Language of document : ECLI:EU:C:2023:882

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑16 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C627/22

AB

vs

Finanzamt Köln-Süd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni – Trasferiment tad-domiċilju ta’ persuna fiżika minn Stat Membru lejn l-Isvizzera – Tassazzjoni diretta – Moviment liberu tal-ħaddiema impjegati– Ugwaljanza fit-trattament – Konċessjonijiet fiskali – Taxxa fuq id-dħul – Impożizzjoni volontarja disponibbli biss għall-ħaddiema impjegati parzjalment suġġetti għat-taxxa, b’residenza fiskali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew f’xi pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea ŻEE”








1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda t-trattament ta’ ħaddiema residenti fl-Isvizzera, li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul meta jirċievu salarji fil-Ġermanja (2).

2.        Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-ħaddiema residenti fl-Isvizzera ma jistgħux jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ impożizzjoni volontarja (3) sabiex “jiksbu rimbors tat-taxxa fuq id-dħul bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż professjonali u bl-imputazzjoni tat-taxxa Ġermaniża fuq is-salarji imposta fil-kuntest tal-proċedura tat-taxxa f’ras il-għajn”. Għall-kuntrarju, tali possibbiltà hija miftuħa għar-residenti fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”).

3.        Fir-risposta għad-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tissupplimenta l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (iktar ’il quddiem il-“FMLP”) (4) u dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni inkluża fih abbażi tan-nazzjonalità.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      ddritt talUnjoni: FMLP

4.        Skont l-Artikolu 1 tiegħu (intitolat “Għan”):

“L-għan ta’ dan il-Ftehim, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Iżvizzera, huwa:

a)      li jingħata dritt ta’ dħul, residenza, aċċess għax-xogħol bħala persuni impjegati, l-istabbiliment fuq bażi ta’ impjieg indipendenti u d-dritt li joqogħdu fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

[…]

c)      li jingħata dritt ta’ dħul, u ta’ residenza, fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti lil persuni li ma jkollhomx attività ekonomika fil-pajjiż ospitant;

d)      li jingħataw l-istess kondizzjonijiet ta’ għajxien, impjieg u xogħol bħal dawk li jingħataw liċ-ċittadini.”

5.        L-Artikolu 2 (“Non-diskriminazzjoni”) jistipula li:

“B’applikazzjoni ta’ u skond id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III għal dan il-Ftehim, iċ-ċittadini ta’ Parti Kontraenti waħda li jkunu legalment residenti fit-territorju ta’ Parti Kontraenti oħra m’għandhomx ikunu suġġett għal kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.”

6.        L-Artikolu 4 (“Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika”) jistabbilixxi:

“Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandhom jiġu ggarantiti sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fl-Artikolu 10 u skond id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.”

7.        F’konformità mal-Artikolu 7 (“Drittijiet oħra”):

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness I, għad-drittijiet li ġejjin li huma relatati mal-moviment liberu tal-persuni:

a)      id-dritt għal trattament ugwali daqs iċ-ċittadini fir-rigward tal-aċċess għal, u l-eżerċizzju ta’, attività ekonomika, u l-kondizzjonijiet tal-għajxien, tal-impjieg u tax-xogħol;

[…]”

8.        Skont l-Artikolu 13 (“Waqfien”):

“Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw irwieħhom li ma jadottaw l-ebda miżura restrittiva oħra vis-à-vis iċ-ċittadini ta’ xulxin fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim.”

9.        L-Artikolu 16 (“Referenza għal-liġi Komunitarja”) jipprovdi li:

“1.      Sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa minn dan il-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi li huma ekwivalenti għal dawk li huma inklużi fl-atti legali tal-Komunità Ewropea, li ssir referenza għalihom, ikunu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

2.      Sakemm l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tinvolvi kunċetti tal-liġi Komunitarja, għandu jittieħed kont tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. L-attenzjoni tal-Iżvizzera għandha tinġibed lejn il-ġurisprudenza ta’ wara dik id-data. Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim jiffunzjona korrettament, il-Kumitat Konġunt għandu, fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti, jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ tali ġurisprudenza.”

10.      L-Artikolu 21 (“Ir-relazzjoni ma’ ftehim bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja”) jistipula li:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali bejn l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea dwar it-tassazzjoni doppja m’għandhomx ikunu milquta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jinċidu fuq id-definizzjoni fi ftehim dwar it-tassazzjoni doppja ta’ ‘ħaddiema tal-fruntiera’.

2.      L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim ma tista’ tiġi interpretata b’tali mod li tipprevjeni lill-Partijiet Kontraenti milli jiddistingwu, meta japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni fiskali tagħhom, bejn dawk li jħallsu t-taxxa li s-sitwazzjonijiet tagħhom mhumiex komparabbli, speċjalment fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom.

3.      L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandha timpedixxi lill-Partijiet Kontraenti milli jadottaw jew japplikaw miżuri sabiex jiżguraw l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv ta’ taxxi jew sabiex jimpedixxu l-evażjoni fiskali taħt il-leġislazzjoni jew il-ftehim fiskali nazzjonali mmirati lejn il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja bejn l-Iżvizzera, minn naħa waħda, u Stat Membru wieħed jew aktar tal-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra, jew kwalunkwe arranġament fiskali ieħor.”

11.      Skont l-Artikolu 7(1) (“Ħaddiema tal-fruntiera impjegati”) tal-Anness I:

“Ħaddiem tal-fruntiera impjegat huwa ċittadin ta’ Parti Kontraenti li jkollhu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Parti Kontraenti u jeżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna lejn il-post ta’ residenza tiegħu kuljum, jew għall-inqas darba f’ġimgħa.”

12.      L-Artikolu 9 (“Trattament ugwali”) tal-Anness I, jipprevedi:

“1.      Persuna impjegata li tkun ċittadina ta’ Parti Kontraenti ma tistax tiġi trattata b’mod differenti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, minħabba n-nazzjonalità tagħha, minn ċittadini impjegati fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, speċjalment fir-rigward tal-paga, tat-tkeċċija, jew tal-għoti lura tal-post jew tal-impjieg jekk issir qiegħda.

2.      Persuna impjegata u l-membri tal-familja tagħha li jissemmew fl-Artikolu 3 ta’ dan l-Anness għandhom igawdu l-istess konċessjonijiet fiskali u l-istess benefiċċji soċjali bħaċ-ċittadini impjegati u bħall-membri tal-familja tagħhom.”

[…]”

B.      Iddritt Ġermaniż. Einkommensteuergesetz (5)

13.      Skont l-Artikolu 1 tagħha,

–      Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul.

–      Fuq talba tagħhom, persuni fiżiċi li la għandhom d-domiċilju tagħhom u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja, jistgħu wkoll jiġu ttrattati bħala suġġetti kompletament għat-taxxa fuq id-dħul, sa fejn huma jirċievu dħul nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 49 (6).

–      Il-persuni fiżiċi li la għandhom id-domiċilju u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti b’mod limitat għat-taxxa fuq id-dħul jekk huma jkollhom dħul nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 49 (7).

14.      L-Artikolu 38 jindika li, għad-dħul li ġej minn attività bħala persuna impjegata, it-taxxa fuq id-dħul tinġabar f’ras il-għajn billi titnaqqas mis-salarju (it-taxxa fuq is-salarji), meta s-salarju jitħallas mill-persuna li timpjega li jkollha d-domiċilju tagħha, ir-residenza abitwali tagħha, l-amministrazzjoni tagħha, is-sede tagħha, stabbiliment permanenti jew rappreżentant permanenti fit-territorju nazzjonali.

