Language of document : ECLI:EU:C:2024:393

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Agrikoltura – Definizzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni, ittikkettjar u protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzati – Regolament (UE) Nru 251/2014– Artikolu 3(4) – Cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid – Definizzjoni – Kunċetti ta’ ‘alkoħol’ u ta’ ‘oġġett tal-ikel li jagħti t-togħma’”

Fil-Kawża C‑216/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ April 2023, fil-proċedura

Hauser Weinimport GmbH

vs

Freistaat Bayern

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Hauser Weinimport GmbH, minn A. Reinhart, Rechtsanwalt,

–        għal Freistaat Bayern, minn C. Diroll u J. Vogel, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u B. Rechena, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4)(c) u tal-punt 1(b)(ii) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU 2014, L 84, p. 14, rettifiki fil-ĠU 2014, L 105, p. 12 u fil-ĠU 2020, L 182, p. 11), kif emendat bir-Regolamenti (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 (ĠU 2021, L 435, p. 262, rettifiki fil-ĠU 2023, L 192, p. 34 u fil-ĠU 2023, L 200, p. 53 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 251/2014”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hauser Weinimport GmbH u l-Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ xarba, ikkostitwita essenzjalment minn taħlita ta’ nbid u ta’ birra, indikata bħala “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, fis-sens tar-Regolament Nru 251/2014.

 Il-kuntest ġuridiku

 IrRegolament Nru 251/2014.

3        Il-premessi 4, 7, 18 u 11 tar-Regolament Nru 251/2014 huma fformulati kif ġej:

“1.      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 [tal‑10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti ta’ l-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 286)] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 122/94 [tal‑25 ta’ Jannar 1994 li jipprovdi ċerti regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 dwar id-definizzjoni, deskrizzjoni u preżentazzjoni ta' nbejjed aromatizzati, xorb bil-bażi ta’ nbid aromatizzat, u cocktails prodotti minn inbid aromatizzat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 7)] urew l-effikaċja tagħhom li jirregolaw is-settur tal-inbejjed aromatizzati, ix-xorb aromatizzat ibbażat fuq l-inbid u l-cocktails aromatizzati magħmula minn prodotti tal-inbid ([iktar ’il quddiem] “prodotti tal-inbid aromatizzat[i]”). Madankollu, fid-dawl tal-innovazzjoni teknoloġika, l-iżviluppi tas-suq u l-aspettattivi li dejjem jevolvu tal-konsumaturi, huwa neċessarju li jiġu aġġornati r-regoli applikabbli għad-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ ċerti prodotti tal-inbid aromatizzat[i], filwaqt li jiġu kkunsidrati metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali.

[...]

(4)      Il-prodotti tal-inbid aromatizzat aromatizzat[i], huma importanti għall-konsumaturi, il-produtturi u s-settur agrikolu fl-Unjoni [Ewropea]. Il-miżuri applikabbli għall-prodotti tal-inbid aromatizzat[i], għandhom jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa u l-ilħuq ta’ trasparenza tas-suq u kompetizzjoni ġusta. Permezz ta’ dan, il-miżuri għandhom jissalvagwardaw ir-reputazzjoni li l-prodotti tal-inbid aromatizzat[i], tal-Unjoni kisbu fis-suq intern u fuq is-suq dinji billi tibqa’ tingħata kunsiderazzjoni għall-prattiki tradizzjonali użati fil-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat[i], kif ukoll żieda fid-domanda għall-protezzjoni u l-informazzjoni għall-konsumatur. L-innovazzjoni teknoloġika għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll fir-rigward tal-prodotti li għalihom tali innovazzjoni sservi biex ittejjeb il-kwalità, mingħajr ma taffettwa l-karattru tradizzjonali tal-prodotti tal-inbid aromatizzat[i], konċernati.

[...]

(7)      Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u t-trasparenza fil-liġi tal-Unjoni li tirregola l-prodotti tal-inbid aromatizza[i], huwa neċessarju li jiġu definiti b’mod ċar il-prodotti koperti minn dik il-liġi, il-kriterji għall-produzzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tal-prodotti tal-inbid aromatizzat[i], u b’mod partikolari, id-denominazzjoni tal-bejgħ. [...]

