Language of document : ECLI:EU:C:2007:438

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Lulju 2007 (*)

“Ħaddiem fuq il-fruntiera – Regolament (KEE) Nru 1612/68 – Allowance għat-tfal – Għoti rrifjutat – Vantaġġ soċjali – Kundizzjoni ta’ residenza”

Fil-kawża C-213/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundessozialgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Frar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2005, fil-proċedura

Wendy Geven

vs

Land Nordrhein-Westfalen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, P. Kūris u E. Juhász, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann (Relatur), J. Makarczyk, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal W. Geven, minn M. Eppelein, Assessor,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn E. Sharpston, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn W. Geven kontra l-Land Nordrhein-Westfalen rigward ir-rifjut, minn dan ta’ l-aħħar, li jagħtiha allowance għat-tifel tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artkolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa' mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar l-għoti ta’ l-allowance u tal-leave ta’ ġenitur (Bundeserziehungsgeldgestez, iktar ’il quddiem il-“BErzGG”), fil-verżjoni tagħha li kienet applikabbli fiż-żmien tal-fatti prinċipali, kienet tipprovdi li, sabiex titlob allowance għat-tfal, kull persuna għandha jkollha r-residenza permanenti jew ordinarja tagħha fil-Ġermanja, għandha tieħu ħsieb tifel/tifla dipendenti, għandha tassigura l-ħarsien u l-edukazzjoni tat-tifel/tifla u ma tistax teżerċita attività professjonali jew ma tistax teżerċita din l-attività full time.

5        Barra minn hekk, skond l-Artikolu 1(4) tal-BErzGG, fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti prinċipali, iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropew u l-ħaddiema fuq il-fruntiera li jkunu ġejjin minn pajjiż li għandu fruntiera komuni mal-Ġermanja għandhom id-dritt għal allowance għat-tfal sakemm huma jeżerċitaw, f’dan l-Istat Membru, attività professjonali li taqbeż il-livell minimu ta’ xogħol.

6        Skond l-Artikolu 8(1)(1) tal-ktieb IV tad-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch IV) fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti prinċipali (BGB1., p. 1229), attività kienet ikkunsidrata bħala minuri meta t-tul ta’ żmien tagħha kien inqas minn 15-il siegħa fil-ġimgħa u meta r-remunerazzjoni mensili ma teċċedix parti waħda minn sebgħa tas-somma mensili skond l-Artikolu 18 ta’ dan il-ktieb IV, jiġifieri DEM 610 fl-1997 u DEM 620 fl-1998.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        W. Geven hija ċittadina Olandiża. Mat-twelid ta’ binha, fix-xahar ta’ Diċembru 1997, hija kienet tirrisjedi fl-Olanda flimkien mar-raġel tagħha li kien jeżerċita attività professjonali f’dan l-Istat Membru. Wara l-perijodu ta’ leave tal-maternità, matul l-ewwel sena ta’ ħajja tat-tifel tagħha, ir-rikorrenti ħadmet fil-Ġermanja fejn il-ġimgħa ta’ xogħol tagħha kienet tvarja bejn 3 u 14-siegħa u kienet tirċievi remunerazzjoni fil-ġimgħa bejn DEM 40 u DEM 168.87.

8        It-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb allowance għat-tfal għall-ewwel sena ta’ ħajja tat-tifel tagħha ġiet irrifjutata mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, b’deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 1998, fil-verżjoni tad-deċiżjoni mogħija b’deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2000. Din ta’ l-aħħar immotivat id-deċizjoni tagħha bil-fatt li W. Geven la kellha r-residenza permanenti jew ordinarja tagħha fil-Ġermanja, u li hija ma kinitx marbuta minn kuntratt ta’ xogħol li jipprovdi ta’ l-anqas 15-il siegħa xogħol fil-ġimgħa. Minbarra dan, bħala persuna li teżerċita attività minuri, hija mhijiex ikkunsidrata bħala “ħaddiema” skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, 1) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/97 tas-27 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 176, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

9        Fir-rigward tar-rikorsi magħmula kontra din id-deċiżjoni, W. Geven tilfet fl-ewwel istanza u fl-appell rispettivament permezz tad-deċiżjonijiet tas-Sozialgericht Münster tas-6 ta’ Mejju 2002 u tal-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen ta’ l-24 ta’ Ottubru 2003. B’hekk ir-rikorrenti ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju talba għar-“Reviżjoni”.

10      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Budessozialgericht iddeċidiet li tissospondi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizza s-segwenti domanda preliminari:

“Jirriżulta mid-dritt Komunitarju (b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1612/68 […]) li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax teskludi l-għoti ta’ allowance għat-tfal Ġermaniża lil ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, residenti f’dan l-istat, li jkollha impjieg minuri fil-Ġermanja (bejn 3 u 14-il siegħa fil-ġimgħa), minħabba li din ta’ l-aħħar la jkollha residenza permanenti u lanqas residenza ordinarja fil-Ġermanja?”

