Language of document : ECLI:EU:T:2015:478

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Lulju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva REDROCK — Trade marks nazzjonali preċedenti ROCK, KEPROCK, FLEXIROCK, FORMROCK, FLOOR-ROCK, TERMAROCK, KLIMAROCK, SPEEDROCK, DUROCK, SPLITROCK, PLANAROCK, TOPROCK, KLEMMROCK, FIXROCK, SONOROCK PLUS, VARIROCK, SONOROCK u MASTERROCK — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑548/12,

Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG, stabbilita fi Gladbeck (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Krenzel, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Mahelka, P. Geroulakos u M. Rajh, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnut minn

Redrock Construction s.r.o., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn D. Krofta, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tas-16 ta’ Ottubru 2012 (Każ R 1596/2011‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG u Redrock Construction s.r.o.,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: I. Drăgan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2013,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2013,

wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta’ Mejju 2005, l-intervenjenti, Redrock Construction s.r.o., ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 1, p. 26), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 1, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 1, 2, 17, 19 u 37 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”), u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 1: “Kimiċi għall-użu fl-industrija stokk inkluż f’din il-klassi, materjali kimiċi awżiljarji intiżi għall-industrija; raża sintetika; raża artifiċjali mhux maħduma; raża ta’ expoxy, komposti kimiċi intiżi għall-industrija; kolla intiża għall-industrija; prodotti għall-ħdim tas-siment (bl-eċċezzjoni taż-żebgħa u taż-żjut); massa u materjali ta’ mili kimiċi”;

–        klassi 2: “Żebgħa u preparati awżiljarji għaż-żebgħa; Kuluri; żebgħa fi trab u massa ta’ mili; żebgħa għall-wiċċ; verniċ; Raża naturali mhux ipproċessata; legaturi inklużi f’din il-klassi; prodotti kontra l-korrużjoni; diluwenti għaż-żebgħa u l-verniċ”;

–        klassi 17: “Materjal li jservi għat-tqalfit u għall-iżolazzjoni; stokk għall-mili; materjal iżolanti”;

–        klassi 19: “Materjal tal-bini mhux tal-metall, konkrit; mejrież, siment, żebgħa (materjal tal-bini); żebgħa, taħlit ta’ siment; kisi użat fil-bini; materjal mhux tal-metall użat fil-bini ta’ toroq; kisi tal-art mhux metalliku; materjal mhux tal-metall użat fil-bini ta’ kanali għall-ilma; taħlit għat-tqegħid tal-kisi tal-art; injam għall-bini”;

–        klassi 37: “Bini; Bini ta’ [ta’ binjiet]; informazzjoni dwar il-bini; servizzi ta’ tiswija u ta’ installazzjoni; pariri dwar il-bini”.

4        Fil-5 ta’ Marzu 2010, is-sinjal inkwistjoni ġie rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) b’mod partikolari għall-prodotti u s-servizzi msemmija taħt in-numru 3866365.

5        Fis-6 ta’ April 2010, ir-rikorrenti Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark ikkontestata skont l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

6        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija bbażata fuq it-trade marks segwenti:

–        it-trade mark verbali preċedenti ROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fl-24 ta’ Marzu 2003 taħt in-numru 30229274, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 1, 6 sa 8, 17, 19, 37 u 42,

–        it-trade mark verbali preċedenti KEPROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fit-30 ta’ Mejju 2003 taħt in-numru 30312115, għall-prodotti u s-servizzi segwenti:

–        klassi 17: “Prodotti f’suf minerali fil-forma ta’ weraq, malji, feltru minerali, pjanċi, malji laminati u elementi fformati, prodotti maqsuma ndaqs b’kisi ta’ titjir ta’ plastik fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat u/jew ta’ ħġieġ solubbli u/jew aġenti ligaturi idrawliċi u/jew bażi ta’ raża sintetika, bi jew mingħajr materjali ta’ mili u/jew pigmenti ta’ kulur, il-prodotti kollha intiżi għall-iżolazzjoni termika u akustika, b’mod partikolari elementi għall-iżolazzjoni tas-soqfa għas-soqfa ċatti, soqfa ċatti inklinati u soqfa f’angolu; elementi għal soqfa f’angolu kbir, bi preferenza fil-forma ta’ pjanċi”;

–        klassi 19: “Prodotti f’suf minerali fil-forma ta’ malja, malji, feltru, pjanċi, malji laminati u elementi fformati; pjanċi ta’ iżolazzjoni akustika, siment niexef u pjanċi tas-soqfa maħduma f’fibri minerali, prodotti maqsuma ndaqs b’kisi ta’ titjir tal-plastik jew fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat u/jew ta’ ħġieġ solubbli u/jew aġenti ligaturi idrawliċi u/jew bażi ta’ raża sintetika, bi jew mingħajr materjali ta’ mili u/jew pigmenti ta’ kulur, il-prodotti kollha intiżi għall-iżolazzjoni termika u akustika, b’mod partikolari elementi għall-iżolazzjoni tas-soqfa għas-soqfa ċatti, soqfa ċatti inklinati u soqfa f’angolu; elementi għal soqfa f’angolu kbir, bi preferenza fil-forma ta’ pjanċi”;

–        klassi 37: “Settur tal-bini u tal-kostruzzjoni; xogħol ta’ installazzjoni, b’mod partikolari xogħol ta’ iżolazzjoni termika u/jew akustika fuq is-soqfa, installazzjoni ta’ elementi ta’ protezzjoni kontra n-nirien, b’mod partikolari fuq is-soqfa”;

–        it-trade mark verbali preċedenti FLEXIROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fil-21 ta’ Settembru 1994 taħt in-numru 2078534, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti FORMROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fil-21 ta’ Settembru 1994 taħt in-numru 2078535, għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti FLOOR-ROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fis-6 ta’ Ottubru 1994 taħt in-numru 2079579 għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti TERMAROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fit-18 ta’ Settembru 1995 taħt in-numru 39502727, għal prodotti inklużi fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti KLIMAROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fis-7 ta’ Mejju 1996 taħt in-numru 39517348, għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti SPEEDROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fil-21 ta’ Mejju 1996 taħt in-numru 39543868, għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti DUROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fil-11 ta’ Ġunju 1996 taħt in-numru 39551027, għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti SPLITROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fit-23 ta’ Mejju 1996 taħt in-numru 39605619, għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti PLANAROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fis-17 ta’ Diċembru 1996 taħt in-numru 39644214, għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti TOPROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fit-23 ta’ April 1997 taħt in-numru 39707589, għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti KLEMMROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fl-10 ta’ Ottubru 1997 taħt in-numru 39737546, għal prodotti fil-klassijiet 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti FIXROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fit-23 ta’ Awwissu 1999 taħt in-numru 39920622, għal prodotti fil-klassijiet 6, 17 u 19;

