Language of document : ECLI:EU:C:2011:425

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2011 (1)

Kawża C‑404/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Sit ‘Alto Sil’ – Direttiva 85/337/KEE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Protezzjoni tal-habitats naturali tal-ispeċi selvaġġi – Ors kannella (Ursus arctos) – Serduq selvaġġ (Tetrao urogallus)”





Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-Direttiva SEA

B –   Id-Direttiva “għasafar”

C –   Id-Direttiva “habitats”

III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

IV – Kunsiderazzjoni ġuridika

A –   Fuq l-awtorizzazzjoni tal-proġetti “Nueva Julia” u “Ladrones” fid-dawl taż-ŻPS “Alto Sil”

1.     Fuq il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-proġetti

2.     Fuq l-evalwazzjoni tal-effetti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-ŻPS “Alto Sil”

B –   Fuq il-preġudizzju għaż-ŻPS “Alto Sil”

1.     Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”

2.     Fuq l-effetti tal-proġetti

a)     Fuq l-okkupazzjoni tal-artijiet

b)     Fuq l-effetti fuq l-artijiet li jmiss ma’ xulxin

c)     Fuq l-effett ta’ barriera tal-proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa..

d)     Konklużjoni intermedja

3.     Fuq ir-responsabbiltà tar-Renju ta’ Spanja

4.     Fuq il-ġustifikazzjoni tal-effetti fuq is-serduq selvaġġ

5.     Konklużjoni intermedjarja fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

C –   Fuq il-protezzjoni provviżorja tas-sit ta’ importanza Komunitarja (SIK) propost “Alto Sil”

D –   Fuq l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti proġetti fir-rigward taż-ŻPS “Alto Sil”

E –   Fuq il-preġudizzju għall-integrità tas-SIK “Alto Sil”

1.     Fuq il-qerda ta’ tipi ta’ habitats protetti

2.     Fuq it-tfixkil ta’ artijiet viċini u fuq l-effett ta’ barriera

3.     Konklużjoni intermedja dwar it-tieni parti tar-raba’ motiv

F –   Fuq id-Direttiva SEA

1.     Fuq il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

2.     Fuq l-effetti fuq l-ambjent eżaminati

V –   Fuq l-ispejjeż

VI – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea tilmenta li r-Renju ta’ Spanja, fl-awtorizzazzjoni u fis-sorveljanza tal-funzjonament ta’ diversi proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa fir-reġjun ta’ Castilla u León, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva SEA (2) kif ukoll taħt id-Direttiva “habitats” (3). Dawn il-proġetti jinsabu ġewwa żona protetta skont id-Direttiva “habitats” u d-Direttiva “għasafar” (4). Il-Kummissjoni tikkritika l-istima tal-effetti ta’ dawn il-proġetti fuq l-ambjent u l-mod kif dan ser jaffettwa s-sit.

2.        Il-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet ġuridiċi li jinqalgħu f’dan il-każ jistgħu jiġu solvuti b’riferiment għall-ġurisprudenza eżistenti. Iżda, għall-kuntrarju, il-kwistjoni tal-portata tal-obbligu biex jiġu evitati, fiż-żoni, id-deterjorament u t-tfixkil ipprojbiti mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” għadha ma ġietx deċiża fir-rigward ta’ proġetti awtorizzati qabel l-implementazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni tad-Direttiva “habitats” (5). Hemm inċertezzi wkoll fir-rigward tal-kontenut tal-istima tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva SEA (6). Mill-bqija, huwa fuq kollox f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti, li huma kumplessi ħafna, li l-kawża preżenti toħloq diffikultajiet.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva SEA

3.        L-Artikolu 2(1) jiddefinixxi l-għan tad-Direttiva SEA bħala:

“Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4.”

4.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva SEA jiddeskrivi l-għan tal-istima tal-effetti fuq l-ambjent:

5.        “L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi ma’ l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

–        il-bniedem, il-fawna u l-flora;

–        il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

–        il-beni materjali u l-wirt kulturali,

–        l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

6.        Skont l-Artikolu 4(1) u tal-Anness I, punt 19, tad-Direttiva SEA, l-użu tal-minjieri miftuħa għandu jkun suġġett obbligatorjament għal stima, skont l-Artikoli 5 sa 10 ta’ dik id-direttiva meta s-superfiċje taqbeż 25 ettaru.

7.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva SEA jispeċifika l-informazzjoni li għandha tingħata fil-kuntest ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent:

“1.      Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV billi:

a)      l-Istati Membri jikkunsidraw illi t-tagħrif ikun rilevanti għal stadju mogħti tal-proċedura tal-kunsens/approvazzjoni u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikolari jew ta’ tip ta’ proġett partikolari u dwar il-karatteristiċi ambjentali li x’aktarx jiġu affettwati;

b)      l-Istati Membri jikkunsidraw illi żviluppatur jista’ raġjonevolment ikun meħtieġ li jiġbor dan it-tagħrif billi jqis, fost ħwejjeġ oħra, l-għarfien u l-metodi korrenti tal-istima.

2.      […]

3.      It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

–        deskrizzjoni tal-proġett li jikkomprendi tagħrif dwar il-lokazzjoni, id-disinn u d-daqs tal-proġett,

–        deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti avversi sinifikanti,

–        il-fatti magħrufa (‘data’;) meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewliena li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent,

–        il-punti prinċipali (‘outline’;) ta’ l-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali tal-għażla tiegħu, filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent,

–        sommarju mhux tekniku tat-tagħrif imsemmi fl-inċiżi ta’ qabel

4.      […]”

8.        L-Anness IV tad-Direttiva SEA jiddeskrivi b’iktar preċiżjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tagħha:

“[…]

4.      Deskrizzjoni(1) ta’ l-effetti x’aktarx sinifikanti tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw minn:

–        l-eżistenza tal-proġett,

–        l-użu tar-riżorsi naturali,

–        l-emissjoni ta’ oġġetti ta’ tniġġis, il-ħolqien ta’ irritazzjonijiet u l-eliminazzjoni ta’ l-iskart;

u d-deskrizzjoni mill-iżviluppatur dwar il-metodi tat-tbassir użati biex jiġu stmati l-effetti fuq l-ambjent.

[…]

(1)      Din id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, f’qasir żmien, fi żmien medju u fi żmien twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett.”

B –    Id-Direttiva “għasafar”

9.        L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” jistabbilixxi li l-Istati Membri jikklassifikaw f’żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem “ŻPS”) it-territorji l-iktar xierqa għall-protezzjoni speċjali tal-ispeċi msemmijin fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-għasafar tal-passa.

10.      L-Anness I tad-Direttiva “għasafar” jirrigwarda b’mod partikolari s-serduq selvaġġ (tetrao urogallus).

11.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” tippreċiża l-protezzjoni li jibbenefikaw minnha ż-ŻPS:

“Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

C –    Id-Direttiva “habitats”

12.      Skont l-Artikolu 4(1) u tal-Anness III (Stadju 1) tad-Direttiva “habitats”, l-Istati Membri jipproponu lill-Kummissjoni siti fejn jingħata kenn għal tipi ta’ habitat naturali tal-Anness I u ta’ speċi indiġeni tal-Anness II. Fost dawn il-proposti, il-Kummissjoni tagħżel, skont l-Artikolu 4(2) u l-Anness III (Stadju 2) tad-Direttiva “habitats”, is-siti li hija ddaħħal fuq lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem is-“SIK”).

