinzjoni tal-perijodu inkluż bejn l-1980 u l-1998, minn naħa, u dak inkluż bejn l-1998 u l-2000, min-naħa l-oħra.

98      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn l-1980 u l-1998, għandu jiġi kkonstatat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li, sal-24 ta’ April 1998, minn naħa, il-ftehim ta’ delimitazzjoni, jiġifieri dak li permezz tiegħu l-kumpanniji ta’ servizz pubbliku kienu ftiehmu bejniethom li ma jipprovdux gass f’territorju speċifiku u, min-naħa l-oħra, il-ftehim ta’ konċessjoni esklużiva, jiġifieri dak li permezz tiegħu awtorità lokali kienet tagħti konċessjoni esklużiva lil kumpannija ta’ servizz pubbliku li tippermettilha tuża artijiet pubbliċi sabiex tikkostruwixxi u topera netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ gass, kienu eżenti permezz tal-Artikolu 103(1) tal-GWB mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi li jippermettu l-ftehim antikompetittiv.

99      Ċertament, mill-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jiġi implementat, dan il-ftehim għandu jiġi nnotifikat lill-Bundeskartellamt bis-setgħa li tipprojbixxih li kieku kellha tqis li l-ftehim inkwistjoni kien jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. Madankollu din il-possibbiltà kważi qatt ma ġiet implementata, hekk kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 tad-deċiżjoni kkontestata.

100    Barra minn hekk, mill-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-użu akkumulat tal-ftehim ta’ delimitazzjoni u tal-ftehim ta’ konċessjoni esklużiva kellu bħala effett li jistabbilixxi de facto sistema ta’ żoni ta’ provvista esklużivi li ġewwa fihom impriża waħda tal-gass setgħet tipprovdi l-gass lil klijenti, mingħajr madankollu ma kien hemm projbizzjoni legali magħmula lil kumpanniji oħra milli jipprovdu gass.

101    Wara kollox, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fornituri storiċi Ġermaniżi kellhom monopolju fattwali fiż-żona ta’ provvista rispettiva tagħhom.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, mill-inqas sal-24 ta’ April 1998, is-suq Ġermaniż tal-gass kien ikkaratterizzat bl-eżistenza ta’ monopolji territorjali fattwali.

103    Għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni, li eżistiet fis-suq Ġermaniż tal-gass sal-24 ta’ April 1998, setgħet tagħti lok għall-assenza ta’ kull kompetizzjoni, mhux biss reali, iżda wkoll potenzjali, fuq dan is-suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ġie deċiż li monopolju ġeografiku li minnu kienu jibbenefikaw impriżi lokali ta’ distribuzzjoni ta’ gass kien jipprekludi kull kompetizzjoni attwali bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T-87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 117).

104    Issa, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas il-proċess ma jinkludu elementi li jippermettu li jiġi pprovat suffiċjentement skont id-dritt li, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni u minkejja l-karatteristiċi tas-suq Ġermaniż tal-gass deskritti fil-punti 95 sa 102 iktar ’il fuq, kienet teżisti, sal-24 ta’ April 1998, possibbiltà reali u konkreta għal GDF li tidħol fis-suq Ġermaniż tal-gass u li tikkompeti mar-rikorrenti, bħal ma tirrikjedi l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq.

105    B’hekk, iċ-ċirkustanza msemmija fil-premessa 294 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li fil-Ġermanja ma kienx jeżisti monopolju legali, hija mingħajr rilevanza. Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk f’suq teżistix kompetizzjoni potenzjali, il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom jew li kompetitur ġdid ikun jista’ jidħol f’dan is-suq u jikkompeti mal-impriżi stabbiliti. Dan l-eżami tal-Kummissjoni għandu jsir fuq bażi oġġettiva ta’ dawn il-possibbiltajiet, b’tali mod li ċ-ċirkustanza li tgħid li dawn huma esklużi minħabba monopolju li jsib l-oriġini tiegħu direttament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew, indirettament, fis-sitwazzjoni fattwali li tirriżulta mill-implementazzjoni tagħha, hija mingħajr effett.

106    Barra minn hekk, l-affermazzjoni, li tinsab fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li GDF ma kellhiex biss id-dritt, mill-perspettiva ġuridika, li tbigħ gass fit-territorju ta’ provvista tradizzjonali ta’ Ruhrgas, iżda li dan kien effettivament possibbli (minkejja ostakoli kunsiderevoli għad-dħul), ma hijiex f’pożizzjoni li tikkostitwixxi, fiha nnifisha, prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Fil-fatt, il-possibbiltà purament teoretika ta’ dħul ta’ GDF fis-suq ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni. Barra minn hekk, tali affermazzjoni tistrieħ fuq sempliċi ipoteżi u ma tikkostitwixxix prova ssostanzjata b’punti ta’ fatt jew analiżi tal-istrutturi tas-suq rilevanti, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq, fejn barra minn hekk l-eżempji msemmija insostenn tagħha huma neqsin minn rilevanza hekk kif jirriżulta mill-punti 108 sa 112 iktar ’il quddiem.

107    L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata skont liema l-impriżi inkwistjoni kienu atturi importanti tas-settur tal-gass Ewropew u kull waħda minnhom kellha titqies bħala kompetitur ġdid naturali fis-suq tal-oħra jew bħala kompetituri f’pożizzjoni tajba li bħala prinċipju kellhom l-opportunitajiet kollha li d-dħul tagħhom fis-suq ġar tagħhom jirnexxi, jew fl-aħħar nett li l-Ġermanja u Franza kienu jikkostitwixxu swieq ġirien u strettament marbutin, liema fatt iżid l-opportunitajiet għal suċċess. Fil-fatt, tali informazzjoni ġenerali u astratta ma tippermettix li jiġi pprovat li, minkejja s-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti fis-suq Ġermaniż tal-gass, GDF kienet f’pożizzjoni, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni, li tidħol f’dan is-suq.

108    L-istess japplika, għall-istess raġunijiet, fir-rigward tal-punti msemmija fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema l-impriżi inkwistjoni kellhom is-saħħa, l-assi u l-infrastruttura neċessarja sabiex jippermettu d-dħul fis-suq, u li s-sussidjarji EEG u PEG ta’ GDF u l-parteċipazzjoni minoritarja tagħha f’GASAG u VNG kienu jikkostitwixxu vantaġġ solidu sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha f’dan is-suq.

109    Barra minn hekk, l-eżempji ta’ Wingas u ta’ Mobil, imsemmija fil-premessi 30 u 243 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi deskritta l-affermazzjoni li tgħid li l-possibbiltajiet ta’ dħul ma kinux purament teoretiċi, ma jidhrux rilevanti.

110    Fil-fatt, fir-rigward ta’ Wingas, għandu jiġi osservat li din hija impriża komuni proprjetà ta’ BASF u ta’ Gazprom li rnexxielha tidħol fis-suq Ġermaniż fis-snin 90 permezz tal-provvisti ta’ gass ta’ din tal-aħħar u l-kostruzzjoni ta’ netwerk vast ta’ pajpijiet għat-trażmissjoni ta’ gass ġodda mqiegħda b’mod parallel għal dawk ta’ Ruhrgas u ta’ fornituri storiċi oħra (premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata). Is-sitwazzjoni ta’ Wingas ma kinitx komuni skont il-Kummissjoni li sostniet, fil-premessa 100 tad-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Settembru 1999, fil-Każ IV/M.1383 — Exxon/Mobil (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Exxon/Mobil”), li l-esperjenza ta’ Wingas ftit kellha opportunitajiet li terġa’ sseħħ, peress li din l-impriża kienet assoċjazzjoni li rnexxiet bejn konsumatur industrijali ta’ gass Ġermaniż kbir ħafna (jew saħansitra l-ikbar) u produttur Russu kbir ħafna.

111    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Mobil, għandu jitfakkar li hija daħlet fis-suq Ġermaniż tal-gass ukoll fis-snin 90 billi nnegozjat l-aċċess għan-netwerks ta’ amministraturi storiċi ta’ netwerks ta’ trażmissjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni nnifisha osservat li Mobil kienet f’sitwazzjoni kemxejn atipika fil-Ġermanja (ara l-premessa 251 tad-Deċiżjoni Exxon/Mobil). Hija enfasizzat b’mod partikolari li din l-impriża kienet tipproduċi parti kunsiderevoli tal-gass Ġermaniż u kienet tagħmel parti mill-establishment tal-gass Ġermaniż, liema fatt kien mingħajr dubju, skont il-Kummissjoni, ir-raġuni li għalih hija setgħet timporta gass fil-Ġermanja mingħajr ma tuża n-netwerk tagħha nnifisha ta’ pajpijiet għat-trażmissjoni ta’ gass li jaħdmu bi pressjoni għolja, u dan permezz ta’ aċċess ta’ terzi għan-netwerk. Il-Kummissjoni indikat ukoll li Mobil kienet f’pożizzjoni unika (ara l-premessa 219 tad-Deċiżjoni Exxon/Mobil).

112    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni skont liema Wingas u Mobil huma żewġ impriżi differenti ħafna minn xulxin, liema fatt juri li d-dħul fis-suq kien possibbli, ma huwiex konvinċenti sa fejn huwa paċifiku li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom huma atipiċi u li ħesrem jistgħu jseħħu mill-ġdid.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tagħhom, l-eżempji ta’ Wingas u ta’ Mobil ma humiex tali li juru l-possibbiltà reali u konkreta, għal kompetitur ġdid, li jidħol fis-suq Ġermaniż tal-gass u li jikkompeti mal-impriżi stabbiliti.

114    Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda punt, inkluż ta’ natura ġenerali, intiż sabiex jipprova li, matul il-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u l-24 ta’ April 1998, minkejja ċ-ċirkustanzi li jimplikaw l-eżistenza ta’ monopolji reġjonali fis-suq Ġermaniż tal-gass, il-kostruzzjoni ta’ linji ta’ trażmissjoni jew il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-aċċess għan-netwerk ma’ operatur storiku dwar il-passaġġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ma kinitx tikkorrispondi għal strateġija ekonomika vijabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, u kienet tirrappreżenta possibbiltà reali u konkreta, għal operatur bħal GDF, ko-proprjetarju tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, li jidħol f’dan is-suq u li jikkompeti mal-impriżi li kienu stabbiliti fih. B’mod partikolari, ebda punt ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dħul ta’ GDF fis-suq seta’ sar, permezz ta’ dawn il-possibbiltajiet, daqshekk malajr sabiex it-theddida ta’ dħul potenzjali jkollha piż fuq l-aġir tal-parteċipanti fis-suq jew permezz tal-ispejjeż li ekonomikament setgħu jiġu assorbiti. Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet eżami tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq.

115    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li teżisti neċessarjament kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż li mingħajrha ma kienx neċessarju li tiġi konkluża l-ittra Direktion I, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ostakoli għad-dħul deskritti preċedentement kif ukoll tal-aspetti speċifiċi tal-kompetituri l-ġodda, din iċ-ċirkustanza ma tistax titqies li hija biżżejjed sabiex jiġi pprovat li GDF kienet oġġettivament kompetitur potenzjali. Dan jippermetti, l-iktar, li jiġi stabbilit li Ruhrgas kienet tibża’ li tali kompetizzjoni setgħet isseħħ fil-futur. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ittra Direktion G li tipprovdi projbizzjoni ta’ provvista fi Franza ġiet konkluża mill-1975 minkejja l-monopolju legali. L-eżistenza ta’ projbizzjoni ta’ provvista għaldaqstant ma timplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fid-data tal-firma tal-ittra Direktion I, bil-kontra ta’ dak li tagħti x’tifhem il-Kummissjoni.

116    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż tal-gass mill-1 ta’ Jannar 1980 sal-24 ta’ April 1998.

117    Barra minn hekk, billi enfasizzat, fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, li, billi ħassar l-eżenzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni applikabbli għall-ftehim ta’ delimitazzjoni fl-24 ta’ April 1998, il-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa b’mod ċar li s-settur tal-gass kellu jinfetaħ għall-kompetizzjoni wara din id-data, il-Kummissjoni tidher li qed tammetti, mill-inqas impliċitament, li, qabel din id-data, il-leġiżlatur Ġermaniż innifsu kien iqis li s-settur tal-gass ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni u, konsegwentement, li ebda kompetizzjoni potenzjali ma kienet teżisti.

118    Fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000, għandu jitfakkar li l-eżenzjoni applikabbli għall-ftehim ta’ delimitazzjoni u ta’ konċessjoni esklużiva ma kinitx teżisti iktar matul l-imsemmi perijodu, minħabba l-emendi leġiżlattivi li seħħew qabel dan il-perijodu.

119    Madankollu r-rikorrenti jqisu li ebda kompetizzjoni potenzjali ma kienet teżisti fis-suq Ġermaniż qabel il-bidu tas-sena 2000.

120    Ir-rikorrenti ma jressqu ebda element fir-rikors insostenn tal-allegazzjoni tagħhom u jirreferu għall-premessa 207 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ GDF li ma hijiex annessa mar-rikors, iżda mar-replika.

121    Issa, skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-corpus tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal kitbiet oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistgħux itaffu n-nuqqas ta’ elementi essenzjali tal-argumentazzjoni skont il-liġi, li għandhom jirriżultaw fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑52/90, Ġabra p. I‑2187, punt 17, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49).

