Language of document : ECLI:EU:T:2014:613

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

4 ta’ Lulju 2014

Kawża T‑644/11 P

Eugène Emile Marie Kimman

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Appell inċidentali — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2009 — Regola ta’ qbil bejn ir-rikors u l-ilment — Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal — Opinjoni tal-grupp ad hoc — Żnaturament — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest tal-evalwazzjoni”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2011, Kimman vs Il-Kummissjoni (F‑74/10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2011, Kimman vs Il-Kummissjoni (F‑74/10), hija annullata, minn naħa, peress li tiddikjara ammissibbli t-tieni motiv, l-ewwel sitt partijiet tat-tielet motiv u r-raba’ motiv, salv l-ilment li x-xogħol imwettaq mill-appellant fl-interess tal-istituzzjoni ma ttiħidx inkunsiderazzjoni, li tqajjem mill-appellant fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll, peress li l-Kummissjoni Ewropea ġiet ikkundannata li tbati, barra l-ispejjeż tagħha, kwart tal-ispejjeż relatati mal-imsemmija proċedura tal-appellant. L-appell prinċipali huwa miċħud. Ir-rikors ippreżentat minn Eugène Emile Marie Kimman quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa miċħud. E. Kimman huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż kollha relatati kemm mal-ewwel istanza u kif ukoll mal-appell prinċipali. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-kuntest tal-appell inċidentali.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu — Ammissibbiltà — Motiv ta’ legalità interna jew esterna — Kundizzjoni li ma hijiex suffiċjenti għall-konklużjoni tal-ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ ċertezza legali — Interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ suġġett u ta’ raġuni — Bidla fil-bażi legali ta’ kontestazzjoni — Kundizzjoni mhux suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-raġuni tagħha hija ta’ natura ġdida

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jinsabux fl-ilment, iżda li huma intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-motivazzjoni esposta fir-risposta għall-ilment — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Appell — Aggravji — Ksur tal-obbligu li tingħata tweġiba għall-motivi u għat-talbiet tal-partijiet — Evalwazzjoni żbaljata, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tas-sens ta’ tmiem ta’ inammissibbiltà — Appell fondat

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

5.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Responsabbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekwità — Kundanna tal-parti li tirbaħ għall-ispejjeż — Inapplikabbiltà f’każ ta’ irregolarità mqajma, iżda mhux stabbilita — Limiti — Obbligu ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-partijiet — Assenza

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87 u 88)

1.      Fir-rikorsi tal-uffiċjali, it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni jistgħu jinkludu biss kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, għalkemm jiġi speċifikat li dawn jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u ta’ argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment, iżda li huma marbuta mill-qrib magħhom.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat jekk kapijiet ta’ kontestazzjoni humiex ibbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati dawk invokati fl-ilment, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li lment huwa intiż sabiex jikkontesta l-legalità interna jew, alternattivament, il-legalità esterna ta’ att ikkontestat.

Barra minn hekk, il-fatt li motivi, li jinsabu fir-rikors u fl-ilment, huma intiżi sabiex jikkontestaw il-legalità interna jew, alternattivament, il-legalità esterna ta’ att ma jippermettix li jiġi stabbilit, fih innifsu, li dawn il-motivi jistgħu jitqiesu li għandhom rabta mill-qrib bejniethom. Il-kunċetti ta’ legalità interna u ta’ legalità esterna huma fil-fatt ferm wiesgħin u astratti, fid-dawl tas-suġġett speċifiku tal-kap ta’ kontestazzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li tali rabta tista’ teżisti bejn motivi li jaqgħu esklużivament taħt wieħed jew l-ieħor minn dawn il-kunċetti.