–        it-trade mark verbali preċedenti SONOROCK PLUS, irreġistrata fil-Ġermanja fil-11 ta’ Frar 2002 taħt in-numru 30166175, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 17, 19 u 37;

–        it-trade mark verbali preċedenti VARIROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fil-11 ta’ Frar 2002 taħt in-numru 30166176, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 17, 19 u 37;

–        it-trade mark verbali preċedenti SONOROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fil-11 ta’ Frar 2002 taħt in-numru 30166177, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 17, 19 u 37;

–        it-trade mark verbali preċedenti MASTERROCK, irreġistrata fil-Ġermanja fid-9 ta’ Lulju 2002 taħt in-numru 30212141, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 17, 19 u 37.

7        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade marks preċedenti u kienet intiża kontra l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark ikkontestata li huma msemmija fil-punt 3.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2011, id-diviżjoni tal-kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti. Skont hi, il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni kienu identiċi jew jixxiebhu. Fir-rigward tal-element “rock”, hija kkunsidrat li dan kien deskrittiv tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti u li s-sinjali inkwistjoni kellhom ċertu grad ta’ xebh. Madankollu, fid-dawl tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, hija kkonkludiet li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni f’dak li jirrigwarda t-trade marks preċedenti kollha. Fl-aħħar nett, hija ċaħdet l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata eżistenza ta’ familja ta’ trade marks.

9        Fit-3 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. F’dak li jirrigwarda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq it-trade mark preċedenti ROCK, huwa enfasizza li l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni kienet ġiet definittivament ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2009, Deutsche Rockwool Mineralwoll vs UASI – Redrock Construction (REDROCK) (T‑146/08, EU:T:2009:398). Għal dak li jikkonċerna t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq it-trade mark preċedenti KEPROCK, il-Bord tal-Appell qies li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa għoli, li l-prodotti tat-trade mark ikkontestata fil-klassijiet 1 u 2 u l-injam ta’ kostruzzjoni fil-klassi 19 ma kinux jixxiebhu, filwaqt li l-prodotti u s-servizzi l-oħra kkontestati kienu f’parti identiċi u f’parti jixxiebhu għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade mark KEPROCK. Barra minn hekk, is-sinjali inkwistjoni għandhom livell ta’ xebh viżiv inferjuri għall-medja u livell medju ta’ xebh fonetiku, mingħajr ma għandhom l-ebda xebh kunċettwali. Fl-aħħar nett, l-element komuni “rock” għandu biss karattru distintiv. Konsegwentement, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li lanqas ma kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tat-trade marks preċedenti l-oħra essenzjalment għall-istess raġunijiet. Fil-fatt, hija qieset li l-protezzjoni usa’ mogħtija lill-familji ta’ trade marks ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

12      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

14      Skont dawn l-artikoli, trade mark Komunitarja hija ddikjarata invalida, fuq talba ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

15      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm ir-riskju li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra EU:T:2003:199, punti 30 sa 33, u tas-7 ta’ Novembru 2013, Three-N-Products vs UASI – Munindra (AYUR), T‑63/13, EU:T:2013:583, punt 14].

16      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq (EU:T:2009:398), il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali ROCK u REDROCK. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti u barra minn hekk saret res iudicata. Għaldaqstant, għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjal REDROCK u l-bqija tat-trade marks preċedenti.

17      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kemm quddiem l-UASI kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ffokat l-argument tagħha fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjal REDROCK u t-trade mark preċedenti KEPROCK u kkonċentrat fuq il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti li huma essenzjalment prodotti minn suf minerali, mingħajr ma ressqet argument separat fir-rigward tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

18      Skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati jitqies li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

19      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-territorju rilevanti kien il-Ġermanja, il-pajjiż ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni tat-trade marks preċedenti, u li l-pubbliku rilevanti kien magħmul minn professjonisti mis-settur tal-kostruzzjoni u, okkażjonalment, mill-konsumaturi medji informati sew fil-qasam tal-kostruzzjoni li jixtru l-prodotti msemmija fi ħwienet tad-DIY. Hija tqis li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku huwa għoli fil-mument tax-xiri minħabba l-prezz u minħabba d-durabbiltà mistennija tal-prodotti inkwistjoni.

20      Ir-rikorrenti ma tikkontestax din l-analiżi.

21      Għandu jiġi enfasizzat li l-prodotti kkonċernati, li huma fil-parti l-kbira tagħhom, materjal ta’ kostruzzjoni, ma humiex intiżi li jintużaw kuljum minn konsumaturi medji. In-natura speċjalizzata tagħhom teħtieġ għażla preċiża u informata, indipendentement mill-prezz u l-kwantità tal-prodotti mibjugħa. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li tip ta’ prodott ma jkunx regolarment mixtri mill-konsumatur normalment juri li l-livell ta’ attenzjoni ta’ dan ikun pjuttost għoli. Għandu jingħad ukoll li, anki jekk parti mill-prodotti inkwistjoni hija aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, ma tantx huwa komuni li x-xiri jsir minn sempliċi konsumaturi, li normalment jafdaw dan ix-xogħol lil professjonista jew jieħdu parir mingħand konsumaturi li l-livell ta’ tagħrif tagħhom f’dan il-qasam huwa superjuri għall-medja [ara, f’dan is-sens, is-sentenza REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punti 45 u 46].

22      Għandu jingħad ukoll li t-tagħrif dwar il-karatteristiċi, il-kwalità u s-sors kummerċjali tal-materjal ta’ kostruzzjoni jerġa’ huwa iktar importanti għall-pubbliku rilevanti peress li dawn il-prodotti — ladarba użati fuq il-bini — jkunu jistgħu jinbidlu biss bi spiża kbira ħafna. Barra minn hekk, il-kwalità ħażina tagħhom tista’ tikkawża danni fil-bini, li jistgħu jkunu jeħtieġu intervent oneruż ħafna. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li anki l-konsumatur medju, li ma jafdax l-għażla ta’ dawn il-prodotti lil professjonist, jagħmel riċerki fuq l-internet dwar il-prodotti kkonċernati u huwa, fi kwalunkwe każ, interessat mill-oriġini u l-identità tal-produttur ta’ dawn il-prodotti.

