Language of document : ECLI:EU:C:2023:874

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

tas‑16 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 17 – Eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data permezz tal-awtorità superviżorja – Verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data – Artikolu 17(3) – Obbligu minimu ta’ informazzjoni tas-suġġett tad-data – Portata – Validità – Artikolu 53 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-awtorità superviżorja – Kunċett ta’ ‘deċiżjonijiet legalment vinkolanti’ – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 8(3) – Kontroll minn awtorità indipendenti – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑333/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Brussell (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Ligue des droits humains ASBL.

BA

vs

L’organe de contrôle de l’information policière

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ligue des droits humains ASBL u BA, minn C. Forget, avocate,

–        għal Organe de contrôle de l’information policière (OCIP), minn J. Bosquet, advocaat u J.-F. De Bock, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.-C. Halleux, u C. Pochet u A. Van Baelen, bħala aġenti, assistiti minn N. Cariat, C. Fischer, B. Lombaert u J. Simba, avocats,

–        għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J. Illouz, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn S. Alonso de León, O. Hrstková Šolcová u P. López-Carceller u M. Thibault, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, H. Kranenborg, A.-C. Simon u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u min-naħa l-oħra, il-validità, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Karta, tal-Artikoli 17 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89 bir-rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Ligue des droits humains ASBL u BA u l-Organe de contrôle de l’information policière (OCIP) (il-Belġju) dwar l-eżerċizzju, permezz ta’ dan il-korp, tad-drittijiet ta’ BA relatati mad-data personali li tikkonċernah, ipproċessata mis-servizzi Belġjani tal-pulizija u li abbażi tagħha l-Autorité nationale de sécurité (l-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà, il-Belġju) ċaħdet talba għal approvazzjoni ta’ sigurtà mressqa minn din il-persuna.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 7, 10, 43, 46, 48, 75, 82, 85 u 86 tad-Direttiva 2016/680 jistipulaw:

(7)      L-iżgurar ta’ livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tad-data personali ta’ persuni fiżiċi u l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ data personali bejn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri hija kruċjali sabiex tkun assigurata l-kooperazzjoni effettiva ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija. Għal dak il-għan, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni [Ewropea] kollha tirrikjedi t-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw id-data personali, kif ukoll setgħat ekwivalenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar ta’ konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali fl-Istati Membri.

[...]

(10)      Fid-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-oqsma.

[...]

(43)      Persuna fiżika għandu jkollha d-dritt ta' aċċess għal data li tinġabar li tikkonċernaha, u li teżerċita dan id-dritt faċilment u f'intervalli raġonevoli, sabiex tkun konxja tal-legalità tal-ipproċessar u tivverifikah. [...]

[...]

(46)      Kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data għandha tikkonforma mal-Karta u mal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rispettivament, u b’mod partikolari għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet.

[...]

(48)      Meta l-kontrollur jiċħad lil suġġett tad-data mid-dritt tiegħu jew tagħha għall-informazzjoni, l-aċċess għal, jew ir-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jitlob li l-awtorità nazzjonali superviżorja tivverifika l-legalità tal-ipproċessar. [...]

[...]

(75)      L-istabbiliment fl-Istati Membri ta’ awtoritajiet superviżorji, li jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, huwa komponent essenzjali tal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u għandhom jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tagħhom kullimkien fl-Unjoni, sabiex jiġu protetti l-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. [...]

[...]

(82)      Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv, affidabbli u konsistenti tal-konformità u l-infurzar ta’ din id-Direttiva fl-Unjoni kollha skont it-TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom f'kull Stat Membru l-istess kompiti u setgħat effettivi, inklużi setgħat investigattivi, korrettivi u konsultattivi li jikkostitwixxu l-mezzi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom. [...]

[...]

(85)      Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja waħda u għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta, meta s-suġġett tad-data jqis li d-drittijiet tiegħu jew tagħha skont dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva jkunu qed jinkisru jew meta l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b’rabta ma’ lment, tiċħad jew twarrab ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni meta dik l-azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. [...]

(86)      Kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw dik il-persuna. Tali deċiżjoni tikkonċerna b’mod partikolari t-tħaddim ta’ setgħat investigattivi, korrettivi u ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja jew iċ-ċaħda jew ir-rifjut ta’ ilmenti. Madankollu, dak id-dritt ma jinkludix miżuri oħrajn tal-awtoritajiet superviżorji li mhumiex legalment vinkolanti, bħal opinjonijiet maħruġa jew pariri pprovduti mill-awtorità superviżorja. Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja u għandhom jitwettqu skont il-liġi ta’ Stat Membru. Dawk il-qrati għandhom iħaddmu l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tinkludi ġurisdizzjoni biex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għat-tilwim li jitressaq quddiemhom.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u objettivi” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

2.      Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

(a)      jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali; u

(b)      jiżguraw li l-iskambju tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, fejn tali skambju jkun meħtieġ mill-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru, la ma jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.”