122    Għaldaqstant ir-riferiment għall-argumenti żviluppati fir-risposta ta’ GDF għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li lanqas ma hija annessa mar-rikors ma jistax jiġi milqugħ.

123    Fir-rigward tal-istruttura tas-suq Ġermaniż, għalkemm din l-istruttura setgħet ukoll tikkostitwixxi ostakolu għad-dħul matul il-perijodu inkluż bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000, xorta jibqa’ l-fatt li ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li, matul l-imsemmi perijodu, waħedha hija setgħet teskludi totalment l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ebda element ma huwa f’pożizzjoni li jipprova li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkunsidrat li kienet teżisti kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż tal-gass bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000.

125    Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, it-tieni parti għandha tintlaqa’ sa fejn hija tirreferi għas-suq Ġermaniż matul il-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u l-24 ta’ April 1998. Hija għandha tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

–       Fuq it-tielet parti

126    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jallegaw li ebda ksur tal-Artikolu 81 KE ma seta’ jiġi identifikat fir-rigward tas-suq Franċiż abbażi tal-ittra Direktion G. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-kliem tal-ittra ma kienx jipprovdi projbizzjoni ta’ provvista, li ma kien hemm ebda interess għal tali projbizzjoni u li d-dħul ta’ E.ON Ruhrgas fis-suq Franċiż sa mill-2003 ma jiffavorixxix l-argument dwar l-eżistenza ta’ tali projbizzjoni.

127    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-ittra Direktion G, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanza li tgħid li din l-ittra ma hijiex redatta b’mod identiku jew simmetriku għall-ittra Direktion I hija, fiha nnifisha, mingħajr effett fuq il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkunsidra li dawn l-ittri għandhom għan simili, jiġifieri li joperaw qsim tas-swieq nazzjonali tal-gass u li jillimitaw l-aċċess għas-suq nazzjonali rispettiv tal-impriżi inkwistjoni.

128    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk, fir-rigward tal-kontenut tal-ittra Direktion G, il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkunsidra li l-imsemmija ittra kienet intiża li tipprojbixxi lil Ruhrgas milli tikkumerċjalizza gass li jittranżita mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fi Franza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ittra Direktion G hija redatta b’dan il-mod:

“[…]

Il-kapaċitajiet ta’ trasport li ġew jew li għandhom jiġu attribwiti lil [GDF], fil-kuntest ta’ kuntratt, għat-trażmissjoni ta’ gass, jikkonċernaw gass li nxtara jew għandu jinxtara minn [GDF] u li għandu jiġi kkunsinnat lil [MEGAL] u/jew lil [MEGAL Finco] għal finijiet ta’ tranżitu f’isem [GDF] lejn Franza u intiż għall-konsum fi Franza.

Il-kapaċitajiet ta’ trasport li ġew jew li għandhom jiġu attribwiti lil Ruhrgas, fil-kuntest ta’ kuntratt, għat-trażmissjoni ta’ gass, jikkonċernaw it-trażmissjoni għal kull fini oħra ta’ tranżitu kif ukoll it-trażmissjoni ta’ gass permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass u ta’ gass meħud mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intiż għall-konsum fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew mixtri minn Ruhrgas għal finijiet ta’ tranżitu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

[…]”

129    Ċertament, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-kliem tagħha, l-ittra Direktion G ma tipprojbixxix espliċitament lil Ruhrgas milli tikkunsinna jew li tipprovdi gass li jittranżita mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fi Franza.

130    Madankollu, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jiġi dedott mill-ittra Direktion G li, jekk il-gass li tittrasporta GDF permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL għandu jiġi dirett lejn Franza, dak li tittrażmetti Ruhrgas permezz ta’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass għandu jew jittieħed fil-Ġermanja, jew jiġi trażmess għal kull finijiet oħra ta’ tranżitu, li jfisser li Ruhrgas ma għandhiex tkun awtorizzata twassal gass trażmess minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass lejn Franza. Fil-fatt, l-espressjoni “trażmissjoni għal kull finijiet oħra ta’ tranżitu” għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-punt preċedenti, li jattribwixxi lil GDF kapaċitajiet ta’ trażmissjoni għal gass ikkunsinnat “għal finijiet ta’ tranżitu f’[isimha] […] lejn Franza”. Din l-espresssjoni għaldaqstant tfisser li Ruhrgas tibbenefika minn kapaċitajiet ta’ trażmissjoni sabiex tikkunsinna gass fi tranżitu b’destinazzjoni lejn pajjiżi oħra minbarra Franza. B’hekk, skont l-imsemmija ittra, il-gass li setgħet tittrażmetti Ruhrgas permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kellu jkun jew għall-konsum fil-Ġermanja, jew bi tranżitu lejn pajjiżi minbarra Franza.

131    Għalhekk, anki jekk l-ittra Direktion G ma tipprojbixxix espressament lil Ruhrgas milli tbigħ gass fi Franza, hija madankollu tillimita l-possibbiltajiet tagħha li tittrażmetti gass permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u, konsegwentement, sabiex tbigħ gass li jgħaddi minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass.

132    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata meta jiġu interpretati flimkien l-ittra Direktion G u l-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL. Fil-fatt, l-imsemmi ftehim jipprovdi, fl-Artikolu 5(13)(a) tiegħu, b’mod partikolari, li l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ jissemmew fl-Anness 2 tiegħu u li Ruhrgas għandha d-dritt li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fi kwalunkwe punt ta’ ħruġ. Issa, il-punt 2.2 tal-Anness 2 ta’ dan il-ftehim, li jiddefinixxi l-punti ta’ ħruġ ta’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass għall-gass trażmess għal Ruhrgas, jagħti dan id-dritt biss fil-Ġermanja. Ebda punt ta’ ħruġ ma huwa previst għal Ruhrgas f’Medelsheim, fejn il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass inkwistjoni huwa konness man-netwerk Franċiż. Għaldaqstant il-gass trażmess għal Ruhrgas ma setax jibbenefika minn punt ta’ ħruġ fi Franza u, għalhekk, jinbiegħ f’dan il-pajjiż. Hekk kif għandu jiġi pprovat fil-punti 194 sa 195 iktar ’il quddiem, il-kontenut tal-ittra tal-21 ta’ Mejju 2002 iċċitat mir-rikorrenti ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni.

133    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ittra Direktion G kellha bħala għan li tipprekludi lil Ruhrgas milli tipprovdi gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL lill-klijenti Franċiżi.

134    Barra minn hekk, ebda mill-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li l-elementi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li tissostanzja l-interpretazzjoni tagħha ma jidher fondat.

135    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ interess ta’ projbizzjoni ta’ provvista li tikkonċerna Franza fid-dawl tal-monopolju fl-importazzjoni min-naħa ta’ GDF fi Franza, dan ma jistax jiġi milqugħ inkwantu, hekk kif osservat il-Kummissjoni, tali projbizzjoni kellha bħala għan li ttaffi bidliet legali u fattwali eventwali matul iż-żmien li fih ikun operattiv il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass. Barra minn hekk dan huwa perfettament koerenti mal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ħtieġa li tiġi konkluża l-ittra Direktion I minkejja n-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż qabel l-1998 (ara l-punt 147 iktar ’il quddiem).

136    It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li huma daħlu fis-suq Franċiż mill-2003 ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura restrittiva tal-ittra Direktion G kif jirriżulta mit-test tal-imsemmija ittra moqrija flimkien mal-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL.

137    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti

138    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jallegaw li l-ittri Direktion G u Direktion I ma jistgħux ikollhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni inkwantu huma jikkostitwixxu restrizzjonijiet anċillari legali. Sussidjarjament, huma jqisu li l-għan tal-ittri ta’ akkumpanjament kien newtrali fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li kien jeżisti f’dak iż-żmien.

139    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza tar-restrizzjonijiet anċillari legali, inkwantu, hekk kif jirriżulta mill-punti 60 sa 82 iktar ’il fuq, l-ittri Direktion G u Direktion I ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala tali.

140    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 81(1) KE, l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni huma inkompatibbli mas-suq komuni.

141    L-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex jiġi evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih għandu jiġi applikat. Madankollu fil-każ fejn l-analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma jurix livell suffiċjenti ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, ikollu għalhekk isir eżami tal-effetti u, sabiex jiġi pprojbit, jeħtieġ li jiġu sodisfatti elementi li jistabbilixxu li kien hemm jew prevenzjoni, jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim ġaladarba l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar ikun stabbilit (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Sabiex tiġi evalwata n-natura antikompetittiva ta’ ftehim, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li jrid jipprova jikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih huwa jidħol. Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim, xejn ma jwaqqaf lill-Kummissjoni jew lill-qrati tal-Unjoni milli jeħduha inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, punt 141 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    Barra minn hekk, ftehim jista’ jitqies li għandu għan restrittiv anki jekk ma jkollux bħala uniku għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda jsegwi għanijiet leġittimi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li diversi drabi, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikata ftehim intiż sabiex jiġu maqsuma s-swieq nazzjonali skont il-fruntieri nazzjonali jew sabiex jagħmlu iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, b’mod partikolari dawk li jfittxu li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-esportazzjonijiet paralleli, ftehim li għandu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 (KE) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, punt 141 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, bħalma tgħid il-Kummissjoni, li l-kostruzzjoni ta’ pajp għat-trażmissjoni ta’ gass bħall-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL tikkostitwixxi investiment għal użu fuq medda twila ħafna ta’ żmien, fejn Ruhrgas iddikjarat li t-tul għall-ħlas tal-investimenti favur dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass huwa ta’ 25 sena u fejn il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li b’mod ġenerali pajp għat-trażmissjoni ta’ gass ikun operattiv għal bejn 45 u 65 sena.

146    Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-Artikoli 2 KE u 3 KE, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ meta ġew iffirmati l-ittri Direktion G u Direktion I, il-Komunità diġà kellha, f’din id-data, l-għan li tistabbilixxi suq komuni, fejn dan tal-aħħar jimplika, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni, bejn l-Istati Membri, tar-restrizzjonijiet kwantitattivi għad-dħul u għall-ħruġ tal-merkanzija, kif ukoll ta’ kull miżuri oħra li kellhom effett ekwivalenti. Barra minn hekk, f’din id-data wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tenfasizza li l-iżolament tas-swieq nazzjonali jmur kontra wieħed mill-għanijiet essenzjali tat-Trattat, li huwa intiż sabiex is-swieq nazzjonali jingħaqdu f’suq wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen, 192/73, Ġabra p. 731, punt 13).

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, meta ġew iffirmati l-ittri ta’ akkumpanjament, il-liberalizzazzjoni ma setgħetx tiġi eskluża fuq perijodu twil u kienet tagħmel parti mill-perspettivi raġonevolment possibbli. Essenzjalment, dan ġie barra minn hekk ikkonfermat minn E.ON, li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indikat, hekk kif jirriżulta mill-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ittra Direktion I ġiet adottata “bħala miżura ta’ prekawzjoni […] sabiex jiġi evitat li anki riskji purament teoretiċi, marbuta ma’ bidliet f’kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi li kien impossibbli li jiġu totalment esklużi, ma jikkompromettux il-proġett”. Dan ġie wkoll rikonoxxut mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

148    Għaldaqstant l-għan tal-ittri Direktion G u Direktion I ma jistax jiġi kklassifikat bħala newtrali, sa fejn huma intiżi jqassmu s-swieq bejn l-impriżi inkwistjoni fil-każ ta’ bidliet f’ċirkustanzi ġuridiċi jew fattwali, u b’mod partikolari fil-każ ta’ liberalizzazzjoni tas-swieq Franċiżi u Ġermaniżi. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija ittri kellhom għan antikompetittiv.

149    Għalhekk, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ħames parti

150    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-ittri Direktion G u Direktion I kif ukoll l-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL ma kinux tali li jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 81(1) KE japplika biss għal ftehim li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Għalhekk, effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti. Sabiex jiġi vverifikat jekk akkordju jaffettwax b’mod kunsiderevoli l-kummerċ bejn Stati Membri, jeħtieġ li dan jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu (ara s-sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 151 iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-fatt li l-influwenza ta’ akkordju fuq il-kummerċ huwa sfavorevoli, newtrali jew favorevoli ma tantx huwa rilevanti. Fil-fatt, restrizzjoni ta’ kompetizzjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta hija tista’ toħloq distorsjoni fuq it-tendenzi kummerċjali li b’xi mod jew ieħor setgħu segwew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 172).

153    Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, jiġifieri l-effett potenzjali tiegħu, hija biżżejjed sabiex dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u ma huwiex neċessarju li jiġi pprovat effett ħażin effettiv fuq il-kummerċ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 166). Madankollu, huwa neċessarju li l-effett potenzjali tal-akkordju fuq il-kummerċ bejn l-Istati jkun sinjifikattiv, jew, fi kliem ieħor, li ma jkunx insinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punti 12 u 17).

154    Barra minn hekk, akkordju li jkun mifrux mat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida t-tqassim ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 151 iktar ’il fuq, punt 37).

155    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, ġaladarba hija ma pprovatx l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż tal-gass mill-1 ta’ Jannar 1980 sal-24 ta’ April 1998 (ara l-punt 116 iktar ’il fuq) u ġaladarba ġie kkonstatat li s-suq Franċiż kien magħluq għall-kompetizzjoni mill-inqas sa Awwissu 2000, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-ftehim u l-prattiki inkwistjoni kienu tali li jkollhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri qabel l-24 ta’ April 1998.