23      L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna s-servizzi ta’ kostruzzjoni fil-klassi 37, li l-għażla tagħha timplika selezzjoni preċiża u informata u teżiġi livell għoli ta’ attenzjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti.

24      Konsegwentement, hemm lok li jingħad li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa partikolarment għoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 47).

 Fuq il-paragun bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks REDROCK u KEPROCK

25      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata jaqgħu taħt il-klassijiet 1 u 2 u li l-injam ta’ kostruzzjoni fil-klassi 19 ma kinux jixxiebhu, filwaqt li l-prodotti u s-servizzi l-oħra kienu f’parti identiċi u f’parti jixxiebhu għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade mark KEPROCK.

26      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni. Hija ssostni li l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata li huma fil-klassijiet 1 u 2 għandhom l-istess użu bħall-prodotti koperti mit-trade mark KEPROCK fil-klassijiet 17 u 19 jew jistgħu jkunu komplementari għal dawn il-prodotti. Barra minn hekk, il-kanali ta’ distribuzzjoni huma l-istess. Għaldaqstant, l-imsemmija prodotti huma simili. Barra minn hekk, hija tqis li l-“Materjal li jservi għat-tqalfit” koperti mit-trade mark ikkontestata, fil-klassi 17, mhux biss huma simili għall-materjal ta’ iżolazzjoni kopert mit-trade mark KEPROCK, fil-klassijiet 17 u 19, iżda jixxiebhu ħafna.

27      Għandu jiġi kkonstatat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-“materjal li jservi għall-iżolazzjoni; stokk għall-mili; materjal iżolanti” fil-klassi 17, koperti mit-trade mark ikkontestata, huma identiċi għall-“prodotti kollha intiżi għall-iżolazzjoni termika u akustika” fl-istess klassi, koperti mit-trade mark KEPROCK. Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-“materjal tal-bini mhux tal-metall” fil-klassi 19, koperti mit-trade mark ikkontestata, huma identiċi għall-materjal ta’ kostruzzjoni, fl-istess klassi, kopert mit-trade mark KEPROCK. Fl-aħħar nett, skont il-Bord tal-Appell, is-servizzi ta’ kostruzzjoni koperti mis-sinjali inkwistjoni, fil-klassi 37, kienu wkoll identiċi.

28      Huwa kkunsidra li, minkejja l-identiċità ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni.

29      Għalhekk, għandha qabel xejn tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell setax effettivament jiddeċiedi li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni li huwa qies identiċi. Fil-fatt, il-validità ta’ tali konklużjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, trendi l-eżami tal-livell ta’ xebh tal-prodotti u tas-servizzi l-oħra supefluwu.

30      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel nett jiġi eżaminat ix-xebh bejn is-sinjali REDROCK u KEPROCK.

 Fuq il-paragun bejn is-sinjali REDROCK u KEPROCK

31      Ir-rikorrenti takkuża lill-Bord tal-Appell li evalwa ħażin ix-xebh bejn REDROCK u KEPROCK u l-karattru deskrittiv tal-element “rock” fil-kuntest tal-prodotti fis-settur tal-kostruzzjoni.

32      Hemm lok li jitfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra, EU:C:2007:333, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi pparagunat ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, proċess dan li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2007:333, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal-element dominanti (sentenzi UASI vs Shaker, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2007:333, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu rrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2007:539, punt 43).

 Osservazzjonijiet preliminari

34      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv ta’ element li jagħmel parti minn trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità ftit jew wisq kbira ta’ dan l-element li jikkontribwixxi sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata bħala li toriġina minn impriża speċifika u għalhekk sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi ta’ dawn iż-żewġ impriżi. F’din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element inkwistjoni fid-dawl ta’ jekk dan huwiex nieqes jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata [sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), T‑153/03, Ġabra, EU:T:2006:157, punt 35, u tas-27 ta’ Frar 2008, Citigroup vs UASI – Link Interchange Network (WORLDLINK), T‑325/04, EU:T:2008:51, punt 66].

35      F’dan il-każ, fil-kuntest tal-paragun viżiv, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti jidentifika l-element “rock” bħala kelma, iżda eżamina s-sinjali inkwistjoni flimkien. F’dak li jikkonċerna l-paragun fonetiku, il-Bord tal-Appell ikkonstata li s-sinjal REDROCK huwa pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala kelma Ingliża komposta minn kliem tal-vokabularju bażiku, filwaqt li t-trade mark KEPROCK hija perċepita bħala espressjoni imaġinarja. Sussegwentement, skont din, mill-perspettiva kunċettwali, il-konsumaturi Ġermaniżi rilevanti jipperċepixxu immedjatament it-tifsira taż-żewġ kelmiet tal-vokabularju Ingliż bażiku li jikkomponu t-trade mark REDROCK. Barra minn hekk, fid-dawl tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, il-konsumaturi jassoċjaw l-element “rock” għall-ekwivalenti fil-Ġermaniż tal-kelma “ġebel”, jiġifieri “Fels” u “Stein”, b’mod li l-imsemmi element għandu karattru distintiv dgħajjef. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kombinazzjoni ta’ ittri “kep” ma tagħmilx sens fl-Ingliż u fil-Ġermaniż. Għalhekk, skont dan, il-pubbliku ma għandux għalfejn janalizza biċċa biċċa t-trade mark KEPROCK u jipperċepiha bħala kumbinazzjoni verbali imaġinarja.

36      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-pubbliku rilevanti jikkunsidra trade mark bħala ħaġa waħda. B’hekk, hija tikkunsidra li l-Bord tal-Appell żbalja meta eżamina b’mod separat l-ewwel u t-tieni sillaba tas-sinjali inkwistjoni.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li anki jekk il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark bħala ħaġa waħda u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra, EU:C:1999:323, punt 25), xorta jibqa’ l-fatt li, meta jipperċepixxi sinjal verbali, huwa jidentifika elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew jixbhu kliem li huwa jaf [sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, Ġabra, EU:T:2004:292, punt 51, u RESPICUR, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2007:46, punt 57]. L-identifikazzjoni tal-elementi verbali komprensibbli għall-konsumatur hija rilevanti mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku, viżiv u kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2010, MIP Metro vs UASI – CBT Comunicación Multimedia (Metromeet), T‑407/08, Ġabra, EU:T:2010:256, punti 37 u 38].

