Language of document : ECLI:EU:T:2008:18

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

30 ta’ Jannar 2008

Kawża T-85/04

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2001/2002 – Regolarità tal-proċedura ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2001/2002 għal dak li jikkonċerna r-rikorrent u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni li tadotta r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent fir-rigward ta’ din il-proċedura.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni li tadotta r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera ta’ Guido Strack għall-proċedura ta’ evalwazzjoni 2001/2002 hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Evalwazzjoni – Direttiva interna ta’ istituzzjoni – Effetti legali – Limiti – Osservanza tal-ġerarkija tan-normi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

Bħala prinċipju, xejn ma jipprojbixxi lill-Awtorità tal-Ħatra milli tistabbilixxi, permezz ta’ deċiżjoni interna ta’ natura ġenerali, regoli għall-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija lilha mir-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, is-setgħa li wieħed jirrikorri għal direttivi interni bħal dawn għandha ċerti limiti u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ l-osservanza tal-ġerarkija tan-normi.

Direttiva interna hija regola inferjuri għar-regolamenti tal-persunal u għal-leġiżlazzjoni stabbilita sabiex dawn jiġu implementati. Konsegwentement, id-direttivi interni adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji fil-qasam ta’ l-evalwazzjoni ma jistgħux, legalment, jintroduċu regoli li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew mid-dispożizzjonijiet ġenerali li jimplementaw l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati minn dawn l-istess istituzzjonijiet.

B’hekk, peress li d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni fis-seħħ fil-Kummissjoni jipprovdu, f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ bdil ta’ dmirijiet jew ta’ bdil tas-superjur ġerarkiku, għal obbligu li jiġu stabbiliti rapporti parzjali ta’ l-iżvilupp tal-karriera, u bbilanċjar tal-punti mogħtija minnhom, din l-istituzzjoni ma setgħetx tipprovdi, f’direttiva interna dwar l-evalwazzjoni tal-persunal f’perijodu tranżitorju li jikkorrispondi għal tibdil fis-sistema ta’ evalwazzjoni, għat-tħejjija tar-rapport mis-superjur ġerarkiku li okkupa din il-kariga fl-aħħar tal-perijodu ta’ evalwazzjoni, b’sempliċi konsultazzjoni mas-superjuri ġerarkiċi preċedenti.

(ara l-punti 38 sa 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il-Kummissjoni, 190/82, Ġabra p. 3981, punt 1; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 5 ta’ Ottubru 1995, Alexopoulou vs Il-Kummissjoni, T‑17/95, Ġabra SP p. I‑A‑227 u II‑683, punt 23; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 2 ta’ Lulju 1998, Ouzounoff Popoff vs Il-Kummissjoni, T‑236/97, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑905, punt 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 8 ta’ Diċembru 2005, Merladet vs Il-Kummissjoni, T‑198/04, Ġabra SP p. I‑A‑403 u II‑1833, punti 38, 40, 41 u 43