[...]

(9)      Il-prodotti tal-inbid aromatizzat għandhom ikunu prodotti skont ċerti regoli u restrizzjonijiet, li jiggarantixxu li l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-kwalità u l-metodi ta’ produzzjoni jintlaħqu. Sabiex jintlaħqu l-istandards internazzjonali f’dan il-qasam, il-metodi ta’ produzzjoni għandhom jiġu stabbiliti u l-Kummissjoni [Ewropea] għandha bħala regola ġenerali tqis l-istandards rakkomandati u ppubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV).

[...]

(11)      Barra minn hekk, l-etanol użat għall-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat[i], għandu jkun esklussivament ta’ oriġini agrikola, sabiex jiġu sodisfatti l-aspettattivi tal-konsumaturi u jkun hemm konformità mal-prattiki ta’ kwalità tradizzjonali. Dan jiżgura wkoll żbokk għall-prodotti agrikoli bażiċi.” 

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 251/2014 jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat[i].

[...]

3.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti kollha tal-inbid aromatizzati fuq is-suq fl-Unjoni irrispettivament minn jekk ikunux prodotti fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi, kif ukoll għal dawk prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni.” 

5        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjoni, deskrizzjoni preżentazzjoni u tikkettar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzati”,

“1.      Prodotti tal-inbid aromatizzati huma prodotti miksubin minn prodotti tas-settur tal-inbid kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671),] li ngħataw togħma. Dawn huma klassifikati fil-kategoriji li ġejjin:

(a)      inbejjed aromatizzati,

(b)      xorb aromatizzat ibbażat fuq l-inbid,

(ċ)      cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid.

2.      Inbid aromatizzat huwa xarba:

(a)      miksuba minn prodott tad-dielja wieħed jew aktar definit/i fil-punt 5 tal-Parti IV tal-Anness II u fil-punti 1 u 3 sa 9 tal-Parti II tal-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni tal-inbid ‘Retsina’;

(b)      li fiha l-prodotti tad-dielja msemmijin fil-punt (a) jirrappreżentaw mill-inqas 75 % tal-volum totali;

(c)      li magħha seta’ ġie miżjud l-alkoħol;

(d)      li magħha setgħu ġew miżjuda l-kuluri;

(e)      li magħha seta’ ġie miżjud il-most tal-għeneb, il-most tal-għeneb parzjalment iffermentat jew it-tnejn li huma;

(f)      li jista’ jkun ingħatat il-ħlewwa;

(g)      li għandha qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 14,5 % vol. u inqas minn 22 % vol. u qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’mhux inqas minn 17,5 % vol.

3.      Xorb b’bażi ta’ nbid aromatizzat huwa xarba:

(a)      miksuba minn prodott tad-dielja wieħed jew iżjed definit fil-punti 1, 2 u 4 sa 9 tal-Parti II tal-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni ta’ nbejjed prodotti biż-żieda tal-alkoħol u l-inbid ‘Retsina’;

(b)      li fiha l-prodotti tad-dielja msemmija fil-punt (a) jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tal-volum totali;

(c)      li magħha ma ġiex miżjud l-alkoħol, ħlief fil-każijiet fejn l-Anness II jipprevedi mod ieħor;

(d)      li magħha setgħu ġew miżjuda l-kuluri;

(e)      li magħha seta’ ġie miżjud il-most tal-għeneb, il-most tal-għeneb parzjalment iffermentat jew it-tnejn li huma;

(f)      li jista’ jkun ingħatat il-ħlewwa;

(g)      li għandha qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 4,5 % vol. u inqas minn 14,5 % vol.