5        L-imsemmija direttiva tinkludi l-Kapitolu III, intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”, li jinkludi, b’mod partikolari l-Artikoli 13 sa 17 tagħha, Dan l-Artikolu 13, intitolat “Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data” jistipula, fil-paragrafu (1) tiegħu, l-obbligu, għall-Istati membri, li jipprevedu li l-kontrollur tad-data jqiegħed għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-data ċerta informazzjoni minima bħal, b’mod partikolari, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur. Barra minn hekk, dan jelenka, fil-paragrafu (2) tiegħu, l-informazzjoni addizzjonali, li għandha tiġi imposta bil-liġi mill-Istati Membri fuq il-kontrollur, li għandha tingħata lis-suġġett tad-data, sabiex dan ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Fil-paragrafi (3) u (4) tiegħu, huwa jistipula:

“3.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 safejn, u sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a)      ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)      ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c)      tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)      tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)      jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

4.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jistabbilixxu kategoriji ta’ pproċessar li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt kwalunque [kwalunkwe] mill-punti elenkati fil-paragrafu 3.”

6        L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, huwa fformulat kif ġej:

“Soġġett għall-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi pproċessata, u, fejn dak hu l-każ, aċċess għal tali data personali [...]”.

7        Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess”:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data sa fejn, u sakemm tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a)      ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)      ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c)      tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)      tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)      jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jistabbilixxu kategoriji ta’ pproċessar li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt il-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1.

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data, mingħajr dewmien żejjed, bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni ta’ aċċess, u r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni. Tali informazzjoni tista’ titħalla barra meta l-għoti tagħha jimmina fini stipulat fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.

4.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jiddokumenta r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji.”

8        L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali u restrizzjoni fuq l-ipproċessar”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien bla bżonn ir-rettifika ta' data personali dwaru li ma tkunx eżatta. Filwaqt li jikkunsidraw il-fini tal-ipproċessar, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li s-suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb l-ikkompletar tad-data personali mhux kompluta, [...]

2.      L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-kontrollur li jħassar data personali mingħajr dewmien bla bżonn u jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta' data personali dwaru mingħajr dewmien bla bżonn meta l-ipproċessar jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 4, 8 jew 10, jew meta d-data personali jkollha titħassar f'konformità ma' obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett.

3.      Minflok it-tħassir, il-kontrollur għandu jillimita l-ippproċessar meta:

(a)      l-eżattezza tad-data personali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u l-eżattezza jew l-ineżattezza ma tistax tkun aċċertata; jew

(b)      id-data personali tkun trid tinżamm għal finijiet ta’ evidenza.

[...]

4.      L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar, u r-raġunijiet għar-rifjut. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b’mod sħiħ jew parzjali, l-obbligu li tingħata tali informazzjoni sa fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu għad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata sabiex:

(a)      ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)      ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c)      tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)      tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)      jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.

[...]”.

9        L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġett tad-data u verifika mill-awtorità superviżorja”, jipprevedi:

“1.      Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3), [f]l-Artikolu 15(3) u [f]l-Artikolu 16(4) l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jipprevedu li d-drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz tal-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1.

3.      Meta jiġi eżerċitat id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data tal-inqas li jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami mill-awtorità superviżorja. L-awtorità superviżorja għandha tinforma wkoll lis-suġġett tad-data dwar id-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju.”

10      L-Artikolu 42 tal-istess direttiva, intitolat “Indipendenza” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja taġixxi b'indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f'konformità ma' din id-Direttiva.”

11      L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Kompiti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jipprovdi, fuq it-territorju tiegħu, li kull awtorità superviżorja:

(a)      tissorvelja u tinforza l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha;

[...]

(f)      tindirizza l-ilmenti mressqa minn suġġett tad-data [...], u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni fi żmien raġonevoli, [...];

(g)      tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar skont l-Artikolu 17, u tinforma lis-suġġett tad-data fi żmien raġonevoli dwar l-eżitu tal-iċċekkjar skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jew dwar ir-raġunijiet għaliex l-iċċekkjar ma jkunx sar;

[...]”.

12      Skont kliem l-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva, intitolat “Setgħat”:

“1.      Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja tiegħu jkollha setgħat investigattivi effettivi. Dawk is-setgħat għandhom jinkludu, tal-inqas is-setgħa li tikseb mill-kontrollur u l-proċessur aċċess għad-data personali kollha li qegħdin jiġu pproċessati u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-qadi tal-kompiti tagħha.

2.      Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja tiegħu jkollha s-setgħat korrettivi effettivi bħal, pereżempju:

(a)      li toħroġ twissijiet lill-kontrollur jew lill-proċessur li l-attivitajiet ta' pproċessar maħsubin x'aktarx jiksru d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva;

(b)      li tordna lill-kontrollur jew proċessur biex iġib l-operazzjonijiet ta' pproċessar f'konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, fejn hu xieraq, b'mod speċifikat u fi żmien perijodu speċifikat, b'mod partikolari billi jordna r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikolu 16;

(c)      li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar.

[...]

4.      L-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għas-salvagwardji xierqa, inkluż rimedju ġudizzjarju effettiv u proċess ġust, kif stipulati fid-dritt tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Karta.

[...].”

13      L-Artikolu 52 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull suġġett tad-data jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta' data personali marbuta miegħu jew magħha jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.”

14      L-Artikolu 53 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt ta' persuna fiżika jew ġuridika għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernahom.”

15      L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 52, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għad-dritt tas-suġġett tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn huwa jqis li d-drittijiet tiegħu stipulati f'dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva inkissru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b'nuqqas ta' konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet.”

 Iddritt Belġjan

16      Il-loi relative à la protection des personnes physiques à l’égard des traitements de données à caractère personnel (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Fiżiċi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali) tat‑30 ta’ Lulju 2018 (Moniteur belge, tal‑5 ta’ Settembru 2018, p. 68616, iktar ’il quddiem il-“LPD”) tittrasponi, fit-titolu 2 tagħha, id-Direttiva 2016/680. Id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 16 ta’ din id-direttiva huma previsti fil-Kapitolu III tal-imsemmi titolu, b’mod iktar preċiż fl-Artikoli 37 sa 39 tal-imsemmija liġi.

17      L-Artikolu 42 tal-LPD jipprevedi:

“It-talba għall-eżerċizzju tad-drittijiet previsti f’dan il-kapitolu fir-rigward tas-servizzi tal-pulizija [...] jew tal-Inspection générale de la police fédérale et de la police locale [(l-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija Federali u tal-Pulizija Lokali, il-Belġju)] għandha tiġi indirizzata lill-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 71.

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 37(2), 38(2), 39(4) u 62(1), l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 71 għandha tinforma lis-suġġett tad-data biss li l-verifiki neċessarji twettqu.

Minkejja t-tieni paragrafu, l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 71 tista’ tikkomunika ċerta informazzjoni kuntestwali lis-suġġett tad-data.

Ir-Re għandu jiddetermina, fuq opinjoni tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 71, il-kategorija tal-informazzjoni kuntestwali li din l-awtorità tista’ tikkomunika lill-suġġett tad-data”.

18      Skont il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, ebda digriet irjali ma ġie adottat sabiex jimplementa r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42 tal-LPD.

19      Skont kliem l-Artikolu 71(1) tal-LPD:

“Fi ħdan il-Kamra tar-Rappreżentanti għandha tinħoloq awtorità superviżorja indipendenti għall-informazzjoni tal-pulizija, bl-isem ta’ Organe de contrôle de l’information policière [(il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija, il-Belġju)].

[...]

[Dan għandu jkun] responsabbli għal:

1      is-superviżjoni tal-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu […]

2      is-superviżjoni tal-ipproċessar tal-informazzjoni u tad-data personali msemmija fl-Artikoli 44/1 sa 44/11/13 tal-Liġi tal‑5 ta’ Awwissu 1992, dwar il-Funzjoni tal-Pulizija, inklużi dawk li jinsabu fid-databases imsemmija fl-Artikolu 44/2 tal-istess liġi;

3      kull missjoni oħra organizzata minn jew skont liġijiet oħra.”

20      Il-Kapitolu I tat-Titolu 5 tal-LPD huwa intitolat “Azzjoni għal inibizzjoni”. L-Artikolu 209, li jinsab f’dan il-kapitolu, huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal kull rimedju ġudizzjarju, amministrattiv jew ekstra ġudizzjarju ieħor, il-president tal-qorti tal-ewwel istanza, f’kompożizzjoni bħal dik għal smigħ għal miżuri provviżorji, jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ pproċessar li jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet legali jew regolamentari dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, u jordna l-inibizzjoni ta’ dan l-ipproċessar.

Il-president tal-qorti tal-ewwel istanza, f’kompożizzjoni bħal dik għal smigħ għal miżuri provviżorji, għandu jisma’ kull talba dwar id-dritt mogħti mil-liġi jew permezz tal-liġi, għall ksib tal-komunikazzjoni ta’ data personali, kif ukoll kull talba intiż għar-rettifika, għat-tħassir jew għall-projbizzjoni tal-użu ta’ kwalunkwe data personali li ma tkunx eżatta jew, fid-dawl tal-għan tal-ipproċessar, li ma tkunx kompleta jew li tkun irrilevanti, jew li r-reġistrazzjoni, il-komunikazzjoni jew iż-żamma tagħha huma pprojbiti, li s-suġġett tad-data jkun oġġezzjona għall-ipproċessar tagħha jew li tkun inżammet lil hinn mill-perijodu awtorizzat.”

