Language of document : ECLI:EU:C:2023:903

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Regoli dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Omm ta’ tfal minuri refuġjati fil-Belġju – Omm ‘membru tal-familja’ fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva – Applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali dderivata ppreżentata minn din l-omm – Ċaħda – Assenza ta’ obbligu tal-Istati Membri li jirrikonoxxu lill-persuna kkonċernata d-dritt li tibbenefika minn din il-protezzjoni jekk din ma tissodisfax individwalment il-kundizzjonijiet għall-għoti – Artikolu 20 u Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva – Inapplikabbiltà”

Fil-Kawża C‑614/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2022, fil-proċedura

XXX

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal XXX, minn S. Janssens, avocate,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn S. Matray, avocate,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 23 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn XXX, ċittadina tal-Ginea, residenti fil-Belġju, u l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat, il-Belġju) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn XXX f’dan l-Istat Membru.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

–        il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jew is-sieħeb/sieħba tiegħu f’relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prassi tal-Istat Membru interessat tittratta koppji mhux miżżewġa b’mod paragunabbli għal koppji miżżewġa skont il-liġi li tirrigwarda ċittadini nazzjonali minn pajjiż terz;

–        it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont liġi nazzjonali;

–        il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, meta dak il-benefiċjarju hu minuri jew mhux miżżewweġ;

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.       Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit‑28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fl‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967].

2.       Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal refuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.

3.       Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħal ma huma minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità, persuni anzjani, nisa tqal, ġenituri li jrabbu waħedhom bi tfal minuri, vittimi ta’ traffikar tal-bniedem, persuni b’mard mentali u persuni li jkunu ġew suġġetti għal tortura, stupru, jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.

[...]

5.       L-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu li jinvolvi minuri.”

6        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Żamma ta’ unità tal-familja”, jipprevedi:

“1.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm.

2.       L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.

3.       Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V.

4.       Minkejja paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku.

5.       L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan l-Artikolu japplika wkoll għal qraba oħra qrib li għexu flimkien bħala parti mill-familja fil-mument meta telqu mill-pajjiż ta’ oriġini, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak il-ħin.”

7        Il-benefiċċji mniżżla fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva relatati mad-dritt ta’ residenza, mad-dokumenti tal-ivvjaġġar, mal-aċċess għal impjieg, mal-aċċess għal edukazzjoni u għall-proċeduri għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki, mal-għajnuna soċjali, mal-kura tas-saħħa, mal-minuri mhux akkumpanjati, mal-aċċess għal akkomodazzjoni, mal-libertà ta’ moviment fi ħdan l-Istat Membru, mal-aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni u, finalment, mar-ripatrijazzjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        XXX, ta’ nazzjonalità tal-Ginea, waslet fil-Belġju bi tlieta mit-tfal tagħha fl‑2018. Hija ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit‑8 ta’ Awwissu 2018, li ġiet miċħuda.

9        Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li wieħed minn dawn it-tlett itfal ingħata l-istatus ta’ refuġjat. Minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li l-familja kienet diġà stabbilita fil-Ginea.

10      Wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali, XXX ippreżentat rikors quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), li ċaħdu permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2020.

11      Il-Qorti tar-rinviju, adita b’appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni, tirrileva li XXX, li hija “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, isostni li, fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni valida fid-dritt Belġjan, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva għandu effett dirett li jimplika l-obbligu għar-Renju tal-Belġju li jagħtiha il-protezzjoni internazzjonali.

12      Minkejja li tiddubita l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni, peress li dan l-Artikolu 23 isemmi biss l-għoti tal-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tal-imsemmija direttiva u li din l-attribuzzjoni hija l-massimu li jista’ jirriżulta minn effett dirett eventwali tal-imsemmi Artikolu 23, il-qorti tar-rinviju tqis li, peress li f’dan il-każ hija mitluba tiddeċiedi fl-aħħar istanza, hija għandha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel l-ewwel u t-tieni domandi preliminari. Barra minn hekk, din il-qorti tindika li jidhrilha opportun li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tielet domanda li t-termini tagħha ġew issuġġeriti lilha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

13      Minkejja li għandha dubju, għal darba oħra, dwar il-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-aħjar interess tal-wild, imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/95, u r-rispett tal-ħajja tal-familja jimplikaw li, skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, il-protezzjoni internazzjonali tingħata lill-omm ta’ wlied irrikonoxxuti bħala refuġjati fil-Belġju u li jkunu waslu magħhom akkumpanjati minn din tal-aħħar, anki jekk din l-omm ma tissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tikseb din il-protezzjoni, peress li tali interessi jidhru li jistgħu jiġu żgurati bl-għoti ta’ permess ta’ residenza li jippermetti lill-imsemmija omm li tgħix legalment fil-Belġju, il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li hija obbligata tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-fatt li hija tiddeċiedi fl-aħħar istanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja r-raba’ domanda preliminari li l-formulazzjoni tagħha kienet ukoll ġiet issuġġerita lilha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 23 tad-[Direttiva 2011/95], li ma ġiex traspost fid-dritt Belġjan biex jipprovdi għall-għoti ta’ permess ta’ residenza jew tal-protezzjoni internazzjonali lil omm wild irrikonoxxut bħala refuġjat fil-Belġju u li wasal hemm akkumpanjat minn ommu, jista’ jkollu effett dirett?

2.      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, fl-assenza ta’ traspożizzjoni, jagħti lil omm wild irrikonoxxut bħala refuġjat fil-Belġju u li wasal hemm akkumpanjat minn ommu, id-dritt li tinvoka l-benefiċċji stabbiliti fl-Artikoli 24 sa 35 [ta’ din id-direttiva], fosthom permess ta’ residenza li jippermettilha tgħix liberament fil-Belġju mal-familja tagħha, jew id-dritt li tikseb il-protezzjoni internazzjonali anki jekk din l-omm ma tissodisfax individwalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ksib ta’ protezzjoni internazzjonali?