4.      Cocktail aromatizzat magħmul minn prodotti tal-inbid huwa xarba:

(a)      miksuba minn prodott tad-dielja wieħed jew aktar kif definit fil-punti 1, 2 u 4 sa 11 tal-Parti II tal-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni ta’ nbejjed prodotti biż-żieda tal-alkoħol u l-inbid ‘Retsina’;

(b)      li fiha l-prodotti tad-dielja msemmija fil-punt (a) jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tal-volum totali;

(c)      li magħha ma ġiex miżjud l-alkoħol, ħlief fil-każijiet fejn l-Anness II jipprevedi mod ieħor;

(d)      li magħha setgħu ġew miżjuda l-kuluri;

(e)      li jista’ jkun ingħatat il-ħlewwa;

(f)      li għandha qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ aktar minn 1,2 % vol. u inqas minn 10 % vol..”

6        L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 251/2014 jistipula:

“Il-prodotti tal-inbid aromatizzati għandhom ikunu prodotti skont ir-rekwiżiti, ir-restrizzjonijiet u d-deskrizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II.” 

7        L-Anness I ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet, rekwiżiti u restrizzjonijiet tekniċi”, jipprevedi:

“1.      Għoti ta’ togħma

[...]

(b)      Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-għoti tat-togħma ta’ xorb aromatizzat ibbażat fuq l-inbid u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid:

[...]

ii)      ħxejjex aromatiċi u/jew ħwawar u/jew oġġetti tal-ikel li jagħtu t-togħma.

Iż-żieda ta’ sustanzi bħal dawn tagħti lill-prodott finali karatteristiċi organolettiċi minbarra dawk tal-inbid;

[...]

3.      Żieda ta’ alkoħol

Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-preparazzjoni ta’ ċerti nbejjed aromatizzati u, ċertu xorb aromatizzat ibbażat fuq l-inbid:

a)      etanol ta’ oriġini agrikola, kif definit fl-Anness I, punt 1, għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta‘ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16)], inkluż dak li joriġina mill-vitikultura;

(b)      alkoħol etiliku jew alkoħol tal-għeneb imnixxef;

(c)      distillat tal-inbid jew distillat tal-għeneb imnixxef;

(d)      distillat ta’ oriġini agrikola, kif definit fl-Anness I, punt 2, għar-Regolament (KE) Nru 110/2008;

(e)      spirtu mill-inbid, kif definit fl-Anness II, punt 4, għar-Regolament (KE) Nru 110/2008;

(f)      spirtu mill-karfa tal-għeneb magħsur, kif definit fl-Anness II, punt 6, għar-Regolament (KE) Nru 110/2008;

(g)      xorb spirituż distillat minn għeneb imnixxef iffermentat.

L-etanol użat biex jiddilwa jew idewweb is-sustanzi koloranti, is-sustanzi li jagħtu t-togħma, jew kwalunkwe addittiv awtorizzat ieħor fil-preparazzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzati għandu jkun ta’ oriġini agrikola u għandu jintuża fid-doża strettament neċessarja u mhuwiex ikkunsidrat bħala żieda ta’ alkoħol għall-produzzjoni ta’ prodott tal-inbid aromatizzat.

[...]

5.      Żieda ta’ ilma

Għall-preparazzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzati, iż-żieda tal-ilma hija awtorizzata sakemm tintuża fid-doża neċessarja:

–        għall-preparazzjoni tal-essenza li tagħti t-togħma,

–        biex iddewweb is-sustanzi koloranti u li jagħtu l-ħlewwa,

–        biex taġġusta l-kompożizzjoni finali tal-prodott.

[...]” 

 Ilfatti li wasslu għallkawża prinċipali u ddomandi preliminari

8        Hauser Weinport tipproduċi u tikkummerċjalizza xarba magħmula minn taħlita abbażi ta’ alkoħol u komposta minn 55 % minn inbid u 10 % minn birra. Din ix-xarba għandha qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ 5.5 % u hija aromatizzata bi fjura tas-sebuqa. Din tqiegħdet fis-suq bħala “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”.

9        Il-Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) ikkontesta dan l-isem minħabba li l-birra preżenti fl-imsemmija xarba tikkostitwixxi “alkoħol”, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament Nru 251/2014, li huwa pprojbit li ma’ kull xarba deskritta bħala “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”. Konsegwentement, il-Land ta’ Bayern ipprojbixxa lil Hauser Weinimport milli tikkummerċjalizza l-istess xarba taħt dan l-isem.

