Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2018 – de Volksbank vs SRB

(Kawża T-406/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: de Volksbank NV (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: M. van Loopik, A. Kleinhout, A. ter Haar u T. Waterbolk, lawyers)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tat-12 ta’ April 2018 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond uniku ta’ Riżoluzzjoni għall- 2018 (SRB/ES/SRF/2018/3);

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata hawn fuq imsemmija u tiddikjara li r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni 2015/63 (ir-“Regolament ta’ delega”) 1 huwa parzjalment jew kompletament mhux applikabbli, skont l-artikolu 277 TFUE;

f’kull każ, tikkundanna liS-SRM għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, 2 tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament 806/2014 3 u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ delega, billi qed tintuża informazzjoni mhux komparabbli sabiex jiġu ddeterminati l-obbligazzjonijiet netti tar-rikorrenti.

Isegwi mit-test u mill-għanijiet tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament 806/2014 li s-SRM għandu juża informazzjoni mill-istess punt jew perijodu fiż-żmien sabiex jikkalkola l-obbligazzjonijiet netti skont dawk id-dispożizzjonijiet.

Isegwi mit-test u l-għanijiet tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ delega, fid-dawl tad-Direttiva 2014/59/UE u tar-Regolament 806/2014, li s-SRB għandu juża informazzjoni komparabbli sabiex jiżgura kalkolu ġust tal-kontribuzzjoni bbażata fuq il-profil tar-riskju ta’ bank.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni, sussidjarjament għall-ewwel motiv, ta’ ksur tal-Artikoli 103(2) u 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE u tal-Artikolu 290 TFUE, għar-raġuni li ir-Regolament ta’ delega, kif applikat mis-SRM fid-deċiżjoni kkontestata, imur lil hinn mill-mandat mogħti lill-Kummissjoni Ewropea, li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-Regolament ta’ delega, skont l-Artikolu 277 TFUE.

Bil-kontra tal-Artikolu 290 TFUE, ir-Regolament ta’ delega jissupplimenta l-elementi essenzjali tad-Direttiva 2014/59/UE.

Jekk l-Artikoli 4(1), 4(2) u 16(2) tar-Regolament ta’ delega jistgħu jiġu interpretati biss fis-sens li s-SRB għandu juża informazzjoni inkomparabbli, ir-Regolament ta’ delega ma huwiex globalment konformi mat-test u l-għanijiet tad-Direttiva 2014/59/UE.

Sa fejn ir-Regolament ta’ delega jistabbilixxi regoli fuq il-kalkolu tal-kontribuzzjoni bażika annwali, ir-Regolament ta’ delega jeċċedi l-kontenut tal-mandat mogħti mill-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma ttieħdux sew inkunsiderazzjoni d-depożiti ggarantiti tar-rikorrenti.

Il-metodoloġija tal-kalkolu tas-SRB ma hijiex adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2014/59/UE, tar-Regolament 806/2014, u tar-Regolament ta’ delega.

Il-metodoloġija tal-kalkolu tas-SRB ukoll tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ma ttieħdux sew inkunsiderazzjoni d-depożiti ggarantiti tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ma setgħux jipprevedu l-interpretazzjoni tas-SRB tar-Regolament ta’ delega.

Il-ħames motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ma ttieħdux sew inkunsiderazzjoni d-depożiti ggarantiti tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti għandha tħallas kontribuzzjoni lill-Fond ta’ Riżoluzzjoni Uniku sinjifikattivament ogħla minn dik ta’ banek oħra li huma tal-istess daqs u profil ta’ riskju.

____________

1 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015 L 11, p. 44).

2 Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1).