Language of document : ECLI:EU:C:2022:721

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

22 ta’ Settembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Motivi ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti sottomessa mill-parti kkonċernata fir-Renju tad-Danimarka – Deċiżjoni finali meħuda mir-Renju tad-Danimarka”

Fil-Kawża C‑497/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig‑Holstein, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

SI,

TL,

ND,

VH,

YT,

HN

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azema, L. Grønfeldt u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SI, TL, ND, VH, YT u NH, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge – Außenstelle Boostedt (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, fergħa ta’ Boostedt, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li ċaħdet it-talbiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlProtokoll dwar ilpożizzjoni tadDanimarka

3        L-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka”) jiddikjaraw:

“Artikolu 1

Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE]. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament.

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skont l-Artikolu 238(3) [TFUE].

Artikolu 2

Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE], l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m’għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta’ l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta’ l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. B’mod partikolari, l-atti ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li huma emendati jkomplu jorbtu lil u jkunu applikabbli għad-Danimarka mingħajr bidla.”

 IdDirettiva 2011/95/UE

4        Il-premessi 6 u 51 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) jiddikjaraw:

“(6)      Il-konklużjonijiet ta’ Tampere [tal‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999] jipprovdu […] li regoli rigward l-istatus tar-refuġjati għandhom jiġu kumplimentati b’miżuri dwar forom sussidjarji ta’ protezzjoni, li joffru status xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta’ din il-protezzjoni.

[…]

(51)      Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-[Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka], id-Danimarka mhix se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.”

5        Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tippreskrivi regoli dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat sabiex ikunu eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-refuġjati u l-persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din il-protezzjoni.

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

(b)      ‘benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali’ tfisser persuna li ngħatat status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

(c)      ‘Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra’ tfisser il-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 relatata mal-Istatus tar-Refuġjati magħmula f’Ġinevra [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], kif emendata bill-Protokoll [dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż f’]New York [fil]-31 ta’ Jannar 1967;

(d)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

(e)      ‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

(f)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

(g)      ‘status ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

(h)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]”

 IdDirettiva 2013/32

7        L-Artikolu 2(b), (e) u (q) tad-Direttiva 2013/32 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ jew ‘applikazzjoni’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [mingħajr stat] għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu tad-Direttiva 2011/95/UE, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]

(e)      ‘deċiżjoni finali’ tfisser deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [mingħajr stat] jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-Direttiva 2011/95/UE u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati sal-eżitu tagħha;

[…]

(q)      ‘applikazzjoni sussegwenti’ tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1).”

8        Skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva:

“Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.”

9        L-Artikolu 33(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, u r-rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)      il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

(b)      pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

(c)      pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

(d)      l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant; [jew]

(e)      persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

 IrRegolament Dublin III

10      Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tiegħu, ir-Regolament Nru 604/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), li kien issostitwixxa, konformement mal-Artikolu 24 tiegħu, il-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati għand wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat f’Dublin fil‑15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 1997, C 254, p. 1).

11      Fi ħdan il-Kapitolu II, intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salwagwardji”, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III jiddikjara, bit-titolu “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [mingħajr stat] li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.”

12      L-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

(c)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [mingħajr stat] li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

(d)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.”

 IlFtehim bejn lUnjoni u dDanimarka

13      Il-Ftehim bejn [l-Unjoni] Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil iddepożitata fid-Danimarka jew f’xi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea u eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU 2008, L 335M, p. 72, iktar ’il quddiem il- “Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka”) ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/188/KE tal‑21 ta’ Frar 2006 (ĠU 2008, L 335M, p. 72).

14      Skont l-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim:

“1.      Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 343/2003] li hu anness ma’ dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu adottati skond l-Artikolu 27(2) tar-[Regolament Nru 343/2003] u – fir-rigward tal-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim – implimentati mid-Danimarka […] għandhom japplikaw skond id-dritt internazzjonali għar-relazzjonijiet bejn [l-Unjoni] u d-Danimarka.

2.      Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26),] li hu anness ma’ dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu […] u – fir-rigward tal-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim – implimentati mid-Danimarka […] għandhom japplikaw skond id-dritt internazzjonali għar-relazzjonijiet bejn [l-Unjoni] u d-Danimarka.