13.      Fost l-ispeċi u t-tipi ta’ habitat li jiġu protetti skont id-Direttiva “habitats”, ċertu numru huma kkunsidrati bħala prijoritarji. Skont l-Artikolu 1(d) u (h) ta’ din id-direttiva, għandhom bħala karatteristiċi li huma mhedda u li l-Unjoni għandha responsabbiltà partikolari għall-konservazzjoni tagħhom.

14.      It-tipi ta’ habitats mhux prijoritarji li ġejjin tal-Anness I tad-Direttiva “habitats” huma kkonċernati fil-kuntest ta’ din il-kawża:

–        4030 – Heaths niexfa Ewropej,

–        4090 – Heaths oro-Mediterran endemiku bil-ġinestrun,

–        616 – Mergħat ta’ art tal-Iberja Siliceous Festuca indigesta,

–        6510 – Witat ta’ art baxxi bit-tiben (Alopecurus pratensis, Sanguisorba officinalis),

–        8230 – Blat siliċiku b’veġetazzjoni pijuniera tas-Sedo-Scleranthion jew tas-Sedo albi-Veronicion dillenii u

–        9230 – Boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica.

15.      Għandu jissemma b’mod speċjali l-ors kannella (Ursus arctos), li jidher fl-Anness II tad-Direttiva “habitats” bħala speċi prijoritarja.

16.      Ir-regoli dwar il-protezzjoni tas-siti huma ffissati fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “habitats”:

“2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, huwa suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[…]”

17.      Id-disa’ premessa tad-Direttiva “habitats” tindika f’dan ir-rigward:

“[…] kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni.”

18.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats” japplika dawn id-dispożizzjonijiet għaż-ZPS stabbiliti bis-saħħa tad-Direttiva “għasafar”:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

19.      Is-seba’ premessa tad-Direttiva “habitats” tispjega din l-aħħar dispożizzjoni kif ġej:

“[…] ż-żoni kollha nominati, inklużi dawk li issa huma klassifikati jew fil-ġejjieni se jkunu klassifikati bħala żoni speċjali mħarsa skond id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE [...], jkollhom jiġu nkorporati f’network ekoloġiku Ewropew koerenti.”

III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

20.      Is-sit “Alto Sil”, li jestendi fuq iktar minn 43 000 ettaru madwar it-tributarju tax-xmara Sil, jinsab fil-Majjistral tar-reġjun Spanjol ta’ Castilla y Léon, fir-reġjuni ta’ Galicia u ta’ Asturias. Huwa jagħmel parti minn katina ta’ żoni ta’ protezzjoni estiżi, ħafna drabi jmissu ma’ xulxin li jestendu minn Galicia sa Cantabria (7).

21.      Fl-1998, ir-Renju ta’ Spanja ppropona “Alto Sil” bħala SIK skont id-Direttiva “habitats” u kklassifikah fl-2000 bħala ŻPS skont id-Direttiva “għasafar”. Fis-7 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni inkludiet is-sit fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja stabbilita bid-Direttiva “habitats” taħt in-numru ES0000210 (8).

22.      Il-formularju standard tad-data dwar is-sit mibgħut lill-Kummissjoni juri li hemm, fost l-oħrajn, minn 10 sa 15-il eżemplar ta’ ors kannella u minn 42 sa 47 eżemplar raġel tas-subspeċi ta’ Cantabria tas-serduq selvaġġ (tetrao urogallus cantabricus), kif ukoll, b’mod partikolari, it-tip ta’ habitats li ġejjin:

–        4030 – Heaths niexfa Ewropej (50 % tal-art tas-sit, jiġifieri iktar minn 21 000 ettaru),

–        4090 – Heaths oro-Mediterran endemiku bil-ġinestrun (6 % tal-art tas-sit, jiġifieri madwar 2 600 ettaru),

–        6160 – Mergħat ta’ art tal-Iberja Siliceous Festuca indigesta (1 % tal-art tas-sit, jiġifieri madwar 430 ettaru),

–        8230 – Blat siliċiku b’veġetazzjoni pijuniera tas-Sedo-Scleranthion jew tas-Sedo albi-Veronicion dillenii (13 % tal-art tas-sit, jiġifieri iktar minn 5 500 ettaru) u

–        9230 – Boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica (6 % tal-art tas-sit, jiġifieri madwar 2 600 ettaru).

23.      Matul is-sena 2001, il-Kummissjoni saret taf b’diversi proġetti ta’ minjieri tal-faħam miftuħa li setgħu jaffetwaw is-sit “Alto Sil”.

24.      Wara l-ewwel investigazzjoni, hija stiednet lir-Renju ta’ Spanja, l-ewwel darba, fl-2003, jieħu pożizzjoni fuq ksur possibbli tad-direttivi “habitats” u s-SEA. Fl-2005, hija indirizzat l-ewwel opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja. Ir-Renju ta’ Spanja rrisponda billi ppreżenta, fost l-oħrajn, rapport li eżamina l-effetti tad-diversi proġetti u ppropona miżuri ta’ protezzjoni tas-sit (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-2005”) (9).

25.      Wara żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (10), il-Kummissjoni rrivediet l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u fid-29 ta’ Frar 2008, stiednet lir-Renju ta’ Spanja għat-tieni darba biex jieħu pożizzjoni. Wara r-risposta tar-Renju ta’ Spanja tas-7 ta’ Mejju 2008 u ta’ kuntatti oħra, fl-1 ta’ Diċembru 2008 l-Kummissjoni tat opinjoni motivata komplementari, fejn iffissat għar-Renju ta’ Spanja terminu sal-1 ta’ Frar 2009 biex iwaqqaf il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ir-Renju ta’ Spanja għalhekk ikkomunika informazzjoni komplementari lill-Kummissjoni, l-aħħar darba kienet fit-30 ta’ Lulju 2009.

26.      Skont l-informazzjoni disponibbli, il-proġetti tal-użu tal-minjieri miftuħa inkwistjoni jinqasmu f’żewġ gruppi.

27.      Fit-Tramuntana tas-Sil u tal-komun ta’ Villablino, jiġi estratt faħam mill-quċċati u l-meded ta’ art dojoq matulhom tal-muntanji. Dawn il-proġetti huma ta’ spiss separati minn widien u xmajjar b’distanza ta’ madwar kilometru jew tnejn. Il-Kummissjoni tikkritika l-minjieri miftuħa “Feixolín” (95.86 ettaru, awtorizzata fl-1986, li bħalissa qed tiġi rinaturalizzata) u “Ampliación de Feixolín” (“estensjoni ta’ Feixolín”, 93.9 ettaru), li tmiss magħha, kif ukoll “Fonfría” (350 ettaru, awtorizzata fil-21 ta’ Lulju 1999). Barra minn hekk, huma pproġettati minjieri miftuħa oħra fil-Lvant u fil-Punent tal-minjieri miftuħa msemmija. Dawn kollha jinsabu ġewwa s-sit “Alto Sil”.

28.      Is-sitwazzjoni hija partikolarment kumplessa għal dak li jirrigwarda “Ampliación de Feixolín”. Meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, dan il-proġett kien għadu ma ġiex awtorizzat, imma t-twettiq tiegħu kien diġà beda fuq 35.24 ettaru. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet Spanjoli fid-9 ta’ Novembru 2009 imponew sanzjoni u ordnaw ċertu numru ta’ miżuri (11). Madankollu, l-użu ta’ din il-minjiera fuq parti (39.62 ettaru) tal-art totali tagħha kien ġie awtorizzat mill-11 ta’ Ġunju 2009 u, fis-7 ta’ Ottubru 2009, ġew ordnati miżuri sabiex jiġu limitati u kkumpensati l-effetti fuq l-ambjent.