 Fuq id-domanda preliminari

11      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li l-ħaddiem migrant għandu jgawdi fl-Istat Membru ospitanti mill-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

12      Ir-riferiment għall-“vantaġġi soċjali” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C-57/96, Ġabra p. I-6689, punt 39). Fil-fatt, skond ġursiprudenza stabbilita, il-frażi, “vantaġġi soċjali” għandha tiġi interpretata bħala li tfisser il-vantaġġi kollha li, kemm jekk huma jew mhumiex marbuta ma’ kuntratt ta’ impjieg, jinagħtaw ġeneralment lill-ħaddiema nazzjonali minħabba l-istatus oġġettiv tagħhom bħala ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali u l-estensjoni ta’ dawn il-vantaġġi għal ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher, għaldaqstant, li tiffaċilita ċ-ċaqliq tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea (ara s-sentenzi ta’ l-14 ta’ Jannar 1982, Reina, 65/81, Ġabra p. 33, punt 12; Meints, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 25).

13      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-allowance għat-tfal Ġermaniża tikkostitwixxi “vantaġġ soċjali” skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara s-sentenza Martínez Sala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

14      Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern tar-Renju Unit irrilevaw li jkun inġust li ħaddiem fuq il-fruntiera, li għandu r-residenza jew il-post tax-xogħol tiegħu fi Stati Membri differenti, ikun jista’ jgawdi mill-istess vantaġġi soċjali fiż-żewġt Istati Membru u li jgħaqqadhom flimkien. Sabiex tikkumpensa għal dan ir-riskju u fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1612/68 ma fihx regoli ta’ koordinazzjoni intiżi li jevitaw l-akkumulu ta’ benefiċċji, il-possibbiltà li allowance għat-tfal tiġi “esportata” fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera tista’ tiġi eskluża.

15      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-karatteristika ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera ta’ W. Geven ma żżommhiex milli tinvoka d-dritt ta’ ugwaljanza ta’ trattament previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ vantaġġi soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħaddiema fuq il-fruntiera jistgħu jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 bl-istess mod bħal kull ħaddiem ieħor kopert minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ir-raba’ premessa ta’ dan ir-regolament tipprovdi espressament li d-dritt għal moviment liberu għandu jitgawda “mingħajr diskriminazzjoni minn ħaddiema permanenti, staġjonali u tal-fruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi” u l-Artikolu 7 tiegħu jirreferi, mingħajr ebda riżerva, għal “ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru” (sentenza Meints, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

16      Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema (u, b’konsegwenza, tar-Regolament Nru 1612/68), kull ħaddiem li jeżerċita attività reali u effettiva bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-attività tagħhom hija tant żgħira li tkun purament marġinali u anċillari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punt 17).

17      Madankollu, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li r-rikorrenti kienet, matul il-perijodu in kwistjoni, impjegata b’xogħol reali li kien jippermettilha tinvoka l-karatteristika ta’ “ħaddiem migrant” fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68.

18      Għandu jiġi mfakkar li r-regola tat-trattament ugwali stabbilita kemm fl-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 39 KE) kif ukoll l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 tipprekludi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (sentenza Meints, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

19      Sakemm mhijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ma’ l-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar il-ħaddiema migranti miċ-ċittadini nazzjonali u li konsegwentement toħloq riskju li tqiegħed fi żvantaġġ iktar partikolarment lil ta’ l-ewwel (sentenza Meints, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

20      Dan huwa l-każ ta’ kundizzjoni ta’ residenza bħal dik in kwisjtoni fil-kawża prinċipali, li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, huwa iktar faċli għall-ħaddiema nazzjonali li jirrispettawha milli fil-każ tal-ħaddiema ta’ l-Istati Membri l-oħra.

21      Skond l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-allowance għat-tfal Ġermaniża tikkostitwixxi strument ta’ politika tal-familja nazzjonali intiż li jippromwovi r-rata tat-twelid fil-pajjiż. L-għan ewlieni ta’ din l-allowance huwa li jippermetti lill-ġenituri li jieħdu ħsieb huma stess it-tfal tagħhom billi jirrinunzjaw għall-attività professjonali tagħhom jew li jnaqqsuha sabiex jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal tagħhom matul l-ewwel fażi ta’ l-eżistenza tagħhom.

22      Il-Ġvern Ġermaniż iżid, essenzjalment, li l-allowance għat-tfal tingħata sabiex tgħin lill-persuni li, minħabba l-għażla tar-residenza tagħhom, ikunu stabbilixxew rabta effettiva mas-soċjetà ta’ l-Istat Ġermaniż. F’dan il-kuntest, il-kundizzjoni ta’ residenza, bħal dik fil-kawża prinċipali, hija ġġustifikata.

