Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fit‑23 ta’ Novembru 2023(1)
Kawżi magħquda C‑29/22 P u C‑44/22 P
KS,
KD
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea (C‑29/22 P)
Il-Kummissjoni Ewropea (C‑29/22 P)
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (C‑29/22 P)
u
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
KS,
KD,
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea (C‑44/22 P)
Is‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna (SEAE) (C‑44/22 P)
(Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK – Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (Eulex Kosovo) – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Reati mwettqa fil-Kosovo fl‑1999 – Dannu allegatament imġarrab minn individwi b’rabta mal-investigazzjoni insuffiċjenti tal-għajbien u l-qtil tal-membri tal-familja tagħhom – Ksur allegat tad-drittijiet fundamentali – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni – Artikoli 2, 6, 19 u 24 TUE – Artikoli 268, 275 u 340 TFUE)
I. Introduzzjoni
1. KS u KD tilfu l-membri tal-familja tagħhom fl‑1999 wara l-kunflitt tal-Kosovo. Dawk l-omiċidji volontarji u l-għajbien qatt ma ġew solvuti. Fl‑2008, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet missjoni ċivili, il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (iktar ’il quddiem “Eulex Kosovo”) (2), inkarigata, inter alia, bl-investigazzjoni ta’ tali reati. KS u KD ippreżentaw rikors għad-danni kontra l-Unjoni, li fiha allegaw ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom sa fejn dawn ir-reati ma ġewx investigati kif meħtieġ.
2. Il-qrati tal-Unjoni jistgħu jisimgħu l-azzjonijiet tagħhom? Il-Qorti Ġenerali qieset li ma setgħux. Għal din ir-raġuni ġew ippreżentati l-appelli preżenti.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tisma’ dawn l-appelli b’mod parallel ma’ kawża oħra, jiġifieri Neves 77 Solutions (C‑351/22), li fir-rigward tagħha l-konklużjonijiet tiegħi qegħdin jiġu ppubblikati fl-istess jum. Din il-kawża, għalkemm f’kuntest differenti, tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-portata tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK”) prevista fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-Artikolu 275 TFUE.
4. Il-kuntest usa’ ta’ dawn iż-żewġ ġabriet ta’ kawżi huwa kkostitwit min-negozjati pendenti dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Il-kapitoli tan-negozjati l-oħrajn kollha, li nfetħu b’riżultat tal-Opinjoni 2/13 (3), jidhru li ġew konklużi, b’eċċezzjoni għal kwistjoni rimanenti waħda: il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK.
II. Il‑Kuntest
5. Din il-kawża tirriżulta mill-appelli ppreżentati minn żewġ individwi, KS u KD, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”) (4). Permezz ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ KS u KD kontra l-Unjoni Ewropea, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. KS u KD talbu kumpens għad-danni għal ksur allegat tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-KEDB fl-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill li stabbilixxiet lil Eulex Kosovo. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ dan ir-rikors. Din id-deċiżjoni hija kkontestata permezz tal-appelli preżenti.
A. Avvenimenti li taw lok għall‑proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali
1. L‑istabbiliment u l‑kompiti ta’ Eulex Kosovo
6. L-isfond ta’ din il-kawża jmur lura għall-kunflitt fil-Kosovo ta’ matul is-snin 1998 u 1999, li fih kienu involuti l-Albaniżi tal-Kosovo u s-Serbi etniċi, meta dawn tal-aħħar kienu appoġġati mill-armata ta’ (dik li kienet) ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja. Bejn it‑28 ta’ Marzu u t‑8 ta’ Ġunju 1999, l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (iktar ’il quddiem in-“NATO”) intervjeniet billi organizzat attakki mill-ajru, li b’konsegwenza tagħhom l-armata Jugoslava rtirat il-forzi tagħha mill-Kosovo. Immedjatament wara dan kollu, fl‑10 ta’ Ġunju 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244 (1999), li pprovdiet għall-preżenza ta’ forzi internazzjonali fil-Kosovo li għadhom hemm sal-lum. Dik ir-riżoluzzjoni awtorizzat l-istabbiliment fil-Kosovo ta’ forza internazzjonali għas-sigurtà mmexxija min-NATO msejħa l-Forza tal-Kosovo jew KFOR, kif ukoll preżenza internazzjonali ċivili msejħa l-Missjoni Temporanja ta’ Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (iktar ’il quddiem l-“UNMIK”).
7. L-UNMIK ingħatat l-awtorità, simili għal dik ta’ Stat, fuq it-territorju u l-poplu tal-Kosovo, inklużi setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi u l-amministrazzjoni tal-ġudikatura. Madankollu, wara d-dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-awtoritajiet tal-Kosovo u d-dħul fis-seħħ ta’ kostituzzjoni ġdida fil‑15 ta’ Ġunju 2008, il-kompiti tal-UNMIK ġew mibdula sabiex ikunu primarjament iffokati fuq il-promozzjoni tas-sigurtà, l-istabbiltà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Kosovo (5).
8. Fl‑2008, l-Unjoni stabbilixxiet lil Eulex Kosovo. Wara li ġie approvat il-Pjan Operazzjonali (iktar ’il quddiem l-“OPLAN”), ir-responsabbiltajiet eżekuttivi tal-UNMIK ġew ittrasferiti lil Eulex Kosovo.
9. Eulex Kosovo hija missjoni ċivili tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (iktar ’il quddiem il-“PSDK”) stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2008/124 (6). Il-PSDK tifforma parti integrali mill-PESK (7), li fiha l-Unjoni għandha kapaċità operattiva li tvara missjonijiet ċivili u militari u operazzjonijiet barra l-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali (8).
10. Eulex Kosovo kienet inizjalment prevista għal perijodu ta’ sentejn u nofs (9), iżda issa ilha topera għal iktar minn ħmistax-il sena. Il-mandat attwali tagħha jagħlaq fl‑14 ta’ Ġunju 2025 (10). Madankollu, fl‑2018, l-Unjoni ddeċidiet li tirriduċi l-missjoni u l-kompiti ta’ Eulex Kosovo (11).
11. Fit-twettiq tal-missjoni tagħha, Eulex Kosovo ngħatat l-istruzzjoni twettaq numru ta’ kompiti, li kienu jinkludu, b’mod partikolari, li “tiżgura li, b’mod adegwat, isir stħarriġ, titmexxa prosekuzzjoni, jingħataw sentenzi u jsir infurzar, skond il-liġi applikabbli, fir-rigward ta’ każijiet ta’ reati tal-gwerra, terroriżmu, kriminalità organizzata, korruzzjoni, reati inter-etniċi, reati ekonomiċi/finanzjarji u reati serji oħra” (12).
12. Sena wara li Eulex Kosovo saret operattiva, il-Kunsill stabbilixxa l-Bord ta’ Reviżjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“HRRP”) (13) sabiex jistħarreġ ilmenti dwar ksur allegat ta’ drittijiet tal-bniedem imwettqa minn Eulex Kosovo fit-twettiq tal-mandat eżekuttiv tagħha (14).
13. Il-HRRP għandu l-ġurisdizzjoni li jeżamina lmenti marbuta ma’ ksur allegat ta’ drittijiet tal-bniedem minn Eulex Kosovo li seħħew sa mid‑9 ta’ Diċembru 2008. Huwa għandu s-setgħa jevalwa lmenti fid-dawl ta’ numru ta’ strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, iżda, fil-prattika, l-ilmenti huma bbażati primarjament fuq il-KEDB (15).
14. Il-HRRP għandu biss funzjonijiet konsultattivi; il-konstatazzjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tiegħu ma humiex vinkolanti iżda jista’ jissuġġerixxi li jiġi adottat rimedju mill-Kap tal-Missjoni. Madankollu, huwa previst espressament li l-HRRP ma jistax jirrakkomanda l-għoti ta’ kumpens monetarju (16).
2. Rikorsi preċedenti ppreżentati minn KS u KD
15. KS u KD huma membri immedjati tal-familja tal-persuni li għebu jew li ġew maqtula fil-Kosovo, wara l-istabbiliment ta’ UNMIK, f’Ġunju tal‑1999. Matul is-snin KS u KD ressqu diversi talbiet quddiem l-awtoritajiet rilevanti sabiex jinvestigaw dawn ir-reati iżda dan ma wassal għal ebda azzjoni jew inkella wassal biss għal ftit.
16. Għaldaqstant, KS u KD l-ewwel ressqu l-ilmenti tagħhom quddiem il-Bord Konsultattiv għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“HRAP”), korp stabbilit sabiex jeżamina l-ksur allegat ta’ drittijiet tal-bniedem mill-UNMIK (17) u suċċessivament, meta ġiet stabbilita Eulex Kosovo, quddiem il-HRRP.
17. Fir-rigward ta’ KS, il-HRRP ikkonstata li Eulex Kosovo kienet kisret id-drittijiet tagħha taħt il-partijiet proċedurali tal-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB billi naqset milli twettaq investigazzjoni effettiva. Huwa kkonstata wkoll ksur tad-drittijiet tagħha tal-familja kkontemplati fl-Artikolu 8 tal-KEDB u tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 13 tal-KEDB. Il-HRRP għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni (18).
18. Fir-rigward ta’ KD, il-HRRP ikkonstata li l-isforzi investigattivi ta’ Eulex Kosovo ma kinux suffiċjenti u rriżultaw fil-ksur tad-drittijiet tagħha ggarantiti mill-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB u mill-Artikolu 13 tal-KEDB flimkien mal-Artikolu 2 tal-KEDB. Fir-rigward ta’ KS, il-HRRP għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni (19).
