Language of document : ECLI:EU:C:2019:150

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑28 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C624/17

Openbaar Ministerie

vs

Tronex BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2008/98 – Skart – Kunċett – Tagħmir elettriku rritornat mill-konsumatur – Stokk residwu – Direttiva 2012/19 – Skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku – Trasferiment ta’ tagħmir elettriku u elettroniku użat – Dritt kriminali – Rekwiżit ta’ preċiżjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għal darb’oħra għandha quddiemha kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ skart fid-Direttiva dwar l-iskart (2). Din id-darba, għandu jiġi kkjarifikat jekk it-tagħmir elettriku rritornat minn konsumatur, li wħud minnu ma għadux jista’ jintuża minħabba difetti, u stokk residwu għandhomx jitqiesu bħala skart li għandu jiġi esportat biss skont ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart (3).

2.        Huwa stabbilit li l-kunċett ta’ skart ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha partikolari ta’ kull każ. Madankollu, din il-kawża ma hijix limitata għal tali evalwazzjoni individwali iżda tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar l-importanza li għandha tingħata lill-gwida mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (4), li ma kinitx applikabbli fiż-żmien tal-fatti. Għandu jiġi eżaminat ukoll kif għandu jiġi applikat il-kunċett ta’ skart fid-dritt kriminali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.        Il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege huwa stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”):

“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. […]”

B.      Ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart

4.        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, “skart” huwa kif iddefinit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva dwar l-iskart ikkonsolidata tal-2006 (5), li minn dak iż-żmien ’l hawn ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar l-iskart kurrenti.

5.        Il-punt 35(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jiddefinixxi l-“vjeġġ illegali” bħala, fost oħrajn, kwalunkwe vjeġġ ta’ skart li jsir mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompetenti kollha involuti konformement ma’ dan ir-regolament.

6.        L-Artikolu 50(1) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jirrigwarda s-sanzjonijiet għall-ksur:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. […]”

C.      Id-Direttiva dwar l-iskart

7.        Skont il-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-iskart, li skont l-Artikolu 41 u l-Anness V tagħha, jikkorrispondi għall-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva dwar l-iskart ikkonsolidata tal-2006, “‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.

D.      Id-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku

8.        Id-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku ġiet adottata fl‑4 ta’ Lulju 2012 u kellha tiġi trasposta sal‑14 ta’ Frar 2014. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li tittrasponi din id-direttiva, jiġifieri r-Regeling van de Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu, van 3 februari 2014, nr. IENM/BSK-2014/14758, houdende vaststelling regels met betrekking tot afgedankte elektrische en elektronische apparatuur (ir-Regolament tas-Segretarju tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent tat-3 ta’ Frar 2014, Nru IENM/BSK‑2014/14758 li Jistabbilixxi r-Regoli dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku), daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2014.

9.        L-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jiddefinixxi dan it-tagħmir kif ġej:

“tagħmir elettriku jew elettroniku li huwa skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE […]”.

10.      L-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jirregola l-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ. Il-paragrafu 2 jirrigwarda t-trasferiment tat-tagħmir:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjeġġi ta’ EEE użat suspettat li hu WEEE jsiru skont ir-rekwiżiti minimi fl-Anness VI u għandhom jissorveljaw dawn il-vjeġġi kif meħtieġ”.

11.      L-Anness VI tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fih ir-rekwiżiti minimi għat-trasferimenti. Il-punt 1 jirregola r-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni:

“Sabiex issir distinzjoni bejn l-EEE u l-WEEE, fejn detentur ta’ oġġett jiddikjara li għandu l-intenzjoni li jġorr jew li qiegħed iġorr EEE użat iżda li mhux WEEE, L-Istati Membri għandhom jesiġu li d-detentur ikollu disponibbli dan li ġej biex isostni d-dikjarazzjoni:

(a)      kopja tal-fattura u tal-kuntratt relatati mal-bejgħ u/jew mat-trasferiment tas-sjieda tal-EEE li jiddikjaraw li t-tagħmir huwa maħsub għal użu mill-ġdid dirett u li huwa kompletament funzjonali;

(b)      evidenza tal-valutazzjoni jew l-ittestjar f’forma ta’ kopja tar-reġistri (ċertifikat tal-ittestjar, prova tal-funzjonalità) fuq kull oġġett fil-konsenja u protokoll li jkun fih it-tagħrif kollu tar-reġistri skont il-punt 3;

(c)      dikjarazzjoni li tkun saret mid-detentur li jorganizza t-trasport tal-EEE li l-ebda materjal jew tagħmir fil-konsenja mhuwa skart kif iddefinit bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [dwar l-iskart] […]; u

(d)      protezzjoni adatta kontra ħsara waqt it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt b’mod partikolari permezz ta’ imballaġġ suffiċjenti u arranġament adatt tat-tagħbija.”

12.      Il-punt 5 tal-Anness VI tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jirregola l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet:

“Fin-nuqqas ta’ prova li oġġett huwa tagħmir EEE użat u mhux WEEE permezz tad- dokumentazzjoni xierqa meħtieġa taħt il-punti 1, 2, 3 u 4 u fin-nuqqas ta’ protezzjoni xierqa kontra ħsara matul it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt b’mod partikolari permezz tal-imballaġġ suffiċjenti u arranġament adatt tat-tagħbija, li huma l-obbligi tad-detentur li jirranġa t-trasport, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jikkunsidraw li oġġett huwa WEEE u jippreżumu li t-tagħbija hija konsenja illegali. […]”

E.      Id-dritt kriminali tal-Pajjiżi l-Baxxi

13.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10.60 tal-Wet van 13 juni 1979, houdende regelen met betrekking tot een aantal algemene onderwerpen op het gebied van de milieuhygiëne (Wet Milieubeheer) (il-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 1979 li Tirregola Numru ta’ Suġġetti Ġenerali fil-Qasam tal-Kwalità tal-Ambjent (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Ambjent”)) jistabbilixxi projbizzjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet kif imfissra fil-punt 35 tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Skont l-Artikolu 1(a)(1) tal-Wet van 22 juni 1950, houdende vaststelling van regelen voor de opsporing, de vervolging en de berechting van economische delicten (il-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 1950 li Tistabbilixxi r-Regoli għall-Investigazzjoni, il-Prosekuzzjoni u l-Ipproċessar tar-Reati Ekonomiċi), kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-projbizzjoni jikkostitwixxi reat ekonomiku punibbli skont l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

14.      Tronex BV hija bejjiegħa bl-ingrossa li topera negozju ta’ stokk residwu. Fl-10 ta’ Frar 2014, irriżulta li Tronex BV kienet qiegħda tippjana li tittrasferixxi jew li tqabbad lil xi ħadd sabiex jittrasferixxi lott ta’ tagħmir elettriku f’kontejner għad-destinazzjoni ta’ terz fit-Tanżanija, li lilu kienet biegħet il-lott għall-ammont totali ta’ EUR 2 396.01. Tronex kienet xtrat dawn il-oġġetti mingħand bejjiegħa bl-imnut, bejjiegħa bl-ingrossa u/jew importaturi. Il-lott kien fih ktieli tal-elettriku, ħdejjed tal-mogħdija, fannijiet u makkinetti tal-leħja elettriċi. Il-maġġoranza tat-tagħmir kien jinsab fl-imballaġ oriġinali tiegħu, minkejja li ċertu tagħmir fil-lott ma kienx ippakkjat. Il-lott kien fih, minn naħa, tagħmir irritornat mill-konsumaturi fil-kuntest tal-garanzija tal-prodott u, min-naħa l-oħra, oġġetti li minħabba, pereżempju, tibdil fil-firxa ta’ prodotti, ma setgħux jew ma għadhomx jistgħu jinbiegħu (b’mod normali). Numru ta’ kaxxi li fihom kien ippakkjat it-tagħmir kellhom avviż dwar id-difetti tiegħu. Il-ħġieġ ta’ ċerti ktieli tal-ħġieġ kien ġarrab ħsara. It-trasferiment kellu jitwettaq mingħajr notifika jew kunsens skont ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

15.      Fl-ewwel istanza, ir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkundannat lil Tronex għal multa ta’ EUR 5 000, sospiża għal sentejn, fuq il-bażi li kienet ser tittrasferixxi skart mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn it-Tanzanija mingħajr ma tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti kollha, kif meħtieġ mir-regolament, u/jew mingħajr ma tkun kisbet il-kunsens tagħhom.

16.      Tronex ressqet appell kontra din is-sentenza. Hija tikkontesta n-natura ta’ skart tat-tagħmir ikkonċernat.

17.      Għalhekk, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“L-ewwel domanda

(1.1)      Negozjant, li jirritorna lill-fornitur tiegħu (li jkun l-importatur, il-grossista, id-distributur, il-produttur jew persuna oħra li mingħandhom akkwista l-oġġett), fuq il-bażi tal-kuntratt eżistenti bejn in-negozjant u l-fornitur, oġġett imrodd lura minn konsumatur jew oġġett li sar superfluwu fl-assortiment tiegħu għandu jitqies bħala possessur li jarmi l-oġġett, kif imsemmi fil-parti introduttiva u fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [dwar l-iskart]?

(1.2)      Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 1)a., li dan huwa oġġett li għandu nuqqas jew difett li faċilment jissewwa?

(1.3)      Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 1)a., li dan huwa oġġett li għandu nuqqas jew difett ta’ daqs jew ta’ gravità tali li l-oġġett, minħabba dan il-fatt, ma huwiex iktar adattat u lanqas ma huwa utli għall-iskop oriġinali tiegħu?

It-tieni domanda

(2.1)      In-negozjant jew il-fornitur li jbigħ mill-ġdid lil xerrej ta’ lottijiet (mhux eżawriti) oġġett imrodd lura minn konsumatur jew oġġett li sar superfluwu fl-assortiment tiegħu għandu jitqies bħala possessur li jarmi l-oġġett, kif imsemmi fil-parti introduttiva u fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [dwar l-iskart]?

(2.2)      Huwa rilevanti l-ammont tal-prezz ta’ xiri li għandu jitħallas mix-xerrrej ta’ lottijiet lin-negozjant jew lill-fornitur għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 2)a.?

(2.3)      Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 2)a., li dan huwa oġġett li għandu nuqqas jew difett li faċilment jissewwa?

(2.4)      Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 2)a., li dan huwa oġġett li għandu nuqqas jew difett ta’ daqs jew ta’ gravità tali li l-oġġett, minħabba dan il-fatt, ma huwiex iktar adattat u lanqas ma huwa utli għall-iskop oriġinali tiegħu?

It-tielet domanda

(3.1)      Ix-xerrej ta’ lottijiet li jkun xtara f’lottijiet mingħand negozjanti jew fornituri, jbigħ mill-ġdid lil terzi (barrani) merkanzija mrodda lura minn konsumaturi u/jew li saru superfluwi, għandu jitqies bħala possessur li jarmi lott ta’ merkanzija, kif imsemmi fil-parti introduttiva u fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [dwar l-iskart]?

(3.2)      Huwa rilevanti l-ammont tal-prezz ta’ xiri li għandu jitħallas mit-terzi lix-xerrej ta’ lottijiet għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 3)a.?

(3.3)      Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-riposta għad-domanda3)a., li l-lott ta’ merkanzija jinkludi wkoll xi merkanzija li għandha nuqqas jew difett li faċilment jissewwa?

(3.4)      Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 3)a., li l-lott ta’ merkanzija jinkludi wkoll xi merkanzija li għandha nuqqas jew difett ta’ daqs jew ta’ gravità tali li l-oġġett ikkonċernat, minħabba dan il-fatt, ma huwiex iktar adattat u lanqas ma huwa utli għall-iskop oriġinali tiegħu?

(3.5)      Huwa rilevanti l-proporzjon ta’ merkanzija difettuża fil-lott kollu ta’ merkanzija mibjugħa mill-ġdid lit-terzi għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 3)c. jew għad-domanda 3)d.? Jekk dan huwa l-każ, liema hija l-perċentwali pern?”

18.      Tronex B. V., l-Openbaar Ministerie, Ressortsparket vestiging Den Haag (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tan-Norveġja u l-Kummissjoni Ewropea ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Tronex, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2018.

IV.    Evalwazzjoni ġuridika

19.      Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk it-tagħmir elettroniku inkwistjoni kellux jitqies bħala skart meta l-konsumatur irritorna dan it-tagħmir lill-bejjiegħ bl-imnut (l-ewwel domanda), meta nbiegħ lil Tronex (it-tieni domanda) jew meta nstab matul l-ispezzjoni (it-tielet domanda). Madankollu, fir-realtà l-qorti għandha tiddeċiedi biss jekk it-tagħmir kellux jitqies bħala skart f’dan l-aħħar stadju. Dan minħabba li l-kwistjoni li għandha tiġi deċiża fil-kawża prinċipali hija jekk Tronex tistax tiġi ppenalizzata talli ppreparat trasferiment illegali ta’ skart. Madankollu, huwa xieraq li nħares lejn it-tliet domandi flimkien sabiex nasal għal risposta.