38      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament li l-pubbliku rilevanti jidentifika l-element verbali “rock” bħala kelma, anki fl-assenza ta’ kull separazzjoni viżiva bejn dan l-element u l-elementi l-oħra tas-sinjali inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm il-konsumatur medju Ġermaniż jista’ ma jkunx jaf l-Ingliż fil-fond, it-terminu “rock” jagħmel parti mill-kliem Ingliż elementari u kemm il-professjonisti kif ukoll il-konsumaturi jassoċjaw it-terminu “rock” mat-terminu “ġebel” (sentenza REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 53).

39      L-istess japplika għall-element “red” tat-trade mark ikkontestata, li bl-Ingliż ifisser il-kulur aħmar u, peress li jagħmel parti mill-vokabularju bażiku tal-Ingliż, jinftiehem direttament mill-pubbliku rilevanti (sentenza REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 78).

40      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball meta kkunsidra li l-pubbliku rilevanti jaqsam it-trade mark REDROCK f’żewġ elementi, “red” u “rock”, u li jidentifika l-element “rock” tat-trade mark KEPROCK bħala kelma li għandha tifsira.

41      Għandu jingħad li, fl-argument tagħha dwar il-familja ta’ trade marks li għandhom bħala element komuni l-kelma “rock”, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-imsemmi element għandu ċerta awtonomija fit-trade marks preċedenti, inkluż KEPROCK, peress li, skont din, dan l-element jikkostitwixxi l-element serjali li jippermetti lill-pubbliku jassoċja dawn it-trade marks kollha għal oriġini kummerċjali waħda. Għalhekk, hija ma tistax tinnega validament f’kuntest ieħor li l-element “rock” jikkostitwixxi element separat, identifikabbli mill-pubbliku rilevanti.

42      Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, wara l-identifikazzjoni tal-element “rock” bħala kelma li għandha tifsira, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni s-sinjali kollha inkwistjoni meta għamel il-paragun, u li, barra minn hekk, huwa kkonstata li s-sinjal KEPROCK huwa pperċepit, fl-intier tiegħu, bħala kombinazzjoni verbali imaġinarja fuq il-livell fonetiku u kunċettwali.

43      Issa, xejn ma jfixkel lill-Bord tal-Appell milli jidentifika qabel xejn l-elementi li jinftiehmu tas-sinjali inkwistjoni, li jevalwa l-karattru distintiv tagħhom u li jipparaguna sussegwentement l-imsemmija sinjali fl-intier tagħhom. Tali approċċ huwa perfettament kompatibbli mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 u 37. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni tal-elementi “distintivi” u “dominanti” tista’ tkun teħtieġ l-evalwazzjoni tal-kapaċità distintiva relatata mal-partijiet kollha li jikkomponu t-trade mark u, għaldaqstant, l-identifikazzjoni tal-elementi inqas distintivi. Tali eżerċizzju ma jippreġudikax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-impressjoni bħala ħaġa waħda ġġenerata mit-trade marks f’fażi ulterjuri tal-eżami.

44      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżami separat tal-elementi li jikkomponu s-sinjali inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

45      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-karattru deskrittiv tal-element “rock”.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tal-inqas parti mill-materjal ta’ kostruzzjoni kopert mit-trade mark ikkontestata u l-kważi totalità tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti huma prodotti minn materji primi abbażi ta’ ġebel li, speċjalment fl-istat naturali tagħhom, jistgħu faċilment jiġu assoċjati mill-pubbliku rilevanti mat-terminu “rock”, anki fis-sens ta’ “ġebel”, anki fis-sens ta’ “blat” jew ta’ “rdum”, b’mod li hija deskrittiva ħafna (sentenza REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 54).

47      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li t-terminu “rock” fil-Ġermaniż għandu tifsiriet oħra, jiġifieri l-isem ta’ stil ta’ mużika u tip ta’ ħwejjeġ għan-nisa. Fil-fatt, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv jew deskrittiv ta’ sinjal, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens tal-imsemmi sinjal li jirreferi għall-prodotti koperti jew l-indikazzjoni ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra, EU:C:2003:579, punt 32, u REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 55).

48      Barra minn hekk, f’dan il-każ, it-terminu “rock” jgħaddi wkoll messaġġ ta’ tifħir f’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi koperti li huma relatati ma’ materjali ta’ kostruzzjoni u mal-attività ta’ kostruzzjoni, peress li jista’ jinftiehem li jalludi għas-solidità u l-istabbiltà tal-blat jew formazzjonijiet tal-ġebel oħra. Issa, terminu ta’ tifħir relatat mal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi koperti ma huwiex kwalità ta’ karattru distintiv intrinsiku użat fir-rigward tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2008, Inter-Ikea vs UASI – Waibel (idea), T‑112/06, EU:T:2008:10, punt 51, u REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 56].

49      Minn dan isegwi li l-element komuni “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir għall-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni, b’mod li għandu biss karattru distintiv intrinsiku dgħajjef, kif ġustament sostna l-Bord tal-Appell.

 Fuq l-aspett viżiv tal-paragun

50      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li s-sinjali REDROCK u KEPROCK għandhom inkomuni t-tieni parti u n-numru ta’ ittri. Madankollu, jeżistu differenzi importanti fil-partijiet inizjali tas-sinjali, li normalment il-pubbliku rilevanti jagħtihom iktar attenzjoni u li, f’dan il-każ, jikkostitwixxi wkoll il-partijiet l-iktar distintivi tat-trade marks inkwistjoni. L-ittra komuni “e” hija viżwalment differenti fit-trade mark REDROCK u fit-trade mark KEPROCK, peress li għandha stilizzazzjoni oriġinali. Konsegwentement, is-sinjali huma viżwalment analogi għal livell inferjuri mill-medja.

51      Ir-rikorrenti tqis li t-trade marks jixxiebhu ħafna fuq il-pjan viżiv. Hija ssostni li l-ittri kapitali “K” u “R” kif ukoll “P” u “D”, għandhom strutturi simili.