19. Fis-segwitu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu (20), il-HRRP essenzjalment iddikjara li l-Kap tal-Missjoni implimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu biss parzjalment u ddeċieda li jagħlaq il-każijiet.
20. Fid‑19 ta’ Lulju 2017, KS ippreżentat rikors kontra l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (iktar ’il quddiem is-“SEAE”) quddiem il-Qorti Ġenerali għall-“annullament jew l-emendar” tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 u tal-miżuri sussegwenti li emendawha, minħabba ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 13 tal-KEDB, u minħabba “responsabbiltà mhux kuntrattwali” ibbażata fuq il-ksur tal-Artikoli 2, 3, 6, 13 u 14 tal-KEDB (21).
21. B’digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2017 (22), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors, partikolarment abbażi tal-fatt li manifestament ma kellhiex ġurisdizzjoni li toħroġ ordnijiet fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE kienu jipprekluduha milli tassumi l-ġurisdizzjoni għall-annullament ta’ atti tal-PESK. Il-Qorti Ġenerali ma trattatx dak ir-rikors bħala rikors għad-danni.
22. Is-sena ta’ wara, fl‑14 ta’ Ġunju 2018, KS u KD, flimkien ma’ sitt individwi oħrajn, ippreżentaw rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Ir-Renju Unit)). Huma talbu kumpens għad-danni mill-Unjoni, mill-Kunsill, u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kif ukoll minn Eulex Kosovo, għall-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom taħt il-Karta u l-KEDB.
23. Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Frar 2019 (23), il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench) iddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ din l-azzjoni. Fl-opinjoni ta’ dik il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tisma’ dik l-azzjoni u tordna l-kumpens għad-danni mitluba.
B. Il‑kuntest usa’: adeżjoni tal‑Unjoni għall‑KEDB
24. Kif ġie ddikjarat fl-introduzzjoni, il-kwistjoni tal-għan tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK skont l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE hija marbuta mal-kuntest usa’ tan-negozjati mġedda dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB.
25. Fl-Opinjoni 2/13, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Abbozz tal-Ftehim ta’ Adeżjoni kif propost dak iż-żmien kien inkonsistenti ma’ diversi attribwiti tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kif stabbilit mit-Trattati. Madankollu, dik l-opinjoni kienet ħalliet miftuħa l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dak l-Abbozz tal-Ftehim ta’ Adeżjoni mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-PESK. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien għadu ma kellhiex l-opportunità tiddefinixxi l-punt sa fejn il-ġurisdizzjoni tagħha hija limitata mill-Artikolu 24(1) TUE u mill-Artikolu 275 TFUE (24).
26. B’reazzjoni għat-tħassib imqajjem minn dik l-opinjoni, ġie stabbilit grupp ta’ negozjati ad hoc, magħruf bħala l-Grupp “46 + 1” (25). F’Marzu tal‑2023, il-Grupp “46 + 1” laħaq qbil provviżorju unanimu dwar kważi l-kwistjonijiet kollha mqajma mill-Opinjoni (26). L-unika suġġett rimanenti huwa dak imsejjaħ basket 4, li huwa marbut mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK. Ġie miftiehem li l-Unjoni ssolvi din il-kwistjoni internament u tinforma s-sħab fin-negozjati bis-soluzzjoni li tinstab (27).
C. Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat
27. Wara li r-rikorsi tagħhom ġew miċħuda mill-qorti tar-Renju Unit, KS u KD reġgħu marru quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fid‑29 ta’ Diċembru 2020, dawn ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li bih talbu kumpens għad-danni mġarrba b’riżultat tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom attribwibbli lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE, in solidum.
28. KS u KD allegaw is-sitt istanzi ta’ ksur li ġejjin:
– ksur tal-Artikoli 2 u tal-Artikolu 3 tal-KEDB u l-korrispondenti Artikoli 2 u 4 tal-Karta minn Eulex Kosovo;
– ksur tal-Artikoli 6(1) u tal-Artikolu 13 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ għajnuna legali;
– nuqqas li tiġi adottata azzjoni li tipprovdi rimedju meta l-konstatazzjonijiet tal-HRRP ġew ikkomunikati lill-Unjoni mill-Kap tal-Missjoni ta’ Eulex Kosovo fid‑29 ta’ April 2016;
– użu ħażin jew abbuż mis-setgħa eżekuttiva mill-Kunsill u mis-SEAE fit‑12 ta’ Ottubru 2017 bid-dikjarazzjoni li Eulex Kosovo għamlet l-għalmu kollu tagħha sabiex tinvestiga l-ħtif u l-omiċidju probabbli tar-raġel ta’ KS u l-qtil tar-raġel u ta’ iben KD u li l-HRRP ma kienx intiż li jkun organu ġudizzjarju;
– użu ħażin jew nuqqas ta’ użu korrett tas-setgħa eżekuttiva bit-tneħħija tal-mandat eżekuttiv ta’ Eulex Kosovo bid-Deċiżjoni 2018/856, filwaqt li l-ksur baqa’ jeżisti;
– użu ħażin jew abbuż mis-setgħa eżekuttiva dovut għan-nuqqas li jiġi żgurat li jitwettaq stħarriġ legalment adegwat fil-każ ta’ KS, li prima facie jidher li huwa każ ta’ delitt tal-gwerra, minn Eulex Kosovo u/jew mill-Uffiċċju tal-Prosekuturi Speċjali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni quddiem l-Awla Speċjalizzata għall-Kosovo.
29. Fil‑25 ta’ Marzu 2021, KS u KD ressqu talba sabiex iżidu lil Eulex Kosovo bħala konvenuta fil-kawża, li ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tal-President tal-Awla tal‑31 ta’ Marzu 2021.
30. Fil‑5 ta’ Ġunju 2021, KS u KD ressqu talba għal miżuri istruttorji sabiex jiġi prodott l-OPLAN, li huwa dokument ikklassifikat u li għalih sar riferiment mis-SEAE fl-eċċezzjoni tagħha.
31. Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija manifestament ma kellhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża.
32. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali osservat li l-kawża tirriżulta minn atti jew minn aġir li kien jaqa’ fl-ambitu ta’ kwistjonijiet politiċi jew strateġiċi konnessi mad-definizzjoni tal-attivitajiet, il-prijoritajiet u r-riżorsi ta’ Eulex Kosovo u mid-deċiżjoni li jiġi stabbilit bord ta’ stħarriġ bħala parti minn din il-missjoni. Skont l-Azzjoni Konġunta 2008/124, l-istabbiliment u l-attivitajiet ta’ din il-missjoni kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-PESK tat-Trattati (punt 28 tad-digriet appellat).
33. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali indikat li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK hija ddelimitata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Hija qieset li bħala regola ġenerali, il-Qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-PESK u ta’ atti adottati abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Filwaqt li t-Trattati jistabbilixxu espressament żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, l-ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet – il-monitoraġġ tal-konformità mal-Artikolu 40 TFUE u l-istħarriġ tal-legalità ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi u legali – ma kienet tapplika għal dan il-każ (punti 29 sa 33 tad-digriet appellat).
34. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn din il-kawża u kawżi oħrajn fil-qasam tal-PESK li fihom ġie kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, senjatament is-sentenzi Elitaliana (28) H (29) u Bank Refah (30) (punti 34 sa 39 tad-digriet appellat).
35. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza Carvalho (31) sabiex tiċħad il-possibbiltà li jitwarrbu l-kundizzjonijiet stabbiliti espressament fit-Trattati sempliċiment b’riferiment għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (punti 40 u 41 tad-digriet appellat).
36. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kawża kellha tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mingħajr ma eżaminat l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-SEAE u mingħajr ma tat deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri istruttorji mressqa minn KS u KD għall-produzzjoni tal-OPLAN (punt 42 tad-digriet appellat).
D. Il‑proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja
37. Permezz tal-appell tagħhom ippreżentat fit‑12 ta’ Jannar 2022 fil-Kawża C‑29/22 P, kif ukoll tar-risposta tagħhom sottomessa fit‑2 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża C‑44/22 P, KS u KD jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rikors ammissibbli, tannulla d-digriet appellat u tipprovdi għar-rimedju mitlub quddiem il-Qorti Ġenerali jew, alternattivament, tiddikjara r-rikors ammissibbli u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal sentenza finali. KS u KD jitolbu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE għall-ispejjeż.
38. Permezz tal-appell tagħha ppreżentat fid‑19 ta’ Jannar 2022 fil-Kawża C‑44/22 P, kif ukoll bir-risposta tagħha sottomessa fl‑1 ta’ April 2022 fil-Kawża C‑29/22 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, tistabbilixxi li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni esklużiva biex jisimgħu l-kawża, u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u l-mertu tal-kawża. Il-Kummissjoni titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva l-ispejjeż.
39. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Marzu 2022, il-Kawża C‑29/22 P u l-Kawża C‑44/22 P ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-istadji bil-miktub u orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ġġib il-proċeduri fi tmiemhom.
40. Fir-risposta tiegħu sottomessa fl‑4 ta’ April 2022, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lil KS u lil KD għall-ispejjeż.
41. Fir-risposta tiegħu, sottomessa fl‑1 ta’ April 2022, is-SEAE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li tqis li għandha l-ġurisdizzjoni u elementi suffiċjenti sabiex tiddeċiedi r-rikors, tiddikjara l-kawża inammissibbli sa fejn tikkonċerna lis-SEAE u tikkundanna lil KS u lil KD għall-ispejjeż.