(ara l-punti 45, 50 u 54)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, punti 73, 75 u 79, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-implementazzjoni tar-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment kif ukoll l-istħarriġ tagħha mill-qorti tal-Unjoni għandhom jiżguraw l-osservanza sħiħa simultanja, minn naħa, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sabiex il-persuna interessata tkun tista’ tkun f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod validu deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalha preġudizzju, u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex l-awtorità msemmija tkun f’pożizzjoni li tkun taf, sa mill-istadju tal-ilment, il-kritika li l-persuna interessata tifformula kontra d-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, għalkemm in-natura immutabbli tas-suġġett u tar-raġuni tat-tilwima bejn l-ilment u r-rikors hija neċessarja sabiex tippermetti ftehim bonarju tal-kontroversji, billi l-Awtorità tal-Ħatra tiġi informata, sa mill-istadju tal-ilment, bil-kritika tal-persuna interessata, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti ma tistax twassal għar-restrizzjoni tal-possibbiltajiet għall-persuna kkonċernata li tikkontesta b’mod utli deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. Din hija r-raġuni għaliex il-kunċett tas-suġġett tal-kawża, li għalih jikkorrispondu l-allegazzjonijiet tal-persuna kkonċernata, kif ukoll dik tal-kawża tat-tilwima, li għaliha tikkorrispondi l-fondatezza, ġuridika u fattwali, ta’ dawn l-allegazzjonijiet, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv.

F’dan il-kuntest, is-sempliċi bidla fil-bażi legali ta’ kontestazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tikkaratterizza r-raġuni tagħha bħala waħda ġdida. Huwa għalhekk li diversi bażijiet legali jistgħu jsostnu pretensjoni waħda u identika u, għalhekk, raġuni waħda u identika. Fi kliem ieħor, il-fatt li jiġi invokat il-ksur ta’ dispożizzjoni speċifika fir-rikors, li ma kienx invokat fl-ilment, mhux neċessarjament jimplika li r-raġuni tat-tilwima ġiet, minħabba f’hekk, emendata. Fil-fatt għandha tiġi evalwata s-sustanza tar-raġuni msemmija u mhux biss il-kliem tal-bażijiet legali tagħha, filwaqt li l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika jekk teżistix rabta stretta bejn il-bażijiet tagħha u jekk dawn humiex sostanzjalment konnessi mal-istess pretensjonijiet.

(ara l-punti 57 sa 60)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Il-Kummissjoni vs Moschonaki, iċċitata iktar 'il fuq, punti 82 sa 85

3.      Fil-kuntest ta’ rikors ta’ uffiċjal, fil-każ fejn min iressaq l-ilment ikun jaf bil-motivazzjoni tal-att li jikkawżalu preġudizzju permezz tar-risposta għall-ilment tiegħu jew fil-każ fejn il-motivazzjoni tar-risposta msemmija temenda, jew tikkompleta, sostanzjalment il-motivazzjoni li tinsab fl-att imsemmi, kull motiv imressaq għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors u intiż biex jikkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni esposta fir-risposta għall-ilment għandu jitqies li huwa ammissibbli. Fil-fatt, f’tali każijiet, il-persuna kkonċernata ma tkunx tpoġġiet f’pożizzjoni li ssir taf bi preċiżjoni u b’mod definittiv il-motivi li jsostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju.

(ara l-punt 61)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Il-Kummissjoni vs Moschonaki, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86

4.      Peress li fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ parti u, anki, ma fehemx sew is-sens eżatt tal-argument fir-rigward tal-mertu tal-motiv inkwistjoni, il-parti tas-sentenza kkontestata effettwata minn dan l-iżball għandha tiġi annullata.

(ara l-punt 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 20

5.      Skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, parti, anki jekk tirbaħ, tista’ tiġi kkundannata parzjalment jew saħansitra totalment għall-ispejjeż, jekk dan jidher li huwa ġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel it-tressiq tal-kawża. Peress li l-imsemmi Artikolu 88 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-Artikolu 87 tal-istess regolament, skont liema il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, kundanna tal-parti li tirbaħ għandha tbati l-ispejjeż tagħha u parti minn dawk tal-parti l-oħra abbażi ta’ irregolarità, li ċertament tkun tqajmet, iżda mhux ipprovata, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata.

Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 88 ma joħloq ebda obbligu ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-partijiet fuq dan it-tqassim tal-ispejjeż.

(ara l-punti 94, 95 u 97)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Mejju 2011, Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑59/10, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata