Language of document : ECLI:EU:T:2021:605

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Settembru 2021 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Ħsara għar-reputazzjoni”

Fil-Kawża T‑203/20,

Maher AlImam, li jgħix f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentat minn M. Brillat, avukata,

rikorrent,

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u M.-C. Cadilhac, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU L 190, 27.7.2018, p. 20), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 59, ĠU L 190, 27.7.2018, p. 20), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 6), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża biex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba dawn l-atti,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

[omissis]

A.      Fuq linklużjoni inizjali ta’ isem irrikorrent fillisti li jidhru flAnness I tadDeċiżjoni 2013/255 u flAnness II tarRegolament Nru 36/2012

12      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212, tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2020, L 43 I, p. 6), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211, tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2020, L 43 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti inizjali”), isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-linja 289 tat-Tabella A tal-listi tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi, entitajiet u korpi kkonċernati mill-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 u fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“listi inkwistjoni”), b’riferiment għar-raġunijiet li ġejjin:

“Negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja b’interessi kummerċjali fit-turiżmu, it-telekomunikazzjonijiet u l-proprjetà immobbli. Bħala Maniġer Ġenerali ta’ [Telsa Group LLC] li huwa appoġġat mir-reġim kif ukoll ta’ Castro LLC, u permezz tal-interessi kummerċjali l-oħra tiegħu, Mahir Burhan Eddine Al‑Imam igawdi mir-reġim u jappoġġa l-politika tiegħu ta’ finanzjament u lobbying kif ukoll il-politika tiegħu fil-qasam tal-kostruzzjoni.”

[omissis]

B.      Dwar iżżamma ta’ isem irrikorrent fillisti inkwistjoni

21      Fit-28 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/719, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2020, L 168, p. 66), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/716, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2020, L 168, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ żamma”). Bis-saħħa tal-atti ta’ żamma, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet estiża sal-1 ta’ Ġunju 2021. Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 289 tat-Tabella A tal-listi inkwistjoni abbażi ta’ raġunijiet identiċi għal dawk użati fl-atti inizjali.

[omissis]

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ April 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors li għandu bħala suġġett talba intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2013/255, tar-Regolament Nru 36/2012 u tal-atti inizjali, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

25      Fl-istess jum, ir-rikorrent ressaq talba għal trattament prijoritarju, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑4 ta’ Ġunju 2020.

26      Fit-23 ta’ April 2020, ir-rikorrent ressaq talba għall-anonimat, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ġunju 2020, peress li d-data inkwistjoni, b’mod partikolari l-elementi ta’ identifikazzjoni, kienet preżenti fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li min-naħa tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, u għalhekk kienet saret pubblika. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal anonimat kienet adottata mingħajr preġudizzju għall-fatt li tintlaqa’ t-talba għall-ommissjoni tad-data ekonomika u tad-data dwar terzi.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adatta r-rikors, b’tali mod li dan ikun intiż ukoll għall-annullament tal-atti ta’ żamma, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

28      Fis‑27 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

29      Fl‑10 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ adattament.

30      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, rispettivament, fl‑14 ta’ Settembru u fis‑26 ta’ Ottubru 2020.

31      Il-fażi tal-proċedura bil-miktub ingħalqet fis‑26 ta’ Ottubru 2020.

32      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, fl‑10 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

33      Fl-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu stabbilit, fis‑26 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla), fuq proposta tal-Imħallef Relatur, iddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

34      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tikkonstata l-illegalità tad-Deċiżjoni 2013/255, tar-Regolament Nru 36/2012, tal-atti inizjali u tal-atti ta’ żamma, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni 2013/255, ir-Regolament Nru 36/2012, l-atti inizjali u l-atti ta’ żamma, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        l-ewwel, tikkundanna lill-Kunsill iħallsu, minn naħa, is-somma ta’ EUR 10 000 u, min-naħa l-oħra, is-somma ta’ EUR 15 000 fil-ġimgħa mit‑18 ta’ Frar 2020 bħala kumpens, rispettivament, għad-dannu materjali u għad-dannu immaterjali subit minħabba l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, u sussegwentement, it-tieni, tikkundanna lill-Kunsill jikkumpensa kull dannu futur li huwa ser isostni minħabba l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

35      Fir-rigward tat-tliet talbiet għad-danni mressqa mir-rikorrent, dan tal-aħħar ippreċiża, fir-replika, li, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens mitlub, id-data tat-tmiem tal-perijodu rilevanti għandha tkun id-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

36      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;

–        sussidjarjament, jekk l-atti inizjali u l-atti ta’ żamma (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”) jiġu annullati f’dak li jikkonċerna r-rikorrent, tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/212 u tad-Deċiżjoni 2020/719 f’dak li jikkonċerna r-rikorrent sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2020/211 u 2020/716;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Iddritt