42. B’digrieti tas‑16 ta’ Mejju 2022 u tat‑12 ta’ Mejju 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Repubblika Franċiża u lir-Repubblika Ċeka sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.
43. B’digrieti tas‑27 ta’ April 2023 u tat‑12 ta’ Mejju 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Renju tal-Belġju, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Rumanija, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Isvezja jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
44. Fis‑27 ta’ Ġunju 2023 inżammet seduta li fiha tressqu argumenti orali minn KS u KD, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni, mis-SEAE u minn dawn l-Istati Membri.
III. Analiżi
45. L-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE jipprovdu għal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK. Il-kawża preżenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta jekk dik il-limitazzjoni tkoprix ukoll rikors għad-danni allegatament ikkawżati minn ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq fl-implimentazzjoni tal-missjoni Eulex Kosovo.
46. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dan huwa kopert ukoll, u għaldaqstant iddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni. KS u KD, flimkien mal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem flimkien imsejħa l-“appellanti”), ikkontestaw din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.
47. KS u KD jinvokaw aggravju wieħed, li huwa maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE. It-tieni parti hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tas-sentenza mogħtija fil-kawża Bank Refah. It-tielet parti hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tas-sentenza mogħtija fil-kawża Carvalho. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq nuqqas li jiġu indirizzati l-istanzi allegati ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali u fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-azzjoni bħala waħda li hija intiża li tikkontesta l-għażliet politiċi fil-qasam tal-PESK.
48. Il-Kummissjoni, appoġġata mill-Gvern Belġjan, Lussemburgiż, Olandiż, Awstrijak, Rumen, Finlandiż u Svediż, tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-azzjoni bħala waħda li tikkonċerna allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tas-sentenza mogħtija fil-kawża Bank Refah. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni u li jiġi żgurat rimedju effettiv għar-rikorrenti.
49. Fis-sentenza mogħtija fil-kawża Bank Refah, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ rikorsi għad-danni relatati ma’ miżuri restrittivi. Madankollu, lil hinn mill-kuntest ta’ miżuri restrittivi, din hija kwistjoni ġdida quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
50. Qabel kollox, huwa importanti li jiġi spjegat li din il-kawża ma tqajjimx kwistjonijiet fuq il-mertu. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qiegħda tintalab tiddeċiedi jekk l-ommissjonijiet allegati quddiem il-Qorti Ġenerali jirrappreżentawx ksur tad-drittijiet fundamentali, u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, min fl-Unjoni għandu jinżamm responsabbli u jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ħlas tad-danni (32). F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-appell huwa fondat, dawn il-kwistjonijiet xorta waħda jkollhom jiġu indirizzati mill-Qorti Ġenerali. L-appell preżenti jqajjem biss il-kwistjoni dwar jekk il-qrati tal-Unjoni jistgħux jisimgħu r-rikorsi għad-danni mressqa minn KS u KD.
51. Xi kummentaturi legali jidhru li ma jaqblux li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tal-PESK anki jekk ir-rikorsi għad-danni jkunu bbażati fuq allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali (33). Oħrajn jargumentaw il-kuntrarju (34).
52. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet wara l-Opinjoni 2/13 diġà toffri ħafna elementi sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni mqajma mill-appelli preżenti. Għaldaqstant, huwa f’loku li jiġu studjati mill-ġdid dawk il-kawżi u li jiġu identifikati l-prinċipji diġà stabbiliti fihom.
A. Il‑limitazzjoni tal‑ġurisdizzjoni fil‑qasam tal‑PESK hija eċċezzjoni u għandha tiġi interpretata b’mod strett
53. Il-ġurisprudenza li tinterpreta l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 75 TFUE hija msejsa fuq il-qbil li l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Unjoni bbażata fuq l-Artikolu 19(1) TUE hija eċċezzjoni, u bħala tali għandha tiġi interpretata b’mod strett (35).
54. Fis-sentenza Mauritius (36) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1), u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275, idaħħlu deroga għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja biex [tiżgura] l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-[Trattati] u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett”. Formulazzjoni simili ntużat f’kawżi sussegwenti (37).
55. Din l-interpretazzjoni stretta s’issa ġiet applikata fi tliet gruppi ta’ kawżi. Dawn jikkonċernaw tliet tipi ta’ miżuri li l-Unjoni tista’ tadotta taħt il-bażijiet legali tal-PESK: (i) miżuri restrittivi; (ii) missjonijiet tal-Unjoni; u (iii) ftehimiet internazzjonali.
1. Kawżi marbuta ma’ miżuri restrittivi
56. L-ewwel grupp ta’ kawżi huwa marbut ma’ miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 29 TUE. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jipprovdi espressament li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biex jistħarrġu l-legalità tal-miżuri restrittivi stabbiliti taħt il-PESK meta dawn jiġu kkontestati minn individwi permezz ta’ rikorsi għal annullament f’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
57. Minkejja n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu fit-test tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tista’ tistħarreġ ukoll il-legalità ta’ miżuri restrittivi f’tipi ta’ proċeduri oħrajn.
58. Fis-sentenza Rosneft (38) il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tista’ tevalwa l-legalità ta’ miżuri restrittivi fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari.
59. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE fis-sens li ma jagħmilx riferiment għat-tip ta’ proċedura li fiha tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità (fi kliem ieħor, rikorsi għal annullament biss), iżda li jagħmel riferiment għat-tip ta’ deċiżjoni li tista’ tiġi mistħarrġa (fi kliem ieħor, miżuri restrittivi) (39). Hija fakkret li l-Artikoli 263 u 267 TFUE flimkien jifformaw parti minn sistema sħiħa ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ miżuri tal-Unjoni, li jfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ ukoll il-validità ta’ miżura restrittiva b’mod indirett, meta tali kwistjoni tqum f’kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali (40). Dan huwa minnu anki jekk ma huwiex iddikjarat espliċitament fl-Artikolu 275 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment ukoll għas-sentenza Foto-Frost (41), li timplika li l-qorti nazzjonali tkun obbligata li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari u li tħalli f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja l-konstatazzjoni ta’ invalidità tal-miżuri restrittivi.
60. Fis-sentenza Bank Refah (42), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisdizzjoni tagħha li tisma’ rikors għad-danni kontra l-Unjoni għal ħsara allegatament imġarrba minn individwi b’riżultat tal-miżuri restrittivi. Hija spjegat li r-rikors għad-danni huwa rikors awtonomu li għandu l-għan partikolari tiegħu fis-sistema tar-rimedji legali tal-Unjoni.
61. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jsemmix espliċitament il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward ta’ rikorsi għad-danni. Madankollu, tali nuqqas ta’ kliem espliċitu ma jipprekludix il-ġurisdizzjoni tagħha, ġaladarba l-limitazzjonijiet imposti fuqha fil-qasam tal-PESK għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (43).
62. Jidher li minn dawn il-kawżi jirriżulta li, minkejja r-riferiment espliċtu għal rikorsi għal annullament biss fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, l-individwi jistgħu jikkontestaw miżuri restrittivi fit-tipi ta’ azzjonijiet l-oħrajn kollha disponibbli quddiem il-qrati tal-Unjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tagħhom.
2. Kawżi relatati ma’ missjonijiet tal‑Unjoni
63. It-tieni grupp ta’ kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha b’mod strett huwa relatat mal-missjonijiet tal-Unjoni. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni li l-miżura li kienet qiegħda tistħarreġ jew tinterpreta ma kinitx tirrigwarda kwistjonijiet tal-PESK, anki jekk kienet taqa’ f’dak il-qasam u bbażata fuq att ta’ PESK.
64. Fis-sentenza Elitaliana (44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-atti li ġew ikkontestati kienu relatati mal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ ħelikopter lil offerenti kompetitur u taw lok għal spiża li kellha tiġi sostnuta mill-baġit tal-Unjoni, suġġett għar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni. Dawn l-atti, li l-legalità tagħhom ġiet ikkontestata b’rikorsi għal annullament u għad-danni, ġew adottati minn Eulex Kosovo fuq il-bażi tal-Azzjoni Konġunta 2008/124. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha f’din is-sitwazzjoni sempliċiment minħabba li l-atti inkwistjoni ġew adottati fil-qafas tal-PESK tikkostitwixxi interpretazzjoni stretta wisq tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha f’din il-politika tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE ma kinux jeskludu l-ġurisdizzjoni tagħha li tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni anki jekk id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ttieħdu fil-qasam tal-PESK.
65. Fis-sentenza H (45), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni li jisimgħu rikorsi għal annullament u għad-danni ppreżentati minn membru tal-persunal ta’ missjoni ċivili tal-Unjoni b’rabta ma’ deċiżjonijiet meħuda mill-kap ta’ din il-missjoni sabiex dan tal-aħħar jiġi assenjat mill-ġdid fil-kariga reġjonali tiegħu. B’mod simili bħal fis-sentenza Elitaliana, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, filwaqt li l-atti tal-Unjoni inkwistjoni ġew adottati fil-kuntest tal-PESK u kienu marbuta ma’ azzjoni operattiva fil-qasam tal-PESK, dawn ma kinux jikkostitwixxu atti li għalihom hemm riferiment fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-Artikolu 275 TFUE. Essenzjalment, dawn l-atti kienu jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni tal-persunal. Konsegwentement, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarriġhom ma kinitx eskluża.
66. Minn dawn il-kawżi jidher li jirriżulta li atti, anki jekk adottati fil-kuntest tal-PESK u fuq bażi legali tal-PESK, ma jaħarbux mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni jekk il-legalità tagħhom tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jew ta’ liġi sekondarja adottata taħt dawn id-dispożizzjonijiet.