15.      Il-punt 8 tal-Artikolu 46(2) jipprovdi li, meta d-dħul joriġina, kompletament jew parzjalment, minn attività bħala persuna impjegata li kienet is-suġġett ta’ taxxa f’ras il-għajn, dan id-dħul huwa taxxabbli biss jekk ikun intalab l-intaxxar, b’mod partikolari għall-finijiet tal-imputazzjoni tat-taxxa fuq is-salarji mat-taxxa fuq id-dħul. Din it-talba għandha ssir permezz tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul.

16.      Skont l-Artikolu 49, id-dħul nazzjonali għall-finijiet ta’ ssuġġettar parzjali għat-taxxa fuq id-dħul jinkludi, inter alia, dħul minn xogħol li huwa jew ġie mwettaq jew sfruttat fil-Ġermanja.

17.      L-Artikolu 50 jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-persuni li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul. Skont il-paragrafu 2 tiegħu, għal dawn il-persuni taxxabbli, it-taxxa fuq id-dħul applikabbli għad-dħul suġġett għat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarju, hija kkunsidrata mħallsa minn din it-taxxa.

18.      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tapplikax jekk il-kontribwent ikun għamel it-talba (impożizzjoni volontarja) imsemmija fil-punt 8 tal-Artikolu 46(2) tal-EStG. Dan huwa stabbilit fit-tieni sentenza tal-punt 4(b) tal-Artikolu 50(2) tal-EStG.

19.      Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, it-tieni sentenza tal-punt 4(b) tal-Artikolu 50(2) tal-EStG japplika biss għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE (8) li għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri.

II.    Ilfatti, ilkawża u ddomanda preliminari

20.      AB huwa ċittadin Ġermaniż li, għal raġunijiet tal-familja, kien ilu jgħix fl-Isvizzera mill‑2016, fejn kellu l-uniku domiċilju u r-residenza abitwali tiegħu, filwaqt li kien impjegat (amministratur) ta’ impriża stabbilita fil-Ġermanja.

21.      Bħala tali, AB kien jaħdem għall-persuna li impjegatu Ġermaniża mill-Isvizzera (permezz tat-telexogħol), jew permezz ta’ kollokamenti professjonali fil-Ġermanja. Għal dawn tal-aħħar, AB kien juża vettura bil-mutur miksuba permezz ta’ kuntratt ta’ leasing, li ma ġietx ipprovduta mill-impriża tiegħu, u kien iġarrab spejjeż oħra marbuta mal-vettura tiegħu u mal-kollokamenti professjonali tiegħu.

22.      Bħala riżultat tal-attività professjonali tiegħu fil-Ġermanja, AB irċieva dħul minn xogħol matul is-snin 2017 sal‑2019 (iktar ’il quddiem is-“snin kontenzjużi”). Fl‑2021, huwa baqax jgħix fl-Isvizzera u reġa’ stabbilixxa r-residenza tiegħu fil-Ġermanja.

23.      Matul is-snin kontenzjużi, AB kien parzjalment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja, b’mod konformi mal-Artikolu 1(4) tal-EStG. F’dak li jirrigwarda l-ammont totali tas-salarju gross tiegħu, il-persuna li impjegatu imponiet taxxa f’ras il-għajn abbażi tat-taxxa fuq id-dħul u ħallasha lill-awtorità tat-taxxa Ġermaniża (9).

24.      Minbarra d-dħul mix-xogħol bħala persuna impjegata, AB irċieva dħul mill-kiri ta’ żewġ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Ġermanja.

25.      Għal kull waħda mis-snin kontenzjużi, AB ippreżenta d-dikjarazzjonijiet korrispondenti relatati mat-taxxa fuq id-dħul, li juru d-dħul magħmul mill-kiri tal-proprjetajiet immobbli u mid-dħul mix-xogħol. Huwa inkorpora bħala li jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż professjonali marbuta mal-attività tiegħu bħala persuna impjegata fil-Ġermanja. F’dawn id-dikjarazzjonijiet, huwa talab sabiex jibbenefika mill-punt 4(b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG, jiġifieri mill-impożizzjoni volontarja.

26.      Il-Finanzamt Köln-Süd (l-Awtorità tat-Taxxa tan-Nofsinhar ta’ Köln, il-Ġermanja) ħarġet stimi ta’ taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul li tqis id-dħul ta’ AB li ġej mill-kiri, iżda mhux dak li ġej mix-xogħol bħala persuna impjegata. Konsegwentement, it-taxxa miżmuma taħt it-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża ma ġietx paċuta u l-ispejjeż iddikjarati minn AB ma ġewx meqjusa.

27.      AB ressaq ilmenti amministrattivi kontra l-istimi tat-taxxa korrispondenti. Skont il-FMLP, kien illegali li jiġi ristrett il-mekkaniżmu tal-impożizzjoni volontarja lill-ħaddiema residenti fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE. L-ilmenti ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Frar 2020 u tal‑15 ta’ Novembru 2021.

28.      AB ippreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), li għamlet din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-[FMLP], b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 15 tal-FMLP, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP (dritt għall-ugwaljanza fit-trattament), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li ħaddiema ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE (inkluż tal-Ġermanja) u li jirrisjedu (jiġifieri li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali) fil-Ġermanja jew fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE jistgħu volontarjament japplikaw għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ qligħ minn impjieg li huwa taxxabbli fil-Ġermanja (“impożizzjoni volontarja”), b’mod partikolari sabiex jiksbu rimbors tat-taxxa fuq id-dħul bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż (spejjeż professjonali) u bl-imputazzjoni tat-taxxa Ġermaniża fuq is-salarji imposta fil-kuntest tal-proċedura tat-taxxa f’ras il-għajn, iżda dan id-dritt huwa miċħud lil ċittadini Ġermaniżi u Svizzeri li jirrisjedu fl-Isvizzera?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

29.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ottubru 2022.

30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea.

31.      Iż-żamma ta’ seduta ma ġietx meqjusa indispensabbli.

IV.    Evalwazzjoni

32.      Peress li d-domanda preliminari hija intiża sabiex isir magħruf jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-FMLP jipprekludux is-sistema fiskali kkontestata, ser nibda l-analiżi tiegħi billi neżamina l-applikabbiltà ratione personae ta’ dan il-ftehim għall-kawża ineżami.

33.      Dan premess, ser nindirizza l-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, din tistax tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP.

A.      Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae talFMLP

34.      Kif diġà spjegajt, il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ċittadin Ġermaniż, impjegat ta’ impriża Ġermaniża u residenti fl-Isvizzera, jistax jibbenefika mill-mekkaniżmu (impożizzjoni volontarja) li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul tirriżerva għar-residenti fil-Ġermanja u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni u tal-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE, residenti f’wieħed minn dawn l-Istati.

35.      Sabiex jiġi deċiż jekk il-FMLP japplikax f’dan il-kuntest, għandhom jitfakkru, primarjament, il-karatteristiċi ta’ dan il-ftehim u l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Fis-sentenza Wächtler (10), il-Qorti tal-Ġustizzja:

–      Fakkret, fuq bażi preliminari, li “peress li l-FMLP huwa trattat internazzjonali, dan għandu jiġi interpretat, skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lill-kliem tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu […]. Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li għandha tingħata tifsira partikolari lil terminu jekk jiġi stabbilit li din kienet l-intenzjoni tal-partijiet” (11).