21      L-Artikolu 240(4) tal-LPD jipprovdi:

“[L-[OCIP]

4      għandu jittratta l-ilmenti, jinvestiga s-suġġett tal-ilment sa fejn ikun neċessarju, u jinforma lil-lanjant dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni fi żmien raġonevoli, b’mod partikolari meta tkun neċessarja iktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma’ awtorità superviżorja oħra [...]”.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

22      Matul is-sena 2016, BA, li dak iż-żmien kien impjegat part-time ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, talab approvazzjoni ta’ sigurtà mingħand l-Autorité nationale de sécurité (l-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà, il-Belġju) sabiex ikun jista’ jipparteċipa fl-armar u fiż-żarmar tal-installazzjonijiet għall-għaxar edizzjoni tal-“Jiem Ewropej tal-Iżvilupp” fi Brussell (il-Belġju).

23      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Ġunju 2016, din l-awtorità rrifjutat li tagħti lil BA approvazzjoni ta’ sigurtà, minħabba li mid-data personali li kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħha kien jirriżulta li din il-persuna kienet ipparteċipat f’10 manifestazzjoni bejn is-sena 2007 u s-sena 2016 u li dawn l-elementi ma kinux jippermettu li tingħatalha tali awtorizzazzjoni fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-Istat u ta’ kontinwità tal-ordni demokratiku kostituzzjonali. Din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata.

24      Fl‑4 ta’ Frar 2020, il-konsulent legali ta’ BA talab lill-OCIP jidentifika l-kontrolluri tad-data personali inkwistjoni u jordnalhom jagħtu lill-klijent tiegħu l-aċċess għall-informazzjoni kollha li tikkonċernah sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu f’termini xierqa.

25      Permezz ta’ posta elettronika tas‑6 ta’ Frar 2020, l-OCIP ikkonferma li rċieva din it-talba. Huwa indika li BA kellu biss dritt ta’ aċċess indirett għal din id-data, filwaqt li ta’ garanziji li huwa stess kien ser jivverifika l-legalità ta’ eventwali pproċessar ta’ data fil-Banque de données nationale générale (il-Bank Ġenerali tad-Data Nazzjonali), jiġifieri d-database użata mis-servizzi kollha tal-pulizija nazzjonali. Barra minn hekk, huwa speċifika li kellu s-setgħa jordna lill-pulizija tħassar jew temenda d-data, jekk ikun neċessarju, u li, ladarba din il-verifika titwettaq, huwa ser jinforma lil BA li l-verifiki neċessarji twettqu.

26      Permezz ta’ posta elettronika tat‑22 ta’ Ġunju 2020, l-OCIP kiteb dan li ġej lill-konsulent legali ta’ BA:

“[...]

[...] Ninformak, skont l-Artikolu 42 tal-[LPD], li l-[OCIP] wettaq il-verifiki meħtieġa.

Dan ifisser li d-data personali tal-klijent tiegħek ġiet ivverifikata mal-banek tad-data tal-pulizija sabiex tiġi żgurata l-legalità ta’ kwalunkwe pproċessar.

Jekk kien neċessarju, id-data personali ġiet immodifikata jew imħassra.

Kif informajtek fil-posta elettronika tiegħi tat‑[2] ta’ Ġunju, l-Artikolu 42 tal-LPD ma jippermettix li l-[OCIP] jipprovdi xi informazzjoni oħra.”

27      Fit‑2 ta’ Settembru 2020, il-Ligue des droits humains u BA ppreżentaw, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 209 tal-LPD, talba għal miżuri provviżorji quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju).

28      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil dik il-qorti tiddikjara t-talba tagħhom għal miżuri provviżorji ammissibbli u, sussidjarjament, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk, essenzjalment, l-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-premessi 85 u 86 ta’ din id-direttiva u flimkien mal-Artikolu 8(3) u mal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludix l-Artikoli 42 u 71 tal-LPD, sa fejn dawn ma kienu jipprevedu ebda rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet meħuda mill-OCIP.

29      Fit-tieni lok, fuq il-mertu, huma talbu l-aċċess għad-data personali kollha li tikkonċerna lil BA, permezz tal-OCIP, u l-identifikazzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-kontrolluri u tad-destinatarji eventwali ta’ din id-data.

30      Fil-każ li l-qorti adita jkollha tqis li l-Artikolu 42(2) tal-LPD kien jippermetti li l-aċċess għad-data personali pproċessata mis-servizzi tal-pulizija jiġi llimitat sistematikament, huma talbu, sussidjarjament, it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward, essenzjalment, tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 14, 15 u 17 tad-Direttiva 2016/680, moqrija flimkien mal-Artikoli 8 u 47 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti deroga ġenerali u sistematika mid-dritt ta’ aċċess għad-data personali, peress li, minn naħa, dan id-dritt jiġi eżerċitat permezz tal-awtorità superviżorja u peress li, min-naħa l-oħra, din tista’ tillimita ruħha li tindika lis-suġġett tad-data li hija kienet wettqet il-verifiki kollha neċessarji mingħajr ma tinformah dwar id-data personali li hija s-suġġett tal-ipproċessar kif ukoll dwar id-destinatarji u indipendentement mill-għan imfittex.