3.      Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għandha tapplika minflok id-data msemmija flArtikolu 29 tar-[Regolament Nru 343/2003], u l-Artikolu 27 tar-[Regolament Nru 2725/2000].”

15      La d-Direttiva 2011/95 u lanqas id-Direttiva 2013/32 ma huma msemmija mill-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka.

 Iddritt Ġermaniż

 LAsylG

16      L-Artikolu 26a, intitolat “Pajjiżi terzi siguri” tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għal Ażil) (BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-finijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), jipprovdi:

“(1)      Ċittadin barrani li daħal fit-territorju billi ġie minn pajjiż terz, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16a(2) tal-[Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja)], (pajjiż terz sigur), ma jistax jinvoka l-Artikolu 16a(1) tal-Liġi Fundamentali. […]

(2)      Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni […], l-Istati terzi siguri huma l-Istati elenkati fl-Anness I. […]

[…]”

17      L-Artikolu 29 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta:

[…]

5.      Fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 71 jew tat-tieni applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 71a, ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil. […]

[…]”

18      L-Artikolu 31 tal-AsylG, intitolat “Deċiżjoni tal-[Uffiċċju Federali għall-Migrazzjonijiet u r-Refuġjati] dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil”, jipprovdi:

“[…]

(2)      Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ammissibbli […] jispeċifikaw espressament jekk iċ-ċittadin barrani bbenefikax mill-istatus ta’ refuġjat jew mill-protezzjoni sussidjarja u jekk huwiex irrikonoxxut bħala benefiċjarju tad-dritt għal ażil. […]

[…]”

19      L-Artikolu 71 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti” jipprovdi:

“(1)      Jekk, wara li applikazzjoni għall-ażil tiġi rtirata jew miċħuda definittivament, iċ-ċittadin barrani jressaq applikazzjoni ġdida għal ażil (applikazzjoni sussegwenti), issir proċedura ġdida għal ażil biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(1) sa (3) tal-Verwaltungsverfahrengesetz [(il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva) (BGBl. 2013 I, p. 102)]; l-eżami għandu jsir mill-Uffiċċju [Federali għall-Migrazzjonijiet u r-Refuġjati].

[…]”

20      L-Artikolu 71a tal-AsylG, intitolat “It-tieni applikazzjoni”, jipprevedi:

“(1)      Jekk ċittadin barrani, wara li l-proċedura ta’ ażil tkun ingħalqet b’ċaħda f’pajjiż terz sigur (Artikolu 26a) li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet legali tal-[Unjoni] li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ipproċessar tal-proċeduri ta’ ażil jew li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun ikkonkludiet trattat internazzjonali f’dan ir-rigward, iressaq applikazzjoni għall-ażil (it-tieni applikazzjoni) fit-territorju federali, ikun hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil biss meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun responsabbli mill-ipproċessar tal-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3), tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva jkunu ssodisfatti; huwa l-Uffiċċju [Federali għall-Migrazzjonijiet u r-Refuġjati] li għandu l-obbligu jwettaq l-eżami.

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

21      Fl‑10 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Ġeorġjana, ressqu applikazzjonijiet għall-ażil quddiem l-Uffiċċju.

22      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, waqt l-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjaraw li kienu telqu mill-Ġeorġja fl-2017 sabiex imorru d-Danimarka, fejn għexu għal tliet snin u fejn ressqu applikazzjonijiet għall-ażil li ġew miċħuda.

23      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2021, ir-Renju tad-Danimarka kkonferma, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Uffiċċju, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ressqu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fit‑28 ta’ Novembru 2017, li kienu ġew miċħuda fit‑30 ta’ Jannar 2019. Peress li r-rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati Daniżi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjonijiet li ċaħdu t-talbiet tagħhom ġew miċħuda fis‑27 ta’ April 2020, dawn id-deċiżjonijiet saru definittivi.