–      Hija ddeċidiet li “l-FMLP jinsab fi ħdan il-qafas iktar ġenerali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera. Għalkemm din tal-aħħar ma tipparteċipax fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fis-suq intern tal-Unjoni, din hija madankollu marbuta magħha permezz ta’ diversi ftehimiet li jkopru oqsma wesgħin u li jipprevedu drittijiet u obbligi speċifiċi, analogi, f’ċerti aspetti, għal dawk previsti mit-Trattat. L-iskop ġenerali ta’ dawn il-ftehimiet, inkluż tal-FMLP, huwa li jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera” (12).

–      Madankollu, hija enfasizzat li, “peress li l-Konfederazzjoni Svizzera ma ngħaqditx mas-suq intern tal-Unjoni, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar dan is-suq ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-FMLP, ħlief għal dispożizzjonijiet espressi għal dan il-għan kif previst mill-istess ftehim […]” (13).

–      Hija affermat li, “[f]ir-rigward […] tal-għan tal-FMLP u tal-interpretazzjoni tat-termini tiegħu, mill-preambolu, mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 16(2) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jiżgura, favur iċ-ċittadini, persuni fiżiċi, tal-Unjoni u tal-Konfederazzjoni Svizzera, il-moviment liberu tal-persuni fit-territorju ta’ dawn il-partijiet abbażi tad-dispożizzjonijiet applikati fl-Unjoni, li l-kunċetti tagħhom għandhom jiġu interpretati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel id-data tal-iffirmar tal-imsemmi ftehim” (14).

–      Hija żiedet li, “[f]ir-rigward tal-ġurisprudenza sussegwenti għal din id-data, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(2) tal-FMLP jipprevedi, minn naħa, li din il-ġurisprudenza għandha tiġi kkomunikata lill-Konfederazzjoni Svizzera u, min-naħa l-oħra, li, bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ dan il-ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 14 tal-imsemmi ftehim għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ tali ġurisprudenza. Madankollu, anki fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ dan il-kumitat, […] din il-ġurisprudenza għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn din tispeċifika jew tikkonferma biss il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza eżistenti fid-data tal-iffirmar tal-FMLP dwar il-kunċetti ta’ dritt tal-Unjoni, li fuqhom dan il-ftehim huwa bbażat” (15).

37.      Għalhekk, minn din il-perspettiva, ser nanalizza l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-FMLP sabiex jiġi ddeterminat jekk impjegat (16) Ġermaniż residenti fl-Isvizzera jistax jinvokah kontra l-Ġermanja.

38.      Skont il-preambolu u l-Artikolu 1(a) u (c) tal-FMLP, kemm il-persuni fiżiċi li jeżerċitaw attività ekonomika, kif ukoll dawk li ma jeżerċitawx tali attività, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-kawża ineżami, AB jeżerċita attività ekonomika bħala persuna impjegata għal kumpannija Ġermaniża li mingħandha huwa rċieva, matul is-snin kontenzjużi, salarju wara li stabbilixxa r-residenza tiegħu fl-Isvizzera mill-2016 minħabba raġunijiet tal-familja (17).

39.      L-ipoteżi ordinarja ta’ applikazzjoni tal-FMLP hija dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni li jinvokah kontra l-pajjiż li fih imur jgħix, sabiex jeżerċita attività bħala persuna impjegata. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’ċerti ċirkustanzi u skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti jistgħu jinvokaw drittijiet misluta mill-FMLP mhux biss fir-rigward tal-pajjiż li fih huma jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment iżda wkoll fir-rigward ta’ pajjiżhom stess (18).

40.      Fil-kundizzjonijiet personali ta’ AB, hemm konverġenza ta’ żewġ ċirkustanzi:

–      Dan ma huwiex “ħaddiem tal-fruntiera impjegat”, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-FMLP, għaliex AB ma jeżerċitax l-attività tiegħu fil-Ġermanja u jirritorna lejn id-domiċilju tiegħu fl-Isvizzera kuljum, jew tal-inqas darba fil-ġimgħa. Matul il-perijodu inkwistjoni, AB, residenti fl-Isvizzera, kien jeżerċita l-attività tiegħu bħala persuna impjegata mill-Isvizzera jew permezz ta’ kollokamenti fil-Ġermanja bil-vettura tiegħu sabiex jikkuntattja klijenti tal-impriża Ġermaniża li jaħdem magħha.

–      AB huwa ċittadin ta’ parti kontraenti għall-FMLP (il-Ġermanja) li jirrisjedi fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra (l-Isvizzera) u jeżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju Ġermaniż. F’dan il-każ, l-element li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-FMLP ma huwiex in-nazzjonalità, iżda r-residenza fi Stat ieħor li huwa parti għall-Ftehim. Għalhekk, in-nazzjonalità ssir inqas importanti u l-applikazzjoni tal-FMLP toriġina mit-tibdil tal-pajjiż ta’ residenza tal-persuna.

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-applikazzjoni tal-FMLP għal ħaddiema transkonfinali ta’ nazzjonalità Ġermaniża (19) li bidlu r-residenza tagħhom għal dik Svizzera filwaqt li komplew jaħdmu bħala impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom fil-Ġermanja (20). Jidhirli li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi estrapolata, a fortiori, għal każ bħal dak ta’ AB, li ma huwiex, strettament, ħaddiem transkonfinali fis-sens espost iktar ’il fuq, iżda li l-bidla tar-residenza tiegħu fl-eżerċizzju tal-moviment liberu tipproteġi l-invokazzjoni tal-FMLP.

42.      Li kieku dan ma kienx il-każ, kif iddeċidiet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, il-moviment liberu tal-persuni ggarantit mill-FMLP ikun ostakolat. Ċittadin ta’ parti kontraenti jsofri żvantaġġ fl-Istat ta’ oriġini tiegħu għall-unika raġuni li huwa eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (21).

43.      Ċertament, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara l-iffirmar tal-FMLP ma tistax tiġi trasposta b’mod mekkaniku għall-każijiet ta’ mobbiltà transkonfinali bejn il-pajjiżi tal-Unjoni u l-Isvizzera, kif dedott mill-Artikolu 16(2) tal-FMLP.

44.      Madankollu, anki fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-ġurisprudenza tagħha wara l-iffirmar tal-FMLP tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, sakemm hija tillimita ruħha li tippreċiża jew tikkonferma l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza eżistenti f’dik id-data dwar il-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li l-FMLP jispira ruħu minnhom (22).

45.      Id-duttrina tas-sentenzi Ettwein u Wächtler dwar il-ħaddiema Ġermaniżi li jirrilokaw ir-residenza tagħhom fl-Isvizzera, billi jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment prevista mill-FMLP, hija konformi mal-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dispożizzjonijiet “ekwivalenti” tat-TFUE dwar il-moviment liberu transkonfinali tal-ħaddiema. Għaldaqstant, wieħed jista’ jirrikorri għaliha sabiex tiġi deċiża l-kawża.

46.      Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, ma nara l-ebda ostakolu għall-applikazzjoni tal-FMLP għal sitwazzjoni bħal dik ta’ AB, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fil-kuntest ta’ dan il-ftehim.

47.      Fil-fehma tiegħi, din l-affermazzjoni ma hijiex kontradetta mis-sentenza Picart. Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP ma kienx jirregola s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Franċiż li ma kellux l-intenzjoni li jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu fl-Isvizzera, iżda ried ikompli jeżerċita attività fl-Istat ta’ oriġini tiegħu (Franza), minkejja l-fatt li huwa kien biddel ir-residenza tiegħu għall-Isvizzera (23).