29.      F’distanza ta’ madwar 10 sa 15-il kilometru, fin-Nofsinhar tax-xmara Sil u fil-Lbiċ tal-komun Villa Seca de Laciano, hemm il-proġetti l-oħra kkritikati mill-Kummissjoni, “Salguero-Prégame-Valdesegadas” (196 ettaru, awtorizzat fl-1986, li fil-biċċa l-kbira diġà ġie rinaturalizzat), “Nueva Julia” (405 ettaru, awtorizzat fl-2003) u “Ladrones” (117-il ettaru, awtorizzat fl-2003). Dawn – l-istess bħal minjiera oħra proġettata – imissu ma’ xulxin, waħda mal-ieħor. Il-proġett “Ladrones” biss jinsab ġewwa s-sit “Alto Sil”.

30.      Minkejja l-informazzjoni pprovduta mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni hija dejjem tal-fehma li kien hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk permezz ta’ dan ir-rikors, li ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2009, titlob li:

1)      tiddikjara li:

a)      billi awtorizza l-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Los Ladrones” mingħajr ma ssuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjoni rispettivi għal evalwazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti, indiretti u kumulattivi tal-proġetti ta’ minjieri miftuħa eżistenti, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva SEA, kif emendata bid-Direttiva 97/11/KEE;

b)      billi, sa mill-2000, is-sena meta s-sit “Alto Sil” ġie kklassifikat bħala ŻPS,

–        awtorizza l-minjieri miftuħa “Nueva Julia” u “Los Ladrones” mingħajr ma ssuġġetthom għal evalwazzjoni xierqa tal-eventwali effetti tal-imsemmija proġetti u, f’kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ proġett minkejja r-riskju li l-proġetti msemmija iktar ’il fuq jinvolvu fil-konfront tal-ispeċi tas-serduq selvaġġ li tikkostitwixxi wieħed mir-rikkezzi li mmotivaw il-klassifikazzjoni taż-ŻPS “Alto Sil” u, fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku u biss wara li jkun ikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza ta’ Red Natura 2000, u

–        ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats tal-ispeċi tas-serduq selvaġġ kif ukoll it-tfixkil kunsiderevoli li l-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia” jikkawżaw lil din l-ispeċi, li kienu wieħed mill-motivi wara l-klassifikazzjoni ta’ din iż-ŻPS,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward taż-ŻPS, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2), (3) u (4) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats”;

c)      billi, sa minn Jannar 1998, ma adottax, fir-rigward tal-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, u “Nueva Julia”, il-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġi l-interess ekoloġiku li s-sit propost “Alto Sil” għandu fuq livell nazzjonali, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward tas-sit propost “Alto Sil”, l-obbligi tiegħu taħt l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Dragaggi et u Bund Naturschutz in Bayern et;

d)      billi, sa minn Diċembru 2004,

–        awtorizza attivitajiet f’minjieri miftuħa (fil-każ tal-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, u “Nueva Julia”) li jistgħu jkollhom effetti fuq ir-rikkezzi naturali li ddeterminaw il-klassifikazzjoni ta’ “Alto Sil” bħala SIK, mingħajr ma għamel evalwazzjoni xierqa tal-eventwali effetti ta’ dawn l-attivitajiet u, f’kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ proġett, minkejja r-riskju li dawn jinvolvu fil-konfront tar-rikkezzi li mmotivaw il-klassifikazzjoni tas-sit “Alto Sil” u, fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, unikament għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku u biss wara li jkun ikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza ta’ Natura 2000, u

–        u billi ma adottax, fir-rigward ta’ dawn il-proġetti, il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat (inklużi dawk tal-ispeċi) u t-tfixkil li l-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ampliación de Feixolín” jikkawżaw lill-ispeċi,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward tas-SIK “Alto Sil”, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva “habitats”; u

2)      tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

31.      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

a)      tiċħad ir-rikors u

b)      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32.      Il-partijiet ippreżentaw biss l-argumenti tagħhom bil-miktub.

IV – Kunsiderazzjoni ġuridika

33.      Inwarrab għal ftit l-istruttura tar-rikors biex neżamina l-ewwel nett il-motivi tar-rikors dwar id-Direttiva “habitats” u qabel mbagħad tikkunsidra l-applikazzjoni tad-Direttiva SEA.

A –    Fuq l-awtorizzazzjoni tal-proġetti “Nueva Julia” u “Ladrones” fid-dawl taż-ŻPS “Alto Sil”

34.      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikors, il-Kummissjoni ssostni li, meta awtorizzat il-proġetti “Neuva Julia” u “Ladrones” fl-2003, ir-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikoli 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” fir-rigward taż-ŻPS “Alto Sil”.

35.      Sa mill-introduzzjoni tat-talbiet ta’ awtorizzazzjoni għal dawn il-proġetti fl-2001 (12), ir-Renju ta’ Spanja kien ikklassifika diġà s-sit bħala ŻPS; skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats” il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni kienu, għaldaqstant, suġġetti għall-Artikolu 6(2) u (4) ta’ din l-istess direttiva.

36.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikattiv fuqu, jew b’mod individwali jew flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-impatt tiegħu għas-sit fid-dawl tal-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Skont it-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit u skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat.

37.      L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li proġett isir minkejja r-riżultati negattivi previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

1.      Fuq il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-proġetti

38.      Il-proġetti ta’ użu tal-minjieri inkwistjoni la huma konnessi ma’ u lanqas meħtieġa għall-ġestjoni tas-sit “Alto Sil”. Għaldaqstant, ma hijiex rilevanti l-eċċezzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni obbligatorja prevista għal din l-ipoteżi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

39.      Għalhekk tenħtieġ evalwazzjoni jekk id-diversi proġetti jistgħux jaffettwaw is-sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma pjanijiet u proġetti oħra. Dan huwa diġà il-każ meta jkun hemm probabbiltà jew riskju li l-pjanijiet jaffettwaw ħażin is-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (13).

40.      Għalhekk kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, moqrija flimkien mal-għaxar premessa, in-natura sinjifikattiva tal-effett fuq sit ta’ pjan jew proġett titqiegħed f’relazzjoni mal-għanijiet tal-konservazzjoni tas-sit (14).

41.      Fil-każ ta’ dubju dwar in-nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi, din l-evalwazzjoni għandha ssir filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Dan tal-aħħar huwa wieħed mill-bażijiet tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli insegwit mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 191(2) TFUE u huwa fid-dawl tiegħu li għandha tiġi interpretata d-Direttiva “habitats”  (15).

42.      Madankollu, kif fil-qafas ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tistabbilixxi n-nuqqas allegat, hija wkoll għandha ġġib biżżejjed provi biex jiġi deċiż li pjan jew proġett jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi u kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat, jaffettwah b’mod sinjifikattiv meta jitqiesu l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal dan is-sit (16).

43.      L-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni jirrigwardaw il-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria. Din is-subspeċi tas-serduq selvaġġ hija kkunsidrata bħala “fil-periklu” fi Spanja. Bla dubju hija affettwata mill-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-ŻPS “Alto Sil”.