10      Skont din tal-aħħar, huma biss il-prodotti elenkati fil-punt 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 251/2014 li għandhom jitqiesu bħala “alkoħol”, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(c) ta’ dan ir-regolament, peress li ż-żieda tal-alkoħol, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, għandha twassal għal żieda u mhux għal tnaqqis tal-qawwa alkoħolika. Issa, f’dan il-każ, iż-żieda ta’ kwantità żgħira ta’ birra, li tikkorrispondi għal 10 % tax-xarba inkwistjoni u li l-qawwa alkoħolika tagħha hija dgħajfa, ma żżidx dik ta’ din ix-xarba. Fi kwalunkwe każ, il-birra hija oġġett tal-ikel li jagħti t-togħma, fis-sens tal-punt 1(b)(ii) tal-Anness I tal-istess regolament, li ż-żieda tiegħu hija awtorizzata.

11      Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2020, il-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Bayern, Augsburg, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ta’ Hauser Weinimport minħabba li ebda alkoħol, minbarra prodott tad-dielja, ma jista’ jiġi miżjud ma’ xarba li għandha d-denominazzjoni “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”.

12      Adita bl-appell minn din is-sentenza, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 251/2014. Minkejja li din il-qorti hija inklinata li tilqa’ l-appell billi tilqa’ l-argument ta’ Hauser Weinimport, miġbur fil-qosor fil-punt10 ta’ din is-sentenza, hija tammetti li ma hijiex f’pożizzjoni li tislet l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fuqha tiddependi s-soluzzjoni tat-tilwima li tressqet quddiemha b’ċertezza suffiċjenti.

13      Huwa f’dan il-kuntest li l-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1) L-Artikolu 3(4)(c) tar-[Regolament Nru 251/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘alkoħol’ jinkludi wkoll xarba li fiha l-alkoħol u li ma hijiex prodott tad-dielja fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) ta’ dan ir-regolament?

(2) Il-kelma ‘miżjud’ fis-sens tal-Artikolu 3(4)(c) tar-[Regolament Nru 251/2014] tfisser li l-kontenut alkoħoliku tal-prodott finali għandu jkun żdied meta mqabbel ma’ dak tal-prodott tad-dielja użat skont l-Artikolu 3(4)(a) [tar-Regolament [Nru 251/2014]?

(c)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 251/2014] moqrija flimkien mal-Anness I(1)(b)(ii) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-terminu ‘oġġetti tal-ikel li jagħtu t-togħma’ jinkludi xarba bl-alkoħol fis-sens tal-ewwel domanda?”  

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel u ttieni domanda

14      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament Nru 251/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “alkoħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li ma jistax jiżdied ma’ xarba li għandha d-denominazzjoni “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, jinkludi xarba alkoħolika li, bħall-birra, ma hijiex prodott tad-dielja, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a), dan ir-regolament, iżda li ż-żieda tagħha għandha madankollu twassal sabiex tiżdied il-qawwa alkoħolika ta’ tali cocktail meta mqabbel ma’ dak tal-prodott jew prodotti tad-dielja msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni.

15      Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1(1) u (3) tiegħu, ir-Regolament Nru 251/2014 jistabbilixxi r-regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tal-“prodotti tal-inbid aromatizzati” u japplika għal dawn il-prodotti kollha mqiegħda fis-suq fl-Unjoni. Dawn ir-regoli, kif jenfasizzaw il-premessi 4 u 9 ta’ dan ir-regolament, għandhom jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, għall-prevenzjoni ta’ prattiki ta’ natura li jqarrqu bihom u sabiex jiggarantixxu li l-aspettattivi tal-konsumaturi jiġu ssodisfatti fir-rigward tal-kwalità u tal-metodi ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-premessa 7 tal-imsemmi regolament, iċ-ċarezza u t-trasparenza jrendu neċessarji definizzjoni ċara tal-prodotti tal-inbid aromatizzati, tal-kriterji marbuta mal-produzzjoni, mad-deskrizzjoni, mal-preżentazzjoni u mat-tikkettar ta’ dawn. il-prodotti, b’mod partikolari, mad-denominazzjoni tal-bejgħ tagħhom.