156    Dan huwa speċjalment il-każ tant li l-Kummissjoni b’mod partikolari bbażat il-konklużjoni tagħha f’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-fatt li dan il-ftehim u dawn il-prattiki kienu jipprekludu l-kompetizzjoni transkonfinali fis-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass. Issa, fin-nuqqas ta’ kompetizzjoni fuq dawn iż-żewġt iswieq, l-imsemmija kompetizzjoni ma setgħetx tiġi prekluża, u konsegwentement, il-kummerċ bejn Stati Membri ma setax jiġi affettwat.

157    Fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-effett tal-kummerċ bejn Stat Membri għandhom, min-naħa l-oħra, jiġu miċħuda, ġaladarba l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż tal-gass ma ġiex validament imqiegħed inkwistjoni (ara l-punt 124 iktar ’il fuq), u r-restrizzjoni tiegħu seta għalhekk ikollu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

158    Għaldaqstant hemm lok li tiġi milqugħa parzjalment il-ħames parti tal-ewwel motiv.

–       Fuq is-sitt parti

159    Ir-rikorrenti jqisu li, jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ssostni, fid-deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ osservazzjonijiet kontradittorji, li l-kuntratti bejn l-impriżi inkwistjoni bejn l-1999 u l-2005 kienu jikkostitwixxu prattiki miftiehma jew ftehim indipendentement mill-ittri ta’ akkumpanjament, hija kisret l-Artikolu 81(1) KE.

160    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-kuntratti bejn l-1999 u l-2005 kienu jikkostitwixxu ksur indipendenti minn dak li rriżulta mill-ittri Direktion G u Direktion I (ara b’mod partikolari l-premessi 162 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara kollox dan huwa kkonfermat mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

161    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq kontradizzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-premessi 177, 199 u 223 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinqraw flimkien mal-premessi li jsegwuhom jew li jippreċeduhom u li, f’dawn il-premessi, huwa speċifikat li l-ftehim u l-prattiki miftiehma identifikati jirriżultaw mill-Ftehim MEGAL u mill-ittri Direktion G u Direktion I (ara b’mod partikolari l-premessi 178, 181, 197 u 198 tad-deċiżjoni kkontestata).

162    Għaldaqstant, is-sitt parti mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

163    Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex fondati, inkwantu l-Kummissjoni pprovat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi inkwistjoni kienu skambjaw informazzjoni dwar l-istrateġiji li huma kellhom l-intenzjoni jadottaw fis-swieq rispettivi ta’ waħda jew tal-oħra (ara b’mod partikolari d-dokumenti ċċitati fil-premessi 84, 87, 120, 121 jew 180 tad-deċiżjoni kkontestata).

164    Bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-impriżi inkwistjoni effettivament skambjaw informazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-qasam tal-kompetizzjoni. Dawn l-iskambji jiffurmaw parti minn pjan sħiħ u kienu s-suġġetti ta’ laqgħat sistematiċi inkwantu, minn naħa, kienu jikkonċernaw il-kompetizzjoni li kienu jwettqu l-impriżi inkwistjoni fi Franza u fil-Ġermanja, u, min-naħa l-oħra, kienu s-suġġetti ta’ laqgħat regolari bħal ma tixhed l-eżistenza tal-laqgħat “Tour d’horizon” (stħarriġ ġenerali) imsemmija fil-premessi 63, 97, 114, 116, 121, 122, 131 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata. L-argument tar-rikorrenti li dawn l-iskambji ma seħħewx bejn persuni responsabbli jew esperti, iżda bejn diversi kollaboraturi ma huwiex rilevanti inkwantu ma jippermettix li jqiegħed inkwistjoni l-kontenut antikompetittiv tal-imsemmija skambji. Barra minn hekk, anki kieku numru kbir ta’ dawn il-laqgħat kellhom l-intenzjoni li jittrattaw suġġetti ta’ diskussjoni leġittimi, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jistax jiġġustifika laqgħat li jagħtu wkoll lok għal prattika miftiehma pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE.

165    Għaldaqstant, is-sitt parti għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata.

166    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni u l-ħames partijiet ta’ dan il-motiv għandhom jiġu parzjalment milqugħa u li l-kumplament tal-motiv għandu jiġi miċħud.

167    Konsegwentement, hemm lok sabiex jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u l-24 ta’ April 1998.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur

168    Dan il-motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti jqiegħdu inkwistjoni, sussidjarjament, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-ksur inkwistjoni, huwa intiż sabiex jiġi sostnut, minn naħa, li l-impriżi inkwistjoni ħassru l-ftehim li ta lok għall-imsemmi ksur sa minn Diċembru 2001 jew Jannar 2002, jew saħansitra qabel u sa mhux iktar tard mit-13 ta’ Awwissu 2004 u, min-naħa l-oħra, li l-azzjonijiet ulterjuri tal-imsemmija impriżi ma kinux ifissru li kien hemm tkomplija ta’ dan il-ftehim.

–       Fuq il-waqfien tal-ksur inkwistjoni

169    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 173, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju, iżda wkoll it-tul ta’ żmien tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, il-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha sempliċement tistħarreġ il-legalità tal-att ikkontestat (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 174).

172    Għalhekk, ir-rwol tal-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti f’li jiġi evalwat jekk il-provi u elementi oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur allegat (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 175, u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 177, u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Għalhekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur twettaq (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 179, u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li n-numru ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi pprovata suffiċjentement il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju, jeħtieġ sempliċement li jintwera li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriżi f’tali laqgħat, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawk il-laqgħat f’perspettiva differenti minn tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 119, u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Konsegwentement, huwa effettivament il-mod kif il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju jifhmu l-intenzjoni tal-impriża kkonċernata li huwa determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din tal-aħħar kellhiex l-intenzjoni li tiddistakka ruħha mill-ftehim illegali. (sentenza Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 120).

178    Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li huma relatati mal-waqfien tal-ksur inkwistjoni.

179    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat waqfien mill-ksur inkwistjoni qabel tmiem is-sena 2001, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti jaċċettaw li ma hemm ebda prova diretta li tistabbilixxi li waħda mill-impriżi inkwistjoni żammet id-distanzi tagħha mill-ftehim inkwistjoni, iżda jinvokaw nota dwar il-laqgħa tal-4 ta’ Frar 1999 li minnha jirriżulta li, waqt il-laqgħa ta’ grupp tax-xogħol dwar it-tariffi ta’ MEGAL, ċerti persuni fi ħdan GDF xtaqu li tittieħed inkunsiderazzjoni kummerċjalizzazzjoni separata tal-gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja. B’hekk GDF indikat li l-għan kien li ttejjeb il-pożizzjoni tagħha fit-trażmissjoni tal-gass u bħala azzjonista u li, fil-każ ta’ tibdil fir-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi, hija kellha tiddefendi l-interessi tagħha filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rabtiet storiċi ma’ Ruhrgas.

180    Għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjonijiet li jinsabu fin-nota dwar il-laqgħa tal-4 ta’ Frar 1999 u dwar it-titjib fil-pożizzjoni ta’ GDF ma humiex suffiċjenti sabiex jipprovaw teħid ta’ distanzi mingħajr ekwivoku mill-ftehim inkwistjoni min-naħa ta’ Ruhrgas jew ta’ GDF.

181    Barra minn hekk, jeżistu provi oħra, hekk kif osservat il-Kummissjoni, li juru li, fl-2000, il-ftehim inkwistjoni ma kienx ikkunsidrat bħala obsolet jew ineffettiv. F’dan ir-rigward, żewġ ittri interni ta’ GDF mibgħuta bil-posta elettronika tad-9 u tas-17 ta’ Frar 2000, imsemmija fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, jirreferu espressament għall-ittri Direktion G u Direktion I, fejn jindikaw li l-ewwel waħda mill-imsemmija ittri tista’ tiġi mxebbha ma’ “tqassim vast tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bejn l-impriżi inkwistjoni, “liema fatt iqajjem il-kwistjoni tal-valur ġuridiku ta’ tali dokument (null!)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, permezz tat-tieni waħda minn dawn l-ittri, ikklassifikata bħala “superba” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-imsemmija impriżi jiftiehmu sabiex GDF ma tikkunsinnax gass (direttament jew indirettament) lil klijent li jinsab il-Ġermanja.

182    L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-posta elettronika interna ta’ GDF tad‑9 u tas‑17 ta’ Frar 2000 jikkonċernaw GDF u, konsegwentement, huma mingħajr rilevanza għal Ruhrgas għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt intern ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tinvoka, kontra impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra inkriminati. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni għal aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li hija mogħtija lilha mit-Trattat KE (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T-54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess jgħodd fir-rigward ta’ dokumenti interni għal impriżi oħra inkriminata. Fil-fatt, minuti interni li nstabu waqt verifika li saret fl-uffiċċji ta’ impriża inkriminata jistgħu jintużaw bħala prova kontra impriża inkriminata oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Atochem vs Il-Kummissjoni, T‑3/89, Ġabra p. II‑1177, punti 31 sa 38, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni, T‑59/99, Ġabra p. II‑5257, punt 91). Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura nnifisha tal-prattiki inkwistjoni u tad-diffikultajiet korollarji li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-prova, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tibbaża ruħha neċessarjament fuq dokumenti skambjati jew li huma komuni għall-impriżi inkwistjoni. Għaldaqstant hija tista’ tibbaża ruħha fuq dokumenti interni għall-impriżi inkwistjoni, ġaladarba dawn jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur.

183    Barra minn hekk, kif għandu jiġi pprovat fil-punti 184 sa 240 iktar ’il quddiem, numru ta’ provi dokumentali oħra sussegwenti, uħud minnhom redatti mill-ewwel rikorrenti, li jmorru kontra l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-impriżi inkwistjoni żammew id-distanzi tagħhom mill-ftehim inkwistjoni sa mill-2001.

184    Barra minn hekk, fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ offerta kompetittiva minn GDF sa mill-2000, dan ma huwiex biżżejjed, fir-rigward tal-elementi ċċitati iktar ’il fuq, sabiex jiġi pprovat li nżammew distanzi inekwivoċi u pubbliċi mill-ftehim inkwistjoni u dan tant li jiġri ta’ spiss, fl-akkordji, li ċerti parteċipanti fil-pront jiksru l-ftehim sabiex jużawh favurihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, punt 773, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ din l-offerta għandha tiġi kunsiderevolment irrelativizzata, peress li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata, GDF bdiet tbigħ gass fis-suq Ġermaniż fl-2001 biss. Il-bejgħ kien baxx ħafna bejn l-2001 u l-2005 u GDF qagħdet lura milli tbigħ kwantitajiet importanti fin-Nofsinhar tal-Ġermanja (jiġifieri ż-żona kkonċernata mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL) sa Ottubru 2005.

185    Minn dak li ġie diskuss preċedentement, jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu li l-akkordju inkwistjoni ntemm qabel Diċembru 2001 għandhom jiġu miċħuda.

186    It-tieni nett, sabiex jiġi pprovat il-waqfien mill-ksur inkwistjoni sa minn tmiem is-sena 2001 jew sa mill-bidu tas-sena 2002, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq faks mibgħuta minn Ruhrgas lil GDF fis-7 ta’ Jannar 2002 li jindika li l-ittri Direktion G u Direktion I għandhom jiġu kkunsidrati bħala “obsoleti”, fejn b’hekk intemm il-ksur.

187    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-faks mibgħut minn Ruhrgas lil GDF fis-7 ta’ Jannar 2002 jissuċċedi laqgħa bejn l-impriżi inkwistjoni, li seħħet fl-14 ta’ Diċembru 2001. Il-paġna ta’ quddiem tal-imsemmi faks tindika li magħha hemm anness abbozz ta’ lista tal-ftehim li jeżisti bejn l-impriżi inkwistjoni u t-trattament li għandu jiġi rriżervat għad-dispożizzjonijiet rispettivi tagħhom fil-kuntest tal-kunċett ta’ “użu benefiċjarju”. Lista tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim MEGAL, tal-annessi tiegħu u tal-ittri ta’ akkumpanjament, fosthom l-ittri Direktion G u Direktion I, tinsab annessa mal-faks ikkonċernat. Kull paġna ta’ dan l-anness hija intestata bir-riferiment “Struttura ġdida MEGAL — Bdil tal-ftehim bażiku u tal-kuntratti konnessi fi ftehim ġdid ta’ konsorzju”. F’dan il-faks l-ittra Direktion G hija deskritta bħala li għandha bħala suġġett l-“impenji ta’ kapaċità” tal-impriżi inkwistjoni, fejn tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk jistax ikun hemm ftehim ta’ trażmissjoni minn MEGAL ma’ terzi jew le. Fl-istess faks, l-ittra Direktion I hija deskritta bħala li għandha bħala suġġett il-fatt li ma huwiex ser ikun hemm forniment jew provvista minn GDF fil-Ġermanja. Fir-rigward ta’ kif għandhom jiġu ttrattati dawn l-ittri, il-faks issemmi, fir-rigward tal-indikazzjoni tal-imsemmija ittri, il-kelma “obsolet”.

