Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ April 2024 – YL vs Il-Kunsill

(Kawża T-224/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: YL (rappreżentanti: A. Guillerme u T. Bontinck, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Mejju 2023 li ma jiġix estiż il-mandat tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”);

tikkundanna lill-Kunsill iħallas kumpens għad-dannu materjali u morali subit mir-rikorrent minħabba d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi segwenti.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2023 hija vvizzjata b’difetti proċedurali, jiġifieri n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-atti adottati fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tas-segwenti:

in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bord ta’ Tmexxija tal-EUIPO li jadotta d-deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2022;

il-ksur tad-dritt tar-rikorrent li jinstema’.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta adotta d-deċiżjoni kkontestata.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ nondiskriminazzjoni.

____________