31      Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Mejju 2021, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddikjarat li hija ma kellhiex “ġurisdizzjoni” sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji.

32      Permezz ta’ rikors tal‑15 ta’ Ġunju 2021 quddiem il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dan id-digriet. Huma rrepetew, essenzjalment, it-talbiet li huma kienu ressqu fl-ewwel istanza.

33      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva, b’mod partikolari, essenzjalment, li, fil-każ fejn persuna ma għandhiex id-dritt li teżerċita personalment id-drittijiet previsti fid-Direttiva 2016/680, l-azzjoni għal inibizzjoni prevista fl-Artikoli 209 et seq tal-LPD ma tistax tiġi implimentata. Fil-fatt, qabelxejn, tali azzjoni tista’ titressaq kontra l-kontrollur, iżda mhux kontra l-awtorità superviżorja nnifisha. Sussegwentement, din l-azzjoni lanqas ma tista’ tiġi eżerċitata minn din il-persuna, f’dan il-każ BA, kontra l-kontrollur, peress li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha huwa fdat lill-imsemmija awtorità. Fl-aħħar, l-informazzjoni partikolarment konċiża pprovduta mill-OCIP lil BA ma tippermettix, la lil dan tal-aħħar u lanqas lil qorti, li jevalwaw jekk din l-awtorità superviżorja eżerċitatx b’mod korrett id-drittijiet tal-imsemmija persuna. Hija żżid li, għalkemm il-LPD tipprovdi li din l-azzjoni għal inibizzjoni hija bla ħsara għal kull rimedju ġudizzjarju, amministrattiv jew ekstra ġudizzjarju ieħor, tali proċeduri għal rimedju ieħor ippreżentati minn BA jiltaqgħu mal-istess diffikultajiet.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikoli 47 u 8(3) tal-[Karta] jimponu l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju kontra l-awtorità ta’ superviżjoni [superviżorja] indipendenti bħall-[OCIP] meta teżerċita d-drittijiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-kontrollur tad-data?

“2.      L-Artikolu 17 tad-Direttiva [2016/680] huwa konformi mal-Artikoli 47 u 8(3) tal-[Karta] kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li jobbliga biss lill-awtorità superviżorja - li teżerċita d-drittijiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-kontrollur tad-data - li tinforma lil din il-persuna ‘li jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami’ u ‘dwar id-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju’, filwaqt li tali informazzjoni ma tkun tippermetti ebda superviżjoni a posteriori tal-azzjoni u tal-evalwazzjoni tal-awtorità superviżorja fir-rigward tad-data tas-suġġett tad-data u tal-obbligi li jaqgħu fuq il-kontrollur tad-data?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

35      Preliminarjament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-eżistenza, abbażi tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ta’ obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti, meta tiġi implimentata dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3), fl-Artikolu 15(3) u fl-Artikolu 16(4) tal-imsemmija direttiva, id-drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu eżerċitati permezz ta’ tali awtorità superviżorja.

36      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-risposta għal din id-domanda tiddependi min-natura u mill-portata tal-missjoni u tas-setgħat tal-awtorità superviżorja fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, previst fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680. Issa, dawn huma ppreċiżati fl-Artikolu 46(1)(g) u fl-Artikolu 47(1) u (2) ta’ din id-direttiva u għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tal-Karta li jeżiġi li l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi Artikolu 8, tkun suġġetta għall-istħarriġ ta’ awtorità indipendenti.

37      Għaldaqstant, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 46(1)(g), mal-Artikolu 47(1) u (2), u mal-Artikolu 53(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 8(3) u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta d-drittijiet ta’ persuna jkunu ġew eżerċitati, b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 17, permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti, din il-persuna għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-imsemmija awtorità.

38      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li persuna fiżika jew ġuridika jkollha dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.

39      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk awtorità superviżorja tadottax tali deċiżjoni meta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, id-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbiliti mill-imsemmija direttiva huma eżerċitati permezz ta’ din l-awtorità superviżorja.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont kliem l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2016/680 “[f]il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3), [f]l-Artikolu 15(3) u [f]l-Artikolu 16(4)”, ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadottaw miżuri sabiex id-“drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti”.

41      Kif jindika l-użu tal-avverbju “wkoll” u hekk kif osservat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali, fil-punti 41 u 42 tal-konklużjonijiet tagħha, l-eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti, previst f’din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi garanzija addizzjonali offruta lil dan is-suġġett tad-data li d-data personali tiegħu tiġi pproċessata b’mod legali, meta dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali jillimitaw l-eżerċizzju dirett mal-kontrollur tad-dritt li jirċievi informazzjoni addizzjonali, imsemmi fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2016/680, tad-dritt ta’ aċċess għal din id-data, stabbilit fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, jew tad-dritt li jikseb ir-rettifika jew it-tħassir tagħha jew il-limitazzjoni tal-ipproċessar skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva.