188    Moqri kollu kemm hu u fid-dawl tal-kuntest tiegħu, filwaqt li ma jindikax li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu li l-ittri Direktion G u Direktion I bħala li kienu diġà saru obsoleti, il-faks li Ruhrgas bagħtet lil GDF fis-7 ta’ Jannar 2002 jindika li dawn l-impriżi kienu jikkunsidraw in-natura obsoleta ta’ dawn l-ittri fil-kuntest ta’ ftehim ġdid li kien qed jiġi nnegozjat. Fil-fatt, ir-riferiment għal “obsolet” jindika li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu li ma kienx neċessarju li jdaħħlu tali klawżoli f’dan il-ftehim il-ġdid. Dan huwa kkonfermat biċ-ċirkustanza li, għad-dispożizzjonijiet li t-trattament imsemmi tagħhom ma huwiex “obsolet”, huwa espressament indikat li dawn għandhom jiġu integrati fil-ftehim il-ġdid jew fl-annessi tiegħu, jekk ikun il-każ billi jemendawhom. Barra minn hekk, il-paġna ta’ quddiem tal-imsemmi faks jindika li dan tal-aħħar jikkonċerna “ftehim fis-seħħ”. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan il-faks kien jirreferi għar-rwol li dawn l-ittri ta’ akkumpanjament għandhom ikollhom fil-futur fil-kuntest tal-Ftehim MEGAL il-ġdid u tal-kunċett ta’ “użu benefiċjarju”. Għaldaqstant ma jistax jiġi dedott mill-faks inkwistjoni li l-impriżi kkonċernati jqisu l-ittri Direktion G u Direktion I bħala obsoleti fid-data li din intbagħtet.

189    Il-fatt li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-interpretazzjoni tal-faks mibgħut minn Ruhrgas lil GDF fis-7 ta’ Jannar 2002 “ma [kienx] perfettament ċar” ma tistax tqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni u toħloq dubju li għandu jiffavorixxi lir-rikorrenti. Fil-fatt, din il-frażi għandha tinqara flimkien mal-bqija tal-imsemmija premessa fejn jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmi faks ma kienx jippermetti li jiġi stabbilit li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu l-ittri ta’ akkumpanjament bħala obsoleti f’dak iż-żmien.

190    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-punt 2.1 tal-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL, li jiddefinixxi l-punti ta’ ħruġ għall-gass trażmess minn GDF, jagħti lil din tal-aħħar punt ta’ ħruġ wieħed biss mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL mal-fruntiera bejn Franza u l-Ġermanja u beda punt ta’ ħruġ fil-Ġermanja. Din id-dispożizzjoni kuntrattwali għaldaqstant kienet tikkonferma l-impossibbiltà għal GDF li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL li jirriżulta mill-ittra Direktion I. Issa, il-faks mibgħut minn Ruhrgas lil GDF fis-7 ta’ Jannar 2002 ma jindikax li hija għandha tiġi kkunsidrata bħala “obsoleta”, iżda li għandha tiġi “integrata fid-deskrizzjoni tal-pajp għat-trażmissjoni tal-gass”.

191    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-valur probatorju insuffiċjenti tan-nota ta’ “briefing” intern ta’ Ruhrgas fid-dawl tal-laqgħa “Tour d’horizon” tal-20 ta’ Diċembru 2001 u tan-nota interna ta’ GDF tal-24 ta’ Settembru 2002, iċċitati mill-Kummissjoni fil-premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, minkejja li dawn id-dokumenti ma jirreferux espliċitament għall-ittri Direktion G u Direktion I, huma juru li Ruhrgas u GDF ma kellhomx l-intenzjoni li jidħlu f’kompetizzjoni aggressiva fil-konfront ta’ xulxin. B’hekk, in-nota preparatorja għal-laqgħa tal-20 ta’ Diċembru 2001 issemmi li Ruhrgas xtaqet tindika lil GDF, waqt din il-laqgħa, li uffiċċju tal-bejgħ, li r-rwol tiegħu kien li juri l-preżenza tagħha fi Franza u mhux li jidħol b’mod aggressiv fis-suq Franċiż, kien infetaħ f’Pariġi. Bl-istess mod, in-nota tal-24 ta’ Settembru 2002 tindika li, skont GDF, l-operaturi l-Ġermaniżi l-kbar għandhom bżonn l-alibi fil-Ġermanja sabiex juru li s-suq huwa miftuħ u li l-impriżi inkwistjoni jistgħu jkollhom interess komuni sabiex jikkonkludu “deal ta’ kontenut strateġiku qawwi” li jippermettilhom ipartu pożizzjonijiet fl-Ewropa.

192    Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-proċess kien juri li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu l-kompetizzjoni bejniethom bħala suġġett ta’ tħassib komuni, anki meta din ma kinitx tikkonċerna l-gass trażmess permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

193    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-provi li ssuċċedew il-faks mibgħut minn E.ON Ruhrgas lil GDF fis-7 ta’ Jannar 2002 għandhom jiġu miċħuda.

194    Fil-fatt, fir-rigward tal-iskambju ta’ ittri bejn l-impriżi inkwistjoni fit-13 u l-21 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-iskambju kien jikkonferma li Ruhrgas kienet tqis li l-ittra Direktion G kienet vinkolanti u li ebda waħda mill-impriżi inkwistjoni ma kienet tat x’tifhem li din l-ittra u l-ittra Direktion I kienu obsoleti. Ebda element ma jippermetti li din l-evalwazzjoni terġa’ titqiegħed inkwistjoni. Fil-fatt, l-ittra ta’ Ruhrgass mibgħuta lil GDF fil-21 ta’ Mejju 2002, b’risposta għall-ittra tagħha tat-13 ta’ Mejju 2002, tirreferi espressament għall-ittra Direktion G, billi tindika li t-trażmissjoni għal impriża oħra mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL hija f’konformità totali ma’ din l-ittra. Issa, għalkemm din l-ittra kienet meqjusa bħala obsoleta u bħala li ma tivvinkolax lill-impriżi inkwistjoni, Ruhrgas ma indikatx li t-trażmissjoni inkwistjoni kienet konformi magħha.

195    L-argument tar-rikorrenti li Ruhrgas kienet irreferiet għall-ittra Direktion G sussidjarjament biss u fil-punt 3 tal-imsemmija ittra, ma huwa ssostanzjat imkien mill-kontenut tal-ittra tal-21 ta’ Mejju 2002 li tiċċita espressament parti mill-punt 1 tal-ittra mingħajr ma tispeċifika li din l-imsemmija ittra sussidjarjament. Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li Ruhrgas għamlet riferiment għall-ittra Direktion G sussidjarjament biss u fil-punt 3 tal-imsemmija ittra, dan ma jippermettix li jiġi pprovat li l-ewwel rikorrenti kienet tqis din l-ittra bħala obsoleta u bil-kontra pjuttost tikkonferma li hija kienet tqis li l-ittra inkwistjoni kienet applikabbli fir-relazzjonijiet tagħha ma’ GDF.

196    Barra minn hekk, fir-rigward tal-minuti ta’ Ruhrgas dwar laqgħa tat-23 ta’ Mejju 2002, jirriżulta b’mod ċar li GDF żgurat li hija ma kellhiex intenzjoni, f’din id-data, li tbigħ gass li ġej mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. L-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li din l-indikazzjoni ta’ GDF kienet biss tattika ta’ negozjar bl-ebda mod ma huma ssostanzjati fil-kontenut tal-imsemmija nota. Min-naħal l-oħra, mill-imsemmi kontenut jirriżulta li tali indikazzjoni saret fil-kuntest ta’ diskussjoni bejn l-impriżi inkwistjoni u għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata bħala purament unilaterali. Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-ewwel rikorrenti ma kellhiex mistoqsijiet dwar dan u lanqas ma aċċettat l-indikazzjoni inkwistjoni ma huwiex tali li juri n-nuqqas ta’ ftehim jew konsultazzjoni, inkwantu dan ma jikkostitwixxix oppożizzjoni manifesta fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 176 iktar ’il fuq.

197    Fir-rigward tal-faks tal-24 ta’ Mejju 2002, hija tikkonferma ż-żamma tal-laqgħa tat-23 ta’ Mejju 2002. Barra minn hekk, hija ma tindikax biss ir-rifjut ta’ GDF li tbigħ il-kapaċitajiet fuq terminu twil fuq is-sistema “Waidhaus/Medelsheim”, iżda wkoll il-possibbiltà li tagħmel eċċezzjonijiet skont il-każ li kieku kellu jsir ir-ristrutturar tal-qafas kuntrattwali tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Hekk kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, madankollu huwa ma jinkludix skambji ta’ sigrieti ta’ negozju.

198    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni spjegat li l-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata kienet issemmi lil dan il-faks tal-24 ta’ Mejju 2002 biss bħala prova supplimentari tal-fatt li l-laqgħa kienet effettivament seħħet. Hija speċifikat li l-kunsiderazzjonijiet relatati mal-iskambju ta’ sigrieti ta’ negozju li jinsabu fl-istess premessa huma relatati mad-dikjarazzjonijiet ta’ GDF hekk kif jirriżultaw mill-minuti li jikkonċernaw il-laqgħa tat-23 ta’ Mejju 2002. Din l-interpretazzjoni ma hijiex konformi mat-test tal-imsemmija premessa. Madankollu, hija ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni globali tal-Kummissjoni li l-din il-laqgħa tat-23 ta’ Mejju 2002 turi r-rieda ta’ GDF li tibqa’ fi ħdan il-qafas previst mill-ittri ta’ akkumpanjament, hekk kif jirriżulta mill-punt 196 iktar ’il fuq.

199    Għalhekk l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu li l-akkordju inkwistjoni waqaf sa minn tmiem is-sena 2001 jew mill-bidu tas-sena 2002 għandhom jiġu miċħuda.

200    It-tielet nett, fir-rigward tal-waqfien allegat tal-ksur sa mill-bidu tas-sena 2003, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni taħt ġurament ta’ wieħed mill-impjegati tagħha li l-possibbiltà għal GDF li tieħu gass mill-punti ta’ ħruġ kollha tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ilha rikonoxxuta sa mill-2003 u f’numru ta’ drabi oħra qabel il-ftehim tal-2004. Dan huwa kkonfermat bi skambju ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Settembru 2003 li jirreferi għal laqgħa tas-6 ta’ Awwissu 2003 u għal abbozz ta’ ftehim provviżorju li jipprovdi li GDF u E.ON Ruhrgas setgħu jużaw il-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ tas-“sistema” kollha.

201    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ E.ON Ruhrgas saret fl-2008 u tibqa’ vaga fir-rigward tad-drabi li matulhom ġie indikat li GDF kellha d-dritt tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Fil-fatt, minkejja li l-imsemmi impjegat isemmi bi preċiżjoni laqgħa waħda biss li seħħet f’Essen (il-Ġermanja) fil-bidu tas-sena 2003, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova li tippermetti li tiġi kkorroborata ż-żamma tal-imsemmija laqgħa u ma jispeċifikaw la d-dati u lanqas il-parteċipanti fid-diskussjonijiet l-oħra li matulhom E.ON Ruhrgas żgurat lil GDF li hija setgħet tieħu gass mill-punti ta’ ħruġ kollha tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli tat iktar kredibbiltà lil provi oħra li jinsabu fil-proċess u li ma ġewx stabbiliti in tempore suspecto (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, point 272) u li, biex iżżid, huma iktar preċiżi. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ E.ON Ruhrgas ma tikkonċernax l-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL.

202    Barra minn hekk, l-abbozz ta’ ftehim imsemmi fil-punt 200 iktar ’il fuq jipprovdi li GDF u E.ON Ruhrgas għandhom id-dritt li jużaw il-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kollu, bil-kundizzjoni li dan ma jaffettwax l-użu tal-punt inkwistjoni mill-parti li għaliha dan ġie installat u bil-kundizzjoni li teżisti kapaċità ta’ tagħbija raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż rilevanti u li l-proċeduri operattivi għall-użu komuni kienu suġġetti għal ftehim. B’hekk, dan l-abbozz ta’ ftehim kellu jissostitwixxi l-ftehim eżistenti konkluż mill-impriżi inkwistjoni dwar MEGAL, biss għal dak li ġie espressament miftiehem. Għal dak kollu li ma ġiex espressament miftiehem fl-abbozz tal-ftehim, il-ftehim eżistenti kellhom ikomplu japplikaw. Il-ftehim ikkonċernat kellu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2003 u kellu jibqa’ fis-seħħ sad-data li fiha l-ftehim li jimplementaw ir-ristrutturar jidħlu fis-seħħ jew sat-30 ta’ Settembru 2004.

203    L-iskambju ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Settembru 2003 jispeċifika li dan id-dokument huwa sempliċement abbozz li jirriżulta minn diskussjonijiet li żvolġew waqt il-laqgħa tas-6 ta’ Awwissu 2003. Ir-rikorrenti barra minn hekk jammettu li l-abbozz ta’ ftehim provviżorju inkwistjoni qatt ma ġie ffirmat.

204    Moqrija flimkien, għandu jiġi kkunsidrat li, filwaqt li bl-ebda mod ma jindikaw li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu li GDF u E.ON Ruhrgas setgħu diġà jużaw il-punti ta’ ħruġ kollha tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, dawn id-dokumenti jindikaw biss li l-impriżi inkwistjoni kienu intiżi sabiex ikun hemm tmiem għat-tqassim tal-punti ta’ ħruġ mill-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass bejn GDF u E.ON Ruhrgas. Dan huwa kkonfermat biċ-ċirkustanza li l-abbozz ta’ ftehim jirreferi għall-ftehim preċedenti bil-kliem “ftehim eżistenti” u jipprovdi li dak li ġie deċiż f’dawn il-ftehim li ma kienx espressament intiż mill-abbozz ta’ ftehim jibqa’ japplika sa ma jiġi konkluż ftehim finali fuq ir-ristrutturar jew sa Settembru 2004. Għaldaqstant ma jistax jiġi dedott minn dawn id-dokumenti li l-impriżi inkwistjoni jqisu li l-ittri Direktion G u Direktion I ma kinux iżjed fis-seħħ.

