Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Settembru 2009 - E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-360/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: E.ON Ruhrgas AG (Essen, Il-Ġermanja) u E.ON AG (Düsseldorf, Il-Ġermanja) (rappreżentanti: G. Wiedemann u T. Klose, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara d-deċiżjoni kkontestata nulla u bla effett;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod adegwat l-ammont tal-multa li d-deċiżjoni kkontestata imponiet fuq ir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 5355 finali, tat-8 ta' Lulju 2009 fil-Każ COMP/39.401 - E.ON/GDF. Id-deċiżjoni kkontestata timponi multa fuq ir-rikorrenti u fuq impriża oħra minħabba ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għaliex huma kienu pparteċipaw f'akkordju u fi prattiċi miftiehma fis-settur tal-gass.

Ir-rikorrenti jsostnu sitt motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu illi l-Artikolu 81(1) mhuwiex applikabbli għaliex l-akkordji kkontestati mill-Kummissjoni ma jiksrux il-projbizzjoni tal-akkordji. F'dan ir-rigward huma jsostnu, b'mod partikolari, illi dawn huma restrizzjonijiet aċċessorji legali għall-ħolqien tal-joint venture MEGAL.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu, sussidjarjament, illi l-evalwazzjoni taż-żmien li matulu dam għaddej il-ksur magħmula mill-Kummisssjoni hija vvizzjata minn żball ta' liġi. F'dan ir-rigward, huma jsostnu illi l-akkordji kkontestati kienu ġew fi tmiemhom ftit wara li s-suq ġie lliberalizzat u, f'kull każ, permezz tal-ftehim formali ta' annullament tat-13 ta' Awwissu 2004.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu illi saret diskriminazzjoni kontrihom meta mqabbla mad-destinatarji tad-deċiżjoni parallela tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2004 fil-Każijiet GDF/ENI u GDF/Enel. F'dan ir-rigward, huma jsostnu illi, f'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni ma imponietx multi billi invokat il-liberalizzazzjoni u li l-Kummissjoni kellha tapplika l-istess raġunament għal dan il-każ peress illi l-parametri kollha essenzjali tal-każijiet inkwistjoni huma paragunabbli, jekk mhux identiċi.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti jsostnu illi l-allegati akkordji tal-1975 ilhom preskritti għaliex huma ġew fi tmiemhom iktar minn ħames snin qabel mal-Kummissjoni fetħet l-investigazzjoni.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu illi l-kalkolu tal-multa huwa żbaljat.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu illi l-Kummissjoni kisret il-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għaliex E.ON AG ma tistax tinżamm direttament jew indirettament responsabbli għall-ksur allegatament imwettaq minn E.ON Ruhrgas AG.

____________