42      Fil-fatt, fid-dawl tan-natura speċifika tal-għanijiet li għalihom l-ipproċessar ta’ data li jaqa’ taħt l-istess direttiva jitwettaq, enfasizzati, b’mod partikolari, fil-premessa 10 tagħha, l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680 jawtorizzaw lil-leġiżlatur nazzjonali jillimita l-eżerċizzju dirett, minn naħa, tad-dritt għal informazzjoni u, min-naħa l-oħra, tad-dritt ta’ aċċess, “sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata”, sabiex “ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali”, “ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali”, “tiġi protetta s-sigurtà pubblika”, “tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali”, jew “jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-kontrollur jista’ ma jinformax lis-suġġett tad-data b’kull rifjut jew b’kull limitazzjoni ta’ aċċess, kif ukoll bir-raġunijiet għar-rifjut jew għal-limitazzjoni, meta l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tirriskja li tikkomprometti wieħed mill-għanijiet ta’ interess pubbliku msemmija iktar ’il fuq.

43      Bl-istess mod, l-Artikolu 16(4) tal-imsemmija direttiva jawtorizza lil-leġiżlatur nazzjonali jillimita l-obbligu tal-kontrollur li “jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar, u r-raġunijiet għar-rifjut”, għall-istess għanijiet ta’ interess pubbliku, “sa fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu għad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata”.

44      Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta mill-premessa 48 tal-istess direttiva, l-eżerċizzju indirett tad-drittijiet imsemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti għandu jitqies li huwa neċessarju għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, sa fejn l-eżerċizzju dirett tagħhom mal-kontrollur huwa diffiċli jew saħansitra impossibbli.

45      Għal dan l-għan, l-Artikolu 46(1)(g) tad-Direttiva 2016/680 jeżiġi li kull awtorità nazzjonali kompetenti tingħata l-kompitu li tivverifika l-legalità tal-ipproċessar skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, jiġifieri wara talba bbażata fuq din l-aħħar dispożizzjoni.

46      Barra minn hekk, mill-Artikolu 47(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jirriżulta b’mod partikolari li kull awtorità superviżorja għandu jkollha, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, mhux biss “setgħat investigattivi effettivi”, iżda wkoll “setgħat korrettivi effettivi”.

47      Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 8(3) tal-Karta li jgħid li l-osservanza tar-regoli dwar id-dritt ta’ kull persuna għall-protezzjoni tad-data personali, stabbiliti fil-paragrafi (1) u (2) ta’ dan l-artikolu, għandha “titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti”, u, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rekwiżit stabbilit fit-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, li jgħid li “[k]ull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha”. Fil-fatt, kif ikkonfermat minn ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment ta’ awtorità ta’ superviżjoni indipendenti huwa intiż li jiżgura l-effikaċja u l-affidabbiltà tas-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 229 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għalhekk, meta tali awtorità superviżorja taġixxi sabiex tiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data abbażi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, il-missjoni tagħha taqa’ kompletament taħt id-definizzjoni, mid-dritt primarju tal-Unjoni, tar-rwol tagħha, peress li, din id-definizzjoni timplika, b’mod partikolari, l-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika tas-suġġett tad-data. Minn dan isegwi li, fit-twettiq ta’ din il-missjoni speċifika, bħal fil-kuntest ta’ kull missjoni oħra, l-awtorità superviżorja għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva billi taġixxi b’indipendenza sħiħa, konformement mal-Karta u hekk kif tiddikjara l-premessa 75 tal-imsemmija direttiva.

49      Barra minn hekk, wara l-verifika tal-legalità tal-ipproċessar, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(3) tal-istess direttiva, tinforma “tal-inqas” lis-suġġett tad-data “li jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami”.

50      Kif tosserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha għandu jiġi dedott li, meta l-awtorità superviżorja kompetenti tinforma lis-suġġett tad-data bir-riżultat tal-verifiki mwettqa, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data bid-deċiżjoni li hija adottat fil-konfront tiegħu li tagħlaq il-proċess ta’ verifika, deċiżjoni li neċessarjament taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-imsemmi suġġett tad-data. Għaldaqstant, fir-rigward tas-suġġett tad-data, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi “deċiżjoni legalment vinkolanti”, fis-sens tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2016/680, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk u sa fejn din l-awtorità kkonstatat il-legalità tal-ipproċessar ta’ data li tikkonċerna lill-imsemmi suġġett tad-data u adottat miżuri korrettivi.