52      Għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ trade marks huma komposti minn seba’ ittri u jaqsmu t-tieni sillaba “rock”.

53      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija sillaba hija identifikata mill-pubbliku rilevanti bħala l-kelma “rock”, li tirreferi għall-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati u għandha biss karattru distintiv dgħajjef.

54      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-parti inizjali tal-elementi verbali ta’ trade mark hija iktar suxxettibbli li tattira l-attenzjoni tal-konsumatur milli l-partijiet segwenti [sentenza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T‑183/02 u T‑184/02, Ġabra, EU:T:2004:79, punt 81). Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-kelma “red” hija wkoll mifhuma mill-pubbliku rilevanti u hija relatata mal-element “rock”, xorta jibqa’ l-fatt li l-element figurattiv — ir-riproduzzjoni stilizzata tal-ittra kapitali “E” bil-griż — tinsab fl-ewwel parti tat-trade mark REDROCK.

55      Għalhekk, mill-perspettiva viżiva, il-pubbliku rilevanti jagħti nettament iktar attenzjoni lill-partijiet inizjali tas-sinjali inkwistjoni milli lill-element komuni “rock”.

56      Issa, f’dan il-każ, il-parti inizjali tas-sinjali inkwistjoni hija differenti f’żewġ ittri minn tlieta, u hija biss l-ittra kapitali “E” li hija komuni. Barra minn hekk, l-istilizzazzjoni tal-imsemmija ittra kapitali “E” u l-użu tal-kulur griż tkompli tiddifferenzja l-immaġni viżiva tal-element “red” tat-trade mark ikkontestata mill-element “kep” li jinsab fit-trade mark preċedenti.

57      F’dak li jikkonċerna l-allegat xebh bejn l-ittri kapitali “K” u “R” kif ukoll “P” u “D”, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-livell ta’ attenzjoni għoli tal-pubbliku rilevanti, dan ċertament jipperċepixxi d-differenza bejn dawn iż-żewġ ittri, anki jekk jiftakar biss immaġni inkompleta tat-trade mark preċedenti.

58      Għaldaqstant, għandha tiġi kkonfermata l-analiżi tal-Bord tal-Appell li x-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, fuq livell viżiv, huwa ta’ grad iktar baxx mill-medja, u barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmi xebh huwa dgħajjef.

 Fuq l-aspett fonetiku tal-paragun

59      F’dak li jikkonċerna l-paragun fuq il-livell fonetiku, skont id-deċiżjoni kkontestata, iż-żewġ trade marks huma ppronunzjati f’żewġ sillabi mill-konsumaturi Ġermaniżi rilevanti. Is-sekwenza ta’ vokali hija l-istess. Is-sinjal REDROCK huwa pperċepit bħala kelma Ingliża komposta minn kliem tal-vokabularju bażiku, b’mod li t-trade mark hija ppronunzjata skont ir-regoli ta’ pronunzja Ingliżi. It-trade mark Ġermaniża preċedenti KEPROCK hija pperċepita bħala espressjoni imaġinarja u għalhekk hija ppronunzjata skont ir-regoli ta’ pronunzja Ġermaniżi. Għalkemm it-tmiem huwa ppronunzjat b’mod simili ħafna, il-bidu differenti huwa perċettibbli b’mod ċar. Għalhekk, fuq il-livell fonetiku, it-trade marks għandhom grad ta’ xebh medju.

60      Skont ir-rikorrenti, ma teżisti l-ebda raġuni prattika sabiex il-konsumaturi ta’ lingwa Ġermaniża jippronunzjaw it-trade mark ikkontestata skont ir-regoli ta’ pronunzja Ingliżi filwaqt li jippronunzjaw it-trade mark preċedenti KEPROCK skont ir-regoli ta’ pronunzja Ġermaniżi. Il-konsumatur medju ma jifhimx l-element “rock” fis-sens li jikkorrispondi għall-kliem Ġermaniżi “Fels” jew “Gestein”. Għall-kuntrarju, il-pubbliku Ġermaniż jirrelata l-kelma “rock” mal-kelma Ġermaniża identika li tisser “dublett” jew, jekk jaħseb għall-Ingliż, mal-kelma li tirreferi għal tip ta’ mużika. Peress li s-sinjali inkwistjoni huma ppronunzjati skont ir-regoli ta’ pronunzja Ġermaniżi u li s-sonorità tal-ħsejjes “r” u “k”, kif ukoll “d” u “p”, hija viċina, l-imsemmija sinjali jixxiebhu ħafna mill-pespettiva fonetika.

61      Għandu jitfakkar li s-sinjali inkwistjoni għandhom l-istess tul u għandhom l-istess sekwenza ta’ vokali. It-tieni sillaba, il-kelma “rock”, hija wkoll komuni.

62      Min-naħa l-oħra, il-parti inizjali tinkludi konsonanti differenti.

63      Barra minn hekk, ċertament, il-pubbliku rilevanti jifhem it-tifsira tal-kliem bl-Ingliż “red” u “rock”. Madankollu, dan il-fatt ma jwaqqafx parti mill-konsumaturi milli jippronunzjaw it-trade mark ikkontestata skont ir-regoli ta’ pronunzja Ġermaniżi.

64      Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi fejn is-sinjali inkwistjoni jiġu ppronunzjati skont ir-regoli ta’ pronunzja Ġermaniżi, d-differenza bejn is-sonorità tal-ħoss “r”, mhux irrolljata fil-Ġermaniż, u dik tal-ħoss “k” tibqa’ evidenti ħafna. Barra minn hekk, anki jekk id-differenza bejn is-sonorità tal-konsonanti “d” u “p” hija ftit inqas, il-pubbliku rilevanti jista’ jipperċepiha.

65      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, anki jekk il-pronunzja Ġermaniża hija meħuda bħala l-bażi f’din l-evalwazzjoni, ix-xebh bejn is-sinjali huwa medju fuq il-pjan fonetiku, kif ġustament iddeċieda l-Bord tal-Appell.

 Fuq l-aspett kunċettwali tal-paragun

66      Skont id-deċiżjoni kkontestata, mill-perspettiva kunċettwali, il-konsumaturi Ġermaniżi rilevanti jipperċepixxu immedjatament it-tifsira taż-żewġ kelmiet tal-vokabularju bażiku li jifformaw it-trade mark REDROCK. Għalhekk, għalihom, it-trade mark ikkontestata tevoka ġebel aħmar. Min-naħa l-oħra, il-parti inizjali tat-trade mark KEPROCK ma tagħmilx sens, b’mod li din hija pperċepita bħala kumbinazzjoni verbali imaġinarja. Għalhekk, is-sinjali inkwistjoni huma differenti fuq il-livell kunċettwali.