24      Għalhekk, l-Uffiċċju eżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala t-“tieni applikazzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 71a tal-AsylG u, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, ċaħadhom bħala inammissibbli skont il-punt 5 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG. L-Uffiċċju kkonstata li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu diġà ressqu applikazzjonijiet għall-ażil definittivament miċħuda fid-Danimarka, li, konformement mas-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) (C‑8/20, EU:C:2021:404), kellha titqies bħala “Stat terz sigur”, fis-sens tal-Artikolu 26a tal-AsylG. Skont l-Uffiċċju, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi ġġustifikata proċedura ġdida għall-ażil ma kinux issodisfatti, peress li l-espożizzjoni tal-fatti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali insostenn tal-applikazzjonijiet tagħhom ma turi ebda bidla fis-sitwazzjoni fattwali meta meta mqabbel ma’ dik li kienet il-bażi tal-ewwel applikazzjoni tagħhom miċħuda mill-awtoritajiet Daniżi.

25      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju indirizzat kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju.

26      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Ġermaniż, “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 71 tal-AsylG, hija applikazzjoni ġdida għall-ażil sottomessa fil-Ġermanja, wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil, ukoll imressqa fil-Ġermanja. It-“tieni applikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 71a tal-AsylG, hija applikazzjoni għall-ażil sottomessa fil-Ġermanja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil imressqa fi Stat terz sigur, fis-sens tal-Artikolu 26a tal-AsylG, jiġifieri, b’mod partikolari, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ tipi ta’ applikazzjoni suġġetti għal proċedura li hija differenti minn dik applikabbli għall-ewwel applikazzjoni għall-ażil. L-ispirtu u l-għan tal-Artikolu 71a tal-AsylG huma li t-“tieni applikazzjoni” tiġi ekwiparata mal-“applikazzjoni sussegwenti” u, bl-istess mod, li tiġi ekwiparata d-deċiżjoni meħuda mill-Istat terz, li ddeċidiet dwar l-ewwel applikazzjoni għall-ażil tal-applikant li ressaq it-tieni applikazzjoni fil-Ġermanja, għal deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-ewwel applikazzjoni għall-ażil.

27      Il-qorti tar-rinviju tqis, għalhekk, li, sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima pendenti quddiemha, huwa neċessarju li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, jistax japplika meta deċiżjoni finali dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tkun ittieħdet fi Stat Membru ieħor.

28      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Direttiva 2013/32 ma tirreferix għall-kunċett tat-“tieni applikazzjoni” u tuża biss, b’mod partikolari fl-Artikolu 33(2)(d) u fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”. Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva japplika biss fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti mressqa fl-istess Stat Membru fejn l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata ġiet imressqa u miċħuda. Tista’ wkoll timmilita f’dan is-sens il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32 (COM (2016) 467 final), li kienet tipprevedi l-inklużjoni fir-regolament ikkonċernat ta’ dispożizzjoni li tiddikjara b’mod espliċitu li, wara li tkun ingħatat deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda dwar applikazzjoni preċedenti, kull applikazzjoni ġdida mressqa mill-istess applikant fi kwalunkwe Stat Membru għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru responsabbli, bħala applikazzjoni sussegwenti.

29      Il-qorti tar-rinviju tindika li, minkejja li, f’sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) ħalliet miftuħa r-risposta għad-domanda dwar jekk tistax tkun kwistjoni ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tad-Direttiva 2013/32, meta l-ewwel proċedura li wasslet għaċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata tkun seħħet fi Stat Membru ieħor, mill-ġurisprudenza sussegwenti tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi inferjuri jirriżulta li din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva, ħaġa li l-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tapprova.

30      Fil-każ li tali risposta fl-affermattiv tingħata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan jistax ikun il-każ ukoll meta, wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tad-Danimarka, applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali titressaq fi Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju tfakkar, f’dan ir-rigward, li, ċertament, ir-Renju tad-Danimarka huwa Stat Membru tal-Unjoni, iżda tippreċiża li, bis-saħħa tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, dan l-Istat Membru ma huwiex marbut bid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Għandu jingħad ukoll li mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 u mis-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) (C‑8/20, EU:C:2021:404) jirriżulta li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens ta’ din id-direttiva biss jekk l-applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant tkun intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95.

31      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “Stat Membru” fis-sens tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, biex ikun jirrigwarda biss lill-Istati Membri li jipparteċipaw fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, bħala li huma dawk marbuta bid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Dan ma huwiex il-każ tar-Renju tad-Danimarka li, bis-saħħa tal-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka, jipparteċipa biss fis-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III.