51      Barra minn hekk, il-premessa 86 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li l-kunċett ta’ “deċiżjoni legalment vinkolanti”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, għandu jinftiehem bħala deċiżjoni li tipproduċi effetti legali fil-konfront tas-suġġett tad-data, b’mod partikolari, bħala deċiżjoni li tirrigwarda l-eżerċizzju, mill-awtorità superviżorja, ta’ setgħat investigattivi, tas-setgħa li tadotta miżuri korrettivi u tas-setgħa ta’ awtorizzazzjoni jew li tirrigwarda r-rifjut jew iċ-ċaħda ta’ lmenti.

52      Għaldaqstant, is-suġġett tad-data għandu jkun jista’ jikseb stħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza ta’ tali deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2016/680 u, b’mod partikolari, tal-mod kif l-awtorità superviżorja tkun issodisfat l-obbligu tagħha, li jirriżulta mill-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 46(1)(g) tal-imsemmija direttiva, li “[twettaq] il-verifiki kollha meħtieġa” u, jekk ikun il-każ, ta’ kif l-imsemmija awtorità eżerċitat is-setgħat tagħha fil-qasam tal-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi.

53      Din il-konklużjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-premessa 85 tad-Direttiva 2016/680 li minnha jirriżulta li kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja jekk din l-awtorità “ma tiħux azzjoni meta dik l-azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data”.

54      Fl-aħħar, tali interpretazzjoni hija konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, dan id-dritt għandu jiġi rrikonoxxut lil kull persuna li tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, ta’ natura li tippreġudika dawn id-drittijiet jew dawn il-libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 46(1)(g), mal-Artikolu 47(1) u (2) u mal-Artikolu 53(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 8(3) u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta d-drittijiet ta’ persuna jkunu ġew eżerċitati, b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 17, permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti u meta din l-awtorità tinforma lill-imsemmija persuna bir-riżultat tal-verifiki mwettqa, din tal-aħħar għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità li tagħlaq il-proċess ta’ verifika.

 Fuq ittieni domanda

56      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680 huwiex validu fid-dawl tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn dan jimponi fuq l-awtorità superviżorja biss l-obbligu li tinforma lis-suġġett tad-data, min-naħa, li hija wettqet il-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi suġġett tad-data għandu d-dritt li jfittex rimedju ġudizzjarju, minħabba li tali informazzjoni ma tippermettix stħarriġ ġudizzjarju tal-azzjoni tal-awtorità superviżorja u tal-evalwazzjonijiet imwettqa minnha, fir-rigward tad-data pproċessata u tal-obbligi tal-kontrollur tad-data.

57      F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn dan ikun possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Għalhekk, meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt primarju (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Min-naħa l-oħra, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi, bħala prinċipju, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara. f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għalkemm dan id-dritt ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u għalkemm, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għalih, dan huwa bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, li dawn josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja kompetenti identifikata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680 jistabbilixxi, fir-rigward ta’ din l-awtorità superviżorja, obbligu minimu ta’ informazzjoni, billi jipprevedi li hija tinforma lis-suġġett tad-data “tal-inqas” bil-fatt “li jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami” u dwar “id-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju”.

61      Minn dan isegwi li, peress li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li, f’ċerti każijiet, konformement mar-regoli adottati mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jimplimentaha, l-awtorità superviżorja jista’ jkollha l-possibbiltà, jew saħansitra l-obbligu li tillimita ruħha għall-informazzjoni minima msemmija fil-punt preċedenti, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, b’mod partikolari meta dawn ir-regoli jkunu intiżi li jevitaw li jiġu kompromessi l-għanijiet ta’ interess pubbliku stabbiliti fl-Artikolu 13(3), fl-Artikolu 15(1) u fl-Artikolu 16(4) tal-imsemmija direttiva, hekk kif dan ġie esposti fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, din tista’ twassal għal limitazzjoni għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

62      Dan espost, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li tali limitazzjoni hija espressament prevista mid-Direttiva 2016/680 u li, b’dan il-mod, din tosserva l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li tgħid li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi”.

63      Fit-tieni lok, il-fatt li l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680 jippermetti li l-Istati Membri jillimitaw, f’ċerti każijiet, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għall-elementi minimi stipulati f’din id-dispożizzjoni ma jfissirx, hekk kif tindika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali, fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tagħha, li huwa possibbli, f’kull ċirkustanza, li l-informazzjoni li tingħata lis-suġġett tad-data tiġi limitata biss għal dawn l-elementi.

64      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’tali mod li jkunu ssodisfatti l-kriterji l-oħra li huma stipulati f’din tal-aħħar. Dan jimplika li din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala li teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentawha, minn naħa, josservaw il-kontenut essenzjali tad-dritt tas-suġġett tad-data għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, min-naħa l-oħra, ikunu bbażati fuq ibbilanċjar tal-għanijiet ta’ interess pubbliku li jiġġustifikaw limitazzjoni ta’ din l-informazzjoni kif ukoll tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi ta’ dan is-suġġett tad-data, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, l-istess bħal fil-każ tal-ibbilanċjar li l-leġiżlatur nazzjonali għandu jwettaq, meta jimplementa l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(3), fl-Artikolu 15(3) u fl-Artikolu 16(4) tal-istess direttiva.