16      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 251/2014, intitolat “Definizzjoni u klassifikazzjoni ta’ prodotti tal-inbid aromatizzati”, jiġbor dawn il-prodotti, li joriġinaw mis-settur tal-inbid, fi tliet kategoriji, jiġifieri, taħt il-punt (a), l-“inbejjed aromatizzati”, taħt il-punt (b), ix-“ xorb aromatizzat ibbażat fuq l-inbid” u, taħt il-punt(c), “cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid”.

17      L-Artikolu 3(2) sa (4) tar-Regolament Nru  251/2014 jelenka l-karatteristiċi li x-xorb li jaqa’ taħt kull waħda minn dawn il-kategoriji għandu jissodisfa.

18      B’hekk, skont l-Artikolu 3(2)(a) sa (c) ta’ dan ir-regolament, “inbid aromatizzat” għandu jinkiseb minn wieħed jew iktar mill-prodotti tad-dielja, kif imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li jirrappreżentaw mill-inqas 75 % tal-volum totali ta’ din ix-xarba u “li magħha seta’ ġie miżjud l-alkoħol”.

19      Skont l-Artikolu 3(3) (a) sa (c) tal-imsemmi regolament, “xorb b’bażi ta’ nbid” għandu jinkiseb minn wieħed jew iktar mill-prodotti tad-dielja, kif imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li jammontaw għal mill-inqas 50 % tal-volum totali ta’ din ix-xarba u “li magħha ma ġiex miżjud l-alkoħol, ħlief fil-każijiet fejn l-Anness II jipprevedi mod ieħor”.

20      Fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 251/2014 jipprevedi li tali cocktail għandu jinkiseb minn prodott wieħed jew iktar tad-dielja, kif imsemmi fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tal-volum totali ta’ din ix-xarba li, skont il-punt (c) tal-imsemmija dispożizzjoni, “magħha ma ġiex miżjud l-alkoħol”. Il-punt (f) ta’ din l-istess dispożizzjoni jispeċifika li l-qawwa alkoħolika attwali skont il-volum hija ta’ iktar minn 1.2 % vol. u inqas minn 10 % vol.

21      Minn dan isegwi li “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid” jista’ jkun validament kompost minn inbid, iżda ma jistax jinkludi, ħlief fir-rigward tal-prodotti tad-dielja msemmija fl-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament Nru 251/2014, “alkoħol miżjud”.

22      Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 251/2014 ma jinkludix definizzjoni tal-espressjoni “ġie miżjud l-alkoħol”.

23      Huwa minnu li, kif tindika Hauser Weinimport, l-Anness I tar-Regolament Nru 251/2014 jelenka, fil-punt 3 tiegħu, intitolat “Żieda ta’ alkoħol”, seba’ prodotti awtorizzati “għall-preparazzjoni ta’ ċerti nbejjed aromatizzati u, ċertu xorb aromatizzat ibbażat fuq l-inbid” li fosthom ma hemmx il-birra.

24      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tistax tfisser li l-kunċett ta’ “alkoħol”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludi biss is-seba’ prodotti elenkati fil-punt 3 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, u li, konsegwentement, il-kategorija tax-xorb li għandu d-denominazzjoni ta’ “cocktail aromatizzati magħmul mill-prodotti tal-inbid” tista’ tkun parzjalment komposta minn xorb alkoħoliku li ma huwiex inkluż fih, bħalma huwa l-każ tal-birra.

25      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, il-punt 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 251/2014 sempliċement jawtorizza lista eżawrjenti ta’ seba’ tipi ta’ alkoħol, jiġifieri l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, inkluż ta’ oriġini minn vitikultura, l-alkoħol tal-inbid jew tal-għeneb imnixxef, id-distillat tal-inbid jew tal-għeneb imnixxef, id-distillat ta’ oriġini agrikola, l-ispirtu mill-inbid jew mill-karfa tal-għeneb magħsur u x-xorb spirituż distillat minn għeneb imnixxef iffermentat, sabiex dawn il-prodotti jiġu inklużi fil-preparazzjoni ta’ ċerti “nbejjed aromatizzati” jew ta’ ċerti “ xorb aromatizzat ibbażat fuq l-inbid”, li ma jinkludix il-kategorija ta’ “cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid”, imsemmija fl-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament.