20.      Għal dan il-għan, l-ewwel ser neżamina l-kunċett ta’ skart fid-Direttiva dwar l-iskart, imbagħad inħares lejn id-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, li ser tikkonferma l-konklużjoni tal-interpretazzjoni tiegħi tad-Direttiva dwar l-iskart, u, fl-aħħar, ser nindirizza d-diffikultajiet assoċjati mal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ skart fid-dritt kriminali fid-dawl tar-rekwiżit li d-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali għandhom ikunu preċiżi.

A.      Il-kunċett ta’ skart fid-Direttiva dwar l-iskart

21.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “skart”, il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jirreferi għat-tifsira ta’ dan il-kunċett fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva qafas dwar l-iskart ikkonsolidata tal-2006. Sadanittant din id-direttiva ġiet issostitwita mid-Direttiva qafas dwar l-iskart il-ġdida. Skont l-Artikolu 41, flimkien mal-Anness V tad-Direttiva qafas dwar l-iskart il-ġdida, ir-riferiment għall-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart issa għandu jitqies bħala riferiment għall-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva qafas dwar l-iskart il-ġdida.

22.      Għalhekk, “skart” tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew biħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi.

23.      Għalhekk, għandu jiġi kkjarifikat jekk ix-xerrej li jbiegħ mill-ġdid lil terzi (barrani) lott kbir ta’ oġġetti mixtrija mingħand bejjiegħa bl-imnut jew fornituri li jkunu ġew irritornati mill-konsumaturi u/jew oġġetti li jkunu saru superfluwi għandux jitqies bħala detentur li jarmi lott ta’ oġġetti skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-iskart.

24.      Huwa minnu li, peress li d-Direttiva dwar l-iskart ma tistabbilixxix kriterji li jiddeterminaw meta għandu jintrema l-iskart, l-Istati Membri huma bħala prinċipju liberi, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li jagħżlu l-metodi li juru l-eżistenza tal-elementi kollha li jikkostitwixxu dan l-att. Madankollu, dawn ir-regoli dwar il-provi ma għandhomx jippreġudikaw l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-Direttiva dwar l-iskart (6).

25.      Għalhekk, fl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola dwar il-prova fil-kuntest tal-eżami ta’ jekk ċerti oġġetti jew sustanzi humiex skart, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest.

26.      Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “rimi”, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’osservanza tal-għan imfittex mid-Direttiva dwar l-iskart, li skont il-premessa 6 tagħha, huwa li jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u fid-dawl tal-Artikolu 191(2) TFUE, li jipprovdi li l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli u għandha tkun ibbażata b’mod partikolari fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva. Isegwi li l-kunċett ta’ “rimi”, u għalhekk il-kunċett ta’ “skart” skont it-tifsira tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-iskart, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (7).

27.      L-ewwel nett, għandha tingħata attenzjoni partikolari dwar jekk l-oġġett jew is-sustanza inkwistjoni huwiex jew għadux ta’ użu lid-detentur tiegħu u għalhekk jikkostitwixxi piż li d-detentur irid jarmi (8). Jekk dan huwa l-każ, hemm riskju li d-detentur jarmi l-oġġett jew is-sustanza fil-pussess tiegħu b’mod li jikkawża ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari billi jabbandunah, jirrilaxxah jew jarmih b’mod li ma huwiex ikkontrollat (9).

28.      Ma jistax jiġi preżunt li dan huwa l-każ f’din il-kawża, u dan għaliex Tronex biegħet it-tagħmir elettriku u għalhekk stenniet li tagħmel qligħ finanzjarju mill-provvista tiegħu.

29.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sustanza jew l-oġġett li jintrema mid-detentur tiegħu jista’ jikkostitwixxi skart fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva dwar l-iskart anki jekk jista’ jkun ta’ użu ekonomiku mill-ġdid (10), b’mod partikolari jekk jinġabar fuq bażi kummerċjali għar-riċiklaġġ, għar-reklamazzjoni jew għall-użu mill-ġdid (11).

30.      L-għan ta’ Tronex ma huwiex li tirriċikla t-tagħmir elettriku jew ir-reklamazzjoni, minkejja li jidher li l-użu mill-ġdid tiegħu kien l-iskop wara l-esportazzjoni tiegħu.