3. Kawżi marbuta ma’ ftehimiet internazzjonali
67. L-aħħar grupp ta’ kawżi jikkonċerna t-tielet tip ta’ miżura li tista’ tiġi adottata fil-qasam tal-PESK, jiġifieri, ftehimiet internazzjonali. Fis-sentenza Mauritius (46) il-Parlament Ewropew talab l-annullament ta’ deċiżjoni tal-PESK adottata abbażi tal-Artikolu 37 TUE, li biha l-Unjoni kienet ikkonkludiet ftehim mal-Mauritius (47). Minkejja li l-kawża kienet tikkonċerna l-istħarriġ ta’ miżura tal-PESK, il-Parlament ikkontestaha billi bbaża ruħu fuq żbalji marbuta mal-proċedura użata għall-adozzjoni tagħha: l-Artikolu 218 TFUE, li jirregola l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali kemm fil-politika tal-PESK kif ukoll f’politiki oħrajn tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-Artikolu 275 TFUE ma jistax jiġi estiż sabiex jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tinterpreta u tapplika l-Artikolu 218 TFUE anki jekk dan ikun għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ miżura tal-PESK.
68. Il-kwistjoni prinċipali mqajma minn dik il-kawża kienet jekk il-bażi legali tal-PESK kinitx l-unika bażi legali sostantiva li fuqha kellu jkun ibbażat il-ftehim mal-Mauritius. Huwa interessanti li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dik il-kawża fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li jipprovdi espressament biex il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja twettaq monitoraġġ tal-konformità mal-Artikolu 40 TUE. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tindirizza l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni billi rrestrinġiet il-portata tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni nnifisha (48), u bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq loġika simili għal dik applikata fis-sentenzi Elitaliana u H, li l-istħarriġ ta’ miżura tal-PESK huwa possibbli jekk jitwettaq fid-dawl tat-Trattat FUE jew tad-dritt sekondarju.
69. B’kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza suesposta, jiena tal-fehma li għandhom jintlaqgħu l-argumenti mressqa mill-appellanti (49) li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ttrattat il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni fl-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE bħala regola, u mhux bħala eċċezzjoni.
B. Il‑kuntest usa’ tat‑Trattati
70. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-limitazzjoni imposta fuq il-ġurisdizzjoni tagħha fil-PESK bħala eċċezzjoni u mhux bħala r-regola, bil-konsegwenza li tali limitazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, hija bbażata fuq prinċipji kostituzzjonali tal-Unjoni.
71. Sabiex tispjega l-interpretazzjoni stretta tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-kawżi suesposti, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-valuri bażiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, essenzjalment l-istat tad-dritt, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Bis-saħħa tal-Artikoli 21 u 23 TUE, dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għall-PESK (50).
1. Il‑PESK fl‑istruttura tat‑Trattati
72. It-Trattat ta’ Lisbona abbanduna l-istruttura tal-pilastri u inkluda l-PESK fis-sistema kostituzzjonali tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-PESK ukoll ġie ssuġġettat għall-istess prinċipji kostituzzjonjali bħall-politiki rimanenti tal-Unjoni.
73. L-Artikolu 23 TUE jikkonferma dan, billi jiddikjara li l-prinċipji u l-għanijiet bażiċi tal-Unjoni kif espressi fit-Titolu 1 tal-Kapitolu 1 tat-TUE japplikaw ukoll għall-PESK.
74. Fis-sentenza Bank Refah (51), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-istruttura tat-Trattati nbidlet, u li t-Trattat ta’ Lisbona pprovda lill-Unjoni b’personalità ġuridika unika fl-Artikolu 47 TUE u ġab fi tmiemha d-distinzjoni bejn dik li kienet il-Komunità Ewropea u l-Unjoni. Dan kollu rriżulta, b’mod partikolari, fl-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-PESK fil-qafas ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-PESK għadu suġġett għal regoli u proċeduri speċjali kif stabbiliti fl-Artikolu 24 TUE (52).
75. Din l-evoluzzjoni tal-PESK, li ġiet injorata fir-raġunament fid-digriet appellat, hija element importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tingħata deċiżjoni dwar il-portata tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni.
76. Sejjer issa ndur lejn il-kuntest kostituzzjonali usa’ li ppermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-PESK għandha tiġi interpretata b’mod strett. Il-prinċipji żviluppati f’dawk il-kawżi għandhom jiggwidaw lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha fil-kawża preżenti.
2. L‑istat tad‑dritt, id‑drittijiet fundamentali u r‑rwol tal‑qrati tal‑Unjoni
77. L-inklużjoni tal-PESK fil-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni tfisser li l-prinċipji bażiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni japplikaw ukoll għall-attivitajiet kollha tal-Unjoni mwettqa taħt din il-politika. Dawn il-prinċipji, espressi fl-Artikolu 2 TUE, li minnhom l-istat tad-dritt, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma rilevanti ferm għall-kawża preżenti, jifformaw parti mill-identità kostituzzjonali tal-Unjoni (53).
78. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-Artikolu 2 TUE ma jikkostitwixxix sempliċi artikolazzjoni ta’ linji gwida jew ta’ intenzjonijiet ta’ natura politika, iżda jinkludi valuri li jaqgħu taħt [...] l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni” (54).
79. F’kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li huwa neċessarju li tinterpreta l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-PESK b’mod strett, hija enfasizzat li l-Artikoli 21 u 23 TUE, li jirrigwardaw rispettivament l-azzjoni esterna tal-Unjoni b’mod ġenerali u l-PESK b’mod partikolari, japplikaw il-valuri espressi fl-Artikolu 2 TUE għall-PESK (55).
80. L-istat tad-dritt, bħala valur espress illum fl-Artikolu 2 TUE, jirrikjedi li kemm l-awtoritajiet tal-Unjoni kif ukoll dawk tal-Istati Membri jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan ġie espress mill-Qorti tal-Ġustizzja sa minn żmien is-sentenza fil-kawża Les Verts (56).
81. L-istat tad-dritt jirrikjedi li individwi li jisiltu drittijiet mid-dritt tal-Unjoni jiġu ggarantiti protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Unjoni u dawk tal-Istat Membru. Fis-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses (57), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li tali rekwiżit huwa artikolat b’mod konkret fl-Artikolu 19(1) TUE.
82. Din id-dispożizzjoni timponi l-kompitu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ibbażati fl-Unjoni fuq il-qrati tal-Unjoni – drittijiet li huma kondiviżi mal-qrati tal-Istati Membri kollha (58). Bħala prinċipju, ir-rikorsi intiżi għall-protezzjoni minn atti (jew omissjonijiet) tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinstemgħu quddiem il-qrati tal-Unjoni, filwaqt li l-individwi għandhom jitolbu protezzjoni fil-konfront tal-atti (jew tal-omissjonijiet) tal-Istati Membri quddiem il-qrati nazzjonali.
83. Ġaladarba l-PESK hija, skont it-Trattat ta’ Lisbona, suġġetta għall-istess prinċipji kostituzzjonali bażiċi, l-istat tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirrikjedi li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw il-legalità tal-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni meta jimplimentaw din il-politika.
84. Sabiex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ individwi li jallegaw li d-drittijiet fundamentali tagħhom, kif iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ġew miksura mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-PESK, il-qrati tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, ikollhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu tali allegazzjonijiet.
85. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi I (59), ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, u atti inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem ma humiex aċċettabbli fi ħdan l-Unjoni. F’dik il-kawża, dan irriżulta fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tisma’ rikorsi ta’ individwi li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom ġew miksura, anki jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu qegħdin jittrasponu (b’mod mekkaniku) l-obbligi internazzjonali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li obbligu internazzjonali ma jistax jipprevali fuq wegħda kostituzzjonali li l-Unjoni, permezz tal-qrati tagħha, tiggarantixxi lill-individwi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jiksrux id-drittijiet tal-bniedem tagħhom.
86. Skont l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, “[i]d-dikjarazzjoni li miżura hija neċessarja għall-manteniment ta’ paċi u sigurtà internazzjonali ma tistax topera sabiex issikket il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni] u ċċaħħad individwi mid-drittijiet fundamentali tagħhom”(60). Huwa proprju għalhekk li “l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax [...] tinjora l-valuri fundamentali li jeżistu fil-bażi tas-sistema legali [tal-Unjoni] li għandha d-dmir li tipproteġi.”(61)
87. Iktar reċentement, fis-sentenza Ledra Advertising (62), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-Karta hija dejjem indirizzata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, anki meta dawn jaġixxu barra mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni aġixxiet fi ħdan il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem il-“MES”), li huwa arranġament internazzjonali maħluq barra mill-qafas legali tal-Unjoni, ma kienx ifisser li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Ir-riżultat kien li l-qrati tal-Unjoni ma setgħux jiġu preklużi milli jisimgħu rikorsi għad-danni kontra l-Unjoni bbażati fuq aġir illegali marbut ma’ tali atti.
88. Fil-kawżi suesposti, il-prinċipju li l-konformità mad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità ta’ miżuri tal-Unjoni rriżulta fil-konstatazzjoni li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu rikorsi ppreżentati minn individwi li jallegaw li d-drittijiet fundamentali tagħhom ġew miksura. Fis-sentenza Ledra Advertising, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet anki tisma’ rikors għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni barra mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni, permezz ta’ att li kontrih ma setax jiġi ppreżentat rikors għal annullament, peress li kien barra l-Unjoni. B’mod simili, fis-sentenza Kadi I, individwu seta’ jitlob l-annullament ta’ miżura ta’ implimentazzjoni tal-Unjoni, billi jallega li din kienet tikser id-drittijiet fundamentali, anki jekk dan l-individwu ma setax jikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-miżura li kienet qiegħda tiġi implimentata, peress li din kienet tappartjeni lis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u mhux lis-sistema tad-dritt tal-Unjoni.