205    Sussegwentement, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-kuntatti bejn l-impriżi inkwistjoni msemmija mill-Kummissjoni fil-premessi 87, 94, 115, 118, 121, 122 u 180 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux jippermettu li jiġi pprovat li kien qed isir ftehim inkwantu huma ma għandhom ebda relazzjoni ma’ MEGAL ħlief fil-każ ta’ żewġ ittri bil-posta elettronika (ara l-punti 210 u 213 iktar ’il quddiem), qabel kollox għandu jiġi osservat li din l-affermazzjoni ma hijiex eżatta. Fil-fatt, in-nota ta’ “briefing” ta’ GDF tad-29 ta’ Awwissu 2003 tindika li GDF tikkonċentra lilha nnifisha fuq ir-reġjuni tal-Ġermanja li jistgħu jikkostitwixxu żbokk għall-gass li tipproduċi fil-“Baħar tat-Tramuntana Olandiż”, iżda naqset milli ssemmi t-teħid tal-gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL sabiex tikkummerċjalizzah fin-Nofsinhar tal-Ġermanja, l-iktar suq importanti ta’ Ruhrgas. Bl-istess mod, il-pjan ta’ ħidma għall-Ġermanja ta’ GDF Deutschland tat-30 ta’ April 2004 isemmi lil MEGAL f’numru ta’ drabi. Dan il-pjan jinkludi affermazzjoni li tgħid li t-tisħiħ tal-preżenza ta’ GDF fil-Ġermanja għandha ssir permezz tat-tqegħid fis-seħħ ta’ sistema ġdida flimkien ma’ Ruhrgas li tippermetti lil GDF tuża l-interessi tagħha f’MEGAL sabiex issir operatur ta’ veru ta’ trażmissjoni fil-Ġermanja, u jindika li l-possibbiltà li jkollha fil-Ġermanja, f’data viċina, parti mill-kwantitajiet ittranżitati permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL tikkundizzjona s-suċċess ta’ dan ix-xenarju.

206    Barra minn hekk, anki jekk ma jsirx riferiment espliċitu għall-Ftehim MEGAL fid-dokumenti l-oħra msemmija fil-punt 205 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li dawn juru li l-impriżi inkwistjoni kellhom kuntatti ma’ xulxin fejn matulhom huma ddiskutew kwistjonijiet strateġiċi jew sensittivi u baqgħu lura milli jikkompetu mal-impriża l-oħra fis-suq nazzjonali tagħha jew, mill-inqas, daħlu f’dawn is-swieq b’mod volontarjament limitat.

207    Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament sostniet li l-impriżi inkwistjoni kellhom kuntatti ripetuti li matulhom ġiet diskussa l-kompetizzjoni bejniethom, li huma impenjaw ruħhom li ma jadottawx aġir “aggressiv” u li, kieku kellu jkun il-każ, huma kienu jiddeploraw il-każijiet fejn tali aġir kellu jiġi adottat (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

208    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li wħud mid-dokumenti jinkludu biss riflessjonijiet ta’ GDF u jikkonċernaw ilmenti unilaterali jew diverġenzi bejn l-impriżi inkwistjoni ma jistax jintlaqa’, inkwantu ma huwiex issostanzjat bil-kontenut tad-dokumenti. Fil-fatt, numru ta’ dokumenti, anki jekk huma redatti b’mod unilaterali, huma fil-verità minuti ta’ diskussjonijiet bejn l-impriżi inkwistjoni u għaldaqstant juru effettivament li kien hemm kuntatti bejn l-impriżi fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ lmenti jew diverġenzi turi effettivament li ż-żewġ impriżi daħlu f’kuntatt fir-rigward tal-bejgħ ta’ gass tal-parti l-oħra.

209    Bl-istess mod, il-fatt li ċerta informazzjoni li tinsab fid-dokumenti dwar l-attivitajiet ta’ għaqda u ta’ xiri diġà hija magħrufa fl-oqsma speċjalizzati — jekk wieħed iqis li din ġiet ikkonstatata — ma huwiex rilevanti u għaldaqstant ma huwiex tali li jinvalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, mill-kontenut ta’ dawn id-dokumenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi kkunsidrat li dawn jindikaw li l-kuntatti bejn l-impriżi inkwistjoni kienu taw lok għal skambji fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali.

210    Fir-rigward tal-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi osservat li, permezz tagħha, il-persuna responsabbli mill-bejgħ fi Franza ta’ E.ON Ruhrgas informat lil żewġ impjegati ta’ E.ON Ruhrgas fil-Ġermanja dwar laqgħa li saret ma’ impjegat ta’ GDF (li huwa wieħed minn sħabu antiki tal-iskola) dwar il-kwistjonijiet ta’ ċessjoni ta’ gass fi Franza u dwar l-interess eventwali ta’ E.ON Ruhrgas u ta’ GDF li jesploraw soluzzjonijiet li jippermettu “kompetizzjoni raġunata”. Minn dan jirriżulta li, minkejja li GDF ma xtaqitx tidher li qed tibża’ mill-pressjoni magħmula mill-awtorità nazzjonali li tirregola l-enerġija, hija ma kinitx qed tinjora din il-pressjoni u ma apprezzatx wisq il-fatt li kienet wisq direttament is-suġġett ta’ kritika u li għaldaqstant, jekk seta’ sar xi ħaġa sabiex jintwera li impriżi ġodda setgħu jidħlu fiż-żona tan-Nofsinhar ta’ Franza, hija kienet tilqagħha pożittivament. Minn dan jirriżulta wkoll li, peress li GDF xtaqet tissodisfa lil din l-awtorità, l-impjegat tagħha ssuġġerixxa skambju li permezz tiegħu GDF kienet tforni gass lil E.ON Ruhrgas fiż-żona tan-Nofsinhar ta’ Franza, suġġett għal kontroparti. F’dan ir-rigward, skont il-posta elettronika, dan l-impjegat kellu l-intenzjoni jittratta fuq kollox il-kwistjonijiet li jikkonċernaw MEGAL. Minn din il-posta elettronika jirriżulta wkoll li l-impjegat ta’ GDF indika li, skont l-għarfien tiegħu tal-Ftehim MEGAL, il-kapaċitajiet kollha tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL li kienu jeżistu f’Medelsheim kienu rriżervati minn GDF, b’tali mod li fil-fatt anki l-volumi li E.ON Ruhrgas kienet timporta, f’din id-data, kienu illegali.

211    Il-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004, redatta in tempore non suspecto, bil-kontra tad-dikjarazzjoni mogħtija taħt ġurament tal-impjegat ta’ E.ON Ruhrgas invokata mir-rikorrenti (ara l-punt 201 iktar ’il fuq), tikkorrobora b’hekk mingħajr ekwivoku l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li kien jeżisti ftehim ta’ tqassim tas-swieq bejn l-impriżi inkwistjoni f’Marzu 2004.

212    Ebda wieħed mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jidher tali li jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni. Minn naħa, fir-rigward tal-argument li l-impjegat ta’ GDF isemmi fil-posta elettronika tiegħu tas-16 ta’ Marzu 2004 ma kien responsabbli la tax-xiri u lanqas tal-użu tal-gass, dan ma huwiex rilevanti fid-dawl tal-informazzjoni espliċita u ddettaljata li ġiet skambjata waqt id-diskussjoni. Min-naħa l-oħra l-ispjegazzjonijiet alternattivi pprovduti mir-rikorreni ma humiex issostanzjati u ma jikkorrispondux għall-kontenut ta’ din il-posta elettronika. Fil-fatt, il-fatt li l-kelma “illegali” hija segwita minn tliet punti interrogattivi u ppreċeduta bil-kliem “skont l-għarfien tagħha” ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li kien jeżisti dubju fir-rigward tar-realtà tat-tqassim tas-swieq.

213    Fir-rigward tal-minuti għal-laqgħa “Tour d’horizon” tad-29 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ din tal-aħħar, impjegat ta’ E.ON Ruhrgas irredieġa minuti ta’ laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ GDF li matulha dawn tal-aħħar indikaw li GDF kellha l-intenzjoni li tipparteċipa fil-PTG, minħabba l-biża’ li l-gass Russu jaqa’ “taħt idejn ħżiena” u li kompetizzjoni supplimentari tiżviluppa tul il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Għalkemm huwa minnu, hekk kif josservaw ir-rikorrenti, li dawn l-affermazzjonijiet jidhru li jikkonċernaw pjuttost il-kompetizzjoni mit-terzi milli l-kompetizzjoni bejn l-impriżi inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li minn dan id-dokument jirriżulta li GDF u E.ON Ruhrgas xtaqu jikkontrollaw il-kwantitajiet ta’ gass mibjugħa “tul il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL”.

214    Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li dan id-dokument għandu jiġi interpretat b’mod differenti, dan ma jkunx tali li jqiegħed inkwistjoni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni, inkwantu numru ta’ provi b’dokumenti oħra jindikaw li l-ftehim ta’ tqassim tas-swieq kompla jiġi implementat fil-bidu tas-sena 2004, hekk kif jirriżulta mill-punti 200 sa 212 iktar ’il fuq.

215    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti li l-akkordju inkwistjoni waqaf sa mill-bidu tas-sena 2003 għandhom jiġu miċħuda.

216    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li l-akkordju allegat waqaf, mill-inqas f’Awwissu 2004, jeħtieġ qabel kollox li jitfakkar li l-impriżi inkwistjoni ffirmaw, fit-13 ta’ Awwissu 2004, ftehim li jipprovdi li huma “jikkonfernaw li sa minn żmien twil huma jqisu” li l-ittri Direktion G u Direktion I huma “nulli u mingħajr effett” (ara l-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

217    Madankollu l-Kummissjoni qieset li din ir-reżiljazzjoni kienet finzjoni, inkwantu GDF kompliet tqis lilha nnifisha marbuta bl-ittri Direktion G u Direktion I u l-anness 2 tal-Ftehim MEGAL. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-restrizzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma ġietx fi tmiemha qabel tmiem ix-xahar ta’ Settembru 2005. Hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim interim tad-9 ta’ Settembru 2005 ppermetta lil GDF sabiex tikkummerċjalizza l-kapaċitajiet tagħha ta’ trażmissjoni fuq il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL mill-1 ta’ Ottubru 2005 u li l-ftehim tal-2005 daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2005. Barra minn hekk hija osservat, fl-istess premessa, li, fl-istess waqt, il-bejgħ minn GDF ta’ gass li ġej minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass lil klijenti stabbiliti fil-Ġermanja qabżu kunsiderevolment l-ammonti li hija xtrat fil-kuntest tal-PTG minn Ottubru 2005 biss. Għaldaqstant hija qieset li l-Artikolu 81 KE kien japplika ġaladarba l-konsultazzjoni tkompliet wara l-waqfien tal-ftehim preċedenti u kompliet tipproduċi l-effetti tagħha sa meta ġie ssostitwit il-Ftehim MEGAL.

218    F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-suq Ġermaniż u dak Franċiż.

219    Fir-rigward tas-suq Ġermaniż, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ssemmi, fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, artiklu tal-istampa tat-23 ta’ Awwissu 2004 minn ġurnal speċjalizzat, relatat mal-istqarrijiet tad-direttur tal-bejgħ ta’ GDF fil-Ġermanja u li jinkludi elementi preċiżi ħafna li jikkonċernaw il-limiti għall-possibbiltajiet għal GDF li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. F’dan l-artiklu tal-istampa, huwa b’mod partikolari sostnut li GDF kienet għadha ma waslitx għal ftehim definittiv ma’ E.ON Ruhrgas fir-rigward tal-possibbiltà li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fil-Ġermanja u li, fil-mument tar-redazzjoni tal-imsemmi artiklu tal-istampa, il-possibbiltajiet ta’ teħid ta’ gass kienu limitati.

220    Il-provi ċċitati mir-rikorrenti, jiġifieri l-minuti tal-laqgħa tat-23 ta’ Ġunju 2004 u l-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2004, redatta b’reazzjoni għall-artiklu tal-istampa tat-23 ta’ Awwissu 2004, ma humiex tali li jqiegħdu dubji fir-rigward tal-valur probatorju tal-imsemmi artiklu tal-istampa, inkwantu huma kkontestati minn dokumenti oħra sussegwenti kif ukoll mill-aġir ta’ GDF fis-suq (ara l-punti 221 sa 235 iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, għalkemm mill-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2004 jirriżulta li E.ON Ruhrgas ikkonfermat, bosta drabi, li GDF setgħet tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, jirriżulta wkoll li dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkollha kapaċitajiet fl-istazzjonijiet ta’ metering u li, fuq talba ta’ GDF, possibbiltajiet ta’ tkabbir għall-istazzjonijiet ġew eżaminati, liema fatt jindika, fil-prattika, li l-possibbiltajiet għal GDF li tieħu gass fil-Ġermanja kienu għadhom, f’din id-data, mill-inqas limitati. Fl-aħħar nett, kif indikat il-Kummissjoni, minn dan id-dokument jirriżulta b’mod ċar li E.ON Ruhrgas esprimiet lil GDF li ma kienx kostruttiv li wieħed ixandar fil-pubbliku deskrizzjoni jew diskussjonijiet li jikkonċernaw il-possibbiltajiet li jittieħed gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, liema fatt juri li l-għan segwit minn E.ON Ruhrgas kien fuq kollox li GDF tifhem li kien preferibbli li ma jsirux dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar is-suġġett.

