Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Ottubru 2011 - European Dynamics Luxembourg et vs UASI

(Kawża T-556/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu); European Dynamics Belgium SA (Brussell, il-Belġju); u Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti sottomessa fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għal offerti AO/029/10 (E-Alicante: żvilupp ta' softwer u servizzi ta' manutenzjoni) , ikkomunikata bl-ittra tal-11.08.2011, u d-deċiżjonijiet kollha relatati tal-UASI inklużi dawk li jagħtu l-kuntratt rispettiv lill-offerenti kklassifikati l-ewwel, it-tieni u t-tielet; u

tikkundanna lill-UASI għad-danni sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni li jammontaw għal EUR 67 500 000; u

tikkundanna lill-UASI għad-danni sostnuti mir-rikorrenti minħabba fit-telf ta' opportunità u d-danni għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà tagħha li jammontaw għal EUR 6 750 000; u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż legali tar-rikorrenti u spejjeż oħra sostnuti relatati ma' din ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq

Nuqqas ta' konformità tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju; billi:

(a)    naqas milli jagħti raġunijiet;

(b)    naqas milli jiżvela l-merti tal-offerenti magħżula.

It-tieni motiv ibbażat fuq

Żbalji manifesti ta' evalwazzjoni; użu ta' kriterji ġodda għall-għoti, kuntrarji għall-ispeċifikazzjoni tal-offerta; użu ta' kriterji li ma kinux iċċarati fis-sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet; nuqqas ta' motivazzjoni; kummenti vagi u mhux issostanzjati mogħtija mill-UASI; użu ta' formula finanzjarja żbaljata, li ppermettiet distorsjonijiet; u modifikazzjoni tal-portata u tal-għan tal-kuntratt.

It-tielet motiv ibbażat fuq

Trattament diskriminatorju tal-offerenti u nuqqas ta' konformità mal-kriterji ta' esklużjoni tal-offerenti magħżula; ksur tal-Artikoli 93(1)(f), 94 u 96 tar-Regolament Finanzjarju; tal-Artikoli 133a u 134b tar-Regoli ta' Implementazzjoni u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, billi:

(a)    membri tal-konsorzju magħżul huma suġġetti għal kunflitt ta' interessi;

(b)    membru tal-konsorzju magħżul huwa involut fi frodi, korruzzjoni u tixħim.

____________

1 - ĠU 2011/S 10-013995.