26      Għaldaqstant, mhux biss l-alkoħol elenkat fil-punt 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 251/2014 ma jistax jiżdied ma’ xarba li taqa’ taħt il-kategorija ta’ “cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid”, iżda din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tawtorizza impliċitament, għal din l-istess kategorija, iż-żieda ta’ alkoħol, minbarra prodott tad-dielja msemmi fl-Artikolu 3(4)(a) ta’ dan ir-regolament, li ma jinsabx fil-lista eżawrjenti stabbilita minnha.

27      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-iskop imfittex mir-Regolament Nru 251/2014, li huwa li jiġu ddefiniti, b’mod uniformi, il-prodotti tal-inbid aromatizzat kollha mqiegħda fis-suq fl-Unjoni, bl-għan li jiġi żgurat li l-aspettattivi tal-konsumaturi jiġu ssodisfatti, billi jiġu evitati l-prattiki ta’ natura li jqarrqu bihom.

28      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament difiża minn Hauser Weinimport twassal għas-sitwazzjoni paradossali, kuntrarja għall-iskop iċċitat iktar ’il fuq tal-imsemmi regolament, li x-xorb alkoħoliku, bħall-whisky, il-vodka jew il-birra, li ż-żieda tagħhom hija eskluża għall-kategoriji ta’ “nbejjed aromatizzati” u ta’ “xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat”, jistgħu jiġu impliċitament awtorizzati għall-“cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid”. B’mod partikolari, tali sitwazzjoni tkun manifestament ta’ natura li tqarraq bil-konsumaturi dwar id-definizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-denominazzjoni ta’ “cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid”, minkejja li skont l-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament Nru 251/2014 “ma [jistax jiżdied] l-alkoħol” fix-xorb li jaqa’ taħt din id-denominazzjoni.

29      Barra minn hekk, l-argument ta’ Hauser Weinimport li jgħid li l-kriterju tal-qawwa alkoħolika miksuba minn tali cocktail wara ż-żieda ta’ alkoħol, għandu jiġi kkunsidrat bħala parametru sabiex jiġi ddeterminat jekk jew le jekk “ġiex miżjud l-alkoħol” jaffaċċjax l-istess problemi.

30      Fil-fatt, jekk tiġi aċċettata r-rilevanza ta’ tali kriterju, dan iwassal sabiex l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 251/2014 fl-Unjoni tvarja skont elementi ċirkustanzjali, jiġifieri l-qawwa alkoħolika tal-alkoħol li tkun inkluża fix-xarba li taqa’ taħt id-denominazzjoni ta’ “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid” kif ukoll il-parti li dan l-alkoħol jirrappreżenta fiha. Minn dan tirriżulta inċertezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-isem kif ukoll riskju li l-konsumaturi jistgħu jiżbaljaw dwar l-użu tiegħu.

31      Barra minn hekk, lanqas ma tista’ tiġi aċċettata l-interpretazzjoni sostnuta minn Hauser Weinimport li l-użu tat-terminu “żieda” fil-punt 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 251/2014 għandu biss ifisser żieda fil-qawwa alkoħolika tal-prodott finali, f’dan il-każ cocktail, li teskludi ż-żieda ta’ kwantità żgħira ta’ birra, b’qawwa alkoħolika baxxa. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punt 5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 251/2014, dan l-istess terminu jintuża fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ “żieda tal-ilma” fil-prodotti tal-inbid aromatizzat kollha, filwaqt li huwa paċifiku li tali żieda tnaqqas il-qawwa alkoħolika tal-prodott finali.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament Nru 251/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “alkoħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li ma jistax jiżdied ma’ xarba li għandha d-denominazzjoni “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, jinkludi xarba alkoħolika li, bħall-birra, ma hijiex prodott tad-dielja, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) ta’ dan ir-regolament, indipendentement mill-fatt li ż-żieda ta’ tali xarba alkoħolika ma twassalx għal żieda fil-qawwa alkoħolika ta’ tali cocktail meta mqabbla ma’ dik tal-prodott jew prodotti tad-dielja msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni.