44.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk iż-żewġ proġetti ta’ użu tal-minjieri miftuħa jistgħux jaffettwaw, b’mod sinjifikattiv, il-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria fiż-ŻPS “Alto Sil”.

45.      Il-proġett “Ladrones” jinsab ġewwa ż-żona ta’ protezzjoni. Sakemm issir ir-rinaturalizzazzjoni tagħhom, l-artijiet ikkonċernati direttament ma jistgħux jikkontribwixxu iktar għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ. Iridu jgħaddu ħafna snin wara t-tmiem tal-użu tal-minjiera qabel ma l-artijiet jerġgħu jsibu funzjonalità ekoloġika paragunabbli, dejjem jekk wieħed jassumi li dan ikun possibbli.

46.      Barra minn hekk, jista’ jkun possibbli li l-ħoss, il-vibrazzjonijiet u l-effetti l-oħra tat-twettiq tal-proġett jaffettwaw partijiet oħra tas-sit. Skont rapport ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja, il-ħoss minn minjiera miftuħa jestendi għal medda ta’ 4 km; dwar il-vibrazzjonijiet, jitqies li dawn jiġu pperċepiti sa medda ta’ 300 m (17). Dawn l-effetti għandhom piż partikolari billi l-proġett “Ladrones” imiss ma’ żona meqjusa kritika għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ u għalhekk, probabbilment, habitat preferut ta’ din l-ispeċi (18).

47.      “Nueva Julia” tinsab barra ż-ŻPS, imma tmiss magħha. Għalhekk, hemmhekk ukoll jista’ jkun possibbli li l-ħoss u l-vibrazzjonijiet ġenerati mill-użu tagħha jfixklu ċerti partijiet taż-żona. Dan japplika b’mod speċjali għal dak li jirrigwarda ż-żona kritika ċċitata iktar ’il fuq, li tinsab mhux iktar minn 1 km mil-limiti tal-minjiera “Neuva Julia”.

48.      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” tinkludi mhux biss l-effetti li jistgħu jirriżultaw minn pjan jew proġett ikkunsidrat b’mod iżolat, imma jinkludi espressament l-effett konġunt ta’ diversi pjanijiet jew proġetti. Effett konġunt bħal dan huwa possibbli f’dan il-każ minħabba l-fatt li diversi proġetti ta’ minjieri miftuħa jitwettqu jew tal-inqas jiġu pproġettati viċin xulxin. Wieħed jista’ jżid effetti oħra, pereżempju dawk tal-postijiet residenzjali jew toroq ta’ komunikazzjoni f’dawk iż-żoni. Dan jista’ jirrigwarda mhux biss tfixkil għall-ispeċi fiż-żoni msejħin kritiċi, imma wkoll mill-fatt li żoni differenti ta’ tqassim tal-ispeċi jirriskjaw li jiġu separati minn xulxin u dan għandu bħala effett li jagħmilha diffiċli, jekk mhux jipprekludi, l-iskambju fost il-popolazzjonijiet differenti f’dawn iż-żoni (19).

49.      Dawn iż-żewġ proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa huma b’hekk ta’ natura li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria fiż-ŻPS “Alto Sil”. Il-fatt li, fil-formularju standard tal-informazzjoni dwar dan is-sit, ir-Renju ta’ Spanja stess indika bħala t-theddida prinċipali għal dan is-sit il-proġetti tal-minjieri miftuħa, jikkonferma din l-evalwazzjoni.

2.      Fuq l-evalwazzjoni tal-effetti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-ŻPS “Alto Sil”

50.      Għaldaqstant, għandhom jiġu evalwati l-effetti taż-żewġ proġetti fuq is-sit fir-rigward tal-għanijiet taż-żona ta’ protezzjoni.

51.      Din l-evalwazzjoni għandha ssir b’mod li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiksbu ċ-ċertezza li pjan jew proġett ma jkollux effetti ta’ preġudizzju għall-integrità tas-sit ikkonċernat, għaliex meta jkun hemm inċertezza dwar in-nuqqas ta’ dawn l-effetti, dawn l-awtoritajiet huma obbligati li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni mitluba (20).

52.      Fir-rigward tal-elementi li fuq il-bażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jakkwistaw iċ-ċertezza neċessarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandu jkun eskluż li dubju raġonevoli jeżisti minn perspettiva xjentifika (21), peress li l-awtoritajiet imsemmija għandhom jibbażaw ruħhom fuq l-aħjar konoxxenza xjentifika fil-qasam (22).

53.      La mill-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u lanqas mill-proċess ma jirriżulta li kienet saret evalwazzjoni li tissodisfa dawn l-eżiġenzi għal dak li jirrigwarda l-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ.

54.      Id-dokumenti dwar l-awtorizzazzjoni tal-minjiera miftuħa “Nueva Julia” li hemm fil-proċess lanqas ma jsemmu s-serduq selvaġġ.

55.      Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tawtorizza l-minjiera miftuħa “Ladrones”, ir-Renju ta’ Spanja josserva li kien ġie ddikjarat hemmhekk li l-effetti eventwali ta’ dan il-proġett fuq is-serduq selvaġġ kienu ġew eżaminati u evalwati b’mod sodisfaċenti (23). Madankollu, din hija biss affermazzjoni tal-awtorità li kienet tat l-awtorizzazzjoni li, minn dan il-fatt stess, ma hijiex idonea biex tipprova li l-effetti tal-proġett fuq is-sit kienu ġew debitament evalwati. Ir-Renju ta’ Spanja ma ppreżenta l-ebda dokument biex jikkonferma dan.

56.      Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li ż-żoni fejn jitgħammar is-serduq selvaġġ ma humiex affettwati; madankollu, dan ma jfissirx, għaldaqstant, li s-serduq selvaġġ ma jkunx affettwat fl-ebda stadju tal-iżvilupp tiegħu. B’mod partikolari ma huwiex eskluż li jiġi affettwat l-użu taż-żona kritika msemmija iktar ’il fuq, li tinsab fl-isfera ta’ influwenza taż-żewġ minjieri miftuħa.

57.      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsemmi wkoll ir-rapport iċċitat iktar ’il fuq tal-2005, li jistudja l-effetti li l-proġett “Fonfría” seta’ kellu, inkluż flimkien ma’ proġetti oħra ta’ minjieri miftuħa. Iżda l-kwistjoni tista’ tibqa’ miftuħa jekk dan ir-rapport huwiex riżultat ta’ evalwazzjoni adegwata tal-effetti tal-proġetti “Nueva Julia” u “Ladones” wara li tiġi kkunsidrata l-protezzjoni tas-serduq selvaġġ fiż-ŻPS “Alto Sil”. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, l-effetti ta’ proġett għandhom jiġu evalwati qabel l-awtorizzazzjoni tiegħu (24). Issa l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ kienu diġà ngħataw fl-2003.

58.      Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, dan ir-rapport jikkonstata li l-evalwazzjonijiet tal-effetti li saru qabel ma eżaminawx sew l-effetti tal-proġetti (25).

59.      Billi l-proġetti “Nueva Julia” u “Ladrones” ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni xierqa, l-awtorizzazzjoni tagħhom bilfors kienet tikser l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”. Fil-fatt, biex setgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” l-awtoritajiet kompetenti kellhom ikunu ċerti li l-proġetti ma kellhom l-ebda effett ta’ preġudizzju għall-integrità tas-sit kkonċernat (26). Issa, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evalwazzjoni tal-effetti tal-proġetti fuq is-sit, huma ma setgħux jaslu għal din iċ-ċertezza.