67      Għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument dwar il-paragun fuq il-pjan kunċettwali.

68      Fis-sentenza tagħha REDROCK punt 10 iktar ’il fuq (EU:T:2009:398), il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-element “rock” li jagħmel parti mit-trade mark ikkontestata kien mifhum mill-pubbliku rilevanti, li jagħmel il-konnessjoni bejn l-aġġettiv Ingliż “red” u n-nom Ingliż “rock”, fis-sens ta’ “ġebel”, “blat” jew “irdum”. Huwa jiddeskrivi b’hekk, fl-intier tagħha, immaġni determinata mis-sens ta’ dawn il-kliem (sentenza REDROCK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2009:398, punt 80).

69      Min-naħa l-oħra, it-trade mark KEPROCK ma tiġġenera l-ebda immaġni determinata f’moħħ il-konsumatur, peress li l-element “kep” ma għandux tifsira. B’hekk anki jekk il-pubbliku rilevanti jagħti tifsira lill-element “rock”, is-sinjal KEPROCK huwa pperċepit fl-intier tiegħu bħala kumbinazzjoni verbali imaġinarja li ma għandhiex tifsira partikolari.

70      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex possibbli li jiġi pparagunat is-sens tas-sinjali REDROCK u KEPROCK, b’mod li l-paragun fuq il-livell kunċettwali huwa element newtrali f’dan il-każ.

71      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi konkluż li jeżisti xebh dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni fuq il-livell viżiv, xebh medju fuq il-livell fonetiku, filwaqt li l-paragun fuq il-livell kunċettwali huwa newtru.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

72      Il-Bord tal-Appell ikkonstata li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti.

73      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali REDROCK u KEPROCK

74      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti KEPROCK huwa medju, kif ġustament ikkonstata l-Bord tal-Appell. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-sinjal KEPROCK ma huwiex partikolarment inventiv jew tali li jolqot malajr, u lanqas ma għandu karattru distintiv intrinsiku superjuri għal grad normali. Għandu jingħad li r-rikorrenti stess ma tidentifikax fatturi li juru li t-trade mark KEPROCK hija iktar distintiva minn trade mark medja li ma għandha l-ebda tifsira. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ssostnix li t-trade mark KEPROCK għandha karattru distintiv ikbar minħabba l-użu.

75      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa ta’ grad partikolarment għoli fix-xiri tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati u li l-imsemmi pubbliku huwa interessat li jkun jaf l-identità tas-sors kummerċjali tagħhom.

76      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li jeżisti xebh dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni fuq il-livell viżiv, xebh medju fuq il-livell fonetiku, filwaqt li l-paragun bejn is-sinjali fuq il-livell kunċettwali huwa newtru.

77      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-aspetti viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni ma għandhomx dejjem l-istess piż u li fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għadhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti inkwistjoni kif ukoll għandha ssir analiżi tal-kundizzjonijiet oġġettivi li t-trade marks jistgħu jippreżentw ruħhom fihom fis-suq [sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, Ġabra, EU:T:2004:293, punt 49].

78      Il-grad ta’ xebh fonetiku bejn żewġ trade marks jonqos mill-importanza tiegħu fil-każ ta’ prodotti li huma kkummerċjalizzati b’tali mod li, normalment, il-pubbliku rilevanti, max-xiri, jipperċepixxi t-trade mark li tindika dawn il-prodotti b’mod viżiv [sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra, EU:T:2003:264, punt 55, u idea, punt 48 iktar ’il fuq, EU:T:2008:10, punti 78 u 79].

79      Issa, dan huwa l-każ tal-materjal ta’ kostruzzjoni kopert mis-sinjali inkwistjoni, li huma kkummerċjalizzati b’mod li jippermetti lill-konsumatur medju li jipperċepixxi viżwalment it-trade marks fuq il-prodotti. Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li l-għażla tal-prodotti inkwistjoni, mill-pubbliku rilevanti, neċessarjament issir wara l-eżami tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, fil-ħwienet jew fuq l-internet, peress li l-imsemmi pubbliku huwa interessat li jiżgura ruħu li l-materjal użat jissodisfa l-funzjoni tiegħu għal żmien twil fil-bini fejn jintuża. Dawn iċ-ċirkustanzi jimplikaw ukoll li l-pubbliku rilevanti jkun viżwalment ikkonfrontat bl-immaġni tat-trade mark qabel ma jagħmel l-għażla tiegħu.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks REDROCK u KEPROCK, meħuda waħidhom, anki f’dak li jikkonċerna l-prodotti koperti miż-żewġ trade marks li huma identiċi. Fil-fatt, il-konsumatur medju, li juri livell ta’ attenzjoni partikolarment għoli meta jixtri, jipperċepixxi d-differenzi li jiddifferenzjaw it-trade marks u ma jaħsibx li l-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni joriġinaw mill-istess sors kummerċjali.

81      L-istess japplika f’dak li jikkonċerna s-servizzi koperti mit-trade marks REDROCK u KEPROCK, li fir-rigward tagħhom, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti speċifiċi. Is-sinjali inkwistjoni ma għandhomx jiġu konfonduti mill-pubbliku rilevanti għar-raġunijiet esposti fil-punti 74 sa 76 iktar ’il fuq.

82      Għaldaqstant, ma hemmx għalfejn jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li, għal ċerti prodotti, ix-xebh huwa ta’ grad iktar għoli minn dak ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni ma teżisti anki f’dak li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi identiċi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-terminu “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti kollha u ta’ tifħir għas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark REDROCK u t-trade marks preċedenti l-oħra

83      F’dak li jikkonċerna t-trade marks preċedenti, il-Bord tal-Appell qies li d-distanza bejn l-imsemmija trade marks u s-sinjali REDROCK hija biżżejjed sabiex tikkumpensa l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti.