32      Fil-każ li d-domanda tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 30 tirċievi risposta fin-negattiv, din tqis li hija neċessarja kjarifika fir-rigward tal-punt dwar jekk, sa fejn l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali diġà ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Daniżi fuq il-bażi ta’ eżami bbażat, essenzjalment, fuq l-istess kriterji bħal dawk previsti mid-Direttiva 2011/95 għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, huwiex possibbli li wieħed jipproċedi biss għal annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali – li jinvolvi l-obbligu li jsir eżami ġdid tal-applikazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss fir-rigward tal-possibbiltà li dawn jingħataw l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Fil-fatt, minkejja li d-dritt Daniż jipprevedi, għar-refuġjati u għall-persuni li, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkollhom pretensjoni għall-protezzjoni sussidjarja, sistema ta’ protezzjoni simili għal dik prevista mid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju hija inklinata tikkunsidra li ma huwiex possibbli li jsir tali annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata quddiemha.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda bħala applikazzjoni sussegwenti inammissibbli hija kompatibbli mal-Artikolu 33(2)(d) u mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva [2013/32], meta l-ewwel proċedura għal ażil li tkun ġiet miċħuda, kienet saret fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda bħala applikazzjoni sussegwenti inammissibbli hija kompatibbli mal-Artikolu 33(2)(d) u mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 ukoll meta l-ewwel proċedura għal ażil, li tkun ġiet miċħuda, tkun saret fid-Danimarka?

3)      Jekk it-tieni domanda tiġi risposta fin-negattiv: leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha applikazzjoni għall-ażil hija inammissibbli fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti u f’dan ir-rigward ma tagħmilx distinzjoni bejn l-istatus ta’ refuġjat u l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, hija kompatibbli mal-Artikolu 33(2)[(d)] tad-Direttiva 2013/32?”

 Fuq iddomandi preliminari

34      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-annullament ta’ deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadini Ġeorġjani, li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tagħhom kienu ġew miċħuda mir-Renju tad-Danimarka.

35      Issa, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, f’dak li jirrigwarda t-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, li taħtha jaqgħu, b’mod partikolari, il-politika dwar il-kontrolli fil-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni, ir-Renju tad-Danimarka jgawdi, bis-saħħa tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, minn status partikolari, li jiddistingwixxih minn Stati Membri oħra.

36      Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li d-domandi magħmula jiġu analizzati biss sa fejn dawn jirrigwardaw l-ipoteżi ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti miċħuda mill-awtoritajiet Daniżi, mingħajr ma jkun neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ipoteżi taċ-ċaħda ta’ applikazzjoni analoga mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 30).

37      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tad-Danimarka li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli, totalment jew parzjalment, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, magħmula lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tagħha, magħmula lir-Renju tad-Danimarka, ġiet miċħuda minn dan l-aħħar Stat Membru.

38      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta din tikkostitwixxi applikazzjoni sussegwenti li fiha ma jidhru jew jiġu prodotti ebda element jew fatt ġdid min-naħa tar-rikorrent relatati mal-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95.

40      Il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 bħala applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali mressqa wara li tkun ingħatat deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti.

41      B’hekk din id-definizzjoni tiġbor fi ħdanha l-kunċetti ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” u ta’ “deċiżjoni finali”, li huma ddefiniti wkoll fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, rispettivament fil-punt (b) u l-punt (e) tiegħu.

42      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew ta’ “applikazzjoni”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 bħala applikazzjoni magħmula lil Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tista’ tinftiehem bħala intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fis-sens tad-Direttiva 2011/95.

43      Issa, għalkemm applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa quddiem l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tad-Danimarka konformement mad-dispożizzjonijiet interni ta’ dan l-Istat Membru hija inkontestabbilment applikazzjoni sottomessa lil Stat Membru, xorta jibqa’ l-fatt li din ma tikkostitwixxix applikazzjoni “li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja” fis-sens tad-Direttiva 2011/95 peress li, konformement mal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, din id-direttiva ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarka, kif inhuwa, barra minn hekk, imfakkar fil-premessa 51 ta’ din id-direttiva.