60.      Għall-istess raġunijiet, ma kinux jeżistu l-kundizzjonijiet biex setgħet tingħata awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, fis-sitwazzjoni fejn, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni magħmula skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru jrid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 (27).

61.      Fil-fatt ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza l-importanza tas-settur tal-minjieri għall-ekonomija lokali u jisħaq li l-effetti fuq il-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ huma minimi. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma mingħajr rilevanza fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti.

62.      Fil-fatt, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” japplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew proġett ikunu ġew analizzati skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. L-għarfien ta’ dawn l-effetti fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni dwar is-sit inkwistjoni jikkostitwixxi prerekwiżit indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) imsemmi. Fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, l-ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ta’ deroga ma tista’ tiġi kkunsidrata. L-eżami ta’ raġunijiet eventwali obbligatorji ta’ interess pubbliku akbar u dak tal-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi fil-fatt jeħtieġ ibbilanċjar fir-rigward tad-danni kkawżati lis-sit mill-pjan jew proġett ikkunsidrati. Minbarra dan, sabiex jiġi ddeterminat it-tip ta’ miżuri eventwali kompensatorji, id-danni għall-imsemmi sit għandhom ikunu identifikati bi preċiżjoni (28).

63.      Għaldaqstant, meta awtorizza l-użu tal-minjieri miftuħa “Nueva Julia” u “Ladrones” mingħajr ma għamel evalwazzjoni xierqa tal-effetti li seta’ jkollhom dawn il-proġetti, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”.

B –    Fuq il-preġudizzju għaż-ŻPS “Alto Sil”

64.      Bit-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors, il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” sa fejn il-miżuri neċessarji ma ttiħdux biex jipprekludu li l-użu tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia” ma jaffettwax iż-ŻPS “Alto Sil”.

65.      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni ta’ protezzjoni xierqa ta’ din id-dispożizzjoni, id-deterjorament tal-habitats naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, sa fejn dan it-tfixkil jista’ jkun sinjifikattiv fir-rigward tal-għanjiet ta’ din id-direttiva.

1.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”

66.      L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” japplikax għall-effetti tal-proġetti ċċitati iktar ’il fuq. Fil-fatt din id-dispożizzjoni ma tapplikax għad-deterjoramenti jew tfixkil kollha li jolqtu ż-żoni ta’ protezzjoni. Għall-kuntrarju l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li pjan jew proġett ġie awtorizzat skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” jirrrendi superfluwu, għal dak li jirrigwarda l-impatt ta’ dan il-pjan jew proġett fuq iż-żona ta’ protezzjoni riżervata, applikazzjoni konkomitanti tar-regola ta’ protezzjoni ġenerali li hemm fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu (29).

67.      Għalhekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” japplika fir-rigward ta’ miżuri mwettqa diġà fil-kuntest tal-estensjoni tal-minjiera “Feixolín” (“Ampliación de Feixolín”). Dawn twettqu mingħajr awtorizzazzjoni b’mod li l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” ma setax jiġi applikat iktar.

68.      Mill-eżitu tal-eżami fir-rigward tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”, li sar iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-Artikolu 6(2) tagħha japplika wkoll għall-effetti tal-proġett “Nueva Julia”. Fil-fatt, meta tkun ingħatat awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett b’mod li ma jikkonformax mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, jista’ jiġi kkonstatat ksur tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu fir-rigward ta’ ŻPS jekk jiġu stabbiliti deterjoramenti ta’ habitat jew tfixkil li jaffettwaw l-ispeċi li għalihom kienet ġiet intiża ż-żona inkwistjoni (30).

69.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” għall-effetti tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas” u “Fonfría” tista’ tiġi prekluża, madankollu, minħabba l-fatt li dawn kienu ġew awtorizzati qabel ma kienet applikabbli s-sistema ta’ protezzjoni bis-saħħa tad-Direttiva “habitats”.

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li proġett awtorizzat qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva “habitats” jew fejn il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kienet inbdiet qabel d-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “proġett preċedenti”) ma huwiex suġġett għar-regoli li jirrigwardaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat, kif stipulat fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” (31). B’hekk, ma jkunx opportun li proċeduri diġà kumplessi fuq livell nazzjonali u li formalment inbdew qabel id-data ta’ skadenza taż-żmien ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, jiġu mtaqqla u mdewma mir-rekwiżiti speċifiċi imposti minnha u li sitwazzjonijiet ġa stabbiliti jiġu affettwati (32).

71.      Din il-ġurisprudenza madankollu tirrigwarda biss l-aspetti proċedurali. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi li l-fatt li tkun diġà ngħatat awtorizzazzjoni ma għandux l-effett li jneħħi ż-żona kkonċernata mill-eżiġenzi sostanzjali tal-protezzjoni taż-żoni li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti li tissodisfa l-għan essenzjali tal-preservazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi, kif imsemmi fl-ewwel premessa ta’ din l-istess direttiva fil-każ li, jekk pjan awtorizzat jew tali proġett, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe żball imputabbli lill-awtoritajiet nazzjonali, jirriżulta wara li jista’ jwassal għal deterjoramenti u tfixkil bħal dawn (33). L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” jista’ jobbliga wkoll kontroll a posteriori ta’ awtorizzazzjoni mogħtija diġà (34); l-eżekuzzjoni ta’ proġett awtorizzat qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva “habitats” tidħol ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (35).

72.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” għalhekk jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw deterjoramenti jew tfixkil li jolqtu ż-żoni ta’ protezzjoni anki meta hemm involuti proġetti preċedenti. L-interessi leġittimi tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu sodisfatti permezz ta’ kumpens.

73.      Din il-ġurisprudenza ma tikkontradixxix il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli ġuridiċi. Għall-kuntrarju, bħala prinċipju regola ġuridika ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tagħha. Jekk hija ma tapplikax għas‑sitwazzjonijiet ġuridiċi maħluqa u miksuba b’mod definittiv taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom (36). Għalhekk, pereżempju, regoli ġodda dwar il-protezzjoni tal-privattivi jistgħu jillimitaw il-portata tal-protezzjoni tal-privattivi mogħtija diġà (37). Is-sitwazzjoni hija paragunabbli għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjonijiet mogħtija diġà għal proġetti li jistgħu joħolqu deterjorament jew tfixkil b’mod sinjifikattiv taż-żoni ta’ protezzjoni. Wara l-klassifikazzjoni taż-żona, proġett ma jistax jitwettaq ħlief sa fejn huwa kompatibbli mal-protezzjoni taż-żona.

74.      Għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-serduq selvaġġ, aspettattiva leġittima fiż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet hija diġà eskluża mill-fatt li wieħed għandu jippreżumi li ż-żona “Alto Sil” kienet, sa minn qabel il-klassifikazzjoni tagħha bħala ŻPS, suġġetta għar-rekwiżiti stretti tal-protezzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni de facto bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” (38), anki jekk il-Kummissjoni ma tinvokax il-ksur ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. B’hekk, proġetti li jiddeterjoraw jew ifixklu b’mod sinjifikattiv is-sit bħala prinċipju ma kellhomx jibqgħu jiġu awtorizzati iktar mill-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1986 (39) (40).