31.      Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn l-oġġetti miġbura li jintremew mid-detentur preċedenti u dawk li ma jintremewx mid-detentur preċedenti. Il-fatt biss li l-oġġetti nġabru għall-iskop ta’ użu mill-ġdid ma jsostnix fih innifsu neċessarjament l-ipoteżi li dawn l-oġġetti ġew mormija. Fil-fatt, jidher li huwa raġonevoli, kemm mill-aspett ekonomiku kif ukoll minn dak tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, li t-tagħmir li ma għadux jista’ jinbiegħ fis-suq għall-iskop oriġinali li għalih kien intiż isir disponibbli fi swieq oħra fejn jista’ jibqa’ jinbiegħ.

32.      Għalhekk, b’mod partikolari, fil-każ ta’ stokk residwu li għadu fl-imballaġġ oriġinali tiegħu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma fihiex biżżejjed provi insostenn tal-konklużjoni li kien hemm xi rimi.

33.      Min-naħa l-oħra, it-tagħmir irritornat li ma għadux jista’ jintuża minħabba difetti gravi u li ma għadux jista’ jissewwa mingħajr spejjeż eċċessivi, għandu mingħajr dubju jitqies bħala skart.

34.      Bil-kontra, l-oġġezzjoni ta’ Tronex li perċentwali mill-merkanzija ġdida wkoll ma hijiex tajba għall-użu minħabba difetti ma tistax tirnexxi. Merkanzija ġdida għandha, bħala regola, titqies li hija funzjonali. (12)

35.      Madankollu, fil-każ ta’ tagħmir irritornat mill-konsumaturi, tali ipoteżi ma hijiex iġġustifikata. Ir-ritorn ta’ oġġetti pjuttost jimplika r-riskju li l-konsumatur ikun irċieva prodott difettuż jew li jkun ikkawża huwa stess ħsara lill-prodott qabel ma ġie rritornat. Għalhekk, bħala prinċipju, huwa dubjuż li l-oġġetti rritornati jistgħu jinbiegħu għal użu konformi mal-funzjoni tagħhom.

36.      Dawn id-dubji fihom innifishom ma jindikawx li l-prodott għandu jitqies bħala skart diġà fl-istadju meta jkun fil-pussess tal-konsumatur. Wara kollox, ir-ritorn ta’ oġġett b’rimbors tal-prezz tax-xiri ma huwiex l-istess bħar-rimi tal-oġġett. Ir-ritorn ma għandux li huwa rimi jew irkupru u ma hemm l-ebda aspettattiva li l-konsumatur ser jarmi l-prodott b’tali mod li jista’ jikkawża ħsara lill-ambjent (13).

37.      Madankollu, malli l-oġġetti rritornati jerġgħu jkunu fil-pussess tal-bejjiegħ bl-imnut, il-pożizzjoni tinbidel b’mod sinjifikattiv, peress li d-destin futur ta’ dawn l-oġġetti huwa ddefinit minn dubji dwar jekk l-oġġetti jistgħux jinbiegħu għall-użu konformi mal-funzjoni tagħhom.

38.      Ma jkunx iġġustifikat li l-oġġetti, is-sustanzi jew il-prodotti li d-detentur jixtieq juża jew ibigħ b’mod ekonomikament vantaġġuż irrispettivament minn jekk ikunx hemm proċess ta’ rkupru sussegwenti, ikunu wkoll suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-iskart li l-iskop tagħha huwa li tiżgura li l-operazzjonijiet ta’ rkupru u rimi jitwettqu mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżit li l-kunċett ta’ skart għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, dan ir-raġunament għandu jkun limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid tal-oġġetti jew tas-sustanza inkwistjoni ma huwiex biss possibbiltà iżda ċertezza, mingħajr il-ħtieġa li jintużaw il-proċessi ta’ rkupru ta’ skart imsemmija fid-Direttiva dwar l-iskart qabel l-użu mill-ġdid (14).

39.      Minħabba d-dubji msemmija, din iċ-ċertezza hija, fl-ewwel lok, nieqsa fil-każ ta’ tagħmir irritornat. Sa fejn dawn id-dubji ma jistgħux jiġu immedjatament eliminati mill-ispezzjoni tat-tagħmir, għalhekk dan tal-aħħar għandu jitqies bħala skart.