221    B’hekk, numru ta’ dokumenti sussegwenti għal Awwissu 2004 juru t-tkomplija tal-ksur fis-suq Ġermaniż.

222    L-ewwel nett, fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni straħet fuq nota interna ta’ GDF ta’ Jannar 2005 li kienet tindika li, sa minn madwar tliet snin, l-attività kummerċjali ta’ GDF kienet ikkonċentrat ruħha fuq ir-reġjuni tal-majjistral tal-Ġermanja u li, sussegwentement, ix-xiri ta’ lottijiet bl-irkant minn E.ON Ruhrgas f’Mejju 2004 kien ippermetta l-bidu attiv ta’ stħarriġ ta’ negozju u ta’ kkummerċjalizzar fin-Nofsinhar mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Il-Kummissjoni semmiet ukoll il-pjan ta’ żvilupp fil-Ġermanja ta’ GDF tat-2 ta’ Settembru 2005, li fih jirriżulta li, għal raġunijiet kuntrattwali, GDF ma setgħetx tieħu gass mid-diversi punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, u lanqas ma setgħet tikkummerċjalizza direttament il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni li hija kellha. Il-konklużjoni mistennija ta’ kuntratt ġdid ma’ E.ON Ruhrgas għat-tħaddim tal-pajp jista’ jbiddel din is-sitwazzjoni.

223    Fir-rigward tan-nota interna ta’ GDF ta’ Jannar 2005, għandhom jiġu miċħuda l-interpretazzjonijiet alternattivi pprovduti mir-rikorrenti, inkwantu huma ma humiex issostanzjati. Bil-kontra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest, u b’mod partikolari d-dokumenti preċedenti msemmija fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-pjan ta’ żvilupp fil-Ġermanja ta’ GDF tat-2 ta’ Settembru 2005, jidher li jikkonferma l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-leġittimazzjoni msemmija minn GDF tikkonċerna l-Ftehim MEGAL.

224    Fir-rigward tal-pjan ta’ żvilupp fil-Ġermanja ta’ GDF tat-2 ta’ Settembru 2005, l-argumenti tar-rikorrenti lanqas ma jistgħu jiġu aċċettati. Fil-fatt, l-allegazzjonijiet li l-passaġġ iċċitat ġie skematikament ikkopjat minn verżjoni preċedenti u li r-riferiment tal-1 ta’ Jannar 2004 ma fih ebda sens ma humiex tali li jqiegħdu inkwistjoni l-valur probatorju tal-imsemmi dokument. Bil-kontra, il-fatt li l-passaġġ inkwistjoni reġa’ ssemma filwaqt li partijiet oħra tad-dokument kienu ġew aġġornati juri li s-sitwazzjoni dwar il-bejgħ ta’ gass fil-Ġermanja permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL baqgħet l-istess. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dokument huwa ddatat it-2 ta’ Settembru 2005, liema fatt għaldaqstant ma jinsabx f’kontradizzjoni mad-data ta’ waqfien tal-ksur inkwistjoni kkunsidrata mill-Kummissjoni.

225    Għandu jiġi wkoll miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-fatt li GDF tkompli tqis lilha nnifisha vvinkolata bil-ftehim, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti interni msemmija fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa mingħajr rilevanza għall-ewwel rikorrenti li validament ħadet id-distanzi tagħha mill-akkordju. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, id-dokumenti interni ta’ GDF jistgħu jintużaw bħala prova kontra l-ewwel rikorrenti. Issa, f’dan il-każ, minn dawn id-dokumenti u mill-aġir ta’ GDF fis-suq jirriżulta li l-waqfien tal-akkordju ma kienx effettiv fis-suq Ġermaniż.

226    It-tieni nett, il-Kummissjoni semmiet, fil-premessi 123, 124 u 131 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, kuntatti bejn l-impriżi inkwistjoni sussegwenti għal Awwissu 2004. F’dan ir-rigward hija tinvoka numru ta’ dokumenti li, anki jekk ma jsemmux espressament il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, jippermettu li jiġi stabbilit li l-impriżi inkwistjoni kellhom kuntatti fir-rigward tad-dħul ta’ GDF fis-suq Ġermaniż u lmenti minn E.ON Ruhrgas f’dan ir-rigward.

227    Fil-fatt, minn nota ta’ GDF tad-9 ta’ Frar 2005 jirriżulta b’mod partikolari li E.ON Ruhrgas kienet akkużat lil GDF talli “tiddistruġġi” l-valur tal-gass fil-Ġermanja u talli tapprofitta ruħha minn differenzjali ta’ prezzijiet bejn il-parti li tiġbor fiha l-industrijalisti u dik tal-kumpanniji tal-gvern, sabiex tikseb klijenti ġodda u li GDF kienet tqis li kien meħtieġ “li wieħed jaħdem fuq din il-kwistjoni”. Issa, f’kuntest kompetittiv normali, impriża ma jkollhiex l-intenzjoni li “taħdem” fuq l-akkużi tal-kompetitur tagħha dwar il-prattika tagħha tal-prezzijiet. Għaldaqstant dan juri li GDF kellha l-intenzjoni li tindirizza t-tħassib ta’ E.ON Ruhrgas.

228    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta operatur ekonomiku jaċċetta l-ilmenti indirizzati lilu minn operatur ieħor dwar il-kompetizzjoni magħmula fil-konfront ta’ dan tal-aħħar mill-prodotti derivanti mill-ewwel operatur, l-aġir tal-partijiet ikkonċernati jikkostitwixxi prattika miftiehma (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 283). Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li, billi indikat li hija kienet ser “taħdem fuq din il-kwistjoni” dwar l-ilmenti ta’ E.ON Ruhrgas li jikkonċernaw il-prattiki tal-prezzijiet tagħha fil-Ġermanja, kif ukoll billi, wara li saru lmenti minn E.ON Ruhrgas dwar il-prezzijiet mitluba minnha fil-kuntest ta’ bejgħ lil kumpanniji tal-istat, irrediġiet nota f’April 2005, GDF aċċettat l-imsemmija lmenti fis-sens din il-ġurisprudenza, anki jekk hija kienet tqis, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari minn din in-nota ta’ April 2005, li kien meħtieġ li tiġi rrelativizzata l-perċezzjoni ta’ E.ON Ruhrgas.

229    Bl-istess mod, in-nota preparatorja ta’ GDF tal-5 ta’ Settembru 2005 dwar laqgħa li kellha sseħħ l-għada tistabbilixxi lmenti ta’ E.ON Ruhrgas dwar il-prezzijiet proposti minn GDF li, min-naħa tagħha tistaqsi dwar il-mod li bih E.ON Ruhrgas waslet għal dawn il-prezzijiet, liema fatt juri li GDF ħadet inkunsiderazzjoni l-ilmenti ta’ E.ON Ruhrgas u kienet tirreaġixxi għalihom kif meħtieġ.

230    Għalhekk, fid-dawl tal-kontenut tad-dokumenti ċċitati fil-punti 227 sa 229 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti li dawn id-dokumenti jikkonċernaw komunikazzjonijiet unilaterali u lmenti ta’ E.ON Ruhrgas li għalihom GDF ma rreaġixxietx ma jistgħux jiġu milqugħa.

231    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokumenti dwar il-laqgħa tal-21 ta’ Settembru 2005, f’dan il-każ nota ta’ “briefing” tal-20 ta’ Settembru 2005 ippreparata għal din il-laqgħa u posta elettronika tat-22 ta’ Settembru 2005 li tispjegaha fil-qosor, li jissemmew fil-premessi 132 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu ċertament jiġi osservat, hekk kif josservaw ir-rikorrenti, li dawn jiżvelaw l-eżistenza ta’ negozjati bejn xerrej (E.ON Ruhrgas) u fornitur (GDF Deutschland). Madankollu, xorta jibqa l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-minuti tal-imsemmija laqgħa u kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, waqt din il-laqgħa, GDF esprimiet l-istrateġija tagħha u s-suċċess tagħha fis-suq Ġermaniż.

232    Għaldaqstant mingħajr ma wettqet żball il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dokumenti relatati mal-laqgħa tal-21 ta’ Settembru 2005 sabiex tikkunsidra li l-iskambju bejn l-impriżi inkwistjoni kien jikkonċerna iktar ftehim milli kompetizzjoni.

233    Barra minn hekk, it-tkomplija tal-ksur fil-Ġermanja wara Awwissu 2004 hija kkonfermata, hekk kif jirriżulta fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, bl-aġir ta’ GDF fis-suq, inkwantu hija ma pprovdietx gass lil klijenti li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ġermanja lil hinn mill-volumi previsti mill-PTG.

234    L-ispjegazzjonijiet alternattivi pprovduti mir-rikorrenti fir-rigward tal-aġir ta’ GDF fis-suq ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jagħtu spjegazzjoni differenti għall-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li jissostitwixxu spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti għal dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji hija rilevanti biss meta l-Kummissjoni tistrieħ biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 186, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan ma huwiex il-każ inkwistjoni, ġaladarba l-Kummissjoni tistrieħ fuq bosta provi dokumentali li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni, hekk kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, li jipprovaw li huma kienu neqsin minn saħħa probatorja.

235    Barra minn hekk, l-elementi msemmija mir-rikorrenti jmorru kontra d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-anness 2 tal-Ftehim MEGAL li ma jagħtix lil GDF id-dritt li jieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja, sakemm l-impriżi inkwistjoni ma jiftiehmux mod ieħor, fejn xejn ma jindika li, f’din id-data, huma kienu ġew imħassra jew li l-imsemmija impriżi kienu ftiehmu b’mod formali li jemendawhom.

236    Fil-fatt, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehim tal-2004 ma jsemmix l-anness 2 tal-Ftehim MEGAL, liema fatt huwa rikonoxxut mir-rikorrenti. Fil-fatt jirriżulta espliċitament mill-kliem tal-ftehim tal-2004 li dan jikkonċerna biss uħud mill-ittri ta’ akkumpanjament u mhux dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim MEGAL.

237    Barra minn hekk, il-ftehim tal-2004 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “ftehim kuntrarju” fis-sens tal-punti 2.1 tal-Ftehim MEGAL. Fil-fatt, dan ma jirriżultax mit-test tal-ftehim tal-2004, iżda, barra minn hekk, dan kien implika li punti ġodda ta’ ħruġ mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL li minnhom GDF setgħet tibbenefika huma ddefiniti fl-imsemmi ftehim, li ma jsemmi ebda punt ta’ ħruġ.

238    Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi mħassar bi ftehim verbali l-anness 2 tal-Ftehim MEGAL, din tmur kontra l-ħtieġa li jiġu ddefiniti punti ta’ ħruġ ġodda mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL imsemmija fil-punt 237 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jiġi sostnut li l-imsemmi anness kien neċessarjament ġie mħassar fid-dawl tal-affermazzjonijiet li jinsabu fid-dokumenti tat-23 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2004 ma jistgħux jintlaqgħu, inkwantu, hekk kif jirriżulta mill-punti 220 sa 234 iktar ’il fuq, l-imsemmija dokumenti ma ppermettewx li jiġi pprovat il-waqfien tal-ksur inkwistjoni.

239    Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-anness 2 tal-Ftehim MEGAL għandhom jiġu miċħuda.

240    Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li kien hemm it-tkomplija tal-ksur inkwistjoni fis-suq Ġermaniż tat-30 ta’ Settembru 2005.

241    Fir-rigward tas-suq Franċiż, għandu jiġi kkonstatat, bħal ma jsostnu r-rikorrenti, li, fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżami tad-data ta’ tmiem il-ksur inkwistjoni, jiġifieri l-premessi 299 sa 309, il-Kummissjoni ma ressqet ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-ksur kompla, wara l-ftehim tal-2004, fuq dan is-suq.

242    Fil-fatt, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li ebda prova dokumentali ma turi t-tkomplija tal-ksur inkwistjoni wara t-13 ta’ Awwissu 2004, sew jekk taħt forma ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma. B’hekk, l-aħħar dokument li jikkonċerna s-suq Franċiż huwa n-nota ta’ “briefing” interna ta’ E.ON Ruhrgas tas-26 ta’ Ġunju 2004 dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tat-2 ta’ Lulju 2004, li tippreċedi t-13 ta’ Awwissu 2004, data tal-ftehim tal-2004. Iktar preċiżament, fir-rigward tal-laqgħat li matulhom, skont il-premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi inkwistjoni ddiskutew l-istrateġija rispettiva tagħhom fis-suq nazzjonali ta’ xulxin wara Awwissu 2004, għandu jiġi osservat li fl-imsemmija premessa l-Kummissjoni ma tirreferi għal ebda element dokumentarju speċifiku relatat ma’ laqgħa li kkonċerna s-suq Franċiż. Barra minn hekk, id-dokument li jikkonċerna l-laqgħat sussegwenti għat-13 ta’ Awwissu 2004 ċċitati fil-premessi 123, 124 u 130 sa 136 tal-imsemmija deċiżjoni jirreferu biss għas-suq Ġermaniż tal-gass u mhux għas-suq Franċiż.