89. Għaldaqstant, a fortiori, jista’ jingħad li jeħtieġ li l-qrati tal-Unjoni jkollhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu rikors għad-danni ppreżentat minn individwi li jallegaw li d-drittijiet fundamentali tagħhom ġew miksura, anki jekk tali rikors jikkontesta l-legalità ta’ att tal-Unjoni fil-PESK, li, meta mqabbel mal-att inkwistjoni fis-sentenza Ledra Advertising, huwa att fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni.
90. Dawn il-prinċipji bażiċi tad-dritt kostituzzjonali tal-Unjoni, b’mod speċifiku l-istat tad-dritt, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li jiġġustifikaw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom ġie kkonstatat li l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE hija eċċezzjoni u mhux regola, u għandha tiġi interpretata b’mod strett, ġew injorati mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat. Il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Elitaliana, H u Bank Refah, u, min-naħa l-oħra, il-kawża preżenti, fuq il-bażi ta’ raġunament strett u formalistiku. Essenzjalment hija sostniet li dawk is-sentenzi ma kinux paragunabbli mas-sitwazzjoni fil-kawża preżenti sempliċiment peress li oriġinaw minn kuntest fattwali differenti (63), u b’hekk injorat totalment il-prinċipji ġenerali li fuqhom huma msejsin dawn is-sentenzi u li huma applikabbli fi kwalunkwe kawża li tkun teħtieġ interpretazzjoni tal-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK.
91. Konsegwentement, l-argument invokat mill-appellanti (64), li l-Qorti Ġenerali wettqet distinzjoni żbaljata ta’ dawn is-sentenzi, għandu jiġi aċċettat.
92. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-mistoqsija segwenti: għad hemm lok li tingħata tweġiba dwar kif dawn ir-rekwiżiti bażiċi tat-Trattati kif interpretati fil-ġurisprudenza jinċidu fuq it-tweġiba għall-mistoqsija mqajma fil-kawża preżenti?
C. L‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 24(1) TUE u tal‑Artikolu 275 TFUE fil‑kawża preżenti
1. Interpretazzjoni, mhux modifika, tat‑Trattati
93. Fid-dawl tal-prinċipji suesposti, fl-opinjoni tiegħi jidher ċar li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni biex jisimgħu rikors li permezz tiegħu individwu jitlob protezzjoni minn ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu ma tistax tiġi eskluża sempliċiment għaliex dan il-ksur twettaq fil-kuntest tal-PESK. Konsegwentement, l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal rikorsi għad-danni għall-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali li joriġina minn miżura tal-PESK.
94. Madankollu, l-istat tad-dritt mhux biss jagħti s-setgħa lill-qrati tal-Unjoni jiżguraw li istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni josservaw id-dritt, iżda jobbliga lill-qrati tal-Unjoni nnifishom isegwu d-dritt.
95. Għaldaqstant il-mistoqsija li tista’ ssir hija x’inhi l-lealtà lejn id-dritt li għandha tintwera mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għandha din tal-aħħar tosserva strettament il-kliem tat-Trattati li jillimita l-ġurisdizzjoni tagħha fil-PESK, jew għandha tagħti preferenza lill-prinċipji kostituzzjonali tal-Unjoni u tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni neċessarja sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali, anki jekk din ma hijiex prevista espliċitament mill-kliem tat-Trattati?
96. Fis-sentenza Les Verts, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien ikun aħjar mill-perspettiva tal-istat tad-dritt li jsir intervent fil-kliem tat-Trattat (65). Kif iddikjarat mill-Avukat Ġenerali Mancini fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, “l-obbligu ta’ osservanza tad-dritt jipprevali fuq il-kliem strett tal-liġi miktuba. Kull meta jkun meħtieġ fl-interessi tal-protezzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja hija ppreparata li tikkoreġi jew tikkompleta r-regoli li jillimitaw is-setgħat tagħha f’isem il-prinċipju li jiddefinixxi l-missjoni tagħha” (66).
97. Madankollu, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ġurisprudenza, kif imtennija reċentement fis-sentenza Carvalho (67) tipprekludiha milli tassumi l-ġurisdizzjoni fil-kawża preżenti. Il-Qorti Ġenerali spjegat li, għalkemm id-dispożizzjonijiet marbuta mal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan ma jistax ikollu l-effett li jitwarrbu l-kundizzjonijiet stabbiliti espressament fit-Trattati.
98. L-appellanti jargumentaw (68) li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi distinta u għalhekk ma hijiex applikabbli għall-kawża preżenti peress li hija marbuta mal-kundizzjonijiet li jirregolaw rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi, u mhux rikorsi għad-danni.
99. Jiena ma naqbilx li din hija r-raġuni għad-distinzjoni ta’ din il-ġurisprudenza. Għall-kuntrarju, naħseb li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Carvalho hija applikabbli għall-kawża preżenti sa fejn tesprimi l-prinċipju li r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jistax waħdu jwassal għat-tibdil tat-Trattati mill-qrati tal-Unjoni.
100. Madankollu, dan ma jipprekludix lill-qrati tal-Unjoni milli jinterpretaw it-Trattati f’konformità mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fl-opinjoni tiegħi, il-qrati tal-Unjoni huma saħansitra obbligati li jagħmlu dan.
101. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża SatCen vs KF (69), l-Avukat Ġenerali Bobek b’mod simili kkonkluda: “Fi kliem sempliċi, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jippermettix li l-Qorti tal-Ġustizzja tikteb mill-ġdid it-Trattati, iżda jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex huma jkunu jistgħu jilħqu l-‘potenzjal kollu tagħhom’ bl-għan li jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja lil kull persuna milquta minn atti ta’ istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni.”
102. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet tabilħaqq il-ħtieġa li tinterpreta l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (70). Madankollu, hija naqset milli tipprova tagħmel dan.
103. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ħalliet miftuħa l-mistoqsija dwar jekk il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-PESK tistax tiġi interpretata b’tali mod li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kawża preżenti.
104. Fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, din hija preċiżament il-mistoqsija li għandha ssir u tiġi mwieġba. Tista’ l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-Artikolu 275 TFUE tiġi interpretata fis-sens li teskludi rikorsi għad-danni minħabba ksur tad-drittijiet fundamentali mill-Unjoni anki jekk dan (allegatament) iseħħ fil-qasam tal-PESK?
2. L‑argumenti tal‑partijiet u tal‑intervenjenti
105. L-appellanti jargumentaw (71) li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra li r-rikors għad-danni kien ibbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet fundamentali u milli tinterpreta l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-PESK fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt. Il-Gvern Belġjan, Lussemburgiż, Olandiż, Awstrijak, Rumen, Finlandiż u Svediż, li intervjenew insostenn tal-Kummissjoni, jenfasizzaw li, fid-dawl tal-valuri bażiċi tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati tal-Unjoni għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq rikorsi għad-danni li jikkonċernaw allegat ksur tad-drittijiet fundamentali fil-PESK. Barra minn hekk, il-Gvern Ċek jikkontendi li, filwaqt li huwa jappoġġa l-pożizzjoni tal-Kunsill, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni sabiex janalizzaw atti fil-qasam tal-PESK jekk dawk l-atti jistgħu jwasslu għall-ksur ta’ drittijiet fundamentali.
106. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni ssostni li l-kawża preżenti tikkonċerna allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-PESK huwa sempliċiment il-kuntest. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha dak li essenzjalment huwa “rikors għad-danni marbut mad-drittijiet tal-bniedem” ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni b’rabta ma’ miżura tal-PESK.
107. Dan l-argument jidher li huwa bbażat fuq loġika simili għal dik li fuqha kienet ibbażata l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni f’kawżi bħal Mauritius, Elitaliana u H. Anki jekk il-qrati tal-Unjoni huma mistiedna jagħtu deċiżjoni dwar il-legalità ta’ att tal-PESK, is-sitwazzjoni fil-kawża preżenti ma hijiex koperta bil-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE peress li l-legalità ta’ dan l-att tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-liġi li tinsab fil-Karta.
108. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li ma teżisti deroga taħt ebda dispożizzjoni tat-Trattati mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward ta’ ksur allegat ta’ drittijiet fundamentali fi kwalunkwe qasam tad-dritt tal-Unjoni, inkluż fil-PESK. Qari tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE b’mod li jkun iċaħħad lill-individwi milli jippreżentaw rikorsi li jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom fil-qasam tal-PESK ikun jippreġudika l-karatteristiċi essenzjali tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja skont it-Trattati kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.
109. Il-Kunsill u s-SEAE jargumetaw li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-kawża preżenti hija prekluża mill-Artikolu 24(1) TUE u mill-Artikolu 275 TFUE, u li ma tapplika ebda waħda mill-kategoriji ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-PESK. Madankollu, il-Kunsill ma jeskludix totalment il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward ta’ ksur allegat tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-PESK, u jenfasizza li għandhom jinstabu kriterji adatti sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK. Skont il-Kunsill, għandha ssir distinzjoni ċara bejn atti li jimplikaw għażliet ta’ politika, li ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, u atti li huma intiżi li jimplimentaw azzjonijiet konkreti, li huma suġġetti għal tali stħarriġ. Bħala prinċipju, l-azzjonijiet konkreti ma jinvolvux għażliet politiċi iżda jikkostitwixxu s-sempliċi eżekuzzjoni ta’ dawn l-għażliet fil-kuntest tal-PESK.