40.      Fil-każ li mill-ispezzjoni jirriżulta li l-oġġett għadu tajjeb għall-użu konformi mal-funzjoni tiegħu, l-istatus tiegħu bħala skart jiġi prekluż. L-istess jgħodd fir-rigward ta’ oġġetti b’difetti żgħar li jillimitaw il-funzjonalità b’mod negliġibbli biss, li jfisser li dawn l-oġġetti jistgħu jinbiegħu mingħajr ħtieġa ta’ tiswija, u f’ċerti każijiet bi prezz imnaqqas.

41.      Madankollu, sa fejn l-ispezzjoni tidentifika d-difetti li jeħtieġ li jiġu msewwija qabel ma l-prodott ikun tajjeb għall-użu konformi mal-funzjoni tiegħu, dan il-prodott jikkostitwixxi skart, minħabba li ma hemmx ċertezza li l-bejjiegħ bl-imnut ser effettivament iwettaq it-tiswija. Il-kwistjoni dwar jekk it-tiswija tistax tkun inqas jew iktar għalja ma tistax tkun deċiżiva f’dan ir-rigward, peress li l-prodott li ma jiffunzjonax jikkostitwixxi piż u l-użu intiż tiegħu huwa dubjuż.

42.      L-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ spezzjoni u, fejn huwa applikabbli, tal-obbligu ta’ tiswija fuq il-bejjiegħ bl-imnut huwa xieraq, neċessarju u raġonevoli u għalhekk ġeneralment proporzjonat minħabba li huwa l-bejjiegħ bl-imnut li jiddeċiedi dwar id-destin futur tal-oġġetti rritornati (15). Abbażi ta’ raġunijiet simili, l-impriżi li jipproduċu prodotti sekondarji, bħall-fdal ta’ ġebel mill-estrazzjoni minerarja, ramel residwu minn operazzjonijiet ta’ arrikiment minerali (16) jew id-demel likwidu fl-agrikoltura (17), għandhom iġibu prova li dawn il-prodotti sekondarji ma jikkostitwixxux skart tal-produzzjoni.

43.      Fl-aħħar nett, speċifikament fir-rigward tat-trasferiment tat-tagħmir inkwistjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari fiha indikazzjoni ulterjuri li, permezz tat-trasferiment, Tronex kienet ser tarmi għall-inqas ċertu tagħmir. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, dan minħabba li ċertu tagħmir ma kienx ippakkjat. Għalhekk, huwa improbabbli li t-tagħmir kien ser jiġi ttrasportat mingħajr ma ssirlu ħsara.

44.      Bħala konklużjoni provviżorja, għandu jiġi kkonstatat li t-trasferiment ta’ lott kbir ta’ tagħmir elettriku li jkun inxtara mingħand bejjiegħa bl-imnut jew fornituri u rritornat mill-konsumaturi għandu jitqies bħala trasferiment ta’ skart skont it-tifsira tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, jekk ma jkunx ġie stabbilit minn qabel li t-tagħmir rritornat huwa funzjonali jew li t-tagħmir ma huwiex protett b’mod adegwat kontra ħsara matul it-trasport. Min-naħa l-oħra, it-tagħmir li sar superfluwu u li jinsab fl-imballaġġ oriġinali tiegħu mhux miftuħ, ma għandux, fl-assenza ta’ prova oħra, jitqies bħala skart.

B.      Id-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku

45.      L-interpretazzjoni preċedenti tal-kunċett ta’ “rimi” hija wkoll konsistenti mad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku minkejja li din kienet għadha ma hijiex applikabbli għall-ispezzjoni mwettqa fi Tronex fl-10 ta’ Frar 2014. Dan għar-raġuni li, konformement mat-terminu previst, il-Pajjiżi l-Baxxi ttrasponew id-direttiva b’effett mill-14 ta’ Frar 2014.

46.      Il-punt 1 tal-Anness VI tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fih rekwiżiti intiżi sabiex issir distinzjoni bejn tagħmir użat u skart ta’ tagħmir f’każijiet fejn id-detentur tal-oġġett isostni li biħsiebu jittrasferixxi, jew qiegħed jittrasferixxi, tagħmir elettriku użat pjuttost milli skart ta’ tagħmir elettriku.