243    Dan in-nuqqas ta’ provi dokumentali huwa wara kollox impliċitament rikonoxxut mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, peress li hija ssostni li t-tkomplija tal-ksur fi Franza tirriżulta mir-reċiproċità tat-tqassim tas-suq u min-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ waqfien esklużivament applikabbli għas-suq Franċiż.

244    Barra minn hekk, fir-rigward tar-restrizzjonijiet relatati mal-punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL li jistgħu japplikaw għal Ruhrgas fi Franza, b’mod partikolari dawk li jistgħu jirriżultaw mill-anness 2 tal-Ftehim MEGAL, dawn lanqas biss huma invokati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar, tirreferi biss, fil-premessi 299, 300 u 307 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-restrizzjonijiet kuntrattwali li jipprekludu lil GDF milli tuża l-punti ta’ ħruġ tal-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fil-Ġermanja sabiex tforni lil klijenti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-anness 2 tal-Ftehim MEGAL li jikkonċernawha, E.ON Ruhrgas setgħet tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL sabiex tbigħu fi Franza, anki jekk dan il-bejgħ kien jirrappreżenta biss parti żgħira tas-suq u kienet tikkonċerna biss ftit klijenti, hekk kif jirriżulta mill-premessi 73 u 101 tad-deċiżjoni kkontestata.

245    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-fatt li l-impriżi inkwistjoni nnegozjaw ftehim ġdid jindika li huma kienu għadhom iħossuhom marbuta mill-ftehim eżistenti, jew l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, fin-nuqqas ta’ ftehim ġdid, dak qadim kien għadu fis-seħħ, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jippermettu li jiġu ssostanzjati suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-konklużjonijiet tagħha li jikkonċernaw is-suq Franċiż. Tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala provi suffiċjentement preċiżi u konkordanti li l-ksur tkompla, fi Franza, wara l-ftehim tal-2004.

246    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tressaq ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-ksur inkwistjoni kien tkompla, wara l-ftehim tal-2004, fis-suq Franċiż.

247    Issa, peress li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jagħmel distinzjoni bejn it-tul tal-ksur fis-suq Ġermaniż u dak fis-suq Franċiż, il-Kummissjoni kellha wkoll tissostanzja l-konklużjoni tagħha dwar dan l-aħħar suq. Fi kliem ieħor, billi kkaratterizzat, fl-Artikolu 1, tul ta’ ksur distinti fis-suq Ġermaniż u fis-suq Franċiż, il-Kummissjoni kellha tipprovdi l-provi neċessarji li jippermettu li jiġi pprovat suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza tal-ksur fiż-żewġt iswieq u matul it-tul ta’ żmien imsemmi għaż-żewġ pajjiżi. Fil-fatt, hija għandha l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur, u, għaldaqstant, tat-tul tiegħu (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, punt 341, u l-ġurisprudenza ċċitata).

248    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jitqiegħdux inkwistjoni biċ-ċirkustanza li l-ksur jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza fir-rigward tan-natura tal-ksur ikkonstatat hija mingħajr effett fuq il-fatt li, ladarba l-Kummissjoni deliberatament semmiet, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, tul tal-ksur distint fis-suq Franċiż u fis-suq Ġermaniż, hija kellha l-obbligu li tipprova suffiċjentement skont kif meħtieġ mil-liġi t-tul ta’ ksur li għalhekk ġie kkunsidrat.

249    Bl-istess mod, l-argument tal-Kummissjoni li l-projbizzjoni minn provvisti kienet ibbażata fuq ftehim ta’ reċiproċità għandu jiġi miċħud, ġaladarba, jekk jitqies ukoll li l-projbizzjonijiet minn provvisti kienu bbażati fuq ftehim ta’ reċiproċità, tali element ma jippermettix, waħdu, li jippova li l-ksur inkwistjoni ma ntemmx, minkejja l-ftehim tal-2004.

250    Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovdietx provi dokumentali tal-ksur inkwistjoni fis-suq Franċiż wara l-ftehim tal-2004.

–       Fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni wara l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass

251    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ kompetizzjoni stabbilita permezz tal-Artikoli 81 KE u 82 KE tikkonċerna ruħha mir-riżultati ekonomiċi tal-ftehim, jew minn kull forma paragunabbli ta’ ftehim ieħor jew ta’ koordinazzjoni, pjuttost milli mill-forma ġuridika tagħhom. B’hekk, fil-każ ta’ akkordji li waqfu milli jkunu fis-seħħ, jeħtieġ sempliċement, sabiex japplika l-Artikolu 81 KE, li l-effetti tagħhom ikomplu wara l-waqfien formali tagħhom. Minn dan jirriżulta li t-tul ta’ ksur ma għandux jiġi evalwat skont il-perijodu li matulu ftehim huwa fis-seħħ, iżda skont dak li matulu l-impriżi inkriminati adottaw aġir ipprojbit mill-Artikolu 81 KE (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 187, u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    Kif ġie pprovat fil-punti 169 sa 245 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jipprovaw li l-ftehim inkwistjoni waqaf qabel Awwissu 2004 fir-rigward tas-suq Franċiż u f’Settembru 2005 fir-rigward tas-suq Ġermaniż ma jistax jintlaqa’. Sa fejn l-eżistenza tal-ksur u, fir-rigward tas-suq Ġermaniż, it-tkomplija tal-ftehim minkejja t-tħassir formali tiegħu jiġu stabbilit permezz ta’ provi dokumentali, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fir-rigward tal-perijodi u tas-swieq imsemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, li kieku kellu jitqies li l-imsemmija impriżi ma implementawx il-ftehim inkwistjoni u adottaw aġir awtonomu wara l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass, dan ikun mingħajr effett, billi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu, ġaladarba jidher li dan kellu bħala għan li jipprekludi, jirrestrinġi jew li jagħmel distorsjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 234 iktar ’il fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiċċaraw b’mod differenti l-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li b’hekk jippermettu li spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti tiġi ssostitwita ma’ dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li kien jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji hija rilevanti biss meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur.

253    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-suq Franċiż tal-gass wara l-10 ta’ Awwissu 2004, mill-punti 241 sa 245 iktar ’il fuq jirriżulta li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma ressqet ebda prova li tippermetti li jintwera li x-xoljiment tal-ftehim kien fittizju. Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 252 iktar ’il fuq, huwa essenzjali li jiġi ddeterminat jekk, lil hinn mill-waqfien formali tal-ftehim, il-Kummissjoni pprovatx li l-effetti fuq is-suq Franċiż tkomplewx.

254    Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tinvokax l-aġir ta’ E.ON Ruhrgas fis-suq Franċiż sabiex tipprova t-tkomplija tal-akkordju f’dan is-suq. B’mod partikolari hija ma għamlitx riferiment għall-bejgħ ta’ E.ON Ruhrgas fi Franza, filwaqt li dan għamlitu, fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-bejgħ ta’ GDF fil-Ġermanja.

255    Barra minn hekk, mill-provi pprovduti mir-rikorrenti jirriżulta li E.ON Ruhrgas żiedet kunsiderevolment il-bejgħ tagħha ta’ gass fi Franza fl-2004/2005 (ara b’mod partikolari l-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, anki jekk il-livell ta’ bejgħ ta’ E.ON Ruhrgas fi Franza baqa’ dgħajjef fl-2004 u fl-2005 u kien jikkonċerna numru limitat ta’ klijenti, dan jikkonferma l-waqfien mill-ksur inkwistjoni wara Awwissu 2004 fis-suq Franċiż.

256    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skont kif meħtieġ mil-liġi li l-ksur inkwistjoni kien tkompla wara l-10 ta’ Awwissu 2004, u dan sat-30 ta’ Settembru 2005, sa fejn kien jikkonċerna s-suq Franċiż tal-gass.

257    Għaldaqstant hemm lok li jintlaqa’ parzjalment it-tieni motiv u li jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fi Franza bejn it-13 ta’ Awwissu 2004 u t-30 ta’ Settembru 2005.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

258    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, billi imponitilhom multa meta ma kinitx aġixxiet b’dan il-mod f’kawżi simili preċedenti, (kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL), il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

259    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2203 għandu bħala għan li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjoni ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 105). Din il-funzjoni tinkludi d-dmir li tinvestiga u li twaqqaf ksur individwali kif ukoll id-dover li ssegwi politika ġenerali sabiex fil-qasam tal-kompetizzjoni jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u sabiex torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Għalhekk il‑Kummissjoni għandha tiżgura li l-multi jkunu ta’ natura dissważiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 79).

260    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix fiha nnifisha bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, ġaladarba dan huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003 u fil-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 254, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal‑eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni, peress li ma tantx huwa probabbli li ċirkustanzi li jkunu partikolari għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l‑perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60).

261    Madankollu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat, għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni meta timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħal ma għandu jiġi osservat minn kull istituzzjoni fl-attivitajiet kollha tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra p. II‑49, punt 187, u l-ġurisprudenza ċċitata).

262    Xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss jekk jiġi pprovat li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punt 316, u l-ġurisprudenza ċċitata).

263    Issa, f’dan il-każ, id-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati mad-deċiżjonijiet preċedenti invokati mir-rikorrenti ma humiex paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni, sabiex b’hekk l-imsemmija deċiżjonijiet ma humiex rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 262 iktar ’il fuq.

264    Fil-fatt, qabel kollox, il-fatt li l-aġir ikkonċernat seħħ fis-settur tal-gass fl-istess perijodu, ikkaratterizzat bil-liberalizzazzjoni u għaldaqstant evoluzzjoni profonda tas-settur, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jipprova li ċ-ċirkustanzi tal-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL huma paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni.

265    Sussegwentement, fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan kien jikkonċerna l-ewwel deċiżjoni dwar restrizzjonijiet territorjali fis-settur tal-gass. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

266    Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet ikkonċernati huma differenti skont in-natura tagħhom. Fil-fatt, dawk inkwistjoni fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL kienu ta’ natura vertikali, billi kienu jirriżultaw, minn naħa, minn kuntratt ta’ tranżitu u, min-naħa l-oħra, minn kuntratt li jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ xiri-bejgħ. Barra minn hekk mill-eżami mwettaq f’dawn il-kawżi mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 81(3) KE, jirriżulta li hija stess kienet tqis ir-restrizzjonijiet bħala restrizzjonijiet vertikali. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk fejn ir-restrizzjoni hija ta’ natura orizzontali, billi tirriżulta minn ftehim bejn żewġ fornituri fir-rigward tal-użu ta’ pajp għat-trażmissjoni ta’ gass u tikkonċerna l-possibbiltajiet rispettivi tagħhom li jbigħu gass fis-suq ta’ xulxin. Barra minn hekk, il-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL huma differenti mill-każ inkwistjoni, hekk kif osservat il-Kummissjoni, peress li l-kawżi kienu jikkonċernaw klawżola kuntrattwali li tillimita b’mod unilaterali t-territorju li fuqu ENI u ENEL setgħu jużaw il-gass li kien is-suġġett tal-kuntratt, filwaqt li dan ma huwiex il-każ hawnhekk, fejn ir-restrizzjoni tikkonċerna t-territorji rispettivi tal-impriżi inkwistjoni.

267    Fl-aħħar nett, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, mill-provi inklużi fl-atti (ara b’mod partikolari l-punt 191 iktar ’il fuq) li l-partijiet fil-ftehim inkwistjoni kienu jafu dwar l-illegalità tal-aġir tagħhom, mill-inqas sa mill-bidu tas-snin 2000. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-bona fide tagħhom sabiex jiġu ttrattati bħala l-impriżi kkonċernati fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL li jeskludu l-fatt li l-aġir tagħhom kien jikser id-dritt tal-kompetizzjoni.

268    Fir-rigward tad-differenzi msemmija preċedentement, il-fatt li l-ksur ikkonċerna impriżi ta’ daqs paragunabbli u Stati Membri identiċi jew paragunabbli ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjonijiet kienu paragunabbli.

269    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-aġir inkwistjoni f’dan il-każ u fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL ma huwiex ta’ natura paragunabbli u ma jippreżentax l-istess karatteristiċi, b’tali mod li l-motiv dwar ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-ksur allegat li jirriżulta mill-ftehim tal-1975

270    Ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn is-setgħa tal-Kummissjoni sabiex timponi multi hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin u fejn din il-preskrizzjoni ġiet interrotta mill-verifiki li seħħew fis-16 u s-17 ta’ Mejju 2006, huma biss il-fatti li seħħew wara s-16 ta’ Mejju 2001 li huma suġġetti għal azzjoni. Huma jqisu li pprovaw fil-kuntest tat-tieni motiv li l-ksur allegat kien waqaf kemxejn wara l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass f’April 1998 fir-rigward tal-Ġermanja u f’Awwissu 2000 fir-rigward ta’ Franza.

271    Hekk kif jirriżulta mill-iżviluppi li jikkonċernaw it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti, il-ksur inkwistjoni ntemm f’Settembru 2005 fir-rigward ta’ dak imwettaq fil-Ġermanja u f’Awwissu 2004 fir-rigward ta’ dak imwettaq fi Franza. Il-fatti li fir-rigward tagħhom tressqet azzjoni ma kinux għaldaqstant preskritti fil-mument meta l-Kummissjoni għamlet il-verifiki tagħha.

