Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Düsseldorf - il-Ġermanja) – Fashion ID GmbH & Co.KG vs Verbraucherzentrale NRW eV

(Kawża C-40/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE –Artikolu 2(d) – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Amministratur ta’ sit internet li inkorpora plug in soċjali fih li jippermetti l-komunikazzjoni ta’ data ta’ natura personali ta’ min jaċċedi dan is-sit lill-fornitur tal-imsemmi plug in – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-amministratur tas-sit internet jew ta’ dak tal-fornitur tal-plug in soċjali – Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) – Kunsens tas-suġġett tad-data – Artikolu 10 – Informazzjoni tas-suġġett tad-data – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Fashion ID GmbH & Co.KG

Konvenuta: Verbraucherzentrale NRW eV

fil-preżenza ta’: Facebook Ireland Ltd, Landesbeauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit Nordrhein-Westfalen

Dispożittiv

L-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

L-amministratur ta’ sit internet, bħal Fashion ID GmbH & Co. KG, li jinkorpora plug-in soċjali fl-imsemmi sit li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut mill-fornitur tal-imsemmi plug-in u jittrażmetti b’dan il-mod u lil dan il-fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, jista’ jitqies bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46. Madankollu din ir-responsabbiltà hija limitata għall-operazzjoni jew għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi, jiġifieri l-ġbir u l-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data inkwistjoni.

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plug-in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug-in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, huwa neċessarju li kemm dan l-amministratur kif ukoll dan il-fornitur ikollhom, għat-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, interess leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, sabiex l-aġir tagħhom ikun iġġustifikat.

L-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plug-in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug-in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, il-kunsens imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jinġabar minn dan l-amministratur biss fir-rigward tal-operazzjoni jew tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha l-imsemmi amministratur jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni jistrieħ ukoll fuq l-imsemmi amministratur, fejn madankollu l-informazzjoni li dan tal-aħħar għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data għandha tirrigwarda biss l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi.

____________

1     ĠU C 112, 10.4.2017