Language of document :

Kawża C407/21

Union fédérale des consommateurs - Que choisir (UFC - Que choisir)
u
Consommation, logement et cadre de vie (CLCV)

vs

Premier ministre
u
Ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat8 ta’ Ġunju 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 12(2) sa (4) – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija ta’ COVID‑19 – Rimbors tal-pagamenti mwettqa mill-vjaġġatur ikkonċernat abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar Rimbors fil-forma ta’ somma flus jew rimbors ekwivalenti, fil-forma ta’ nota ta’ kreditu (‘vawċer’) – Obbligu li dan il-vjaġġatur jiġi rrimborsat mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ikkonċernat – Deroga temporali għal dan l-obbligu – Modulazzjoni tal-effetti temporali ta’ deċiżjoni li tkun ittieħdet konformement mad-dritt nazzjonali u li tannulla leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-imsemmi obbligu”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vjaġġi, vaganzi u tours kollox inkluż – Direttiva (UE) 2015/2302 – Xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Obbligu ta’ rimbors, mill-organizzatur tal-ivvjaġġar, tal-pagamenti mwettqa mill-vjaġġatur ikkonċernat abbażi ta’ dan il-pakkett tal-ivvjaġġar – Kunċett ta’ rimbors – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/2302, Artikolu 12(2) u (3))

(ara l-punti 23 sa 26, 31 sa 35, u d-dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vjaġġi, vaganzi u tours kollox inkluż – Direttiva 2015/2302 – Xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Obbligu ta’ rimbors, mill-organizzatur tal-ivvjaġġar, tal-pagamenti mwettqa mill-vjaġġatur ikkonċernat abbażi ta’ dan il-pakkett tal-ivvjaġġar – Deroga temporanja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teħles lill-organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar, fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19, mill-obbligu tagħhom li jirrimborsaw, lill-vjaġġatur ikkonċernat, il-pagamenti kollha mwettqa abbażi tal-kuntratt xolt – Għan – 108117 / Ħarsien tas-solvenza tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar u tal-vijabbiltà tas-settur ikkonċernat – Inammissibbiltà

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/2302, Artikoli 4 u 12(2) sa (4))

(ara l-punti 45, 46, 49 sa 51, 54 sa 58, 67 sa 71, 75, 76, u d-dispożittiv 2)

3.        Stati Membri – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li timmodula l-effetti temporali tad-deċiżjoni ta’ annullament tagħha ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt Ewropew – Assenza

(Artikolu 4(3) TFUE)

(ara l-punti 80 sa 85, u d-dispożittiv 3)

Sunt

Fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19, il-Gvern Franċiż adotta leġiżlazzjoni intiża sabiex teħles temporanjament l-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu tagħhom li jirrimborsaw il-pagamenti mwettqa mill-vjaġġaturi fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar (1). Żewġ assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi talbu quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) l-annullament ta’ din il-leġiżlazzjoni, billi allegaw ksur tad-dritt tal-vjaġġaturi li kienu kkonkludew dan it-tip ta’ kuntratt li jxoljuh wara li jkunu seħħew “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” u li jiġu rrimborsati għall-pagamenti kollha mwettqa abbażi ta’ dan il-pakkett tal-ivvjaġġar mhux iktar tard minn 14-il jum wara dan ix-xoljiment, kif previst mid-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar (2).