75.      Għaldaqstant, l-effetti tal-proġetti awtorizzati qabel il-klassifikazzjoni taż-ŻPS “Alto Sil” jaqgħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

2.      Fuq l-effetti tal-proġetti

76.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, jeħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitats naturali u l-habtiats tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni, sa fejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikattiv fir-rigward tal-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

77.      Billi dan il-motiv jirrigwarda ŻPS skont id-Direttiva “għasafar”, il-kwistjoni ma hijiex direttament li wieħed ikun jaf jekk hemmx riskju li jkun hemm deterjorament tal-habitats naturali tagħha imma jekk hemmx riskju ta’ deterjorament tal-habitats tal-għasafar li għalihom ġiet indikata ż-ŻPS – f’dan il-każ is-serduq selvaġġ – kif ukoll tfixkil li jaffettwa lil dawn l-ispeċi.

78.      F’din il-kawża, deterjorament tal-habitats jista’ jirriżulta fuq kollox mill-okkupazzjoni tal-artijiet permezz tad-diversi proġetti (a). Madankollu, hemm lok li jiġi eżaminat ukoll it-tfixkil li jista’ jirriżulta, għal artijiet li jmissu ma’ xulxin, mill-ħsejjes jew l-vibrazzjonijiet (b), kif ukoll l-effett ta’ għeluq f’kompartimenti tal-proġetti (c).

a)      Fuq l-okkupazzjoni tal-artijiet

79.      Il-proġetti kollha kkritikati mill-Kummissjoni jokkupaw artijiet li ma jistgħux jintużaw mis-serduq selvaġġ ta’ Cantabria, tal-inqas għal kemm idum l-użu tal-minjieri miftuħa, iżda probabbilment ukoll, anki matul il-perijodu ta’ rinaturalizzazzjoni konsekuttiva li ddum ċertu żmien. L-okkupazzjoni tal-artijiet tiddeterjora ŻPS fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “għasafar” billi tippreġudika l-konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar li għalihom ġiet ikklassifikata ż-ŻPS (41).

80.      Madankollu l-proġetti “Salguero-Prégame-Valdesegadas” u “Nueva Julia” jinsabu barra ż-ŻPS “Alto Sil”. L-artijiet li jokkupaw ma jistgħux, għalhekk, ikollhom l-effett dirett ta’ deterjorament tas-sit.

81.      Għall-kuntrarju, il-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Feixolín” u “Ampliación de Feixolín” jokkupaw artijiet ġewwa ż-ŻPS. Il-Kummissjoni ssostni li l-proġetti qerdu t-tip ta’ Habitat 9230, boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica, xierqa għas-serduq selvaġġ.

82.      Iżda l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova ta’ dan la fir-rigward ta’ “Feixolín” u lanqas għal “Ampliación de Feixolín”. Ċertament hija tesponi, mingħajr ma ġiet kontradetta, li dan il-habitat kien għadu jeżisti fl-2008 barra l-limiti ta’ “Feixolín”, fil-viċinanza immedjata ta’ dan il-proġett. Madankollu dan il-fatt mhux bilfors li jwassal għall-konklużjoni li dan il-habitat kien inqered wara l-2000 ġewwa l-proġett. Jekk wieħed jippresupponi li dan il-habitat qatt kien jeżisti hemmhekk, huwa għal kollox possibbli li dan seta’ inqered qabel ma ġie kklassifikat bħala ŻPS fl-2000. Fil-fatt, skont ir-Rapport tal-2005, iċċitat iktar ’il fuq, il-proġett “Feixolín” ma kienx affettwa dan it-tip ta’ habitat (42). Għal “Ampliación de Feixolín”, ir-rapport ċertament isemmi t-telf ta’ 19.9 ettaru ta’ dan it-tip ta’ habitat (43), imma sa issa dan il-proġett twettaq biss fuq terz tal-art ta’ estrazzjoni prevista (44). Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li t-tip ta’ Habitat 9230 jeżisti biss barra l-artijiet li fuqhom it-twettiq tal-proġett kien beda diġà.

83.      Għall-kuntrarju, skont ir-Rapport tal-2005 ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja, “Fonfría” qerdet 17.92 ettaru tat-tip ta’ Habitat 9230, boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica, xieraq għas-serduq selvaġġ (45). Dan il-proġett kien ġie awtorizzat f’Lulju 1999 u, kif jirriżulta mill-proċess, beda jitwettaq fl-2001 (46), jiġifieri wara l-klassifikazzjoni taż-ŻPS biss.

84.      Dan il-preġudizzju għaż-ŻPS huwa kwalitattivament iktar gravi mill-qtugħ ta’ 2 500 siġra biex setgħet issir pista għall-iski f’ŻPS Taljana ta’ daqs paragunabbli, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat li dan kien jikser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” (47). Ċertament minjiera miftuħa użata s-sena kollha toħloq ostakolu ikbar għall-użu tal-art mill-għasafar milli pista tal-iski li tintuża biss fix-xitwa.

85.      Madankollu r-Renju ta’ Spanja jisħaq li l-artijiet ikkonċernati huma mingħajr importanza għall-protezzjoni tas-serduq selvaġġ. Iżda huwa jibbaża din l-affermazzjoni biss fuq in-nuqqas ta’ żoni ta’ tgħammir. Issa, iż-żmien tat-tgħammir huwa biss wieħed mill-fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tas-serduq selvaġġ. Ir-Rapport tal-2005 ppreżentat mir-Renju ta’ Spanja b’hekk jikkonstata wkoll li l-qerda tal-veġetazzjoni affettwat is-serduq selvaġġ (48).

86.      Għalhekk it-twettiq tal-proġett “Fonfría” ħoloq deterjorament taż-ŻPS “Alto Sil”, mill-fatt li t-tip ta’ Habitat 9230, boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica, li s-serduq selvaġġ seta’ juża, kien inqered fuq medda ta’ art ta’ 17.92 ettaru.

b)      Fuq l-effetti fuq l-artijiet li jmiss ma’ xulxin

87.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” jeżiġi wkoll li jiġi evitat tfixkil li jaffettwa l-ispeċi li għalihom inħolqu ż-żoni, sakemm dan it-tfixkil jista’ jkollu effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

88.      Il-portata ta’ din il-protezzjoni hija wiesgħa ħafna, billi ma hemmx il-ħtieġa ta’ prova ta’ tfixkil sinjifikattiv u li, skont it-test ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li, għall-kuntrarju, it-tfixkil jista’ jkollu effett sinjifikattiv.

89.      Kif esponejt diġà, mill-proċess jirriżulta li t-tfixkil dovut għall-ħoss jista’ jiġri sa medda ta’ 4 km, u l-vibrazzjonijiet f’medda ta’ 300 m. Il-partijiet jaqblu wkoll li s-serduq selvaġġ huwa sensittiv ħafna. Skont il-mappa li ppreżentat il-Kummissjoni (49), id-distanzi li jisseparaw diversi żoni kritiċi għas-serduq selvaġġ mill-minjieri miftuħa inkwistjoni huma inqas minn dawk iċċitati iktar ’il fuq.