272    Għalhekk, ir-raba’ motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li t-tieni rikorrenti ma huwiex responsabbli għall-aġir tal-ewwel rikorrenti

273    Ir-rikorrenti jsostnu li r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni ma tistax tiġi attribwita lit-tieni rikorrenti, inkwantu, l-ewwel nett, din tal-aħħar ma pparteċipatx direttament fil-ksur u, it-tieni nett, il-preżunzjoni li l-kumpannija parent eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha 100 % miżmuma minnha ġiet ikkonfutata.

274    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni lment.

275    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din il-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

276    Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 59).

277    Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

278    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

279    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 74).

280    Ma hemmx lok, b’mod partikolari, li din l-evalwazzjoni tkun limitata biss għall-elementi relatati mal-politika kummerċjali stricto sensu tas-sussidjarja, bħall-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, is-sempliċi prova li hija sussidjarja li tamministra dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi direttivi f’dan ir-rigward ma huwiex biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li s-sussidjarja hija awtonoma. A fortiori, il-kriterju dwar jekk il-kumpannija parent indaħlitx fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tas-sussidjarja tagħha huwa nieqes minn rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 73, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għal din is-sentenza, Ġabra p. I‑8241, punti 87 sa 94).

281    F’dan il-każ, fil-premessi 280 u 281 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li E.ON kellha titqies li eżerċitat influwenza deċiżiva u kontroll effettiv fuq E.ON Ruhrgas, peress li E.ON kienet iżżomm 100 % ta’ E.ON Ruhrgas u ma kinitx ikkonfutat il-preżunzjoni prevista mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq.

282    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li E.ON kienet iżżomm il-kapital kollu ta’ E.ON Ruhrgas sa minn Jannar 2003. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jqisu li huma kkonfutaw il-preżunzjoni, inkwantu E.ON hija sempliċi kumpannija holding, mingħajr attività operattiva tagħha nnifisha. Barra minn hekk, huma jqisu li l-fatt li, fil-laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004, il-president tal-bord tad-diretturi ta’ E.ON ammetta li ma kienx mgħarraf dwar ir-ristrutturar tal-qafas kuntrattwali relatat mal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL juri n-nuqqas ta’ influwenza tal-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja.

283    Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li E.ON hija kumpannija holding li ma tindaħalx fl-attività ta’ operat ta’ E.ON Ruhrgas, għandu jiġi osservat li din is-sempliċi ċirkustanza ma tistax titqies suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li hija eżerċitat influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, holding hija kumpannija ta’ natura li tgħaqqad titoli f’diversi kumpanniji u li l-funzjoni tagħha hija li tiżgura tmexxija waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 63).

284    Issa, skont ir-rikorrenti, il-bord tad-diretturi ta’ E.ON huwa inkarigat mit-“tmexxija ta’ E.ON bħala impriża ta’ elettriku integrat” u “[dan] ikopri l-iżvilupp strateġiku, il-politika u l-miżuri ta’ finanzjament, it-tmexxija ġenerali fis-suq, l-amministrazzjoni tar-riskji u t-titjib permanenti tal-portafoll”. Dawn l-affermazzjonijiet għaldaqstant jikkonfermaw il-fatt li l-funzjoni ta’ E.ON kienet li tiżgura tmexxija waħda u koordinazzjoni, ta’ natura li jkollha influwenza fuq l-aġir ta’ E.ON Ruhrgas fis-suq.

285    Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti msemmija fil-punt 284 iktar ’il fuq, b’mod partikolari dik li E.ON hija inkarigata mit-tmexxija ġenerali fis-suq, il-fatt li l-president tal-bord tad-diretturi ta’ E.ON ma huwiex mgħarraf bid-dettalji tar-ristrutturar tal-qafas kuntrattwali li jikkonċerna l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-awtonomija ta’ Ruhrgas fis-suq, inkwantu dan jikkonċerna biss karatteristika speċifika u partikolarment teknika.

286    Barra minn hekk, mill-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004 jirriżulta li, għalkemm il-president tal-bord tad-diretturi ma kienx mgħarraf bid-dettalji tar-ristrutturar, huwa xorta waħda kien mgħarraf dwar il-fatt li GDF riedet tbigħ gass fil-Ġermanja mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, liema fatt jikkostitwixxi indizji supplimentari tal-interess tal-kumpannija parent għall-kwistjonijiet kummerċjali li jikkonċernaw l-attivitajiet tas-sussidjarja tagħha.

287    Għalhekk jirriżulta li t-tieni lment tar-rikorrenti dwar il-fatt li tinqaleb il-preżunzjoni li l-kumpannija parent kellha influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja 100 % tagħha għandu jiġi miċħud inkwantu ma ġiex ipprovat li s-sussidjarja kienet tiddetermina l-aġir tagħha b’mod awtonomu fis-suq, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li dawn id-dokumenti huma inammissibbli, peress li ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

288    Sa fejn ir-responsabbiltà għall-ksur setgħet tiġi attribwita lil E.ON minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent li żżomm 100 % tas-sussidjarja, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li, anki li kieku kellu jiġi aċċettat, huwa ma jqiegħedx inkwistjoni l-attribwibbiltà tal-ksur.

289    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-ewwel ilment imqajjem mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li E.ON kienet ipparteċipat direttament fil-ksur sa mill-2003, data li fiha hija kienet xtrat lil E.ON Ruhrgas u kienet direttament involuta fl-attivitajiet ta’ din tal-aħħar. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija tirreferi għal laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004 bejn GDF u l-president tal-bord tad-diretturi ta’ E.ON li matulha dan tal-aħħar kien ilmenta dwar l-aġir aggressiv ta’ GDF fil-Ġermanja u kien żgura li E.ON ma kinitx tixtieq tidħol b’mod aggressiv fis-suq Franċiż.

290    Ir-rikorrenti jallegaw li din il-laqgħa ma turix l-eżistenza tal-parteċipazzjoni diretta ta’ E.ON fil-ksur, inkwantu, l-ewwel nett, din il-laqgħa ma tistax tikkostitwixxi ksur awtonomu tal-Artikolu 81 KE u, it-tieni nett, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-kontenut tal-laqgħa, ġaladarba din ma tikkonċernax il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, iżda l-istrateġiji ta’ xiri ta’ E.ON.

291    Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma allegatx li l-laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004 kienet ksur awtonomu tal-Artikolu KE, madankollu jirriżulta mill-minuti tal-imsemmija laqgħa li l-president tal-bord tad-diretturi ta’ E.ON sostna li “Fil-punent, il-limitu għall-intervent ta’ E.ON fl-Ewropa kontinentali [kien] il-fruntiera tal-punent tal-Ġermanja: ebda interess partikolari għal Franza jew għal Spanja”, iżda li “[m]in-naħa l-oħra, [kien jeżisti] interess għall-Italja u għall-Isvizzera”. Issa, xejn fil-kontenut ta’ dawn il-minuti jew fil-kuntest tagħhom ma jippermetti li jiġi kkunsidrat, hekk kif jagħmlu r-rikorrenti, li dawn l-affermazzjonijiet kienu jikkonċernaw attivitajiet ta’ għaqda jew ta’ xiri.

292    Bil-kontra, l-informazzjoni preċedenti msemmija fil-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004 tikkonċerna l-istrateġija kummerċjali tal-impriżi, b’mod partikolari dik ta’ GDF li baqgħet tiġi pperċepita bħala li għandha aġir aggressiv u perikoluż fis-suq Ġermaniż hekk kif jirriżulta mill-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata.

293    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu milqugħa.

294    Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-aġir ta’ E.ON Ruhrgas seta’ jiġi attribwit lill-kumpannija parent, E.ON. B’hekk, il-ħames motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 2. Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

295    Insostenn tat-talbiet tagħhom għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti jqajmu motiv wieħed ibbażat fuq kalkolu żbaljat tal-ammont tal-multa.

296    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni wettqet żball fil-kalkolu tal-multa inkwantu l-ksur inkwistjoni fis-suq Franċiż kien waqaf f’Awwissu 2004 u mhux f’Settembru 2005. Għaldaqstant il-multa li ġiet imposta fuqhom għandha titnaqqas b’konsegwenza ta’ dan. Fir-replika, huma jispeċifikaw li, fi kwalunkwe każ, meta ġiet biex tikkalkola l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma jmisshiex ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-ewwel rikorrenti wara l-2004.

297    Kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, il-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skont il-liġi li l-ksur inkwistjoni kien kompla wara t-13 ta’ Awwissu 2004, u dan sat-30 ta’ Settembru 2005, sa fejn dan jikkonċerna s-suq Franċiż tal-gass.

298    Għaldaqstant hemm lok sabiex tinbidel id-deċiżjoni kkontestata sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, tat-tul tal-ksur imwettaq fis-suq Franċiż, f’dan il-każ mill-10 ta’ Awwissu 2000 (ara l-punt 93 iktar ’il fuq) sat-13 ta’ Awwissu 2004 (ara l-punt 257 iktar ’il fuq). Il-Qorti Ġenerali tqis barra minn hekk li ebda motiv marbut ma’ ħtieġa ta’ ordni pubbliku li hija marbuta tqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra p. I‑12789, punt 131) ma jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti.

299    F’dan ir-rigward, li kieku kellu jiġi applikat il-metodu użat mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-ammont tal-multa, hekk kif jirriżulta mill-premessi 339 u 358 sa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri (Perċentwali inizjali applikata għall-medja tal-bejgħ annwali fi Franza × tul-tal-ksur fi Franza) + (Perċentwali ta’ ammont addizzjonali applikata għall-medja tal-bejgħ annwali fi Franza) + (Perċentwali inizjali applikata għall-medja tal-bejgħ annwali fil-Ġermanja × tul tal-ksur fil-Ġermanja) + (Perċentwali ta’ ammont addizzjonali applikata għall-medja tal-bejgħ annwali fil-Ġermanja), billi tintuża data rettifikata li tikkonċerna t-tul tal-ksur fi Franza (4 snin minflok 5.5 snin) u l-medja tal-bejgħ relatata mal-ksur fis-suq Franċiż sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali, l-ammont tal-multa tar-rikorrenti għandu jkun ta’ EUR 267 miljun.

300    Madankollu, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni li tippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, sabiex tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali, billi tiġi mmodifikata b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 61 u 62, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

301    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas bil-linji gwida tagħha meta tiddeċiedi fid-dawl tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, punt 213, u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

302    Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-applikazzjoni tal-metodu segwit mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-multa, hekk kif espost fil-punt 299 iktar ’il fuq, ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

303    Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu għad-data rrettifikata fir-rigward tat-tul tal-ksur fi Franza u l-medja tal-bejgħ b’relazzjoni mal-ksur fis-suq Franċiż waqt dan il-perijodu jimplika tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kunsiderevolment sproporzjonata meta mqabbla mal-importanza relattiva tal-iżball ikkonstatat. Fil-fatt, filwaqt li l-iżball tal-Kummissjoni tikkonċerna biss is-suq Franċiż u li fuq tnax-il xahar u nofs mill-ħames snin u xahar u nofs ikkonstatati inizjalment mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur imwettaq fl-imsemmi suq, l-evalwazzjoni tal-metodu tal-Kummissjoni twassal għal tnaqqis tal-multa b’iktar minn 50 %.

304    Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-metodu tal-Kummissjoni twassal, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għal kunsiderazzjoni mnaqqsa tal-importanza relattiva tal-ksur imwettaq fis-suq Ġermaniż meta mqabbel ma’ dak imwettaq fis-suq Franċiż.

305    Barra minn hekk, wara li semgħet lill-partijiet waqt is-seduta fir-rigward ta’ konsegwenzi eventwali fuq l-ammont tal-multa li għandhom jinsiltu minn annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fir-rigward tat-tul tal-ksur, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, b’mod partikolari mill-punti 303 u 304 iktar ’il fuq, hemm lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari tat-tul u tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, sabiex l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jiġi ffissat għal EUR 320 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

306    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

307    Fid-dawl tal-fatt li kull parti tilfet parzjalment fit-talbiet tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5355 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.401 — E.ON/GDF), huwa annullat, minn naħa, sa fejn jikkonstata li l-ksur dam mill-1 ta’ Jannar 1980 mill-inqas sal-24 ta’ April 1998, fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, sa fejn jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fi Franza bejn it-13 ta’ Awwissu 2004 u t-30 ta’ Settembru 2005.

2)      L-ammont tal-multa imposta lil E.ON Ruhrgas AG u E.ON AG fl-Artikolu 2(a), tad-Deċiżjoni C (2009) 5355 finali huwa ffissat għal EUR 320 miljun.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Ġunju 2012.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

1. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

2. Drittijiet nazzjonali

Id-dritt Ġermaniż

Id-dritt Franċiż

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. L-impriża inkwistjoni

2. Il-Ftehim MEGAL

3. Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE

— Fuq l-ewwel parti

— Fuq it-tieni parti

— Fuq it-tielet parti

— Fuq ir-raba’ parti

— Fuq il-ħames parti

— Fuq is-sitt parti

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur

— Fuq il-waqfien tal-ksur inkwistjoni

— Fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni wara l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-ksur allegat li jirriżulta mill-ftehim tal-1975

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li t-tieni rikorrenti ma huwiex responsabbli għall-aġir tal-ewwel rikorrenti

2. Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.