Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Civile di Padova (l-Italja) fit-13 ta’ Lulju 2023 – KV vs Consiglio nazionale delle Ricerche
(Kawża C-439/23, Consiglio nazionale delle Ricerche)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Civile di Padova
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: KV
Konvenut: Consiglio nazionale delle Ricerche
Domanda preliminari
Il-klawżola 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP 1 :
– għandha tiġi applikata ratione temporis għar-relazzjonijiet ta’ xogħol bis-salarju għal żmien determinat ikkostitwiti u konklużi, minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali, f’data preċedenti għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE (l-10 ta’ Lulju 1999)?
– għandha tiġi applikata ratione temporis għar-relazzjonijiet ta’ xogħol bis-salarju għal żmien determinat ikkostitwiti bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol individwali konkluż f’data preċedenti għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE (l-10 ta’ Lulju 1999) u li ntemmu, minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali, f’data bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha (l-10 ta’ Lulju 2001)?
– għandha tiġi applikata ratione temporis għar-relazzjonijiet ta’ xogħol bis-salarju għal żmien determinat ikkostitwiti bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol individwali konkluż fil-perijodu bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE (l-10 ta’ Lulju 1999) u l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha (l-10 ta’ Lulju 2001), u li ntemmu minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali wara din id-data tal-aħħar?
____________
1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.