Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2024 – Huhtamaki Holding vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-225/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Huhtamaki Holding Sàrl (Senningerberg, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: M. Struys, F. Pili, H. de Cazotte u L. Burgaud, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024) 1212 final tad-19 ta’ Frar 2024, li ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti tal-31 ta’ Awwissu 2023 għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (iktar il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, r-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta qieset li l-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar stabbilita mill-ġurisprudenza tapplika fir-rigward tad-dokumenti mitluba.

It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq l-allegazzjoni li anki li kieku tkun tapplika l-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar f’dan il-każ, din tkun ikkonfutata. Ir-rikorrenti ssostni:

l-assenza ta’ kwalunkwe dannu possibbli għall-interessi protetti mill-ewwel u mit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 tikkonfuta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar (l-ewwel parti tat-tieni motiv);

sussidjarjament, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tkun, fi kwalunkwe każ, ikkonfutata, peress li jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti mitluba (it-tieni parti tat-tieni motiv).

It-tielet motiv invokat b’mod addizzjonali għall-ewwel u għat-tieni motivi, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE u d-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).