48.      Fil-kawża Picart, kien hemm tilwima bejn kontribwent, ċittadin Franċiż, u l-awtoritajiet tat-taxxa Franċiżi dwar id-deċiżjoni tagħhom li jirrevedu l-ammont tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat fuq it-titoli trasferibbli li huwa kellu u li kien iddikjara fil-mument tat-trasferiment tar-residenza għal finijiet ta’ taxxa tiegħu minn Franza lejn l-Isvizzera (24).

49.      Għalhekk, il-kwistjoni kienet tirrigwarda d-determinazzjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FMLP (dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni) għal miżura fiskali li tikkonsisti fit-tassazzjoni tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat “mal-ħruġ” mit-territorju nazzjonali, adottata mill-Istat ta’ oriġini ta’ ċittadin Franċiż li ttrasferixxa r-residenza għal finijiet ta’ taxxa tiegħu lejn l-Isvizzera.

50.      Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, AB jibqa’ marbut b’mod kummerċjali mal-Istat ta’ oriġini tiegħu u mal-persuna Ġermaniża li timpjegah, iżda biddel ir-residenza tiegħu lejn l-Isvizzera għal raġunijiet ta’ familja u wettaq ix-xogħol tiegħu bħala persuna impjegata parzjalment mill-Isvizzera (online) u parzjalment fiżikament fil-Ġermanja, permezz ta’ kollokamenti f’dan l-aħħar pajjiż.

51.      B’differenza mill-kontribwent Franċiż fil-kawża Picart, AB ma jeżerċitax attività ta’ ġestjoni ta’ ishma f’kumpaniji, ma huwiex investitur jew sempliċement soċju passiv, iżda ħaddiem impjegat. Is-sitwazzjoni tiegħu tixbah iktar l-ipoteżijiet fattwali tas-sentenzi Ettwein u Wächtler milli dawk tas-sentenza Picart.

52.      Fil-qosor, is-sitwazzjoni ta’ AB taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FMLP. Il-Gvern Ġermaniż innifsu jiddeduċi mill-Artikolu 1(a) tal-FMLP li AB, bħala persuna fiżika ta’ nazzjonalità Ġermaniża residenti fl-Isvizzera u li teżerċita attività ekonomika bħala persuna impjegata fil-Ġermanja, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim (25).

B.      Applikazzjoni tattaxxa Ġermaniża fuq iddħul għallħaddiema impjegati residenti fl-Isvizzera

53.      Is-sistema legali tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi hija ddefinita fl-EStG u, bħal f’sistemi nazzjonali simili oħra, tiddistingwi bejn l-issuġġettar sħiħ għat-taxxa u l-issuġġettar parzjali. Skont ir-regoli tagħha:

–      Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju Ġermaniż huma kompletament suġġetti għat-taxxa (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-EStG) u intaxxati fuq id-dħul dinji kollu tagħhom.

–      Il-persuni fiżiċi li ma għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma parzjalment suġġetti għat-taxxa meta huma jirċievu dħul fil-Ġermanja fis-sens tal-Artikolu 49(1) tal-EStG. Dan huwa l-każ għall-ħaddiema impjegati li jirċievu dħul mix-xogħol personali tagħhom fil-Ġermanja (il-punt (4)(a) tal-Artikolu 49(1) tal-EStG).

54.      Jekk is-salarju jitħallas mill-persuna li timpjega residenti l-Ġermanja, it-taxxa fuq id-dħul tinġabar f’ras il-għajn (l-Artikoli 38 et seq. tal-EStG) kemm lill-ħaddiema impjegati li huma suġġetti għat-taxxa b’mod sħiħ kif ukoll lil dawk li huma parzjalment suġġetti għal din it-taxxa.

55.      L-hekk imsejħa taxxa fuq is-salarji hija metodu ta’ ġbir tat-taxxa fuq id-dħul. Jekk il-ħaddiem ikun suġġett għat-taxxa fuq is-salarji (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(2) tal-EStG), il-persuna li timpjegah għandha tiġborha minn kull ħlas ta’ salarju (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(3) tal-EStG) (26).

56.      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ din it-taxxa, il-persuna li timpjega għandha tqis, fost affarijiet oħra, ammont “imħallas b’rata fissa f’isem l-impjegat” (il-ħames sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 39b(2) tal-EStG). Dan l-ammont jirrappreżenta spiża li tista’ titnaqqas bħala spejjeż professjonali (il-punt 1(a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9a tal-EStG] (27).

57.      Barra minn hekk, huwa possibbli li t-taxxa f’ras il-għajn titnaqqas skont l-ispejjeż professjonali li l-ammont tagħhom jeċċedi l-ammont b’rata fissa, fuq talba tal-ħaddiem (28). Il-persuna li timpjega għandha tqis it-tnaqqis għall-ispejjeż professjonali ddikjarati għall-finijiet tal-kalkolu tas-salarju taxxabbli (ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 39b(2) tal-EStG).

58.      It-taxxa fuq id-dħul applikata għad-dħul mill-impjieg suġġett għat-taxxa f’ras il-għajn hija, bħala prinċipju, meqjusa li tħallset ladarba tali tkun inġabret. L-effett liberatorju tat-tnaqqis japplika għall-ħaddiema kollha, irrispettivament minn jekk humiex suġġetti għat-taxxa b’mod totali jew b’mod parzjali.

59.      Fir-rigward tal-ħaddiema parzjalment suġġetti għat-taxxa, li jkunu rċevew dħul mis-salarju fil-Ġermanja:

–      It-taxxa titqies li tħallset, għal dan id-dħul professjonali, abbażi tat-tnaqqis f’ras il-għajn miġbur mis-salarju (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG). Madankollu, dan ma huwiex il-każ meta jkun ġie stabbilit tnaqqis għall-ispejjeż professjonali (il-punt 4(a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG) bħala data speċifika għall-finijiet tat-tnaqqis f’ras il-għajn (Artikolu 39a(4) tal-EStG). F’dan il-każ, huwa neċessarju li tiġi segwita l-proċedura ta’ tassazzjoni u l-ħaddiem huwa obbligat jippreżenta dikjarazzjoni tad-dħul għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul.

–      L-effett liberatorju tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji lanqas ma jseħħ meta l-ħaddiem jitlob li jibbenefika mis-sistema ta’ impożizzjoni volontarja prevista fil-punt 4(b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG. Madankollu, id-dritt ta’ għażla tal-impożizzjoni volontarja (29) huwa ta’ benefiċċju biss għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u taż-ŻEE li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati, li jeskludi lill-persuni residenti fl-Isvizzera (is-seba’ sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG).

60.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ tassazzjoni għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, id-dħul taxxabbli li ħaddiem jikseb mill-attività tiegħu bħala impjegat huwa ddeterminat billi tiġi kkalkolata l-parti tad-dħul mix-xogħol li teċċedi l-ispejjeż professjonali (Artikolu 2(2)(2) tal-EStG). Dan il-kalkolu ma huwiex marbut maċ-ċifri li fuqhom hija bbażata l-proċedura applikabbli għat-taxxa fuq is-salarji. It-taxxa fuq is-salarji miġbura f’ras il-għajn mill-persuna li timpjega hija imputata fuq l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul hekk ikkalkolat (il-punt 2(a) tal-Artikolu 36(2) tal-EStG) u, jekk ikun il-każ, tiġi rrimborsata (it-tieni sentenza tal-Artikolu 36(4) tal-EStG). Din is-sistema ta’ tassazzjoni tista’ wkoll twassal lill-awtorità tat-taxxa sabiex titlob il-ħlas ta’ taxxa addizzjonali.

