Language of document : ECLI:EU:T:2014:71

Kawża T‑81/12

Beco Metallteile-Handels GmbH

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ qfieli tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajwan — Talba għar-rimbors tad-dazji miġbura — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Ċertezza legali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Frar 2014

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Talba għar-rimbors tad-dazji antidumping ibbażata fuq l-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 1225/2009 — Terminu

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2002/C 127/06)

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Rimbors ta’ dazji antidumping — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Effett tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(8); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2002/C 127/06)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ċertezza legali — Leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni — Effett tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2002/C 127/06)

1.      F’dak li jirrigwarda l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ dazju antidumping fejn jintwera li l-marġni tad-dumping, li fuq il-bażi tiegħu dan id-dazju tħallas, ġie eliminat, jew tnaqqas għal livell li huwa inqas mil-livell tad-dazju fis-seħħ, huwa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009 li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni rilevanti. Il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni jirreferi għad-dazji antidumping li kellhom jiġu intaxxati. Għalhekk ma jsemmix kundizzjoni marbuta mal-ħlas tal-imsemmija dazji sabiex talba għal rimbors tkun ammissibbli.

Għaldaqstant, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq bl-ebda mod ma huwa suġġett għal kundizzjoni tal-ħlas minn qabel tad-dazji antidumping.

Xejn fil-kliem użat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tal-imsemmi regolament ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-talbiet għal rimbors għandhom ikunu debitament issostanzjati fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-istess Artikolu 11(8) mill-mument meta jitressqu. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kkompletati waqt li tkun għaddejja l-proċedura.

Għalkemm huwa minnu li l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-parti interessata bl-informazzjoni li hija obbligata tikkomunika, billi tistabbilixxi terminu raġonevoli li fih għandhom jintbagħtu l-provi meħtieġa, hija madankollu ma hijiex obbligata teżamina ex officio u b’suppożizzjonijiet liema huma l-provi li setgħu jiġu ppreżentati lilha. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem li tobbliga lill-Kummissjoni tikkomunika lill-parti interessata t-tipi jew il-kategoriji ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti li għandhom jiġu pprovduti lilha sabiex tkun tista’ teżamina talba għal rimbors.

(ara l-punti 34, 35, 40, 46)

2.      Att interpretattiv, bħalma huwa l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping, li, skont il-preambolu tiegħu, jiddefinixxi linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, ma jistax ikollu l-effett li jibdel ir-regoli imperattivi li jinsabu f’regolament. Għaldaqstant, f’każ ta’ sovrappożizzjoni u ta’ inkompatibbiltà ma’ tali regola, huwa l-att interpretattiv li għandu jċedi.

(ara l-punti 50, 52)

3.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu azzjoni bħala konsegwenza. Madankollu, peress li ċertu livell ta’ inċertezza dwar it-tifsira u l-portata ta’ regola tad-dritt huwa inerenti fiha, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regola tad-dritt inkwistjoni hijiex affettwata minn ambigwità tali li tostakola lill-individwi milli jeliminaw, b’ċertezza suffiċjenti, dubji li jista’ jkollhom dwar il-portata jew it-tifsira ta’ din ir-regola.

F’dan ir-rigward, il-linji gwida li jinsabu f’komunikazzjonijiet jew f’avviżi interpretattivi tal-Kummissjoni huma adottati fl-interess li tiġi żgurata t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

Mill-preambolu tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping jirriżulta li l-għan ta’ dan l-avviż huwa li jiddefinixxi linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, u, għaldaqstant, li jinforma lill-partijiet involuti fi proċedura ta’ rimbors, b’mod partikolari, bil-kundizzjonijiet li talba għandha tissodisfa. Għalhekk, huwa ġie adottat fl-interess li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-Artikolu 11(8) tal-imsemmi regolament, li fih ċertu livell ta’ inċertezza dwar it-tifsira u l-portata tar-regola tad-dritt inkwistjoni, għall-benefiċċju tal-imsemmija partijiet.

Peress li l-imsemmi avviż tal-Kummissjoni huwa ddestinat għall-operaturi ekonomiċi li ma humiex obbligati jirrikorru sistematikament għal assistenza legali għall-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum, huwa essenzjali li l-interpretazzjoni li jagħmel tal-Artikolu 11(8) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq isir bl-iktar termini ċari u univoċi. Mill-għan u min-natura tal-imsemmi avviż, qari tad-dispożizzjonijiet tiegħu għandu jippermetti lil operatur ekonomiku diliġenti u informat li jsir jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu mingħajr ambigwità, jew li jelimina dubji li jista’ jkollu dwar il-portata jew it-tifsira tal-imsemmija regoli.

Issa dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti mill-imsemmi avviż tal-Kummissjoni, li jagħti sinjali kontradittorji dwar il-kundizzjonijiet għat-tressiq ta’ talba għar-rimbors tad-dazji antidumping u, b’mod iktar partikolari, dwar it-termini għat-tressiq tat-talbiet skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009. F’dan ir-rigward, il-punt 2.6(a) ta’ dan l-avviż jipprovdi essenzjalment li t-talbiet skont l-Artikolu 11(8) tal-imsemmi regolament għandhom jitressqu fi żmien sitt xhur mid-data li fiha jkun ġie debitament stabbilit l-ammont tad-dazji antidumping. Min-naħa l-oħra, il-punti 2.1(b) u 2.2.(a), kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 u t-tielet subparagrafu tal-punt 3.1.3(a) ta’ dan l-avviż, ikkunsidrati flimkien, jimplikaw li t-terminu għat-tressiq ta’ tali talba ma jibdiex jiddekorri sakemm ma jkunux tħallsu l-imsemmija dazji u, għaldaqstant, imorru kontra l-punt 2.6(a) ta’ dan l-avviż. Għalhekk, l-operaturi ekonomiċi li jirreferu għall-Avviż interpretattiv fit-twettiq tal-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum, jistgħu, meta jaqrawh, ikollhom dubji leġittimi dwar l-interpretazzjoni korretta li għandha tingħata lill-Artikolu 11(8) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009.

(ara l-punti 68, 70‑75, 77, 81‑83)