[omissis]

B.      Fuq ittalbiet għal annullament

[omissis]

2.      Fuq ilmertu

[omissis]

a)      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur taddrittijiet taddifiża

[omissis]

1)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilksur tad-dritt għal smigħ u taddritt ta’ aċċess għallfajl

[omissis]

ii)    Wara lpubblikazzjoni talatti inizjali

–       Fuq leżami millġdid talatti inizjali

84      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-atti inizjali, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid u ta’ osservazzjonijiet kien qasir wisq b’tali mod li ma kienx jippermettilu li jinstema’ b’mod utli u effikaċi. Dan it-terminu allegatament beda fil-jum tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq, jiġifieri fit‑18 ta’ Frar 2020, u ntemm fid-data ta’ skadenza indikata minn dan l-avviż għall-preżentazzjoni tal-imsemmija talba, jiġifieri fl‑1 ta’ Marzu 2020.

85      Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li jeżisti żbilanċ bejn it-terminu mogħti lilu għall-preżentazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid u ta’ osservazzjonijiet u l-perijodu għall-eżami tal-imsemmija talbiet u osservazzjonijiet mill-Kunsill. Dan il-perijodu allegatament beda fid-data ta’ skadenza tal-imsemmi terminu, fl‑1 ta’ Marzu 2020, u spiċċa fid-data tal-iskadenza tal-aħħar estensjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas‑17 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2019, L 132, p. 36), jiġifieri fl‑1 ta’ Ġunju 2020.

86      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti ta’ żamma, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-fatt li, skont l-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fid‑29 ta’ Mejju 2020, l-osservazzjonijiet eventwali li huwa jippreżenta jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid li jmiss ta’ kull sena tal-listi inkwistjoni, minflok ma jkunu s-suġġett ta’ analiżi immedjata, ma huwiex konformi mad-dritt għal smigħ.

87      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-fatt li l-Kunsill jiddeċiedi li jeżamina l-listi inkwistjoni darba fis-sena ma huwiex konformi mad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u mar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828. Ir-rikorrent isostni li, skont l-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 36/2012 kif emendat bir-Regolament 2015/1828, il-Kunsill huwa obbligat li jeżamina l-listi inkwistjoni f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar. Għalhekk, l-eżami ta’ kull sena huwa biss parti mill-obbligu ta’ eżami mill-ġdid previst minn dawn l-atti.

88      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

89      L-ewwel, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal smigħ tar-rikorrent ġiex miksur minħabba l-fatt li t-terminu għat-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid kien qasir wisq, għandu jiġi indikat, qabel kollox, li dan it-terminu, stabbilit bejn il-partijiet, kien ta’ tmint ijiem tax-xogħol, mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq, jiġifieri t‑18 ta’ Frar 2020, sad-data ta’ skadenza indikata minn dan l-avviż għall-preżentazzjoni tal-imsemmija talba, jiġifieri l‑1 ta’ Marzu 2020.

90      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 36/2012, “[f]ejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp skont il-każ”. Barra minn hekk, il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jżid li “[i]l-listi fl-Annessi II u IIa jiġu riveduti f’intervalli regolari u tal-inqas kull 12-il xahar”. Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 36/2012 ma jipprevedix limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid jew għal osservazzjonijiet.

91      Għalhekk, xejn ma kien jipprekludi li r-rikorrent jippreżenta talba għal eżami mill-ġdid jew osservazzjonijiet f’kull mument, konformement mal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828. F’dan ir-rigward, il-Kunsill indika li kien qiegħed jirrispondi għall-imsemmija osservazzjonijiet mingħajr ma jistenna l-iskadenza ta’ kull sena.

92      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu għandha tiġi żgurata mill-qorti tal-Unjoni u li barra minn hekk huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T‑394/03, EU:T:2006:111, punt 162, u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il-Parlament, T‑390/10 P, EU:T:2012:652, punt 115). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta t-tul tal-proċedura ma jkunx stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura “raġonevoli” tat-terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, skont l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kunsill jindika li huwa kellu bżonn terminu ta’ tliet xhur, jiġifieri mill‑1 ta’ Marzu 2020 sad-data tal-iskadenza tal-aħħar estensjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 skont id-Deċiżjoni 2019/806, jiġifieri l‑1 ta’ Ġunju 2020, sabiex iwettaq l-eżami mill-ġdid ta’ kull sena. Tali eżami mill-ġdid jimplika, skont il-Kunsill, l-analiżi tas-sitwazzjoni individwali ta’ madwar tliet mija u ħamsin persuna u entità li isimhom jidher fil-listi inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni li huwa jirrispondi għall-osservazzjonijiet ippreżentati u joffri l-possibbiltà li jifformula kummenti ġodda, b’tali mod li jkun hemm skambju kontradittorju bejnu u l-persuni kif ukoll l-entitajiet li ppreżentaw osservazzjonijiet matul dan il-perijodu ta’ tliet xhur.

