Language of document : ECLI:EU:T:2020:439

(Kawża T796/16)

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

CEDC International sp. z o.o.

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-23 ta’ Settembru 2020

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ werqa ta’ ħaxixa fi flixkun – Trade mark tridimensjonali nazzjonali preċedenti – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Artikolu 15(1) u Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li saru l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Natura tal-użu – Alterazzjoni tal-karattru distintiv – Użu flimkien ma’ trade marks oħra – Suġġett tal-protezzjoni – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Rekwiżit ta’ konkordanza tad-deskrizzjoni mar-rappreżentazzjoni – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament ta’ deċiżjoni preċedenti mill-Qorti Ġenerali – Riferiment għall-motivi ta’ deċiżjoni preċedenti annullata – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark – Rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark tridimensjonali – Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni – Rappreżentazzjoni grafika suffiċjentement ċara u preċiża – Konkordanza ta’ eventwali deskrizzjoni mar-rappreżentazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 4; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 3(3) u (4))

(ara l-punti 105-112, 128-130)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Osservazzjonijiet minn terzi persuni u oppożizzjoni – Eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu tat-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Użu tat-trade mark taħt forma differenti permezz ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark – Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 – Eżami tal-bdil tal-karattru distintiv

[Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 15(2)(a), u 43(2) u (3)]

(ara l-punti 137-140, 148)

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Osservazzjoni minn terzi persuni u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu tat-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kunċett – Trade mark użata biss bħala element ta’ trade mark kumplessa jew flimkien ma’ trade mark oħra – Trade mark tridimensjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 15(1), u 43(2) u (3))

(ara l-punti 142-146, 166, 167)

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjonijiet proċedurali – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet – Portata – Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni preċedenti – Referenza għall-motivi ta’ din id-deċiżjoni preċedenti annullata – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 75, l-ewwel sentenza)

(ara l-punti 202, 203)

Sunt

Fis-sentenza CEDC International vs EUIPO – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun) (T‑796/16), mogħtija fit-23 ta’ Settembru 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rappreżentazzjoni ta’ trade mark tridimensjonali fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 (1).

F’dan il-każ, Underberg AG kienet applikat għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta werqa ħaxixa ġewwa flixkun, għall-ispirti u l-likuri. CEDC International sp. z o.o. (iktar’il quddiem ir-“rikorrenti”) kienet ressqet oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti tagħha, irreġistrata għal xarbiet alkoħoliċi (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”).

L-oppożizzjoni u sussegwentement ir-rikors tar-rikorrenti kienu diġà ġew miċħuda, rispettivament, mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u mill-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), minħabba li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat in-natura tal-użu mit-trade mark preċedenti, jiġifieri l-użu ta’ din it-trade mark kif irreġistrata jew taħt forma li hija differenti mill-elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark li fiha kienet ġiet irreġistrata. Wara rikors tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, billi qieset li dan ma kienx eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi tal-użu ppreżentati tardivament. Permezz tat-tieni deċiżjoni tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell kien reġa’ ċaħad l-appell billi kkonstata li l-imsemmija provi bl-ebda mod ma kienu jbiddlu d-deċiżjoni preċedenti tiegħu.

Adita b’rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark, li għandha tkun ċara u preċiża, tiddefinixxi s-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni, li tista’ eventwalment takkumpanja r-rappreżentazzjoni, għandha taqbel magħha, kif irreġistrata, u ma tistax testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tat-trade mark hekk iddefinita. Dan ir-rekwiżit ta’ konkordanza ta’ eventwali deskrizzjoni mar-rappreżentazzjoni huwa għalhekk korollarju tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rappreżentazzjoni li tiddefinixxi s-suġġett tal-protezzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, id-deskrizzjoni tat-trade mark preċedenti – peress li ma taqbilx mar-rappreżentazzjoni tagħha, li tinkludi linja u mhux werqa ħaxixa kif deskritt – ma tistax isservi sabiex tiċċara jew tippreċiżaha (2). Fil-fatt, hija biss rappreżentazzjoni iktar realistika tal-werqa ħaxixa, jew l-immaġni vera ta’ tali werqa li titqiegħed ġewwa flixkun, li setgħet tiddetermina b’mod ċar u preċiż il-preżenza tagħha f’din it-trade mark. Għalhekk, is-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark preċedenti ma jirrigwardax werqa ħaxixa.

Wara dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-użu tat-trade mark preċedenti, kif irrappreżentata u rreġistrata, ma kienx ġie pprovat.

Min-naħa l-oħra, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud (3). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell ma setax, sabiex jiġġustifika d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li tiċħad il-motivi ta’ oppożizzjoni invokati, jirreferi, għal uħud minn dawn il-motivi, għall-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni annullata fl-intier tagħha mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma jeżamina u jiċħad kull wieħed mill-motivi ta’ oppożizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata biss f’dak li jirrigwarda l-motivi li ma ġewx eżaminati mill-Bord tal-Appell.


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), issostitwit huwa stess bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


2      Skont id-deskrizzjoni tat-trade mark preċedenti, “it-trade mark hija komposta minn flixkun li fil-korp tiegħu hija mqiegħda werqa ħaxixa f’pożizzjoni kważi djagonali”.


3      Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.