44      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “deċiżjoni finali”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32 bħala kull deċiżjoni li tistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat tingħatax l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95 u li ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ rikors imressaq fil-kuntest tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32.

45      Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, deċiżjoni meħuda mir-Renju tad-Danimarka fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax taqa’ taħt din id-definizzjoni.

46      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u bla ħsara għall-kwistjoni distinta dwar jekk il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” japplikax għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil Stat Membru wara ċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni finali, ta’ applikazzjoni preċedenti minn Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tad-Danimarka, minn qari flimkien tal-punti (b), (e) u (q) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil Stat Membru ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” jekk din tkun tressqet wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni analoga tal-istess applikant mir-Renju tad-Danimarka.

47      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti tar-Renju tad-Danimarka, li ċaħdet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil dan l-Istat Membru konformement mad-dispożizzjonijiet interni tiegħu, ma tippermettix li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, magħmula mill-parti kkonċernata lil Stat Membru ieħor wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni preċedenti, tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32.

48      La l-ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka u lanqas l-eventwalità li l-leġiżlazzjoni Daniża tipprevedi, għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, kundizzjonijiet identiċi għal dawk previsti mid-Direttiva 2011/95, jew simili, ma jistgħu jwasslu għal konklużjoni differenti.

49      Fl-ewwel lok, ċertament, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka, ir-Regolament Dublin III huwa implimentat ukoll mir-Renju tad-Danimarka. Għalhekk, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuni kkonċernati għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lid-Danimarka, Stat Membru ieħor li lilu dawn il-persuni kkonċernati ressqu talba ġdida għal protezzjoni internazzjonali jista’, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) jew fil-punt (d) tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, jitlob lir-Renju tad-Danimarka jieħu lura l-imsemmija persuni kkonċernati.

50      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li, meta tali teħid lura ma jkunx possibbli jew ma jseħħx, l-Istat Membru kkonċernat għandu d-dritt li jikkunsidra li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali li l-istess persuna kkonċernata tkun ressqet quddiem l-istanzi tiegħu stess tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 44).

51      Fil-fatt, għalkemm il-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka jipprevedi, essenzjalment, l-implimentazzjoni, mir-Renju tad-Danimarka, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, l-imsemmi ftehim ma jipprovdix, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 2011/95 jew id-Direttiva 2013/32 japplikaw għar-Renju tad-Danimarka.

52      Fit-tieni lok, jekk jitqies, kif tafferma l-qorti tar-rinviju, li t-talbiet intiżi għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat magħmula lir-Renju tad-Danimarka jiġu eżaminati mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru fuq il-bażi ta’ kriterji sostanzjalment identiċi għal dawk previsti mid-Direttiva 2011/95, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika ċ-ċaħda, anki jekk limitata għall-parti relatata mal-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil Stat Membru ieħor minn applikant li l-applikazzjoni preċedenti tiegħu intiża għall-kisba ta’ dan l-istatus ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Daniżi.

53      Minbarra l-fatt li l-formulazzjoni univoka tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/32 tipprekludi interpretazzjoni f’dan is-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tagħha, l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tiddependi minn evalwazzjoni tal-livell konkret tal-protezzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fir-Renju tad-Danimarka mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li tiġi ppreġudikata ċ-ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 47).

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2011/95, ma tillimitax ruħha biss biex tirregola l-istatus ta’ refuġjat, kif inhu stabbilit fid-dritt internazzjonali, jiġifieri fil-Konvenzjoni ta’ Genève, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2011/95, iżda tistabbilixxi wkoll l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, li, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, tikkompleta r-regoli relatati mal-istatus ta’ refuġjat.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra r-Renju tad-Danimarka li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli, totalment jew parzjalment, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, magħmula lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr stat li fir-rigward tiegħu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti, magħmula lir-Renju tad-Danimarka, ġiet miċħuda minn dan l-aħħar Stat Membru.

 Fuq lispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra r-Renju tad-Danimarka li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli, totalment jew parzjalment, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, magħmula lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr stat li fir-rigward tiegħu applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali, magħmula lir-Renju tad-Danimarka, ġiet miċħuda minn dan l-aħħar Stat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.