110. Madankollu, il-Gvern Franċiż, li intervjena insostenn tal-Kunsill, jikkunsidra li d-distinzjoni bejn deċiżjonijiet politiċi u deċiżjonijiet oħrajn tal-PESK ma hijiex waħda fattibbli. Skont dan l-Istat Membru, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK għandhom jiġu interpretati skont il-formulazzjoni tagħhom, jiġifieri li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ miżura tal-PESK biss f’żewġ eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.
3. L‑għan tal‑limitazzjoni tal‑ġurisdizzjoni fil‑qasam tal‑PESK
111. Jiena naqbel mal-Gvern Franċiż u mal-Kunsill li l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK ma tistax tiġi injorata u li għandha tingħata xi sinjifikat. Dan kollu jwassalni għal kwistjoni importanti, li hija, fl-opinjoni tiegħi, iċ-ċavetta għad-definizzjoni tal-konfini tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK: x’inhuwa l-għan tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni?
112. Id-distinzjoni ssuġġerita mill-Kunsill u mis-SEAE bejn deċiżjonijiet politiċi jew strateġiċi, fuq naħa, u s-sempliċi miżuri amministrattivi fil-qasam tal-PESK, fuq in-naħa l-oħra, tista’ tirrifletti l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati li jżommu lill-qrati tal-Unjoni ’l bogħod milli jinfluwenzaw l-għażliet politiċi fil-qasam tar-relazzjonijiet esteri. Huwa minnu li fil-maġġoranza tal-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tkun mistiedna tinterpreta regola, hija tista’ tagħmel għażla dwar it-tifsira tagħha. Anki jekk l-għażla tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun iggwidata minn xi regoli u interessi oħrajn, xorta waħda hija għażla (72).
113. Jeżistu kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom l-għażla għandha titħalla esklużivament għall-proċess politiku. L-Avukat Ġenerali Wathelet ikkunsidra fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Rosneft li “l-limitazzjoni tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK permezz tal-klawżola ta’ ‘carve-out’ hija mmotivata bil-fatt li l-atti PESK huma, bħala regola, intenzjonati biss sabiex jirrediġu deċiżjonijiet ta’ natura purament politika marbuta mal‑eżerċizzju tal-PESK, li stħarriġ ġudizzjarju fil-konfront tagħhom huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mas-separazzjoni tal-poteri” (73). Għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni tista’ tinftiehem bħala tip ta’ “duttrina ta’ kwistjonijiet politiċi” ikkodifikata (74). Jista’ jkun li l-awturi tat-Trattati qiesu li huwa neċessarju li dan jiġi ddikjarat b’mod espliċitu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet (għadha) (75) mhux ippreparata sabiex tiżviluppa tali duttrina.
114. Tabilħaqq, fid-dawl tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri (li jsir riferiment għalih bħala l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali fl-Unjoni), li jifforma parti importanti mill-istat tad-dritt u l-prinċipju tad-demokrazija (76) ma hijiex il-prerogattiva tal-qrati li jissostitwixxu għażliet ta’ politika magħmula mill-istituzzjonijiet politiċi kompetenti.
115. Madankollu dan huwa minnu għal kull qasam tad-dritt tal-Unjoni, mhux għal dak tal-PESK biss. Il-qrati tal-Unjoni ma humiex mistennija li jissostitwixxu l-għażliet politiċi magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li skont it-Trattati ngħataw is-setgħat deċiżjonali. Madankollu, f’demokraziji kostituzzjonali, l-għażliet ta’ politika ma humiex illimitati. F’Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt, ma setgħetx kienet l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati li jippermettu ksur tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-PESK. Ġaladarba l-ksur ta’ dritt fundamentali ma jistax ikun għażla politika, il-qrati tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jistħarrġu jekk inqabiżx dan il-limitu (77). B’dan il-mod biss dawn tal-aħħar jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom li fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati jiġi osservat id-dritt.
116. Dan iwassal għall-konklużjoni li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni li jistħarrġu kwalunkwe miżura adottata fil-qasam tal-PESK, inkluża dik politika jew strateġika, sabiex tiżgura l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi eskluża permezz tal-Artikolu 24(1) TUE u mill-Artikolu 275 TFUE.
117. Nirrikonoxxi li r-rispett tad-drittijiet fundamentali jista’ jiġi żgurat b’modi differenti, u jista’ jħalli ċertu spazju għal għażliet ta’ politika. Il-maġġoranza tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta jistgħu jiġu limitati jekk tali limitazzjoni taqdi għan leġittimu ieħor u tiksbu b’mod proporzjonali (78). Għaldaqstant, pereżempju, id-dritt għal protezzjoni tad-data personali (taħt l-Artikolu 8 tal-Karta) jista’ jiġi limitat sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali, jew id-dritt għall-proprjetà (taħt l-Artikolu 17 tal-Karta) jista’ jiġi mrażżan sabiex tiżdied l-effettività tas-sanzjonijiet introdotti kontra Stat terz. L-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet kif ukoll l-adegwatezza u n-neċessità tal-miżuri li jillimitaw ċerti drittijiet jistgħu jvarjaw. F’dan ir-rigward, hemm raġuni wara l-approċċ rispettuż tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward tal-għażliet politiċi fi kwistjonijiet kumplessi ta’ politika internazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li hija sensittiva għal dan it-tħassib, kif intwera fil-ġurisprudenza tagħha (79). Madankollu, anki jekk hemm lok li jiġi diskuss il-livell adatt ta’ skrutinju, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jiġu esklużi mir-rwol kostituzzjonali tagħhom li jipprovdu għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali meta din tintalab mill-individwi.
118. Nista’ naqbel li hemm ċerti għażliet strateġiċi li magħhom il-qrati tal-Unjoni tabilħaqq ma jistgħux jinterferixxu. Pereżempju, fl-opinjoni tiegħi, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jevalwaw jekk l-Unjoni għandhiex tvara missjoni f’ċertu parti tad-dinja. Dan huwa minnu, anki jekk l-istabbiliment ta’ tali missjoni jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem ta’ nies f’dik iż-żona. Madankollu, ladarba tiġi adottata d-deċiżjoni politika ta’ involviment f’ċertu pajjiż jew kunflitt, il-qrati tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jistħarrġu jekk ġietx imfassla u implimentata b’mod li ma tinterferixxix b’mod sproporzjonat mad-drittijiet tal-bniedem.
119. Xi deċiżjonijiet f’dan ir-rigward jirrikjedu approċċ iktar rispettuż lejn ir-raġunijiet ipprovduti mill-Kunsill jew minn korp ieħor responsabbli. Pereżempju, id-disponibbiltà tal-finanzjament għal missjoni partikolari tista’ effettivament tinfluwenza d-drittijiet tal-persuni li l-għajbien tal-membri tal-familja tagħhom ma ġiex investigat b’suċċess. Madankollu, il-qrati tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti dwar il-kapaċità ġenerali finanzjarja u tal-persunal tal-Unjoni li għandha missjonijiet madwar id-dinja u ma jistgħux jikkritikaw kif inhu l-aħjar li dawn ir-riżorsi jitqassmu. Biss, dan ma jeskludix għalkollox il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-ħtieġa ta’ approċċ rispettuż u l-livell ta’ skrutinju huma kwistjonijiet li jqumu ladarba tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni.
120. Konsegwentement, ma nistax naqbel mal-Kunsill li, fil-kawża preżenti, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jevalwaw biss jekk Eulex Kosovo kkonformatx ruħha mad-drittijiet fundamentali fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet tagħha iżda li l-qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jtemmu l-mandat eżekuttiv ta’ Eulex Kosovo jew fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti lil Eulex Kosovo, peress li dawn jinvolvu deċiżjonijiet politiċi u strateġiċi li ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Jekk dawn l-għażliet politiċi jew strateġiċi jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali, il-qrati tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jisimgħu tali lment minn individwu, minkejja li huwa probabbli li jkunu jifhmu r-raġunijiet mogħtija mill-Kunsill fl-evalwazzjoni tagħhom dwar jekk dawn l-għażliet jiksrux id-drittijiet fundamentali.
4. X’inhu eskluż mill‑ġurisdizzjoni tal‑qrati tal‑Unjoni fil-kwistjonijiet ta’ PESK?
121. Il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi estiża sal-punt li jiġi eskluż l-istħarriġ tal-konformità ta’ miżuri ta’ PESK mad-drittijiet fundamentali. X’inhu għalhekk l-iskop ta’ din il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni?
122. Fl-opinjoni tiegħi, il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tkopri żewġ kwistjonijiet. Fl-ewwel lok, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jistħarrġu l-konformità ta’ atti ta’ PESK mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-PESK (80). Fit-tieni lok, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jinterpretaw dawn ir-regoli primarji tal-PESK, u lanqas l-atti tal-PESK adottati fuq il-bażi ta’ dawn ir-regoli. Ovvjament, meta jkunu qegħdin iwettqu stħarriġ tal-legalità ta’ atti ta’ PESK fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jevitaw għalkollox l-interpretazzjoni ta’ regoli ta’ PESK, peress li din hija prekundizzjoni għall-evalwazzjoni tal-konformità tagħhom ma’ dawn id-drittijiet (81). Madankollu, f’dan ir-rigward, il-qrati tal-Unjoni għandhom jimxu mal-ispjegazzjoni tat-tifsira ta’ ċerta għażla politika pprovduta mill-awtur tagħha, u jevalwaw jekk l-għażla kif mifhuma taqbiżx il-limitu stabbilit mill-Karta.