23      Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża jistgħux jiġġustifikaw leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata esklużivament fuq il-kriterju tar-residenza, hemm lok li jiġi stabbilit li, skond l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Ġermaniż ma llimitax lilu nnifsu għal applikazzjoni stretta tal-kundizzjoni ta’ residenza għall-għoti ta’ l-allowance għat-tfal iżda aċċetta eċċezzjonijiet li jippermettu lill-ħaddiema fuq il-fruntiera li jibbenefikaw minnha wkoll.

24      Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skond l-Artikolu 1(4) tal-BErzGG, fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti prinċipali, il-ħaddiema fuq il-fruntiera li jeżerċitaw attività professjonali fil-Ġermanja iżda li huma residenti fi Stat Membru ieħor jistgħu jitolbu allowance għat-tfal Ġermaniża jekk l-attività professjonali tagħhom taqbeż il-limitu ta’ l-impjieg minuri.

25      Konsegwentement, jidher li, skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti prinċipali, ir-residenza ma kinitx ikkunsdirata bħala l-unika fattur ta’ rabta ma’ l-Istat Membru kkonċernat u li kontribuzzjoni sinjifikattiva għas-suq tax-xogħol nazzjonali tikkostitwixxi wkoll element validu ta’ integrazzjoni għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

26      F’dan il-kuntest, għandu jiġi aċċettat li n-nuqqas, fil-każ ta’ ħaddiem mhux residenti, ta’ attività professjonali sinjifikattiva biżżejjed fl-Istat Membru kkonċernat tista’ tikkostitwixxi ġustifikazzjoni leċita għal rifjut ta’ għoti tal-vantaġġ soċjali in kwistjoni.

27      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Megner u Scheffel (C-444/93, Ġabra p. I-4741, punti 18 sa 21 u 29), jekk, ċertament, persuna li għandha impjieg minuri bħal dak li għalih hemm riferiment fid-domanda preliminari għandha wkoll il-karatteristika ta’ “ħaddiem” skond l-Artikolu 39 KE, madankollu għandu jiġi mfakkar li fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, il-kompetenza soċjali hija kompetenza ta’ l-Istati Membri, li għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-eżerċizzju tagħha. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikollu bħala effett li jċaħħad mis-sustanza tagħhom id-drittijiet li l-persuni individwali għandhom permezz tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali tagħhom (ara, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 39 KE, is-sentenzi tal-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, punt 44, u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C-208/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 39 u 40, kif ukoll, b’analoġija, fil-qasam ta’ trattament ugwali bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa, is-sentenzi Megner u Scheffe, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-11 ta’ Dettembru 2003, Steinicke, C-77/02, Ġabra p. I-9027, punti 61 u 63).

28      Kif ġie rrilevat fil-punti 21 sa 25 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-leġiżlatur Ġermaniż huwa, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinqipali, li jagħti allowance għat-tfal għall-persuni li jippreżentaw rabta suffiċjentement stretta mas-soċjetà Ġermaniża, mingħajr ma jirriżerva din l-allowance esklużivament għall-persuni li jirrisjedu fil-Ġermanja.

29      Fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu, dan il-leġiżlatur seta’ raġonevolament iqis li l-esklużjoni mill-benefiċċju ta’ l-allowance in kwisjtoni, tal-ħaddiema mhux residenti li jeżerċitaw fl-Istat Membru kkonċernat attività professjonali li ma taqbiżx il-limitu ta’ l-impjieg minuri skond id-dritt nazzjonali, tikkostiwixxi miżura xierqa u proporzjonata fir-rigward ta’ l-għan imfakkar fil-punt preċedenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Megner u Scheffel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma jipprekludix l-esklużjoni, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, ta’ ċittadina ta’ Stat Membru ieħor li tirrisjedi f’dan l-Istat Membru u li teżerċita fl-ewwel Stat attività professjonali minuri (bejn 3 u 14-il siegħa fil-ġimgħa), mill-benefiċċju ta’ vantaġġ soċjali li għandu l-karatteristiċi ta’ l-allowance għat-tfal Ġermaniża għar-raġuni li hija ma kellhiex fl-ewwel Stat la r-residenza permanenti u lanqas ir-residenza ordinarja tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità ma jipprekludix l-esklużjoni, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, ta’ ċittadina ta’ Stat Membru ieħor li tirrisjedi f’dan l-Istat Membru u li teżerċita fl-ewwel Stat attività professjonali minuri, ta’ bejn 3 u 14-il siegħa fil-ġimgħa, mill-benefiċċju ta’ vantaġġ soċjali li għandu l-karatteristiċi ta’ l-allowancegħat-tfal Ġermaniża għar-raġuni li hija ma kellhiex fl-ewwel Stat la r-residenza permanenti u lanqas ir-residenza ordinarja tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.