84      Peress li r-rikorrenti kkonċentrat ruħha fuq il-paragun bejn it-trade marks REDROCK u KEPROCK kif ukoll fuq l-argument tagħha dwar il-familja ta’ trade marks, hija ma ressqet l-ebda argument partikolari dwar it-trade marks preċedenti l-oħra (FLEXIROCK, FORMROCK, FLOOR-ROCK, TERMAROCK, KLIMAROCK, SPEEDROCK, DUROCK, SPLITROCK, PLANAROCK, TOPROCK, KLEMMROCK, FIXROCK, SONOROCK PLUS, VARIROCK, SONOROCK u MASTERROCK) ikkunsidrati waħedhom.

85      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-paragun fuq il-livell viżiv, għandu jiġi ppreċiżat li, fost it-trade marks preċedenti l-oħra, huma biss TOPROCK u FIXROCK li għandhom l-istess numru ta’ ittri bħal REDROCK. Madankollu, l-ewwel parti ta’ dawn it-trade marks, li l-pubbliku rilevanti normalment jagħtihom iktar attenzjoni skont il-ġurisprudenza (ara punt 54 iktar ’il fuq), huma kompletament differenti, peress li l-ebda waħda mill-ittri fl-elementi “top” u “fix” ma jikkorrispondu għall-element “red”. Fil-fatt, anki jekk it-trade marks preċedenti KLEMMROCK u SPEEDROCK fihom l-ittra “e”, għandu jitfakkar li l-bqija tal-ewwel parti tas-sinjali inkwistjoni hija kompletament differenti mill-ewwel parti tat-trade mark REDROCK u, barra minn hekk, l-imsemmija trade marks preċedenti fihom disa’ ittri, filwaqt li REDROCK fiha sebgħa biss. Għalhekk, fid-dawl ukoll tal-preżenza ta’ element figurattiv fit-trade mark REDROCK, it-trade marks TOPROCK, FIXROCK, SPEEDROCK u KLEMMROCK, minn naħa, u t-trade mark REDROCK, min-naħa l-oħra, għandhom, l-iktar l-iktar, xebh dgħajjef fuq il-pjan viżiv, minkejja l-element komuni “rock”. Dan japplika iktar u iktar għat-trade marks preċedenti l-oħra.

86      Sussegwentement, fir-rigward tal-paragun tal-livell fonetiku, għandu jingħad li hija biss is-sonorità tat-trade mark preċedenti KLEMMROCK li għandha ċertu xebh ma’ dik tat-trade marks REDROCK, minħabba l-preżenza tal-istess sekwenza ta’ vokali u tal-istess numru ta’ sillabi. Fi kwalunkwe każ, il-kombinazzjoni tal-konsonanti “k” u “l” fil-bidu tas-sinjal li testendi xi ftit il-pronunzja, u magħha hemm ukoll il-preżenza tad-doppja “m”, li tkompli tiddifferenzja l-pronunzja ta’ din it-trade mark minn dik ta’ REDROCK. Għalhekk, ix-xebh fonetiku bejn KLEMMROCK u REDROCK hija, l-iktar l-iktar, dgħajjef. Dan japplika iktar u iktar għat-trade marks preċedenti l-oħra.

87      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-paragun fuq il-livell kunċettwali, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ tal-parti l-kbira tat-trade marks preċedenti, it-terminu “rock” għandu l-istess sens bħal dak fil-każ tat-trade mark REDROCK. Madankollu, l-ewwel elementi “flexi”, “form”, “floor”, “terma”, “klima”, “speed”, “split”, “plana”, “top”, “klemm”, “fix”, “sono”, “vari” u “master” għandhom sens totalment differenti minn dak ta’ “red”, b’mod li, flimkien, ix-xebh fuq il-livell kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni jibqa’, l-iktar l-iktar, ta’ livell dgħajjef. F’dak li jirrigwarda t-trade mark “DUROCK”, l-istess konklużjoni tapplika jekk il-konsumatur Ġermaniż huwa preżunt li jidentifika l-element “dur” fis-sens li jirreferi għall-kunċetti ta’ durabbiltà jew ta’ solidità. Inkella, peress li l-pubbliku rilevanti ma huwiex mistenni jagħti kwalunkwe sens lill-element “du”, il-paragun kunċettwali jibqa’ newtrali.

88      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-livell ta’ attenzjoni partikolarment għoli tal-pubbliku rilevanti, id-differenzi li jisseparaw it-trade mark ikkontestata mit-trade marks preċedenti FLEXIROCK, FORMROCK, FLOOR-ROCK, TERMAROCK, KLIMAROCK, SPEEDROCK, DUROCK, SPLITROCK, PLANAROCK, TOPROCK, KLEMMROCK, FIXROCK, SONOROCK PLUS, VARIROCK, SONOROCK u MASTERROCK huma biżżejjed sabiex jeskludu kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni li allegatament tirriżulta mill-preżenza ta’ familja ta’ trade marks li għandhom inkomuni l-element “rock”

89      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni estiża mogħtija lil familja ta’ trade marks.

90      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade marks preċedenti KEPROCK, FLEXIROCK, FORMROCK, FLOOR-ROCK, TERMAROCK, KLIMAROCK, SPEEDROCK, DUROCK, SPLITROCK, PLANAROCK, TOPROCK, KLEMMROCK, FIXROCK, SONOROCK PLUS, VARIROCK, SONOROCK u MASTERROCK jikkostitwixxu familja ta’ trade marks. Skont din, il-konsumatur medju jaħseb li t-trade mark ikkontestata tappartjeni wkoll għal din is-serje u, għalhekk, li l-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata hija l-istess, li jikkostitwixxi riskju ta’ assoċjazzjoni.

91      Għandu jitfakkar li r-riskju ta’ assoċjazzjoni huwa każ speċifiku ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li t-trade marks inkwistjoni, għalkemm ma jistgħux jiġu konfużi direttament mill-pubbliku taħt mira, jistgħu jiġu pperċepiti bħala żewġ trade marks tal-istess proprjetarju [ara s-sentenza tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI – Kolene (NU-TRIDE), T‑224/01, Ġabra, EU:T:2003:107, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-kriterju, huwa neċessarju li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks li jkollhom karatteristiċi komuni li jippermettu li jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti mill-istess serje jew familja (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra, EU:C:2008:739, punt 101). Madankollu, l-fattur ta’ serje jew ta’ familja ta’ trade marks huwa rilevanti biss jekk l-element komuni jkun distintiv. Fil-fatt, jekk dan l-element ikun deskrittiv, ma jistax joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T‑117/02, Ġabra, EU:T:2004:208, punt 59].