123. Madankollu, dment li l-għażla politika magħmula minn miżura ta’ PESK ma taqbiżx il-limiti imposti mill-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni, l-involviment tal-qrati tal-Unjoni huwa eskluż. Jekk regola ta’ PESK tista’ tiġi interpretata fi tliet metodi possibbli (A, B jew Ċ) u ebda interpretazzjoni minnhom ma tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tagħżel bejn A, B u Ċ. Dan imbagħad ifisser li r-rwol importanti l-ieħor li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja skont it-Trattati – li tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni – huwa nieqes fil-qasam tal-PESK. Jekk l-uniformità għandha tiġi żgurata, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tingħata s-setgħa li tagħżel bejn interpretazzjonijiet possibbli differenti ta’ regola. Ġaladarba dan huwa eskluż, għandu jiġi preżunt li l-awturi tat-Trattati aċċettaw id-diverġenzi li jistgħu jirriżultaw meta miżuri tal-PESK jiġu implimentati fi Stati Membri differenti. Il-kawża Neves 77 Solutions, li l-konklużjonijiet tiegħi fiha ukoll qegħdin jiġu ppubblikati llum, tikkostitwixxi eżempju ta’ tali sitwazzjoni.
124. Fil-qosor, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni huma dejjem marbuta bid-drittijiet fundamentali, u l-għażla li jinkisru dawn id-drittijiet ma hijiex għażla politika jew strateġika disponibbli, inkluż fil-qasam tal-PESK. Jekk l-għan tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-PESK huwa li l-qrati tal-Unjoni jkunu preklużi milli jintervjenu f’deċiżjonijiet politiċi u strateġiċi fil-qasam tal-PESK, tali għan ma jirrikjedix l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex jiġi mistħarreġ allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali. Hemm limitu impost fuq id-deċiżjonijiet politiċi u strateġiċi, peress li dawn qatt ma jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali. Għalhekk, l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lill-qrati tal-Unjoni milli jissorveljaw tali limiti kostituzzjonali billi jisimgħu rikorsi għad-danni ppreżentati minn individwi għal ksur allegat ta’ drittijiet fundamentali minn miżuri ta’ PESK.
5. It‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE
125. L-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE huma ta’ spiss deskritti bħala dispożizzjonijiet “carve-out” peress jaqtgħu barra parti mill-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Unjoni taħt l-Artikolu 19 TUE. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE imbagħad huwa deskritt bħala dispożizzjoni “claw-back”, peress li jġib lura r-regola eskluża fi ħdan l-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni (82).
126. Jekk tinftiehem ir-relazzjoni bejn l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 275 TFUE b’dan il-mod, il-loġika tirrikjedi li d-dispożizzjoni “claw-back” hija applikabbli biss jekk id-dispożizzjonijiet “carve-out” ikunu eskludew il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni f’sitwazzjoni partikolari. Jiena kkonkludejt li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ ksur possibbli ta’ drittijiet fundamentali ma jistax jiġi “carved out” mill-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Unjoni anki jekk l-att li għandu jiġi mistħarreġ huwa miżura ta’ PESK. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni “claw-back” tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE tkun irrilevanti għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni f’rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur allegat ta’ drittijiet fundamentali.
127. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma għandux jiġi interpretat bħala dispożizzjoni “claw-back”, li tirripristina l-istat “normali” tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet elenkati. Minflok, jiena tal-opinjoni li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE għandu jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li tiċċara l-interpretazzjoni tal-għan tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.
128. Kif ġie nnotat (83) il-kliem tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma huwiex identiku. L-Artikolu 24(1) TUE jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward ta’ “dawn id-dispożizzjonijiet”, b’riferiment għad-dispożizzjonijiet imsemmija fis-sentenzi preċedenti tal-Artikolu 24(1) TUE. Dawn id-dispożizzjonijiet jiddikjaraw li, fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ PESK il-Kunsill bħala prinċipju jaġixxi b’mod unanimu; li atti leġiżlattivi huma esklużi fil-PESK; li l-PESK għandha tiġi implimentata jew mill-Unjoni jew mill-Istati Membri, u li l-Parlament u l-Kummissjoni għandhom rwoli speċifiċi fi ħdan il-PESK. Madankollu, l-Artikolu 24(1) TUE jipprovdi li l-qrati tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jissorveljaw il-konformità mal-Artikolu 40 TUE u jistgħu jistħarrġu l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-PESK. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24(1) TUE jirreferi għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.
129. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE imbagħad jirrepeti l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni li hija diġà espressa fl-Artikolu 24(1) TUE, iżda jżid li din il-limitazzjoni tapplika mhux biss għal “dawn id-dispożizzjonijiet”, jiġifieri tal-Kapitolu 2 tat‑Titolu V tat-TUE, iżda wkoll għal atti adottati fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Kif irrikonoxxut fil-ġuridprudenza, din il-limitazzjoni hija waħda stretta. F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jispjega dak li ma jistax jiġi “carved out”. B’differenza għall-ewwel paragrafu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, inkwantu jiċċara l-interpretazzjoni (stretta) tal-għan tal-“carve-out”.
130. Ir-riferiment għall-Artikolu 40 TUE fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm il-ġurisdizzjoni fuq il-bilanċ istituzzjonali previst mit-Trattati. Tilwim li jaqa’ fi ħdan din il-kategorija huwa dak dwar il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ ċerta miżura, u normalment ikun immotivat mid-differenza fis-setgħat mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni mingħand dawk il-bażijiet legali differenti. Eżempji ta’ tali tilwim huma l-kawżi Mauritius u Tanzania li għalihom sar riferiment iktar ’il fuq (84).
131. Ir-riferiment għal rikorsi għal annullament fir-rigward ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi jidher pjuttost strett. Madankollu, dan jista’ jinftiehem f’sens usa’ bħala li jirrikjedi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni ma tistax tkun limitata fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ miżuri ta’ PESK li jirrestrinġu d-drittijiet tal-individwi.
132. Spjegazzjoni sempliċistika, iżda, fl-opinjoni tiegħi, plawżibbli għall-inklużjoni verbatim ta’ rikorsi għal annullament biss ippreżentati minn individwi kontra miżuri restrittivi hija li fil-mument tal-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, minħabba l-ġurisprudenza Kadi, il-ksur possibbli tad-drittijiet tal-individwi minn miżuri restrittivi kien eżempju ovvju (85). Madankollu, moqri fid-dawl tal-Artikolu 24(1) TUE, li jagħmel riferiment b’mod iktar ġenerali għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ ċerti miżuri, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jista’ jiġi interpretat fis-sens li jiżgura li ma hemmx limitazzjoni fuq l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawk il-miżuri kollha ta’ PESK li jirrestrinġu d-drittijiet tal-individwi.
133. Jekk ir-relazzjoni bejn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 275 TFUE tinftiehem fis-sens li t-tieni paragrafu jiċċara l-interpretazzjoni tal-ewwel wieħed, il-“linja l-ħamra” għal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni hija kkostitwita mir-rwol kostituzzjonali assenjat mit-Trattati lill-qrati tal-Unjoni. Dan jikkonċerna, fl-ewwel lok, is-salvagwardja tal-istruttura istituzzjonali stabbilita fit-Trattati u, fit-tieni lok, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi.
6. Ir‑rwol possibbli tal‑qrati nazzjonali
134. Huwa ċar li l-miżuri ta’ PESK ma għandhomx jiksru d-drittijiet fundamentali tal-individwi. Huwa ċar ukoll li l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward ta’ ksur allegat tad-drittijiet fundamentali għandu jkun disponibbli. Madankollu, jista’ jiġi argumentat li ma hemmx il-ħtieġa li tali każijiet jinstemgħu mill-qrati tal-Unjoni, iżda jistgħu jiġu sottomessi għall-ġurisdizzjoni ta’ qrati nazzjonali (86).
135. Skont l-Artikolu 274 TFUE, tilwim li fih hija parti l-Unjoni ma huwiex eskluż mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fuq din il-bażi. Jekk l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE jiġu interpretati fis-sens li jeskludu l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni għal rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tad-drittijiet fundamentali allegatament ikkawżat minn miżuri ta’ PESK, tali pretensjonijiet xorta waħda jistgħu jinstemgħu minn qrati nazzjonali, anki jekk dawn il-pretensjonijiet ikunu diretti lejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.
136. Tali soluzzjoni tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva? Fil-pożizzjoni tagħha fl-Opinjoni 2/13 (87), l-Avukata Ġenerali Kokott ikkunsidrat li din tkun tissodisfahom. Madankollu, l-analiżi tagħha bdiet mill-pożizzjoni li l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE hija r-regola, u mhux l-eċċezzjoni (88), pożizzjoni li ġiet issostitwita minn ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.