47.      Din id-distinzjoni hija rilevanti għall-kunċett ta’ skart, peress li skont it-tifsira mogħtija fil-punt 1(e) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, l-iskart ta’ tagħmir elettriku huwa tagħmir li għandu jitqies bħala skart skont id-Direttiva dwar l-iskart. Għalhekk, il-punt 5 tal-Anness VI jipprovdi li t-trasferiment ta’ tagħmir elettriku li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-anness għandu jitqies bħala trasferiment illegali ta’ skart skont it-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

48.      F’dan ir-rigward, mill-Anness VI tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jirriżulta li żewġ rekwiżiti fundamentali impliċiti għandhom jiġu ssodisfatti sabiex it-trasferiment tat-tagħmir elettriku użat ma jitqiesx bħala trasferiment ta’ skart. L-ewwel nett, għandu jiġi żgurat li t-tagħmir kollu huwa funzjonali, kif juru b’mod partikolari l-punt 1(b) u l-punt 3, u, it-tieni nett, it-tagħmir għandu jkun protett b’mod adegwat kontra ħsara matul it-trasport, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 1(d) u l-punt 5. Il-punt 2 jippermetti limitazzjonijiet dwar il-funzjonalità biss fil-każ ta’ trasferimenti magħmula speċifikament għall-finijiet ta’ tiswija.

49.      Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jikkodifikaw l-interpretazzjoni, esposta iktar ’il fuq, tal-kunċett ta’ skart rigward it-tagħmir elettriku rritornat jew li ma huwiex protett b’mod adegwat kontra ħsara matul it-trasport.

C.      Fuq l-applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni għall-kunċett ta’ skart fil-kuntest ta’ sanzjonijiet kriminali

50.      Madankollu, f’din il-kawża għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunċett ta’ skart iservi ta’ bażi għas-sanzjoni kriminali prevista fid-dritt nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi. Minn naħa, din is-sanzjoni hija qabel kollox meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 50 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet effettivi għall-ksur ta’ dan ir-regolament. Għal dak li jirrigwarda l-istanzi l-oħra ta’ ksur tad-dritt fil-qasam tal-iskart, li jiddependu wkoll fuq il-kunċett ta’ skart, l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart fih obbligu komparabbli.

51.      Madankollu, huwa raġonevoli li wieħed jistaqsi jekk il-kunċett ta’ skart huwiex iddefinit bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex jiġġustifika s-sanzjoni kriminali fil-kawża prinċipali. Wara kollox, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandha titfakkar l-importanza, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u kemm fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, li għandu l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni (18).

52.      Ir-rekwiżit, inerenti f’dan il-prinċipju, li l-liġi applikabbli għandha tkun preċiża, ifisser li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u s-sanzjonijiet li jistgħu jġorru magħhom. Dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt meta l-individwu jista’ jkun jaf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li l-qrati taw lil din id-dispożizzjoni, liema atti jew ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (19).

53.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ skart, huwa minnu li l-individwi jistgħu jkunu jafu li l-kwistjoni dwar jekk l-oġġett ġiex mormi għandha tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali u li l-kunċett ta’ “rimi” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Barra minn hekk, jeżistu diversi sitwazzjonijiet li jew kienu diġà s-suġġett ta’ ġurisprudenza jew għall-inqas huma paragunabbli ma’ sitwazzjonijiet koperti mill-ġurisprudenza li jippermettu lill-individwi li jieħdu deċiżjoni ċara fuq din il-bażi.

54.      Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-kawża preżenti, għadha ma teżistix ġurisprudenza li hija direttament rilevanti. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx il-kunċett ta’ skart mill-aspett tat-trasferiment ta’ tagħmir difettuż jew ippakkjat b’mod mhux adegwat.

55.      Minkejja dan, għandu jkun evidenti għall-operaturi informati fil-qasam tal-ġustizzja li t-tagħmir li ma għadux jista’ jintuża minħabba difetti gravi u li ma għadux jista’ jissewwa mingħajr spejjeż eċċessivi, għandu jitqies bħala skart. L-istess jgħodd għall-oġġetti li jiġu ttrasferiti mingħajr protezzjoni adegwata kontra ħsara matul it-trasport.

56.      Madankollu, dak li sa issa ma kienx faċilment evidenti (għall-inqas sat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku), kien jekk l-oġġetti rritornati għandhomx jitqiesu bħala skart għar-raġuni biss li l-funzjonalità tagħhom ma tkunx ġiet spezzjonata jew għaliex it-tiswijiet sabiex dawn jerġgħu jibdew jaħdmu jkunu għadhom ma twettqux.