92      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-protezzjoni usa’ mogħtija lil familja ta’ trade marks ma tistax utilment tiġi invokata meta l-element komuni tat-trade marks preċedenti jkun deskrittiv ħafna fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti. Fil-fatt, terminu li jirreferi għan-natura tal-imsemmija prodotti u tal-imsemmija servizzi ma jistax jikkostitwixxi l-parti komuni distintiva ta’ familja ta’ trade marks [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2012, Caixa Geral de Depósitos vs UASI – Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona (la Caixa), T‑255/09, EU:T:2012:383, punt 82].

93      Għandu jitfakkar li l-element “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 91 u 92 iktar ’il fuq, ma jistax ikun l-element komuni ta’ familja ta’ trade marks.

94      Fit-tieni lok, din il-konstatazzjoni hija msaħħa mid-digriet tat-30 ta’ Jannar 2014, Industrias Alen vs The Clorox Company (C‑422/12 P, Ġabra, EU:C:2014:57, punt 45), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks CLOROX u CLORALEX ma tirrikonoxxix lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti monopolju fuq l-element “clor”, deskrittiv ħafna tal-prodotti inkwistjoni, peress li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni twassal biss għall-protezzjoni ta’ ċerta kombinazzjoni ta’ elementi mingħajr madankollu ma tipproteġi, bħala tali, element deskrittiv li jagħmel parti minn din il-kombinazzjoni.

95      Issa, ir-rikonoxximent tal-familja ta’ trade marks bl-element serjali “rock” iwassal preċiżament għall-monopolizzazzjoni tal-element “rock”, li huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Il-protezzjoni amplifikata permezz tar-rikonoxximent tal-preżenza ta’ familja ta’ trade marks tfisser li, fil-prattika, l-ebda operatur ma jkun jista’ jirreġistra trade mark li tinkludi l-element “rock” u, skont il-każ, ikun jista’ jiġi rrifjutat l-użu ta’ dan l-element fis-slogans u fil-materjal pubbliċitarju tiegħu. Tali restrizzjoni tal-libertà ta’ kompetizzjoni, li tirriżulta mir-riżervazzjoni ta’ terminu bażiku tal-lingwa Ingliża għal operatur ekonomiku wieħed biss, ma tistax tkun iġġustifikata mill-interess li jiġi kkumpensat l-isforz ta’ kreazzjoni jew pubbliċitarju tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti. Fil-fatt, meta ma jkunx il-każ ta’ karattru distintiv miksub bl-użu, il-valur kummerċjali li jikkostitwixxi l-imsemmija riżervazzjoni ma huwiex ir-riżultat ta’ tali sforz tal-proprjetarju, iżda unikament dak tas-sens tal-kelma, predeterminat mil-lingwa inkwistjoni, li jirreferi għall-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

96      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma tistax utilment tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-27 ta’ April 2010, UniCredito Italiano vs UASI – Union Investment Privatfonds (UNIWEB) (T‑303/06 u T‑337/06, EU:T:2010:160). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat l-importanza tal-karattru distintiv tal-element serjali “uni” fir-rigward tas-servizzi koperti u qieset li dan il-karattru kien ta’ tali livell li l-element kien hu stess suxxettibbli li jwassal għal assoċjazzjoni diretta, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, għas-serje kkonċernata (sentenza UNIWEB, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2010:1601, punti 35, 38 u 39). Issa, tali livell ta’ karattru distintiv ma jeżistix f’dan il-każ.

97      Fil-fatt, l-element “uni” għandu, ċertament, tifsira għall-konsumatur medju Ġermaniż, iżda ma jistax jiġi relatat direttament mas-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari mal-fondi ta’ investiment, koperti mit-trade marks preċedenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza UNIWEB, punt 96 iktar ’il fuq (EU:T:2010:160). Min-naħa l-oħra, l-element “rock” invokat f’dan il-każ jirreferi għall-karatteristiċi tal-materjali u tas-servizzi ta’ kostruzzjoni koperti mit-trade marks preċedenti. B’hekk, peress li l-kuntest fattwali huwa differenti fuq punt kruċjali, is-soluzzjoni adottata fl-imsemmija sentenza ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża.

98      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, peress li l-element “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti, ma jistax jikkostitwixxi l-parti komuni ta’ familja ta’ trade marks.

99      Sussidjarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ressqitx prova tal-użu ġenwin ta’ numru biżżejjed ta’ trade marks li jistgħu jikkostitwixxu familja ta’ trade marks.

100    Skont il-ġurisprudenza, l-użu ġenwin ta’ trade mark jista’ jintwera permess ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq elementi konkreti u oġġettivi li jipprovaw użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat [sentenzi VITAKRAFT, punt 37 iktar ’il fuq, EU:T:2004:292, punt 28, u tat-30 ta’ Novembru 2009, Esber vs UASI – Coloris Global Coloring Concept (COLORIS), T‑353/07, EU:T:2009:475, punt 24].

101    Issa, f’dan il-każ, il-provi tal-użu ġenwin imressqa mir-rikorrenti quddiem l-UASI jikkonsistu f’dikjarazzjoni taħt ġurament u katalogi li juru l-prodotti koperti minn trade marks preċedenti.

102    Għalhekk, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti naqset milli tressaq provi indipendenti, bħal studji tas-suq, kontijiet jew data f’ċifri dwar il-pubbliċità li tista’ ssostni ċ-ċifri msemmija fid-dikjarazzjoni taħt ġurament. Barra minn hekk, il-katalogi juru biss l-eżistenza tat-trade marks preċedenti, mingħajr ma jindikaw il-kwantitajiet mqassma u l-perijodi li matulhom seħħet l-imsemmija distribuzzjoni.

103    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma ressqitx elementi konkreti u oġġettivi li jippermettu li jiġi stabbilit użu effettiv u suffiċjenti tat-trade marks preċedenti kollha, jew tal-inqas ta’ numru kbir biżżejjed minnhom li diġà jistgħu jiġu kkwalifikati bħala familja ta’ trade marks. Issa, tali prova hija meħtieġa mill-ġurisprudenza dwar il-familja ta’ trade marks [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T‑194/03, Ġabra, EU:T:2006:65, punti 126 u 127].

104    Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegata preżenza ta’ familja ta’ trade marks għandhom jiġu miċħuda.

105    Konsegwentement, il-motiv uniku tar-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-rikors tagħha, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.