 Fuq ittielet domanda

33      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament Nru 251/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li l-alkoħol jiżdied ma’ “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, li din id-dispożizzjoni tipprevedi, tipprekludi li xarba alkoħolika, bħall-birra, ma hijiex waħda mill-prodotti tad-dwieli msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tiġi inkorporata f’tali cocktail, bħala “oġġett tal-ikel li jagħti t-togħma”, fis-sens tal-punt 1(b)(ii) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

34      Għandu jiġi enfasizzat li l-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 251/2014 jelenka l-ingredjenti li huma awtorizzati għall-“aromatizzazzjoni” tat-tliet kategoriji ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. Fost dawn l-ingredjenti hemm, għal kull waħda minn dawn il-kategoriji, konformement mal-punt1(a) u (b) tal-Anness I tal-imsemmi regolament, “ħxejjex aromatiċi u/jew ħwawar u/jew oġġetti tal-ikel li jagħtu t-togħma”.

35      Peress li r-Regolament Nru 251/2014 ma jipprovdi ebda definizzjoni ta’ “oġġetti tal-ikel li jagħtu t-togħma”, ma jistax jiġi eskluż, kif tammetti l-Kummissjoni, li xarba alkoħolika tista’ tikkostitwixxi oġġett tal-ikel li jagħti t-togħma.

36      Madankollu, ikun kuntrarju għall-kliem, għall-istruttura u għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament Nru 251/2014 li ż-żieda ta’ xarba alkoħolika, bħall-birra, ma’ “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, li hija pprojbita skont l-Artikolu 3(4)(c) ta’ dan ir-regolament, tista’, b’mod definittiv, tiġi awtorizzata, skont il-punt 1(b)(ii) tal-Anness I tal-imsemmi regolament, minħabba li tali xarba alkoħolika tista’ tikkostitwixxi oġġett tal-ikel li jagħti t-togħma.

37      Interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 251/2014 iċċaħħad il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(4)(c) tiegħu minn kull effett utli u tippreġudika l-għan li għandu jintlaħaq minn dan ir-regolament, kif imfakkar fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat lill-konsumaturi livell għoli ta’ protezzjoni, b’mod partikolari, permezz ta’ informazzjoni xierqa u permezz tal-prevenzjoni ta’ prattiki ta’ natura li jqarrqu bihom.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament Nru 251/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li l-alkoħol jiżdied ma’ “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, prevista f’din id-dispożizzjoni, tipprekludi li xarba alkoħolika li, bħall-birra, ma hijiex waħda mill-prodotti tad-dielja msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tiġi inkorporata f’tali cocktail, bħala “oġġett tal-ikel li jagħti t-togħma”, fis-sens tal-punt 1(b)(ii) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

 Fuq lispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat2 ta’ Diċembru 2021

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-kunċett ta’ “alkoħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li ma jistax jiżdied ma’ xarba li għandha d-denominazzjoni “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, jinkludi xarba alkoħolika li, bħall-birra, ma hijiex prodott tad-dielja, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) ta’ dan ir-regolament, indipendentement mill-fatt li ż-żieda ta’ tali xarba alkoħolika ma twassalx għal żieda fil-qawwa alkoħolika ta’ tali cocktail meta mqabbla ma’ dik tal-prodott jew prodotti tad-dielja użati msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament Nru 251/2014, kif emendat bir-Regolament Delegat 2021/2117,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-projbizzjoni li l-alkoħol jiżdied ma’ “cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid”, li din id-dispożizzjoni tipprevedi, tipprekludi li xarba alkoħolika li, bħall-birra, ma hijiex waħda mill-prodotti tad-dielja msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tiġi inkorporata f’tali cocktail, bħala “oġġett tal-ikel li jagħti t-togħma”, fis-sens tal-punt 1(b)(ii) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.