B’mod partikolari din il-qorti għandha dubji rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rimbors” previst minn din id-direttiva, kif ukoll dwar il-kompatibbiltà ma’ din tal-aħħar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-eżenzjoni temporanja tal-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kunċett ta’ “rimbors” fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar. Minbarra dan, din tiddeċiedi dwar l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ din id-direttiva (3) u fuq il-modulazzjoni tal-effetti temporali ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ annullament ta’ din l-istess leġiżlazzjoni, meqjusa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, skont interpretazzjoni letterali, il-kunċett ta’ “rimbors” fis-sens tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar (4) japplika għal ħlas lura tal-pagamenti mwettqa abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar unikament fil-forma ta’ somma flus. Il-possibbiltà li dan l-obbligu ta’ ħlas ta’ somma flus jiġi ssostitwit permezz ta’ arranġament li jkollu forma oħra, bħal b’mod partikolari, il-proposta ta’ vawċers, ma hijiex espressament prevista f’din id-direttiva. Dan id-dritt għar-rimbors fi flus, li l-konsumaturi jistgħu jiddisponu minnu liberament, jagħmel parti minn għan ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar tipprekludi l-ħelsien temporanju tal-organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar (5), fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19, mill-obbligu tagħhom li jirrimborsaw lill-vjaġġaturi kkonċernati, mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment ta’ kuntratt, il-pagamenti kollha mwettqa, abbażi tal-kuntratt xolt. Din il-konklużjoni tibqa’ l-istess ukoll meta tali miżura nazzjonali hija intiża li jiġi evitat li, minħabba n-numru sinjifikattiv ta’ talbiet għal rimbors mistennija, is-solvenza ta’ dawn l-organizzaturi tal-ivvjaġġar tiġi affettwata sal-punt li tipperikola l-eżistenza tagħhom u li għalhekk tinżamm il-vijabbiltà tas-settur ikkonċernat.

L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” (6). Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali u fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi, dan il-kunċett jista’ jkopri l-pandemija ta’ COVID-19, sa fejn jiżvela l-eżistenza ta’ “riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem” (7), u jista’ jiġi applikat għax-xoljimenti ta’ kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar meta dawn ikunu bbażati fuq il-konsegwenzi pprovokati minn tali avveniment.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” huwa simili għall-kunċett ta’ “forza maġġuri” u jikkostitwixxi, fid-dawl b’mod partikolari tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar, implimentazzjoni eżawrjenti ta’ dan il-kunċett tal-aħħar għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jeħilsu, abbażi tal-forza maġġuri, anki temporanjament biss, lill-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom previst minn din id-direttiva peress li din ma tipprevedi ebda eċċezzjoni għan-natura imperattiva ta’ dan l-obbligu.

Fl-aħħar, anki jekk jiġi preżuppost li l-Istati Membri jistgħu jsostnu, quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, li n-nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva huwa ġġustifikat abbażi tal-forza maġġuri, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jinħelsu temporanjament, fiċ-ċirkustanzi ta’ kriżi sanitarja dinjija bħall-pandemija ta’ COVID-19, l-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu tagħhom li jirrimborsaw lill-vjaġġaturi kkonċernati l-pagamenti mwettqa abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-invokazzjoni tal-forza maġġuri mill-Istati Membri.

Għalhekk, l-ewwel, minkejja li l-pandemija ta’ COVID-19 taqa’ taħt ċirkustanzi mhux relatati mal-Istat Membru kkonċernat u li dawn tal-aħħar ikunu anormali u imprevedibbli, leġiżlazzjoni nazzjonali li teħles, b’mod ġenerali, lill-organizzaturi tal-ivvjaġġar kollha mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom ma tistax, min-natura tagħha stess, tkun iġġustifikata mill-forza maġġuri. Fil-fatt, sospensjoni provviżorja ġġeneralizzata ta’ dan l-obbligu ta’ rimbors ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja konkreta u individwali tal-organizzaturi ta’ vjaġġi kkonċernati. It-tieni, ma kienx ġie pprovat li l-konsegwenzi finanzjarji li għalihom din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tirrispondi ma setgħux jiġu evitati mod ieħor ħlief bil-ksur tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar, u b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. It-tielet, din l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li jinħelsu l-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom matul perijodu li jista’ jestendi sa 21 xahar mill-komunikazzjoni tal-“ħall” tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat, ma hijiex manifestament ikkonċepita b’mod li jiġu limitati l-effetti tagħha għall-perijodu neċessarju sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet ikkawżati mill-avveniment li jista’ jaqa’ taħt il-forza maġġuri.

Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, meta qorti nazzjonali hija adita, konformement mad-dritt intern tagħha, b’rikors għal annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija obbligata li tannulla din il-leġiżlazzjoni. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, minn naħa, li t-theddida tal-interessi ekonomiċi tal-operaturi attivi f’dan is-settur tal-pakketti tal-ivvjaġġar, li nħolqot mill-pandemija ta’ COVID‑19, ma hijiex paragunabbli mal-kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent jew mal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li huma ċirkustanzi straordinarji li għalihom hija, barra minn hekk, irrikonoxxiet lill-qrati nazzjonali l-fakultà li jimmodulaw temporalment u li jaġġustaw l-effetti tad-deċiżjonijiet tagħhom ta’ annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li ma kienx jidher li l-annullament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Istati Membri li jeħilsu, fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19, l-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom, ikollu konsegwenzi dannużi fuq is-settur ta’ pakketti tal-ivvjaġġar ta’ portata tali li ż-żamma tal-effetti tagħha tkun neċessarja għall-finijiet li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-operaturi ta’ dan is-settur. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (8) ma jippermettix lil qorti nazzjonali adita b’rikors għal annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar li timmodula l-effetti temporali tad-deċiżjoni tagħha li tannulla din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.


1      Skont l-Artikolu 1 tal-ordonnance no 2020-315 du 25 mars 2020 relative aux conditions financières de résolution de certains contrats de voyages touristiques et de séjours en cas de circonstances exceptionnelles et inévitables ou de force majeure (id-Digriet Nru 2020‑315 tal‑25 ta’ Marzu 2020 dwar il-Kundizzjonijiet Finanzjarji għall-Ħall ta’ Ċerti Kuntratti ta’ Vvjaġġar Turistiku u Vaganzi fil-Każ ta’ Ċirkustanzi Inevitabbli u Finanzjarji jew Forza Maġġuri) l-organizzaturi tal-ivvjaġġar kienu awtorizzati, fir-rigward tal-“ħall” ikkomunikat bejn l‑1 ta’ Marzu u l‑15 ta’ Settembru 2020, li jwettqu l-obbligu ta’ rimbors tagħhom billi jipproponu lill-vjaġġatur ikkonċernat, mhux iktar tard minn 3 xhur wara l-komunikazzjoni tal-“ħall” tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat, vawċer għal ammont ugwali għall-pagamenti mwettqa abbażi ta’ dan il-pakkett, fejn tali proposta kienet valida matul tul ta’ 18-il xahar.


2      Ara l-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar”). Skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-vjaġġatur għandu d-dritt li jxolji kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment jekk “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, li jseħħu fil-post ta’ destinazzjoni kkonċernat jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, għandhom konsegwenzi importanti fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-pakkett jew fuq it-trasport ta’ passiġġieri lejn dan il-post ta’ destinazzjoni.


3      Ara b’mod partikolari l-Artikolu 4 u l-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar.


4      Ara b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar. It-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu tipprevedi li, fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, dan il-vjaġġatur għandu dritt għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti mwettqa abbażi tal-imsemmi pakkett. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 12(3)(b) ta’ din l-istess direttiva, jekk l-organizzatur tal-ivvjaġġar ikkonċernat huwa prekluż milli jwettaq kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar minħabba “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, huwa jista’ jxolji l-imsemmi kuntratt u jirrimborsa kompletament lil dan il-vjaġġatur pagamenti mwettqa għal dan il-pakkett u dan mingħajr dewmien eċċessiv, u fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment tal-istess kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar.


5      Ara l-Artikolu 4 u l-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar.


6      Kif previst fl-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar. Il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” huwa ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva bħala “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”.


7      Skont il-premessa 31 tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar, li jippreċiża l-portata tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, billi r-riskji sinjifikattivi għas-saħħa tal-bniedem jaqgħu taħt dan il-kunċett.


8      Previst fl-Artikolu 4(3) TUE.