65      B’mod partikolari, meta, minn naħa, il-protezzjoni tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tas-suġġett tad-data kontra d-deċiżjoni li l-proċess ta’ verifika jingħalaq tirrikjedi dan u meta, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ta’ interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 13(3), fl-Artikolu 15(3) u fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2016/680 ma jipprekludux dan, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu li l-informazzjoni tas-suġġett tad-data tista’ tmur lil hinn mill-informazzjoni minima prevista fl-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, b’mod li huwa jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu u jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk huwiex utli li jressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti.

66      Bl-istess mod, il-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar għandhom, sa fejn ikun possibbli, iħallu lill-awtorità superviżorja kompetenti, konformement mal-indipendenza li tikkaratterizzaha skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta, ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-qafas iddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali konformement mar-rekwiżiti esposti fil-punt 65 ta’ din is-sentenza jipprekludihiex milli tikkomunika lill-imsemmi suġġett tad-data, b’mod, tal-inqas, fil-qosor, ir-riżultat tal-verifiki tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-miżuri korrettivi li hija tkun wettqet. F’dan ir-rigward, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tagħha, hija din l-awtorità, fl-osservanza ta’ dan il-qafas leġiżlattiv nazzjonali, li għandha tiftaħ, mal-kontrollur, djalogu kunfidenzjali u, fi tmiem dan id-djalogu, li għandha tiddeċiedi liema hija l-informazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju, mis-suġġett tad-data, tad-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv li hija tista’ tikkomunikalu mingħajr ma tikkomprometti l-għanijiet ta’ interess pubbliku msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

67      Barra minn hekk, fil-każijiet fejn l-imsemmi qafas jimponi li l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità superviżorja tkun limitata għal dak li jipprevedi l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680, huma, madankollu, l-Istati Membri, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, li għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu, konformement mal-Artikolu 53(1) ta’ din id-direttiva, stħarriġ ġudizzjarju effettiv kemm tal-eżistenza u tal-fondatezza tal-motivi li ġġustifikaw il-limitazzjoni ta’ din l-informazzjoni kif ukoll tal-eżekuzzjoni korretta, mill-awtorità superviżorja, tal-funzjoni tagħha ta’ verifika tal-legalità tal-ipproċessar. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “rimedju ġudizzjarju effettiv”, imsemmi f’din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 86 tal-imsemmija direttiva, li tgħid li l-qrati li quddiemhom jitressqu l-kawżi kontra awtorità superviżorja “għandhom iħaddmu l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tinkludi ġurisdizzjoni biex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għat-tilwim li jitressaq quddiemhom”.

68      B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti kompetenti jkollha għad-dispożizzjoni tagħha u timplimenta tekniċi u dispożizzjonijiet legali proċedurali li jippermettu li jiġu rrikonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi relatati mal-għanijiet ta’ interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 13(3), fl-Artikolu 15(3) u fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2016/680, peress li dawn l-għanijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tiġi limitata l-informazzjoni pprovduta lis-suġġett tad-data u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi ggarantita b’mod suffiċjenti l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tal-parti fil-kawża, bħad-dritt għal smigħ kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva mill-awtorità superviżorja, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu regoli li jippermettu lill-qorti kompetenti tieħu konjizzjoni kemm tal-motivi kollha kif ukoll tal-provi relatati magħhom li fuqhom din l-awtorità bbażat, f’dan il-kuntest, il-verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni kif ukoll il-konklużjonijiet li hija siltet minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      F’dan ir-rigward, hekk kif osserva l-Parlament Ewropew fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li l-kontrollur tad-data għandu jiddokumenta l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom huwa jibbaża d-deċiżjoni li permezz tagħha huwa llimita, parzjalment jew totalment, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data u għandu jiżgura li din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji. Kif issuġġeriet din l-istituzzjoni, din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 53 ta’ din id-direttiva kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, u kif interpretata mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza, timplika li din l-informazzjoni għandha titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-qorti adita b’rikors kontra l-awtorità superviżorja intiża għall-istħarriġ tal-applikazzjoni korretta tal-imsemmi Artikolu 17.

71      Għalhekk, mill-punti 63 sa 70 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 tosserva kemm il-kontenut tad-dritt tas-suġġett tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li tagħlaq il-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni kif ukoll il-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680.

 Fuq lispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikolu 46(1)(g), mal-Artikolu 47(1) u (2), u mal-Artikolu 53(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 8(3) u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta d-drittijiet ta’ persuna jkunu ġew eżerċitati, b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 17, permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti u meta din l-awtorità tinforma lill-imsemmija persuna bir-riżultat tal-verifiki mwettqa, din tal-aħħar għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità li tagħlaq il-proċess ta’ verifika.

2)      L-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.