94      Għandu jiġi rrilevat li terminu ta’ tliet xhur sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni individwali ta’ madwar tliet mija u ħamsin persuna u entità huwa relattivament qasir. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istabbiliment ta’ terminu għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal eżami mill-ġdid huwa mezz leġittimu għall-Kunsill sabiex jiżgura ruħu mir-riċezzjoni tal-osservazzjonijiet u tal-provi ppreżentati mill-persuni u mill-entitajiet ikkonċernati qabel it-tmiem tal-fażi ta’ eżami mill-ġdid u mill-kisba ta’ żmien suffiċjenti sabiex dawn jiġu eżaminati bid-diliġenza meħtieġa. Ċertament, it-terminu, ta’ tnax-il jum, li kien jirriżulta mill-iffissar tad-data ta’ skadenza f’dan il-każ kien terminu qasir peress li kien jimplika, għar-rikorrent, li jsir jaf bl-opinjoni u bil-kontenut tar-raġunijiet għall-inklużjoni u li jipproċedi bit-tfassil tal-osservazzjonijiet li jistgħu jinkludu provi. Madankollu, minn naħa, ma huwa impost ebda formaliżmu għall-preżentazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ma huwiex meħtieġ li jkun irrappreżentat minn avukat sabiex jippreżenta tali talba. Min-naħa l-oħra, it-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid tiftaħ djalogu bejn il-Kunsill u l-persuna jew l-entità kkonċernata li la hija limitata ratione temporis u lanqas fin-numru ta’ ittri skambjati. Dan ifisser li xejn ma jipprekludi li talba għal eżami mill-ġdid li jkun fiha osservazzjonijiet sommarji titressaq fit-terminu stabbilit, imbagħad tiġi kkompletata, jekk ikun il-każ, minn osservazzjonijiet jew provi oħra matul skambju kontradittorju sussegwenti mal-Kunsill. Għalhekk, fih innifsu, it-terminu ta’ tnax-il jum mogħti mill-Kunsill fl-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat‑18 ta’ Frar 2020, imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq, għall-preżentazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid ma jippermettix li jitqies li d-dritt għal smigħ tar-rikorrent ġie miksur.

95      Fi kwalunkwe każ, kif ġie stabbilit fil-punt 91 iktar ’il fuq u kif jirrikonoxxi l-Kunsill, xejn ma jipprekludi li r-rikorrent jippreżenta tali talba, jew osservazzjonijiet, fi kwalunkwe mument, anki wara din id-data ta’ skadenza, konformement mal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 36/2012. F’dan is-sens, id-data ta’ skadenza stabbilita mill-Kunsill fl-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat‑18 ta’ Frar 2020, imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, jista’ jkollha biss għan purament indikattiv. Tali indikazzjoni hija utli sabiex tippermetti lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati jressqu t-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid qabel ma tintemm il-fażi ta’ eżami mill-ġdid, avveniment intern tal-Kunsill li huma ma jistgħux ikunu jafu bih, u qabel ma jiġu adottati atti ġodda mill-Kunsill.

96      It-tieni, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent ibbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-osservazzjonijiet eventwali ppreżentati ma humiex is-suġġett ta’ analiżi immedjata u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Kunsill jiddeċiedi li jeżamina l-listi inkwistjoni darba biss fis-sena, għandu jitfakkar, qabel kollox, kif ġie indikat fil-punti 91 u 95 iktar ’il fuq, li r-rikorrent jista’, f’kull mument, jippreżenta osservazzjonijiet li l-Kunsill ikollu jwieġeb għalihom mingħajr ma jistenna l-iskadenza annwali.

97      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, din id-deċiżjoni hija suġġetta għal sorveljanza kostanti, b’mod li hija estiża, jew emendata jekk ikun il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma ntlaħqux. Dan huwa prova, kif jenfasizza ġustament il-Kunsill, li l-atti inizjali ġew adottati mhux wara eżami mill-ġdid ta’ kull sena mwettaq skont l-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, iżda fix-xahar ta’ Frar 2020.

98      Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti tar-rikorrent ibbażati fuq il-qosor tat-terminu mogħti għall-preżentazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid tal-atti inizjali u fuq il-fatt li l-Kunsill, billi jeżamina biss il-listi darba fis-sena, ma eżaminax immedjatament l-osservazzjonijiet tiegħu.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Maher AlImam huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Frendo

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.