61.      Jekk il-persuna li timpjega tiġbor it-taxxa f’ras il-għajn bħala taxxa fuq is-salarji li għalihom il-Ġermanja ma għandhiex dritt għat-tassazzjoni skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, u jekk ma tiġix applikata proċedura ta’ tassazzjoni għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, il-ħaddiem xorta jista’ jitlob, fil-kuntest ta’ proċedura speċifika (b’analoġija mat-tieni sentenza tal-Artikolu 50d(1) tal-EStG), ir-rimbors tal-ammont tat-taxxa fuq is-salarji indebitament miġbura f’ras il-għajn. It-terminu sabiex jintalab dan ir-rimbors huwa ta’ erba’ snin, li jibda jiddekorri mill-aħħar tas-sena kalendarja li matulha nħolqot it-taxxa (b’analoġija mad-disa’ sentenza tal-Artikolu 50d(1) tal-EStG) (30).

62.      Fil-qosor, dak li huwa rilevanti hawnhekk huwa l-fatt li l-ħaddiema impjegati residenti fl-Isvizzera li jirċievu dħul mis-salarju fil-Ġermanja, li għalihom huma parzjalment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, ma jistgħux jibbenefikaw mill-mekkaniżmu tal-impożizzjoni volontarja fil-punt 4(b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG.

C.      Lugwaljanza fittrattament u lprojbizzjoni ta’ disriminazzjoni filFMLP

63.      Kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, mill-Artikolu 1 tiegħu u mill-Artikolu 16(1) u (2) tiegħu, il-FMLP għandu l-għan li jwettaq, favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Isvizzera, “il-libertà tal-persuni li jiċċaqilqu fit-territorji tal-parti l-oħra”. It-twettiq ta’ dan l-għan ser ikun ibbażat fuq id-“dispożizzjonijiet applikati fl-Unjoni, li l-kunċetti tagħhom għandhom jiġu interpretati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” (31).

64.      Skont l-Artikolu 1(a) u (d) tal-FMLP, iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Isvizzera għandhom jingħataw id-drittijiet ta’ dħul, ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika bħala persuni impjegati (fost oħrajn), kif ukoll l-istess kundizzjonijiet ta’ għajxien, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini tagħhom stess.

65.      L-Artikolu 4 tal-FMLP jiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għal attività ekonomika skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u tal-Anness I. Il-Kapitolu II tal-Anness I tal-FMLP jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u, b’mod partikolari, dawk li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (32).

66.      B’mod partikolari, l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP huwa ddedikat għall-ugwaljanza fit-trattament u jipprovdi li:

–      “Persuna impjegata li tkun ċittadina ta’ Parti Kontraenti ma tistax tiġi trattata b’mod differenti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, minħabba n-nazzjonalità tagħha, minn ċittadini impjegati fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, speċjalment fir-rigward tal-paga, tat-tkeċċija, jew tal-għoti lura tal-post jew tal-impjieg jekk issir qiegħda” (punt 1).

–      “Il-persuna impjegata u l-membri tal-familja tagħha […] għandhom igawdu l-istess konċessjonijiet fiskali u l-istess benefiċċji soċjali bħaċ-ċittadini impjegati u bħall-membri tal-familja tagħha” (punt 2).

67.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP, fir-rigward tal-konċessjonijiet fiskali, “jista’ jiġi invokat ukoll minn ħaddiem ċittadin ta’ parti kontraenti, li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, fil-konfront tal-Istat ta’ oriġini tiegħu” (33). Kif diġà indikajt, ma hemmx diffikultajiet sabiex iċ-ċittadini Ġermaniżi residenti fl-Isvizzera jinvokaw din id-dispożizzjoni kontra l-awtoritajiet Ġermaniżi.

68.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP imur lil hinn mid-diskriminazzjoni stretta abbażi tan-nazzjonalità (34) u jestendi għad-differenzi fit-trattament li jirriżultaw mill-post ta’ residenza tal-ħaddiema impjegati koperti mill-FMLP, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

69.      F’dan ir-rigward, jidhirli li s-sentenzi Wächtler (35) u Ettwein juru, f’dan is-sens, li jestendu l-prinċipju tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP għas-sitwazzjonijiet ta’ disparità fit-trattament ikkawżata mill-post ta’ residenza.

70.      Tali evoluzzjoni ġurisprudenzjali hija loġika, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni (36) li kien jeżisti fid-data tal-iffirmar tal-FMLP. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għal din id-data jispeċifikaw, f’dan il-qasam, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza preeżistenti, dwar l-ugwaljanza fit-trattament, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix eventwali disparità fit-trattament ipprojbita mill-FMLP (37).

D.      Diskriminazzjoni talħaddiema impjegati residenti flIsvizzera parzjalment suġġetti għattaxxa fuq iddħul filĠermanja

71.      L-amministrazzjoni Ġermaniża tirrifjuta lil AB “konċessjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP (38). B’mod partikolari, hija tikkontesta l-possibbiltà għall-kontribwent li jitlob is-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja, li fiha huwa jista’ jitlob it-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali neċessarji sabiex jikseb id-dħul tiegħu mix-xogħol, fis-snin kontenzjużi.

72.      Dan ir-rifjut iwassal għal trattament fiskali diskriminatorju meta mqabbel mal-ħaddiema li, filwaqt li jeżerċitaw attività simili għal dik ta’ AB, huma residenti fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE?

73.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għandha tkun fl-affermattiv: jeżisti trattament fiskali diskriminatorju u żvantaġġuż għal AB, preċiżament minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem impjegat residenti fl-Isvizzera.

74.      Il-ħaddiema impjegati residenti fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew f’pajjiżi taż-ŻEE jistgħu jużaw il-mekkaniżmu ta’ impożizzjoni volontarja sabiex jeskludu l-effett liberatorju tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji, billi jiksbu (jekk ikun il-każ) ir-rimbors tal-ammonti eċċessivi mħallsa.

75.      Għall-kuntrarju, AB, residenti fl-Isvizzera, ma jistax jitlob l-impożizzjoni volontarja, b’tali mod li, kuntrarjament għall-ħaddiema residenti fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE, ebda spiża professjonali ma tista’ titnaqqas, lil hinn mill-ammont fiss (EUR 1 000) applikabbli għall-kalkolu tat-tnaqqis lill-kontribwenti impjegati kollha fil-Ġermanja.

76.      Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża għalhekk tistabbilixxi differenza fit-trattament fiskali bejn il-kontribwenti (ħaddiema impjegati) residenti fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE, li jirċievu salarji fil-Ġermanja, u dawk li jirrisjedu fl-Isvizzera, li jirċievu wkoll is-salarji tagħhom fil-Ġermanja.

77.      Tali differenza, stabbilita skont il-post ta’ residenza u mhux skont in-nazzjonalità, hija suffiċjenti sabiex tiddisswadi lill-ħaddiema impjegati, residenti fil-Ġermanja, milli jipproċedu, abbażi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu, għal bidla fir-residenza fl-Isvizzera u milli jkomplu jirċievu s-salarji tagħhom fil-Ġermanja. Għaldaqstant, din tikkostitwixxi trattament mhux ugwali, ipprojbit, bħala prinċipju, mill-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP.

