Language of document : ECLI:EU:T:2021:574

Kawża T466/20

LF

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Settembru 2021

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Rifjut li tingħata l-allowance tal-espatrijazzjoni – Residenza abitwali – Funzjonijiet eżerċitati f’organizzazzjoni internazzjonali stabbilita fl‑Istat ta’ impjieg”

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Uffiċjali jew membri tal-persunal li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ impjieg – Residenza abitwali barra mill-Istat Membru ta’ impjieg matul il-perijodu ta’ referenza – Kalkolu tal-perijodu – Newtralizzazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa għal Stat jew organizzazzjoni internazzjonali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Servizzi mwettqa barra mill-Istat ta’ impjieg

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b); Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 20(2), 21 u 92)

(ara l-punti 34, 39, 40, 48, 49, 53, 64, 65)

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Uffiċjali jew membri tal-persunal li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ impjieg – Residenza abitwali barra mill-Istat Membru ta’ impjieg matul il-perijodu ta’ referenza – Kunċett ta’ residenza abitwali – Teħid inkunsiderazzjoni tas-servizzi mwettqa għal organizzazzjoni internazzjonali stabbilita fl-Istat ta’ impjieg – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b); Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 20(2), 21 u 92)

(ara l-punti 66-72)

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Residenza abitwali barra mill-Istat Membru ta’ impjieg matul il-perijodu ta’ referenza – Kunċett ta’ residenza abitwali – Ċirkustanzi li jippermettu li jiġi preżunt li r-residenza abitwali tinsab fil-post tal-impjieg – Ċirkustanzi li ma humiex ta’ natura li jikkontestaw ir-realtà ta’ din ir-residenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b))

(ara l-punti 78, 79, 85-92, 102)

4.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Diversi kuntratti mhux suċċessivi konklużi bejn il-membru tal-persunal u l-istituzzjonijiet – Determinazzjoni tal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni ma’ kull dħul fis-servizz – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet preċedenti li jagħtu l-allowance tal-espatrijazzjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b))

(ara l-punti 93, 113)

Sunt

Ir-rikorrent, LF, huwa ċittadin Belġjan li għex fi Franza bejn l-1982 u l-2013. Fl-1 ta’ Mejju 2013, huwa daħal fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell permezz ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat li skada fit-30 ta’ April 2019. Sussegwentement, huwa ġie rreġistrat bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol fil-Belġju sal-1 ta’ Settembru 2019, data li fiha daħal fis-servizz tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA).

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” tal-Kummissjoni rrifjuta l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni lir-rikorrent minħabba li ma kienx stabbilixxa li huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu barra mill-Istat ta’ impjieg, jiġifieri l-Belġju, matul il-perijodu ta’ għaxar snin li jispiċċa mad-dħul tiegħu fis-servizz tar-REA, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), għall-uffiċjali li għandhom jew li kellhom in-nazzjonalità tal-Istat ta’ impjieg.

Billi qies li l-preżenza tiegħu fil-Belġju kienet esklużivament marbuta mas-servizzi li huwa wettaq mal-Kummissjoni, fatt li jipprekludi l-ħolqien ta’ rabtiet fit-tul bejnu u dan l-Istat u, għaldaqstant, iċ-ċaqliq tar-residenza abitwali tiegħu minn Franza għall-Belġju, ir-rikorrent adixxa lill-Qorti Ġenerali b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad dan ir-rikors, filwaqt li tagħti preċiżazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li taħthom uffiċjal jew membru tal-persunal li għandu n-nazzjonalità tal-Istat ta’ impjieg jista’ jikseb l-allowance tal-espatrijazzjoni wara li jkun eżerċita funzjonijiet f’organizzazzjoni internazzjonali li hija stess tkun stabbilita f’dan l-Istat ta’ impjieg.