57.      Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma huwiex meħtieġ (jew possibbli) li jiġi stabbilit jekk id-dokumenti bħal-“Linji Gwida tal-Korrispondenti” (20), imsemmija mill-Kummissjoni u minn Tronex, jistgħux jibdlu din il-pożizzjoni. Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni dwar jekk, fid-data rilevanti f’din il-kawża, jiġifieri fl‑10 ta’ Frar 2014, dawn id-dokumenti kinux diġà jeżistu jew kellhom ikunu magħrufa minn impriża bħal Tronex.

58.      Għalhekk nipproponi li, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-effett ratione temporis tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ skart proposta minni, jiġifieri fir-rigward ta’ oġġetti rritornati li l-funzjonalità tagħhom ma tkunx ġiet spezzjonata jew li jeħtieġu tiswijiet sabiex dawn jerġgħu jibdew jaħdmu li jkunu għadhom ma twettqux. F’dan ir-rigward, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ skart għandha tiġi applikata fil-każ ta’ sanzjonijiet kriminali għal ksur biss jekk il-ksur ikun seħħ wara t-traspożizzjoni kompleta tal-Anness VI tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jew mhux iktar tard mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

V.      Konklużjoni

59.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

It-trasferiment ta’ lott kbir ta’ tagħmir elettriku li jkun inxtara mingħand bejjiegħa bl-imnut jew fornituri u rritornat mill-konsumaturi għandu jitqies bħala trasferiment ta’ skart skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 255/2013, jekk ma jkunx ġie stabbilit minn qabel li t-tagħmir kollu huwa funzjonali jew li t-tagħmir kollu ma huwiex protett b’mod adegwat kontra ħsara matul it-trasport. Min-naħa l-oħra, it-tagħmir li sar superfluwu u li jinsab fl-imballaġġ oriġinali tiegħu mhux miftuħ, ma għandux, fl-assenza ta’ prova oħra, jitqies bħala skart.

Għal dak li jirrigwarda l-oġġetti rritornati, li l-funzjonalità tagħhom ma tkunx ġiet spezzjonata, jew li jeħtieġu tiswijiet sabiex dawn jerġgħu jibdew jaħdmu li jkunu għadhom ma twettqux, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ skart għandha tiġi applikata fil-każ ta’ sanzjonijiet kriminali għal ksur biss jekk il-ksur ikun seħħ wara t-traspożizzjoni kompleta tal-Anness VI tad-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jew mhux iktar tard mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).


3      Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 277, p. 61), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2013 tal-20 ta’ Marzu 2013 (ĠU 2013, L 79, p. 19).


4      Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU 2012, L 197, p. 38).


5      Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9).


6      Sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318, punti 41 u 70); tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja  (C‑194/05, EU:C:2007:806, punt 44); tat-3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 61).


7      Sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318, punti 38 sa 40); tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punti 38 u 39); u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland u Belgian Shell (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 38).


8      Sentenzi tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (C‑9/00, EU:C:2002:232, punt 37), u tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer  (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 56).


9      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland u Belgian Shell (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 42).


10      Sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1990, Vessoso u Zanetti (C‑206/88 and C‑207/88, EU:C:1990:145, punt 8); tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (C‑9/00, EU:C:2002:232, punt 29); u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland u Belgian Shell (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 50).


11      Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1997, Tombesi et (C‑304/94, C‑330/94, C‑342/94 u C‑224/95, EU:C:1997:314, punt 52).


12      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland u Belgian Shell (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 47).


13      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland u Belgian Shell (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 46).


14      Sentenzi tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (C‑9/00, EU:C:2002:232, punt 36); tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 44); u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland u Belgian Shell (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 53).


15      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 64).


16      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, AvestaPolarit Chrome (C‑114/01, EU:C:2003:448, punt 39).


17      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 65).


18      Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 51).


19      Sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50); tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 162); u tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 56); kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta’ Novembru 1996, Cantoni vs Franza (17862/91, CE:ECHR:1996:1115JUD001786291, § 29); tat-22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs  Il-Belġju (32492/96, 32547/96, 32548/96, 33209/96 u 33210/96, CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, § 145); tas-7 ta’ Frar 2002, E.K. vs It-Turkija (28496/95, CE:ECHR:2002:0207JUD002849695, § 51); u tal-20 ta’ Settembru 2011, OAO  Neftyanaya Kompaniya Yukos vs Ir-Russja (14902/04, CE:ECHR:2011:0920JUD001490204, § 567).


20      http://ec.europa.eu/environment/waste/shipments/guidance.htm, ikkonsultat fil-31 ta’ Jannar 2019.