90.      Skont ir-Rapport tal-2005, madankollu, dan it-tfixkil ma huwiex ikkunsidrat bħala sinjifikattv għas-serduq selvaġġ, peress li l-popolazzjonijiet ta’ din l-ispeċi naqsu mal-konfini kollha taż-żona tat-tqassim tiegħu. Skont dan ir-rapport, dan il-fenomenu ġie osservat ukoll f’postijiet fejn ma hemmx proġetti ta’ minjieri. Dan ir-rapport jindika li f’uħud minnhom ir-regressjoni terġa’ hija ikbar (50). Kif ġustament jirrileva r-Renju ta’ Spanja, id-dokumenti li jidhru fil-proċess lanqas ma jiddeskrivu t-tfixkil dovut għall-minjieri miftuħa bħala theddida għas-serduq selvaġġ. Għalhekk il-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova neċessarja li t-tfixkil dovut għall-ħoss jew għall-vibrazzjonijiet setgħu ġeneralment ikollhom effetti sinjifikattivi.

91.      Madankollu s-sitwazzjoni hija kemmxejn differenti għal dak li jirrigwarda ż-żona kritika AS-09, iż-żona ta’ tgħammir “Robledo El Chano”, li tmiss mal-minjiera miftuħa “Fonfría”. Skont id-dikjarazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, din iż-żona ta’ tgħammir kienet ġiet abbandunata sa mill-aħħar tas-snin 1980 (51). Iżda skont ċensiment tal-popolazzjonijiet fir-reġjun ta’ Castilla y León, ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja (52), din kienet għadha qed tintuża fl-1999 u kien biss minn kontroll li sar fl-2003 li ma baqgħetx iktar okkupata.

92.      Dan iċ-ċensiment tal-popolazzjonijiet huwa l-uniku dokument tal-proċess minn fejn jirriżulta li huwa bbażat fuq l-osservazzjoni speċifika tas-serduq selvaġġ f’din iż-żona. Għalhekk għandu piż iktar importanti minn sempliċi affermazzjoni li ż-żona ta’ tgħammir kienet ġiet abbandunata iktar kmieni, kif jidher, pereżempju, fir-Rapport tal-2005. Billi ċ-ċensiment tal-popolazzjonijiet twettaq mill-awtoritajiet Spanjoli u r-Renju ta’ Spanja la kkontestah u lanqas irribatta bi provi, dan jipprova biżżejjed li l-abbandun ta’ din iż-żona ta’ tgħammir mis-serduq selvaġġ kien madwar l-istess żmien mal-bidu tal-użu tal-minjiera miftuħa “Fonfría”.

93.      Barra minn hekk mill-ittra ta’ żewġ esperti rikonoxxuti, li kienu pparteċipaw ukoll fit-twaqqif ta’ pjan Spanjol ta’ salvagwardja tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria jirriżulta li s-sriedaq selvaġġi jabbandunaw tal-inqas iż-żoni bl-imsaġar qrib ħafna ta’ proġetti ta’ minjiera miftuħa (53). Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li huwa t-tfixkil li jirriżulta mill-użu tal-minjiera miftuħa “Fonfría” li, f’dan il-każ, wassal is-serduq selvaġġ jabbanduna ż-żona ta’ tgħammir “Robledo El Chano”.

94.      Għaldaqstant l-użu tal-minjiera miftuħa “Fonfría” fixkel b’mod sinjifikattiv is-serduq selvaġġ fiż-żona ta’ tgħammir “Robledo El Chano”.

c)      Fuq l-effett ta’ barriera tal-proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa.

95.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa jikkontribwixxu biex jiżolaw is-subpopolazzjonijiet tas-serduq selvaġġ, minħabba l-fatt li jimblokkaw il-kuriduri ta’ komunikazzjoni ta’ dawn is-subpopolazzjonijiet ma’ popolazzjonijiet oħra.

96.      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-ittra ċċitata iktar ’il fuq ta’ żewġ esperti rikonoxxuti (54). Dawn jikkritikaw diversi proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa fuq ix-xatt tat-Tramuntana tas-Sil, fosthom il-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Feixolín” u “Ampliación de Feixolín”. Huma jiddikjaraw li dawn il-proġetti flimkien jiżolaw il-popolazzjonijiet tas-sriedaq selvaġġi iktar lejn in-Nofsinhar taż-ŻPS “Alto Sil” u jistgħu jikkontribwixxu għall-għejbien tagħhom.

97.      Bħala prinċipju, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li jiġu iżolati subpopolazzjonijiet ta’ speċi protetti jaffettwa ż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata (55).

98.      Il-minjieri miftuħa “Salguero-Prégame-Valdesegadas” u “Nueva Julia” jinsabu, madankollu, barra mill-konnessjonijiet ta’ migrazzjoni fejn l-ittra msemmija tafferma li jkunu affettwati (56). Għalhekk ma jikkontribwixxux għall-iżolament tas-subpopolazzjonijiet inkwistjoni.

99.      Għal dak li jikkonċerna “Fonfría”, “Feixolín” u “Ampliación de Feixolín”, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq dan il-punt, mingħajr, madankollu, ma jressaq l-ebda argument biex jirribatti din il-kritika, li tibbaża fuq kunsiderazzjonijiet xjentifiċi. Barra minn hekk, fil-pjan Spanjol ta’ protezzjoni tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria, l-iżolament tas-subpopolazzjonijiet huwa rrikonoxxut ukoll bħala theddida għall-ispeċi.

100. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-tfixkil li ġej mill-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Feixolín” u “Ampliación de Feixolín” huwa sinjifikattiv, sa fejn dawn jikkontribwixxu biex jiżolaw is-subpopolazzjonijiet tas-serduq selvaġġ.

d)      Konklużjoni intermedja

101. Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li t-twettiq tal-proġett “Fonfría” wassal għal deterjorament taż-ŻPS “Alto Sil”, minħabba l-fatt li t-tip ta’ Habitat 9230, boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica, li s-serduq selvaġġ seta’ juża, kien inqered fuq superfiċje ta’ 17.92 ettaru. Dan l-użu ta’ minjieri miftuħa fixkel ukoll b’mod sinjifikattiv is-serduq selvaġġ fiż-żona ta’ tgħammir “Robledo El Chano”. Fl-aħħar nett, it-tfixkil li ġej mill-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Feixolín” u “Ampliación de Feixolín” flimkien huwa sinjifikattiv, sa fejn dawn jikkontribwixxu biex jiżolaw is-subpopolazzjoni tas-serduq selvaġġ.

3.      Fuq ir-responsabbiltà tar-Renju ta’ Spanja

102. Il-kwistjoni tqum dwar jekk dawn id-deterjoramenti u t-tfixkil konstatati humiex biżżejjed biex iwasslu għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mir-Renju ta’ Spanja, għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

103. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-proġetti “Fonfría” u “Feixolín”, li, minn naħa, kienu ġew awtorizzati, kif ukoll “Ampliación de Feixolín”, li, min-naħa l-oħra, ma kienx ġie awtorizzat.

104. Bis-saħħa tal-kunsens tiegħu, l-Istat Membru huwa responsabbli kompletament għall-effetti ammessi fid-deċiżjoni li tawtorizza l-proġett. Dan japplika wkoll jekk ir-regoli ta’ protezzjoni jsiru suċċessivament iktar stretti. L-awtoritajiet kompetenti huma informati u jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja huwa responsabbli għall-konsegwenzi tal-proġetti “Fonfría” u “Feixolín”.

105. Għall-kuntrarju, Stat Membru ma huwiex direttament responsabbli għall-atti mhux awtorizzati ta’ individwi u għal effetti tagħhom. L-obbligu stabbilit fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, li jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li żoni ta’ protezzjoni ma jiġux affettwati jinkludi, madankollu, dawk li jikkonsistu fil-projbizzjoni tal-atti ta’ preġudizzju ta’ individwi jew, tal-inqas, li jitwaqqfu malajr kemm jista’ jkun.