L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali twettaq delimitazzjoni tal-perijodu ta’ għaxar snin ta’ referenza li għandu ittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tikkonstata li, fil-kawża ineżami, dan il-perijodu jkopri mill-1 ta’ Frar 2006 sal-31 ta’ Awwissu 2019. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali nnewtralizzat il-perijodu ta’ tliet snin u seba’ xhur li matulu r-rikorrent ħadem ma’ ministeru Franċiż, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jeskludu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi li matulhom l-uffiċjal ikun eżerċita funzjonijiet fis-servizz ta’ Stat jew f’organizzazzjoni internazzjonali barra mill-Istat ta’ impjieg (2). Għall-kuntrarju, il-perijodu li matulu ħadem fi ħdan il-Kummissjoni ma kien suġġett għal ebda newtralizzazzjoni, peress li din ma hijiex prevista fir-Regolamenti tal-Persunal għall-perijodi li fihom persuna tkun fis-servizz ta’ organizzazzjoni internazzjonali fl-Istat ta’ impjieg stess.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali tafferma, fit-tieni lok, li l-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’organizzazzjoni internazzjonali li tinsab fl-Istat ta’ impjieg jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li għandu jew li kellu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat matul il-perijodu ta’ għaxar snin ta’ referenza. F’dan ir-rigward, għalkemm l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet f’tali organizzazzjoni jista’ jipprekludi l-ħolqien ta’ rabtiet fit-tul bejn l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal u l-Istat ta’ impjieg (3), il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ rabtiet multipli u mill-qrib bejn persuna u l-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha għandha rwol iktar determinanti għal-lokalizzazzjoni tar-residenza abitwali tagħha (4), li jimplika analiżi tar-rabtiet personali u professjonali li hija ħolqot f’dan il-pajjiż.

B’hekk, il-Qorti Ġenerali teżamina, fit-tielet lok, l-elementi fattwali relatati mal-ħajja privata u professjonali tar-rikorrent sabiex tiddetermina jekk dan tal-aħħar żammx ir-residenza abitwali tiegħu fi Franza matul il-perijodu ta’ referenza kollu, minkejja ċ-ċaqliq tiegħu lejn il-Belġju, u jekk għandux għalhekk jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni.

Minn dan hija tikkonkludi, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għall-pretensjonijiet tar-rikorrent, ir-residenza abitwali tiegħu ma tistax tiġi lokalizzata fi Franza għas-sempliċi raġuni li hemmhekk għex, studja u ħadem qabel il-bidu tal-perijodu ta’ referenza. Fit-tieni lok, l-istess japplika għall-fatt li l-qraba tiegħu jgħixu fi Franza. Fil-fatt, mingħajr ma tiġi miċħuda l-importanza tar-relazzjoni ta’ filjazzjoni, il-fatt li uffiċjal jew aġent ikun bena l-familja tiegħu stess, li jgħix magħha fi Stat partikolari u li l-membri ta’ din tal-aħħar ikunu impenjati f’attivitajiet li jikkorrispondu għall-istadju tal-ħajja tagħhom, huwa sinjifikattiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tiegħu. Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet suġġettivi li wassluh sabiex jistabbilixxi ruħu mal-familja tiegħu fi Stat partikolari jew ukoll in-nazzjonalità tal-konjuġi tiegħu ma humiex determinanti fi spazju fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jiċċaqilqu skont kif jixtiequ mingħajr ma jbatu diskriminazzjonijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità.

Fit-tielet lok, il-fatt li żamm proprjetà immobbli, numru tat-telefon ċellulari u kont bankarju fi Franza lanqas ma jagħti prova tal-intenzjoni tar-rikorrent li hemmhekk jistabbilixxi ċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tiegħu. Bl-istess mod, il-fatt li mal-Kummissjoni ħadem biss fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat ma jeskludix li dan stabbilixxa ruħu fil-Belġju bl-intenzjoni li jibqa’ hemmhekk. Il-prova ta’ dan tinsab fil-fatt li, mal-iskadenza tal-imsemmi kuntratt, ir-rikorrent baqa’ fil-Belġju ma’ familtu u hemmhekk irreġistra ruħu bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol għal erba’ xhur, li juri li huwa stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat tal-inqas matul parti mill-perijodu ta’ referenza. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-fatt li persuna żżomm ir-residenza tagħha fl-Istat ta’ impjieg li tiegħu għandha n-nazzjonalità, anki għal żmien qasir matul il-perijodu ta’ għaxar snin ta’ referenza, huwa biżżejjed sabiex iwassal għat-telf jew għar-rifjut tal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni. Fl-aħħar nett, il-fatt li matul l-impjieg tiegħu mal-Kummissjoni kien jibbenefika minnu ma jistax jinvalida din il-konklużjoni, peress li d-dritt tiegħu għal din l-allowance kellu jiġi eżaminat mill-ġdid mad-dħul tiegħu fis-servizz mar-REA.

Peress li r-rikorrent ma weriex li stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu barra mill-Istat ta’ impjieg tiegħu matul il-perijodu ta’ għaxar snin ta’ referenza kollu, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rikors huwa miċħud.


1      L-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolament tal-Persunal huwa applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikoli 21 u 92 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.


2      Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.


3      Din il-preżunzjoni ġiet stabbilita permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni (T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 63).


4      Min-naħa tagħha, din il-preżunzjoni ġiet stabbilita permezz tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2020, Brown vs Il-Kummissjoni (T‑18/19, EU:T:2020:465, punt 82).