Language of document : ECLI:EU:T:2015:126

Kawża T‑826/14 R

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li tippermetti lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma indiretti f’impriżi ddomiċiljati barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ taxxa — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Fumus boni juris — Nuqqas ta’ urġenza”

Sommarju — Digriet tal-Presdient tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2015

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat inkompatibblimas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Eżistenza ta’ rabta mill-qrib mad-deċiżjonijiet preċedenti annullati mill-Qorti Ġenerali — Probabbiltà għolja ħafna ta’ suċċess tar-rikors prinċipali — Fumus boni juris partikolarment serju

(Artikolu 107(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Natura kumulattiva — Fumus boni juris partikolarment serju — Assenza ta’ effett fuq l-obbligu ta’ eżami distint tal-urġenza

(Artikolu 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Dannu li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru — Obbligu li jiġi stabbilit effett serju fuq il-funzjonijiet statali, l-ordni pubbliku jew settur sħiħ tal-ekonomija fl-assenza tal-miżura provviżorja

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Dannu purament ipotetiku bbażat fuq is-seħħ ta’ avvenimenti futuri u inċerti — Natura insuffiċjenti għall-ġustifikazzjoni tal-urġenza — Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li għandha rabta stretta mad-deċiżjonijiet preċedenti annullati mill-Qorti Ġenerali — Dispensa mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna qabel id-deċiżjoni definittiva tal-Qorti tal-Ġustizzja — Nuqqas ta’ urġenza

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 12-14)

2.      Sabiex il-kundizzjoni ta’ fumus boni juris tiġi ssodisfatta, jista’ jkun suffiċjenti li jiġi rrilevat li teżisti rabta stretta bejn, minn naħa, id-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, deċiżjonijiet preċedenti annullati mill-Qorti Ġenerali.

F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-fumus boni juris jidher, prima facie, li huwa partikolarment serju fil-każ fejn id-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq il-premessa li l-miżura fiskali ġdida jkollha natura selettiva għall-istess raġunijiet li l-Kummissjoni tkun qieset f’deċiżjonijiet preċedenti sabiex tikklassifika l-iskema fiskali inizjali bħala għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, meta l-Qorti Ġenerali tkun annullat dawn id-deċiżjonijiet preċedenti fid-dawl tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tistabbilixxi li l-imsemmija skema kienet selettiva, u dan wara eżami bir-reqqa, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt. Fil-fatt, f’tali każ, il-probabbiltà ta’ suċċess tar-rikors li fuqu hija bbażata din it-talba għal miżuri provviżorji li tipprevedi l-allegata għajnuna ġdida għandha titqies li hija għolja ħafna.

(ara l-punti 17, 18, 20, 21)

3.      Fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, sa fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ miżura provviżorja huma interdependenti, in-natura ftit jew wisq serja tal-fumus boni juris ukoll tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-urġenza. Għaldaqstant, l-urġenza li tista’ tiġi invokata minn rikorrent għandha iktar u iktar tittieħed inkunsiderazzjoni mill-imħallef għal miżuri provviżorji peress li dan tal-aħħar ikun ikklassifika l-fumus boni juris bħala partikolarment serju.

Xorta jibqa’ l-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rekwiżiti relatati mal-fumus boni juris u mal-urġenza huma separati u kumulattivi, b’mod li r-rikorrent jibqa’ obbligat li juri l-imminenza ta’ dannu gravi u irreparabbli. Minn dan isegwi li, bl-eċċezzjoni tal-kontenzjuż speċifiku tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-fumus boni juris, minkejja li fattur serju, ma jistax jikkumpensa għall-assenza ta’ urġenza.

(ara l-punti 22, 23)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25, 26, 31, 48, 49)

5.      L-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-urġenza għall-Imħallef għal miżuri provviżorji li jadotta miżuri provviżorji tiddependi mis-sitwazzjoni fattwali li fiha tinsab il-parti li titlob dawn il-miżuri. Riskju purament teoretiku u ipotetiku ma huwiex suffiċjenti għal dan il-għan. Għaldaqstant, is-sempliċi eżistenza ta’ obbligu legali ma tistax, fil-prinċipju, toħloq sitwazzjoni ta’ urġenza għall-parti fil-kawża li teżiġi l-għoti ta’ miżura provviżorja, sakemm ma tkun ittieħdet ebda miżura ta’ eżekuzzjoni vinkolanti bil-għan li jiġi osservat l-imsemmi obbligu.

Fir-rigward ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li għandha rabta stretta ma’ deċiżjonijiet preċedenti annullati mill-Qorti Ġenerali, id-dannu li jista’ jiġi kkawżat lil Stat Membru permezz ta’ rkupru tal-allegata għajnuna mill-Istat ma jistax jitqies li huwa suffiċjentement imminenti sabiex jiġġustifika l-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba, meta l-Kummissjoni espressament tkun iddikjarat li kienet qiegħda teżenta l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru mill-obbligu tagħhom ta’ rkupru, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq l-appelli diretti kontra s-sentenzi li annullaw l-imsemmija deċiżjonijiet preċedenti, u sakemm din is-sospensjoni tal-miżuri ta’ rkupru ma kinitx tiksir id-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 33, 37, 40, 46)