78.      Mingħajr ebda dubju, l-Artikolu 21(2) tal-FMLP (39) jikkunsidra l-possibbiltà li jiġi applikat trattament differenti, fil-qasam fiskali, għall-kontribwenti li ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-post ta’ residenza tagħhom (40). Madankollu, jidhirli li hawnhekk teżisti sitwazzjoni komparabbli.

79.      Fil-fatt, fil-leġiżlazzjoni tagħha l-Ġermanja aċċettat li r-residenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE parzjalment suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-impożizzjoni volontarja tad-dħul professjonali tagħhom, sabiex inaqqsu l-ispejjeż professjonali tagħhom, wara li jkunu ħallsu t-taxxa f’ras il-għajn meta tħallsu s-salarji tagħhom.

80.      Issa, l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ dawn il-ħaddiema impjegati residenti f’pajjiżi tal-Unjoni jew taż-ŻEE huwa simili għal dak li l-FMLP jirrikonoxxi lill-persuni li jirrisjedu fl-Isvizzera. Minn dan joħroġ il-fatt li s-sitwazzjonijiet ta’ wieħed u tal-ieħor huma paragunabbli, għall-finijiet tal-impożizzjoni volontarja tas-salarji tagħhom riċevuti fil-Ġermanja (41).

81.      Fis-sentenza Schumacker, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dritt tal-Unjoni “[…] jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru [il-Ġermanja] dwar taxxi diretti tistabbilixxi l-possibbiltà ta’ benefiċċju ta’ proċeduri bħar-regolarizzazzjoni annwali tat-taxxa f’ras l-għajn taħt it-taxxa fuq is-salarji u l-ħlas tat-taxxa fuq is-salarji għall-persuni residenti biss, bl-esklużjoni ta’ persuni fiżiċi li la għandhom id-domiċilju tagħhom u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tiegħu, iżda li jirċievu dħul professjonali hemmhekk” (42).

82.      Wara s-sentenza Schumacker, il-Ġermanja ppermettiet li l-ħaddiema impjegati residenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni u taż-ŻEE, li kienu parzjalment suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, kienu qegħdin jibbenefikaw mill-impożizzjoni volontarja (u setgħu jnaqqsu l-ispejjeż professjonali). Hija ekwiparat is-sistema fiskali tagħha ma’ dik tal-impjegati residenti fil-Ġermanja li huma suġġetti b’mod sħiħ għal din it-taxxa.

83.      L-istess loġika bħal dik tas-sentenza Schumacker għandha, issa, twassal sabiex jiġi estiż il-mekkaniżmu tal-impożizzjoni volontarja lill-ħaddiema impjegati parzjalment suġġetti għat-taxxa u li jgħixu fl-Isvizzera, sabiex jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament prevista mill-FMLP. Kieku kien mod ieħor, kien ikun hemm diskriminazzjoni fiskali fil-konfront tagħhom.

E.      Ġustifikazzjoni taddiskriminazzjoni?

84.      Jekk din il-premessa tiġi aċċettata, ikun għad irid jiġi eżaminat jekk id-diskriminazzjoni minħabba r-residenza li tinsab fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża tistax tiġi ġġustifikata.

85.      Skont l-Artikolu 21(3) tal-FMLP, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ma għandha tipprekludi l-adozzjoni mill-partijiet kontraenti ta’ miżura intiża sabiex tiżgura l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv tat-taxxi jew sabiex tevita l-evażjoni fiskali skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali ta’ parti kontraenti jew skont il-ftehimiet intiżi sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja li torbot lill-Konfederazzjoni Svizzera, minn naħa, u lil Stat Membru wieħed jew iktar, min-naħa l-oħra, jew skont arranġamenti fiskali oħra (43).

86.      Dawn il-miżuri għandhom ikunu suġġetti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, fi kwalunkwe każ, għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fi kliem ieħor, dawn għandhom ikunu xierqa sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (44).

87.      Jiena naqbel mal-fehma tal-qorti tar-rinviju li r-regola fiskali Ġermaniża li tistabbilixxi d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema impjegati residenti fl-Isvizzera ma hijiex iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġu żgurati l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv tat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja, u lanqas ma hija neċessarja sabiex tiġi evitata l-evażjoni fiskali.

88.      Wara s-sentenza Schumacker, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ppermettiet lill-ħaddiema impjegati residenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE jibbenefikaw mill-impożizzjoni volontarja sabiex jiddikjaraw id-dħul professjonali tagħhom irċevut fil-Ġermanja. Issa, jekk din il-miżura ma toħloq ebda problema sabiex tiżgura tassazzjoni korretta tad-dħul mis-salarji u ma toħloqx problemi ta’ evażjoni fiskali, ma narax kif l-Artikolu 21(3) tal-FMLP ikun iservi bħala bażi sabiex ma jsirx l-istess għall-ħaddiema residenti fl-Isvizzera li jirċievu wkoll il-pagi tagħhom fil-Ġermanja. Ir-residenza f’dan l-aħħar pajjiż ma hijiex determinanti għall-irkupru tat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża fuq dan it-tip ta’ dħul.

89.      Kif tispjega ġustament il-qorti tar-rinviju (45), it-taxxa f’ras il-għajn applikata għas-salarji mħallsa fil-Ġermanja lil residenti fl-Isvizzera tiggarantixxi ġbir korrett tat-taxxa fuq id-dħul mill-awtoritajiet Ġermaniżi, fir-rigward ta’ dan id-dħul.

90.      Bħala ġustifikazzjoni possibbli għat-trattament sfavorevoli tal-ħaddiema impjegati residenti fl-Isvizzera u li jirċievu s-salarji fil-Ġermanja, il-Gvern Ġermaniż isostni l-eżistenza ta’ proċedura alternattiva li tippermettilhom jiksbu l-istess riżultat bħall-impożizzjoni volontarja, f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali tagħhom.

91.      Tali proċedura tista’, fuq talba tal-ħaddiem, tnaqqas it-taxxa f’ras il-għajn miġbura bħala taxxa fuq is-salarji, bili jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż professjonali li l-ammont tagħhom jeċċedi l-ammont fiss imsemmi iktar ’il fuq (46). Il-persuna li timpjega għandha tqis it-tnaqqis għall-ispejjeż professjonali ddikjarati għall-finijiet tal-kalkolu tas-salarju taxxabbli (ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 39b(2) tal-EStG).

92.      Madankollu, jiena nqis, bħall-qorti tar-rinviju (47), li l-argument tal-Gvern Ġermaniż ma huwiex biżżejjed sabiex jikkonfuta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni nieqsa minn ġustifikazzjoni adegwata, għaliex:

–      Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-possibbiltà li tintgħażel sistema fiskali oħra ma tistax teskludi l-effetti diskriminatorji ta’ sistema fiskali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (48). Din il-ġurisprudenza hija sussegwenti għall-iffirmar tal-FMLP, iżda tista’ tiġi estrapolata għall-interpretazzjoni tiegħu, peress li hija limitata sabiex tippreċiża jew tikkonferma l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza eżistenti fid-data tal-iffirmar tal-FMLP dwar il-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni, li minnhom huwa ispirat dan il-ftehim (49).

–      Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat ukoll il-qorti tar-rinviju, il-proċedura alternattiva li jitlob il-Gvern Ġermaniż hija suġġetta għal termini u kundizzjonijiet li jipprekludu li din tiġi pparagunata, fir-rigward tal-konċessjoni li ġġib magħha, bl-impożizzjoni volontarja, peress li din ma hijiex alternattiva inqas restrittiva (50).

93.      Finalment, it-trattament sfavorevoli li tipprevedi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża għall-impożizzjoni volontarja fuq il-ħaddiema impjegati, parzjalment suġġetti għat-taxxa u residenti fl-Isvizzera, ma jistax jiġi “kkumpensat” bil-possibbiltà li jitolbu l-ispejjeż professjonali tagħhom meta jikkalkolaw it-taxxa f’ras il-għajn.

94.      Fir-rigward taż-“żamma tal-koerenza fiskali” invokata wkoll mill-Gvern Ġermaniż sabiex jiġġustifika l-miżura, ir-raġunament tagħha jidentifika ruħu ma’ dak li sar preċedentement, jiġifieri mal-possibbiltà li l-kontribwent jintroduċi tnaqqis f’ras il-għajn. Għalhekk, ser nillimita ruħi sabiex insostni dak li spjegajt fid-dettall.

F.      Artikolu 13 talFMLP (Waqfien)

95.      Skont l-Artikolu 13 tal-FMLP, “[i]l-Partijiet Kontraenti jimpenjaw irwieħhom li ma jadottaw l-ebda miżura restrittiva oħra vis-à-vis iċ-ċittadini ta’ xulxin fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim”.

96.      Il-Gvern Ġermaniż jiddefendi interpretazzjoni ta’ din il-klawżola li tawtorizza ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri restrittivi eżistenti fil-mument tal-konklużjoni tal-FMLP, iżda mhux li tintroduċi oħrajn ġodda. Il-projbizzjoni għall-ħaddiema impjegati li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, iżda residenti fl-Isvizzera, li jibbenefikaw mill-impożizzjoni volontarja hija għalhekk ammissibbli, peress li kienet fis-seħħ qabel l-iffirmar tal-FMLP.

97.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 13 tal-FMLP isemmi r-restrizzjonijiet il-ġodda (li għadhom ipprojbiti), iżda ma jipproteġix dawk li huma diġà eżistenti fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. Jista’ japplika biss sabiex ma jiġux introdotti restrizzjonijiet futuri, iżda dan jinvolvi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet preċedenti: inkella, l-effett ta’ liberalizzazzjoni tal-FMLP jibqa’ nnewtralizzat.

98.      Għalhekk naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni (51) li l-interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 13 tal-FMLP, li jsostni l-Gvern Ġermaniż, ma hijiex aċċettabbli. Il-formulazzjoni letterali tal-klawżola, l-Artikolu 16 tal-FMLP u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li interpretatu u neħħietu gradwalment mill-miżuri diskriminatorji fis-seħħ fl-Istati Parti għall-FMLP fir-rigward tal-persuni koperti minn dan il-ftehim jipprekluduha.

99.      Iż-żamma tar-restrizzjonijiet eżistenti fil-mument tal-konklużjoni tal-FMLP hija inkompatibbli mal-għanijiet tal-ftehim innifsu u tikkostitwixxi limitu li diffiċilment jista’ jinqabeż għall-applikazzjoni effettiva tiegħu.

V.      Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta lill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja) kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Anness I,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ċċaħħad lill-ħaddiema impjegati residenti fl-Isvizzera u li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fis-seħħ fil-Ġermanja mill-possibbiltà li jitolbu volontarjament it-tassazzjoni prevista ta’ tali taxxa, b’mod partikolari, bil-għan li jinkiseb rimbors tat-taxxa tagħhom permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali u l-imputazzjoni taż-żamma ta’ salarji magħmula fil-Ġermanja minħabba t-taxxa msemmija qabel, filwaqt li tippermetti din il-possibbiltà lir-residenti ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Iktar ’il quddiem, ser nagħmel riferiment għalihom bħala ħaddiema parzjalment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża sabiex niddistingwihom minn dawk li, bħala residenti fil-Ġermanja, huma integralment suġġetti għal din l-istess taxxa.


3      Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, dan il-mekkaniżmu jippermetti lill-impjegat li jitlob volontarjament it-tassazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul abbażi tad-dħul mis-salarju miksub fil-Ġermanja, bil-konsegwenzi marbuta mat-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali u mal-imputazzjoni tas-somom miżmuma.


4      Ftehim Bejn Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni [– Att finali – Dikjarazzjonijiet konġunti - Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tas-seba’ ftehimiet mal-Konfederazzjoni Svizzera fis-setturi li ġejjin: il-moviment liberu tal-persuni, it-trasport bl-ajru u bit-triq, il-kuntratti pubbliċi, il-kooperazzjoni xjentifika, ir-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-valutazzjoni tal-konformità u l-agrikoltura] (ĠU 2009, L 353, p. 71), iffirmat fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1999 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2002.


5      Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, fil-verżjoni tagħha applikabbli ratione temporis għall-kawża (BGBl. 2009 I, p. 3366). Iktar ’il quddiem l-“EStG”.


6      Dan japplika biss jekk, matul is-sena kalendarja, id-dħul tagħhom ikun suġġett tal-inqas għal 90 % tat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża jew meta d-dħul tagħhom li ma jkunx suġġett għal din it-taxxa ma jaqbiżx l-ammont mhux taxxabbli skont il-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32a(1); dan l-ammont għandu jitnaqqas sa fejn dan ikun meħtieġ u xieraq fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Istat ta’ residenza.


7      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) u (3) u tal-Artikolu 1.a tal-EStG.


8      Ftehim tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3; iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).


9      AB ma talabx lill-awtorità tat-taxxa Ġermaniża tirreġistra ammont eżentat fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuna li timpjega sabiex din tkun tista’ tiġbor it-taxxa f’ras il-għajn, skont l-Artikolu 39 tal-EStG.


10      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019 (C‑581/17, EU:C:2019:138; iktar ’il quddiem is-“sentenza Wächtler”).


11      Sentenza Wächtler, punt 35, li tiċċita s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118), punt 70.


12      Sentenza Wächtler, punt 36.


13      Sentenza Wächtler, punt 37.


14      Sentenza Wächtler, punt 38


15      Sentenza Wächtler, punt 39.


16      AB ma huwiex persuna mingħajr attività ekonomika u lanqas fornitur ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 5 tal-FMLP. Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C‑351/08, EU:C:2009:697), punt 44.


17      Ma huwiex ċar fid-digriet tar-rinviju jekk, matul is-sena 2016, AB kienx diġà jeżerċita din l-attività bħala persuna impjegata.


18      Sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2018, Picart (C‑355/16, EU:C:2018:184; iktar ’il quddiem is-“sentenza Picart”, punt 16; tat‑28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C‑425/11, EU:C:2013:121; iktar ’il quddiem is-“sentenza Ettwein”, punt 33; u tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C‑257/10, EU:C:2011:839), punti 27 sa 34.


19      Dawn il-ħaddiema jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1) jew taħt l-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP, skont jekk humiex impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom.


20      Ara s-sentenzi Ettwein, punti 34 u 35; u tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C‑241/14, EU: C: 2015: 776), punti 32 u 33.


21      Sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2020, Bundesagentur für Arbeit (C‑29/19, EU:C:2020:36), punt 34; u Wächtler, punt 53.