137. Fl-opinjoni tiegħi, u dan jintwera b’mod ċar mill-kawża preżenti, jeżisti dubju dwar jekk il-qrati nazzjonali jkunux jistgħu jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja effettiva lil individwi fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jistgħu jiksru d-drittijiet tagħhom permezz ta’ miżuri ta’ PESK. Kif inhu indikat mill-Gvern Ċek u Lussemburgiż, hemm ħafna ostakli prattiċi għall-aċċess lejn qrati nazzjonali fir-rigward ta’ tali rikorsi. Wieħed jista’ jistaqsi, pereżempju, liema qorti u ta’ liema Stat Membru għandha tisma’ rikors kontra miżuri adottati minn missjoni tal-Unjoni stabbilita f’pajjiż terz? KS u KD ipprovaw jippreżentaw rikors quddiem il-qrati tar-Renju Unit (fi żmien qabel il-Brexit). Kif spjegajt iktar ’il fuq, il-qorti nazzjonali kkunsidrat li r-rikors ma kienx jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Tali ċaħda ta’ ġurisdizzjoni minn qorti nazzjonali tista’, madankollu, tiġi ssorvolata jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-pożizzjoni stretta li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni.
138. Dan kollu xorta ma jsolvix il-kwistjoni dwar liema qorti nazzjonali għandha tisma’ r-rikors. Il-Gvern Franċiż issuġġerixxa li tista’ tkun qorti tal-Istat Membru li jkollu f’idejh il-presidenza tal-Kunsill. Madankollu, ma hemm ebda ġustifikazzjoni partikolari għalfejn qorti ta’ dan l-Istat Membru tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tisma’ rikors marbut mal-allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali minn missjoni tal-Unjoni. Opzjoni oħra hija li r-rikors ikun jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti ta’ kull Stat Membru. Tali soluzzjoni tista’ tagħti lok għal forum shopping, fejn ir-rikorrenti jfittxu dak l-Istat Membru li jkollu l-iktar regoli proċedurali favorevoli li jirregolaw rikorsi għad-danni.
139. Billi l-qrati nazzjonali ma jkollhomx il-possibbiltà li jressqu talbiet għal deċizjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tad-drittijiet tal-Karta meta applikata għal miżuri ta’ PESK tista’ tvarja. Tali differenzi, finalment, jiġu solvuti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), li tista’ tiġi adita minn individwi jekk iqisu li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom ma ġewx protetti b’mod adegwat.
140. Meta ġie ffaċċjat bi problemi prattiċi bħal dawn marbuta mal-għażla tal-qorti nazzjonali kompetenti, il-Gvern Franċiż issuġġerixxa li tista’ tiġi stabbilita qorti ġdida komuni sabiex tisma’ kawżi marbuta ma’ ksur tad-drittijiet fundamentali minn miżuri ta’ PESK. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan, nistaqsi għalfejn dawn tal-aħħar ikunu disposti li jikkonferixxu ġurisdizzjoni lil qorti oħra supranazzjonali jekk ma kinux disposti li jirrikonoxxu tali ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni.
141. Finalment, bħala tfakkira, il-kawża preżenti tistaqsi jekk il-qrati tal-Unjoni jistgħux jisimgħu rikorsi bbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal danni allegatament ikkawżati minn miżuri ta’ PESK.
142. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni esklużiva biex jisimgħu rikorsi għad-danni bbażati fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (89). Tali rikorsi jiddistingwu l-Unjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali li tipikament igawdu minn immunità estensiva minn rikorsi għad-danni f’qorti (90). Tabilħaqq, kif ġie nnotat minn diversi kummentaturi (91), ġie maqbul mill-awturi tat-Trattati li l-Unjoni ma għandhiex tibbenefika minn immunità fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, iżda li d-deċiżjonijiet ma għandhomx jittieħdu minn qrati nazzjonali.
143. Konsegwentement, it-Trattati jipprevedu li r-rikors għad-danni huwa esklużivament f’idejn il-qrati tal-Unjoni. Il-qrati nazzjonali ma jistgħux jiddeċiedu dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali għal danni allegatament ikkawżati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fi kwalunkwe qasam li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
144. Barra minn hekk, ir-rikorsi għad-danni, jekk jitħallew f’idejn il-qrati nazzjonali, ikunu bbażati fuq id-dritt nazzjonali tagħhom dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, b’eżiti differenti skont ir-regoli nazzjonali applikabbli. Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali ma jistgħux joffru soluzzjoni għal din il-lakuna u jipprovdu l-istess tip ta’ rimedju bħalma jistgħu jagħmlu l-qrati tal-Unjoni.
D. Implikazzjonijiet potenzjali tal‑adeżjoni tal‑Unjoni għall‑KEDB
145. Kif diġà ġie spjegat, il-kawża preżenti għandha titpoġġa fil-kuntest usa’ tan-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB. Jeħtieġ jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(2) TUE, tali adeżjoni hija obbligu, u mhux għażla għall-Unjoni.
146. Madankollu, il-proċess ta’ adeżjoni għall-KEDB huwa possibbli biss, kif intwera fl-Opinjoni 2/13, jekk jiġu osservati l-karatteristiċi speċifiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u ma jiġux affettwati l-kompetenzi tal-Unjoni skont it-Trattati.
147. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-interpretazzjoni proposta li l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE għandhom jinftiehmu fis-sens li ma jeskludux il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni li jisimgħu talbiet għal kumpens għad-danni kkawżati minn miżuri ta’ PESK b’rabta ma’ ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali, xi jkun ifisser dan għas-sħubija futura tal-Unjoni fil-KEDB?
148. Fl-ewwel lok, dan ikun jikkontribwixxi biex tiġi ddeterminata b’mod iktar ċar il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK, li hija kwistjoni li tħalliet miftuħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13.
149. Fit-tieni lok, dan ikun jiċċara li, kull meta miżura ta’ PESK tiġi kkontestata għal waħda mir-raġunijiet li tista’ wkoll tiġi deċiża mill-QEDB, jiġifieri, l-allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni ma hijiex limitata mid-dispożizzjonijiet “carve-out” tat-Trattati.
150. Mill-perspettiva tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-interpretazzjoni proposta tissodisfa r-rekwiżit kostituzzjonali ta’ salvagwardja tal-awtonomija tiegħu. Din tkun tevita sitwazzjoni li fiha diskrepanzi possibbli bejn qrati nazzjonali dwar jekk miżuri ta’ PESK jiksrux id-drittijiet fundamentali jiġu deċiżi minn qorti esterna għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Qabel ma kawża li tallega ksur tad-drittijiet tal-bniedem tkun tista’ tinstema’ mill-QEDB, din tkun teħtieġ li l-ewwel tiġi deċiża mill-qrati tal-Unjoni. Maġġoranza ta’ Stati Membri li intervjenew fil-kawża preżenti qablu mad-deskrizzjoni kkulurita tal-Gvern Ċek li “kull ferrovija li tista’ tasal fi Strasburgu l-ewwel trid tieqaf fil-Lussemburgu”. L-interpretazzjoni proposta tipprovdi għal tali waqfa fil-Lussemburgu.
151. Mill-perspettiva tas-sistema kif stabbilita mill-KEDB, l-interpretazzjoni proposta tfisser li, qabel ma rikors ippreżentat quddiem il-QEDB ikun ammissibbli, għandhom ikunu ġew eżawriti r-rimedji disponibbli quddiem il-qrati tal-Unjoni.
152. Dan iwassal għal żieda sinjifikattiva ta’ kawżi quddiem il-qrati tal-Unjoni?
153. Jiena ma narax li tali tħassib huwa ġġustifikat. Jekk individwu jikkunsidra li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, għandu tabilħaqq ikun hemm aċċess għall-qrati tal-Unjoni. Huwa fl-interess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li tali sitwazzjonijiet jiġu skoperti u kkorreġuti.
IV. Sunt u konsegwenzi
154. Sabiex nikkonkludi, inqis li l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jillimitawx il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni biex jisimgħu rikors għad-danni ppreżentat minn individwi bbażat fuq allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali minn tip ta’ miżura ta’ PESK.
155. Tali interpretazzjoni tirriżulta mill-prinċipji kostituzzjonali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, prinċipalment l-istat tad-dritt li jinkludi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-prinċipju li jirrikjedi r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-politiki kollha tal-Unjoni. Ir-rwol kostituzzjonali tal-qrati tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn il-prinċipji jista’ jiġi limitat biss eċċezzjonalment. Huwa għalhekk li l-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Tali interpretazzjoni, anki jekk tkun stretta, ma tistax tmur kontra l-għan tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni sanċit fit-Trattati. Jekk dan l-għan huwa sabiex l-għażliet politiċi fil-qasam tal-PESK ikunu protetti minn interferenza tal-qrati tal-Unjoni, tali għan ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni li tinkludi rikorsi għad-danni kkawżati minn allegat ksur tad-drittijiet fundamentali f’din il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni. Dan huwa minnu peress li l-ksur ta’ drittijiet fundamentali ma jistax jikkostitwixxi għażla politika fl-Unjoni, u l-qrati tal-Unjoni għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK ma jaqbżux il-“linji ħomor” imposti mid-drittijiet fundamentali.
156. B’hekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ l-appelli ppreżentati minn KS u KD u mill-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ r-rikors għad-danni ppreżentat minn KS u KD.
157. Konsegwentement, id-digriet appellat għandu jiġi annullat.
158. Jiena ma nqisx li l-istat tal-proċeduri jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u l-mertu tar-rikors. Dawn il-kwistjonijiet ma ġewx analizzati mill-Qorti Ġenerali, u lanqas ma ġew diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li l-ispejjeż jibqgħu rriżervati.
V. Konklużjoni
159. Fid-dawl ta’ dan li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2021, KS u KD vs Il-Kunsill et (T‑771/20, mhux ipubblikat, EU:T:2021:798);
– tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għas-sentenza dwar l-ammissibbiltà u l-mertu tar-rikors;
– tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.