Language of document : ECLI:EU:T:2009:157

Kawża T-165/06

Elio Fiorucci

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ta’ revoka — Trade mark Komunitarja verbali ELIO FIORUCCI — Reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ isem persuna magħrufa sewwa — Artikolu 52(2)(a) u Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Eżami mill-ġdid tal-fatti, fid-dawl ta’ provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha — Esklużjoni

(Arikoli 229 KE u 230 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 135(4); Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63)

2.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet għal revoka — Trade mark li aktarx tista’ tqarraq bil-pubbliku

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 50(1)(ċ); Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 12(2)(b))

1.      Ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu bħala għan l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja. Fil-fatt, minkejja li skont l-Artikolu 63(3) tal-imsemmi regolament il-Qorti tal-Prim’Istanza “għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata”, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-paragrafu preċedenti li jgħid li “[i]l-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”, u dan fil-kuntest tal-Artikoli 229 KE u 230 KE. Għalhekk, l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jsir b’riferiment għall-kwistjonijiet ta’ liġi li tressqu quddiem il-Bord tal-Appell.

2.      

Għalhekk, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex li teżamina mill-ġdid il-motivi ppreżentati quddiemha jew li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl ta’ provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-eżami ta’ dawn il-motivi u l-ammissjoni ta’ dawn il-provi jmorru kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jgħid li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell.

(ara l-punti 21, 22)

3.      Mis-sempliċi identiċità bejn trade mark u isem personali ma jistax jiġi dedott li l-pubbliku kkonċernat jaħseb li l-persuna li l-isem personali tagħha jikkostitwixxi t-trade mark iddisenjat il-prodotti li għandhom din it-trade mark, b’tali mod li dan il-pubbliku jiġi mqarraq fis-sens tal-Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja. Fil-fatt, l-użu ta’ trade marks komposti minn isem personali huwa prattika komuni fl-oqsma kummerċjali kollha u l-pubbliku kkonċernat jaf sew li kull trade mark b’isem personali mhux neċessarjament tappartjeni lil stilist li għandhu l-istess isem.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi permezz tagħha jkun jista’ jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew servizz minn dawk ta’ oriġini differenti. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha bħala element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, hija għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha koperti minnha jkunu ġew prodotti jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ revoka previsti fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 89/104, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, li l-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proprjetarju ta’ trade mark li tikkorrispondi għall-isem tal-kreatur u l-ewwel produttur tal-prodotti li għandhom din it-trade mark, ma jistax minħabba dan id-dettall biss, ikollhu d-drittijiet tiegħu revokati minħabba li din it-trade mark tista’ tqarraq bil-pubbliku, b’mod partikolari meta l-klijentelà relatata ma’ din it-trade mark tkun ġiet ċeduta flimkien mal-impriża li tipproduċi l-prodotti koperti minnha. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ qerq effettiv jew ta’ probabbiltà suffiċjentement serja li l-konsumatur medju jiġi mqarraq. Anki meta dan jista’ jiġi influwenzat fl-att ta’ xiri tiegħu ta’ prodott ikkonċernat, billi jimmaġina li l-persuna li isimha jikkorrespondi għat-trade mark ipparteċipat fil-kreazzjoni tiegħu, il-karatteristiċi u l-kwalitajiet tal-imsemmi prodott jibqgħu garantiti mill-impriża proprjetarja tat-trade mark.

Bl-istess mod, għandu jiġi deċiż li l-proprjetarju ta’ trade mark li tikkorrispondi għall-isem u kunjom tal-kreatur u l-ewwel produttur tal-prodotti li għandhom din it-trade mark, ma jistax minħabba dan id-dettall biss, ikollu d-drittijiet tiegħu revokati minħabba li din it-trade mark tista’ tqarraq bil-pubbliku, meta l-proprjetarju legalment akkwista, fil-kuntest tat-trasferiment, it-trade mark li tikkonsisti biss fil-kunjom tal-kreatur flimkien mal-patrimonju kreattiv kollu tal-impriża li tipproduċi l-prodotti koperti minnha.

(ara l-punti 30, 32-34)