3.      L-effett utli tal-Artikolu 23 tad-[Direttiva 2011/95], moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jimponi fuq l-Istat Membru li ma fassalx id-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li l-membri tal-familja (fis-sens imsemmi fl-Artikolu 2(j) tal-imsemmija direttiva) tal-benefiċjarju ta’ tali status ikunu jistgħu, jekk ma jissodisfawx individwalment il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istess status, jitolbu ċerti benefiċċji, li jirrikonoxxi lill-imsemmija membri tal-familja dritt għall-istatus ta’ refuġjat idderivat sabiex ikunu jistgħu jitolbu tali benefiċċji bil-għan li tinżamm l-unità tal-familja?

4.      L-Artikoli 20 u 23 tad-Direttiva 2011/95, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 24 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali], jimponu fuq l-Istat Membru li ma fassalx id-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li l-ġenituri ta’ refuġjat minorenni jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji elenkati fl-Artikoli 24 sa 35 tad-direttiva msemmija, [l-obbligu li jippermetti li l-ġenituri msemmija] jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali dderivata sabiex tingħata kunsiderazzjoni primordjali lill-interess superjuri tal-wild u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-istatus ta’ refuġjat ta’ dan tal-aħħar?”

 Fuq id-domandi preliminari

15      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 43 sa 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

16      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza ta‑-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17      Issa, mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni li permezz tagħha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet irrifjutata l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali li hija kienet talbet. Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma jirriżulta minn din id-deċiżjoni u minn dan il-proċess li din ir-rikorrenti talbet konkretament vantaġġ wieħed jew iktar benefiċċji elenkati fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 li għalihom jirreferi l-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva u lanqas li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda rifjut ta’ tali vantaġġi.

18      Fil-fatt, pjuttost milli titlob b’mod konkret vantaġġ partikolari fost dawk elenkati fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 billi indirizzat ruħha lill-awtorità nazzjonali li tista’ tirrikonoxxilha jew tirrifjutalha l-benefiċċju tagħha u sussegwentement tikkontesta rifjut eventwali quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti billi tesponi r-raġunijiet li għalihom hija tqis li tista’ tibbenefika mill-vantaġġ jew mill-vantaġġi kkonċernati skont id-Direttiva 2011/95, u, b’mod partikolari tal-Artikolu 23 tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għażlet li titlob il-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali billi tallega li tali benefiċċju huwa l-uniku li jista’ jirrimedja allegata assenza ta’ traspożizzjoni korretta ta’ dan l-Artikolu 23 fid-dritt nazzjonali.

19      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif essenzjalment iddeċieda korrettament il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) fid-deċiżjoni tiegħu tat‑8 ta’ Ġunju 2020 ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, indipendentement anki mill-punt dwar jekk l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 ġiex traspost b’mod korrett fid-dritt nazzjonali, il-persuna kkonċernata ma tistax, fi kwalunkwe każ, tibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali, peress li ma tissodisfax, individwalment, il-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-għoti ta’ tali protezzjoni.

20      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2011/95 ma tipprevedix l-estensjoni, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat dan l-istatus, li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmi status. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din sempliċement timponi fuq l-Istati Membri li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li tali membri tal-familja jkunu jistgħu jitolbu, konformement mal-proċeduri nazzjonali u sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali ta’ dawn il-membri tal-familja, ċerti vantaġġi, li jinkludu b’mod partikolari l-għoti ta’ permess ta’ residenza, l-aċċess għall-impjieg jew l-aċċess għall-edukazzjoni u li għandhom l-għan li jżommu l-unità tal-familja (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 68, u tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja), C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 36). Għal dawn l-istess raġunijiet, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/95, li jistabbilixxi regoli ġenerali u jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-persuni vulnerabbli, u, fil-paragrafu 5 tiegħu, l-obbligu li l-aħjar interessi tat-tfal isiru kunsiderazzjoni primarja, lanqas ma jista’ jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lill-ġenitur ta’ wild minuri li jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali.

21      Ċertament, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li Stat Membru, skont dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-“membri tal-familja” ta’ benefiċjarju ta’ tali protezzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li din tkun kompatibbli ma’ din id-direttiva.

22      Madankollu, din tibqa’ fakultà għall-Istati Membri, li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur Belġjan ma eżerċitax fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-protezzjoni.

23      Barra minn hekk, mill-punti 12 u 13 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-qorti tar-rinviju stess għandha dubji dwar il-possibbiltà li dritt għall-protezzjoni internazzjonali bħal dak mitlub fil-kawża prinċipali jkun ibbażat fuq l-Artikoli 20 u 23 tad-Direttiva 2011/95, iżda li, peress li f’dan il-każ hija mitluba tiddeċiedi fl-aħħar istanza, hija madankollu qieset li għandha tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 15 u 16 ta’ din is-sentenza u tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ippreċiżat fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula biss sa fejn dawn id-domandi huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hijiex fondata li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għall-kumplament.

25      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, u, b’mod partikolari, tal-elementi mfakkra fil-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 20 u 23 tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jimponux fuq l-Istati Membri li jirrikonoxxu lill-ġenitur “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva, ta’ wild li għandu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru d-dritt li jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

26      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 20 u 23 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandhom jiġi interpretati fis-sens li:

ma jimponux fuq l-Istati Membri li jirrikonoxxu lill-ġenitur “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva, ta’ wild li għandu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru d-dritt li jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.