22      Sentenza Wächtler, punt 39, irriprodotta iktar ’il fuq.


23      Is-sitwazzjoni ta’ Picart għalhekk ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP. Lanqas l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-FMLP ma kien applikabbli għalih, peress li ma setax jitqies bħala persuna transkonfinali li taħdem għal rasha, minħabba li baqa’ fit-territorju Svizzeru, minn fejn huwa kien jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu fi Franza mingħajr ma wettaq kull jum – u lanqas darba fil-ġimgħa, – il-vjaġġ mill-post fejn huwa jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu lejn il-post ta’ residenza tiegħu. Sentenza Picart, punti 22 sa 27.


24      L-awtoritajiet Franċiżi pproċedew għal aġġustament, għas-Sur Picart, tal-ammont tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjoni soċjali, flimkien ma’ sanzjonijiet korrispondenti.


25      Punt 63 tal-osservazzjonijiet tiegħu. Madankollu, din l-affermazzjoni ma tipprekludihx milli jsostni li, f’dan il-każ, ma hemmx disparità fit-trattament li tmur kontra l-Artikoli 2 u 7 tal-FMLP.


26      L-ammont tat-taxxa fuq is-salarji huwa ddeterminat skont l-ammont tas-salarju u data oħra speċifika għall-finijiet tat-taxxa f’ras il-għajn.


27      Matul is-snin kontenzjużi, is-somma mħallsa f’daqqa kienet tammonta għal EUR 1 000 fis-sena.


28      Fil-prattika, din il-fakultà tapplika kemm għall-impjegati suġġetti b’mod sħiħ għat-taxxa fuq id-dħul, kif ukoll għal dawk li huma parzjalment suġġetti għaliha. Il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39a(1) tal-EStG, applikabbli għall-ewwel sitwazzjoni, u l-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39a(4) tal-EStG, applikabbli għal tal-aħħar, huma fformulati f’termini analogi. Madankollu, hemm differenzi fir-rigward tat-terminu li fih għandu jintalab it-tnaqqis fis-salarju taxxabbli, li għalih ser nirreferi iktar ’il quddiem.


29      Il-konfigurazzjoni ta’ dan id-dritt tmur lura għas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31; iktar ’il quddiem is-“sentenza Schumacker”), li ser nanalizza iktar ’il quddiem.


30      Ma hemmx terminu differenti li għandu jiġi osservat skont il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital tal‑11 ta’ Awwissu 1971 (BGBl. 1972 II, p. 1022), fil-verżjoni tagħha kif emendata bil-Protokoll tas‑27 ta’ Ottubru 2010 (BGBl. 2011 II, p. 1092).


31      Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C‑478/15, EU:C:2016:705; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Radgen”), punt 36; u tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C‑241/14, EU:C:2015:766), punt 40.


32      Sentenza Radgen, punt 38.


33      Sentenzi Radgen, punt 40, fejn tiġi ċċitata s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C‑241/14, EU:C:2015:766), punt 47.


34      Interpretazzjoni limitata tal-prinċipju hija perċettibbli fis-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C‑351/08, EU:C:2009:697) punt 48: “dan l-artikolu [l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP] jirreferi biss għall-ipoteżi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità kontra ċittadin ta’ parti kontraenti fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti.”


35      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[…] ċittadin Ġermaniż li, bħal M. Wächtler, eżerċita d-dritt ta’ stabbiliment tiegħu bħala persuna li taħdem għal rasha skont l-FMLP iġarrab żvantaġġ fiskali meta mqabbel ma’ ċittadini Ġermaniżi oħra li, bħalu, jeżerċitaw attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest ta’ kumpannija li fiha huma għandhom ishma, iżda li, b’differenza għalih, iżommu d-domiċilju tagħhom fil-Ġermanja. Fil-fatt, dawn tal-aħħar għandhom iħallsu t-taxxa fuq l-apprezzamenti fil-valur relatati mal-ishma kkonċernati biss meta dawn l-apprezzamenti fil-valur huma rrealizzati, jiġifieri maċ-ċessjoni ta’ dawn l-ishma, filwaqt li ċittadin bħal M. Wächtler għandu jħallas it-taxxa inkwistjoni, fil-mument tat-trasferiment tad-domiċilju tiegħu lejn l-Isvizzera, fuq l-apprezzamenti latenti fil-valur relatati ma’ tali ishma, mingħajr l-possibbiltà li jibbenefika minn posponiment ta’ ħlas saċ-ċessjoni tal-imsemmija ishma.” (punt 56). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “[d]in id-differenza fit-trattament, li tikkostitwixxi żvantaġġ ta’ likwidità għal ċittadin Ġermaniż bħal M. Wächtler, hija ta’ natura li tiddiswadih milli jagħmel użu effettiv mid-dritt ta’ stabbiliment tiegħu mislut mill-FMLP. Minn dan isegwi li s-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tostakola d-dritt ta’ stabbiliment bħala persuna li taħdem għal rasha ggarantit minn dan il-ftehim” (punt 57).


36      Sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, EU:C:1977:160), punt 7; u tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel (C‑506/10, EU:C:2011:643) punt 26.


37      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel (C‑506/10, EU:C:2011:643), punt 26; Radgen, punt 47; u Wächtler, punt 55.


38      Kif issostni l-Kummissjoni Ewropea (il-punt 23 tal-osservazzjonijiet tagħha), il-kunċett ta’ konċessjoni jinkludi l-possibbiltajiet offruti minn leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tat-taxxa b’mod iktar favorevoli. Il-Gvern Ġermaniż (il-punt 75 tal-osservazzjonijiet tiegħu) jammetti wkoll li s-sistema ta’ impożizzjoni volontarja tirrappreżenta konċessjoni fiskali, peress li tippermetti lill-kontribwent jevita l-effett liberatorju tat-taxxa f’ras il-għajn.


39      “L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim ma tista’ tiġi interpretata b’tali mod li tipprevjeni lill-Partijiet Kontraenti milli jiddistingwu, meta japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni fiskali tagħhom, bejn dawk li jħallsu t-taxxa li s-sitwazzjonijiet tagħhom mhumiex komparabbli, speċjalment fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom.”


40      Sentenzi Wächtler, punt 58; u Radgen, punt 45.


41      Dan ġie deċiż fis-sentenza Radgen, punti 42 u 43.


42      Sentenza Schumacker, punt 3 tad-dispożittiv.


43      Ma nara ebda dispożizzjoni rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari fil-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ħelsien minn taxxa doppja fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital, li semmejt iktar ’il fuq (ara n-nota Nru 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


44      Sentenza Wächtler, punti 62 u 63, kif ukoll, inter alia, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C‑250/95, EU:C:1997:239), punt 31; tat‑3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen (C‑290/04, EU:C:2006:630), punt 37; u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑678/11, EU:C:2014:2434), punti 45 u 46.


45      Digriet tar-rinviju, punt 65.


46      Punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39a(1) u l-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39a(4) tal-EStG.


47      Digriet tar-rinviju, punt 67.


48      Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Autoridade Tributária e Aduaneira (Taxxa fuq il-qligħ kapitali minn proprjetà immobbli) (C‑388/19, EU:C:2021:212), punti 43 u 44; u tat‑18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C‑440/08, EU:C:2010:148), punt 52.


49      Sentenza Wächtler, punt 39


50      Il-qorti tar-rinviju (punt 67 tad-digriet tagħha) tfakkar li, fis-sentenza Schumacker, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eskludiet li l-eżistenza ta’ proċeduri alternattivi tista’, fiha nnifisha, tiġġustifika d-diskriminazzjoni li tinsab fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża analizzata dak iż-żmien.


51      Punt 36 tal-osservazzjonijiet tagħha.