106. Skont il-proċess, l-awtoritjajiet kienu jafu tal-inqas mill-2005 dwar l-użu, mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ “Ampliación de Feixolín” (57). Issa r-Renju ta’ Spanja pprojbixxa dawn ix-xogħlijiet fid-9 ta’ Novembru 2009 biss. Għalhekk, ippermetta li din is-sitwazzjoni mhux konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” tibqa’ sejra għall-inqas erba’ snin, filwaqt li kkawżat tfixkil sinjifikattiv fiż-ŻPS “Alto Sil”. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jieħu kemm jista’ jkun malajr il-miżuri meħtieġa.

4.      Fuq il-ġustifikazzjoni tal-effetti fuq is-serduq selvaġġ

107. Iżda d-deterjoramenti u t-tfixkil jistgħu jiġu ġġustifikati.

108. Anki f’dan ir-rigward, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-proġetti “Fonfría” u “Feixolín”, li, minn naħa, kienu ġew awtorizzati, kif ukoll “Ampliación de Feixolín”, li, min-naħa l-oħra, ma kienx awtorizzat.

109. L-istess bħas-sistema ta’ protezzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni de facto tal-għasafar skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” ma jistabbilixxix il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq interessi ewlenin. Il-protezzjoni taż-żoni stabbiliti bid-Direttiva “habitats” fil-fatt tibbaża fuq l-idea li d-deterjoramenti jew tfixkil sinjifikattiv għandhom f’kull każ jiġu awtorizzati (u jekk ikun il-każ ġustifikati) skont l-Artikolu 6(3) u (4) ta’ din id-direttiva. Sakemm din l-awtorizzazzjoni tibbaża fuq evalwazzjoni xierqa tal-effetti, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva hija bħala prinċipju loġikament eskluża (58).

110. L-estensjoni tal-minjiera miftuħa “Feixolín” (“Ampliación de Feixolín”) kienet teħtieġ awtorizzazzjoni skont il-proċedura tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”. F’dan il-kuntest, kien ikun possibbli, taħt ċertu kundizzjonijiet, li tiġi ġġustifikata minkejja preġudizzju eventwali għaż-ŻPS “Alto Sil”. Madankollu, billi din il-proċedura ma ġietx implementata, dan il-proġett ma jistax jiġi ġġustifikat.

111. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” kien għadu mhux applikabbli għall-proġetti “Fonfría” u “Feixolín”. Madankollu, ikun inġust li dawn il-proġetti jiġu miċħudin, għal raġunijiet ta’ data, għaliex ma jkunux ġew suġġetti għall-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”, mill-possibbiltà li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni ta’ deroga kif stabbilit fl-Artikolu 6(4) ta’ dik id-direttiva. Dawn il-proġetti jiltaqgħu ma’ restrizzjonijiet iktar qawwijin milli ma’ proġetti iktar riċenti, fejn l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “habitats” japplika kollu kemm hu.

112. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ proġetti preċedenti, deterjoramenti jew tfixkil sinjifikattivi li jaffettwaw iż-żoni ta’ protezzjoni għandhom jiġu awtorizzati wkoll skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” sakemm il-kundizzjonijiet sostanzjali tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva jiġu sodisfatti, jiġifieri raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku ewlieni, inkluż motivi ta’ natura soċjali jew ekonomika, in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi u l-miżuri kompensatorji biex jiġi żgurat li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 tiġi protetta.

113. Anki jekk ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni formali tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, il-marġni ta’ manuvra disponibbli b’dan il-mod għall-Istat Membri biex ikun hemm ġustifikazzjoni, iġib miegħu, madankollu, ċerti limiti. Għandhom jeżaminaw, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ partikolari biex jiżguraw li huma ta’ natura li jseddqu l-konklużjonijiet milħuqin minnhom (59). Minn dan il-fatt, l-ibbilanċjar, l-eżami tal-alternattivi u l-miżuri kompensatorji jippresupponu li l-effetti li jridu jiġu ġġustifikati kienu suġġetti minn qabel għal evalwazzjoni xierqa (60).

114. F’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka l-għan li titnaqqas id-dipendenza minn sorsi ta’ enerġija esterni (sigurtà fil-provvista) u l-importanza tas-settur tal-minjieri għall-ekonomija lokali. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi wkoll li jitqies l-interess għaż-żamma ta’ awtorizzazzjonijiet definittivi (61).

115. Dawn l-interessi għandhom jiġu bbilanċjati mal-preġudizzju għall-integrità taż-ŻPS “Alto Sil”.

116. Id-daqs tat-telf dirett ta’ habitat adattat għas-serduq selvaġġ huwa relattivament limitat meta titqies is-superfiċje totali ta’ dan it-tip ta’ habitat fiż-ŻPS. Skont il-formularju standard tad-data dwar is-sit, dan jikkonsisti f’madwar 2 600 ettaru tat-tip ta’ Habitat 9230 boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica, skont indikazzjonijiet kredibbli tar-Renju ta’ Spanja probabbilment anki 4 000 ettaru. Għaldaqstant, it-telf dovut għall-minjiera miftuħa “Fonfría” jirrappreżenta inqas minn 1 %.

117. It-telf ta’ sit ta’ tgħammir u t-theddida ta’ iżolament ta’ subpopolazzjonijiet li jinsabu iktar fin-Nosinhar ċertament għandhom effett ferm iktar qawwi. Iżda, ma jistax jiġi eskluż li l-interess għal twettiq tal-proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa jipprevali fuq l-effetti negattivi għas-serduq selvaġġ.

118. Barra minn hekk, lanqas hemm b’mod evidenti alternattivi li għandhom effett inqas ta’ preġudizzju fuq iż-ZPS. Il-faħam ma jistax jiġi estratt minn minjiera miftuħa, bil-vantaġġi ekonomiċi li dan il-mod ta’ użu jinvolvi, ħlief fejn id-depożitu huwa adattat. Il-biċċa l-kbira ta’ proġetti oħra ta’ użu tal-minjieri jinsabu wkoll ġewwa ż-ŻPS u għandu tal-inqas ikollhom effetti daqstant ieħor importanti.

119. Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka, fost l-oħrajn, diversi miżuri, partikolarment fis-setturi tal-kaċċa, tal-forestrija, tar-riforestazzjoni, fil-ġlieda kontra n-nirien u l-protezzjoni tal-ispeċi fil-periklu (62), li komplessivament jistgħu jkunu ta’ benefiċċju anki għas-serduq selvaġġ fiż-ŻPS “Alto Sil”. Huwa possibbli li dawn jikkumpensaw b’mod partikolari għall-qerda diretta ta’ habitats tas-serduq selvaġġ.

120. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qed tintalab li tiddeċiedi definittivament fuq l-ibbilanċjar tal-interessi, fuq l-eżami tal-alternattivi jew ukoll fuq il-miżuri kompensatorji.

121. Fil-fatt, il-preġudizzju li għalih hija esposta ż-ŻPS “Alto Sil” ma ġiex apprezzat biżżejjed. L-awtoritajiet kompetenti manifestament għadhom ma rrealizzawx li t-telf taż-żona ta’ tgħammir “Robledo El Chano” hija dovuta, bil-probabbiltà kollha, għall-minjiera miftuħa “Fonfría” u assolutament ma jqisux ir-riskju ta’ iżolament tas-subpopolazzjonijiet. Għaldaqstant kull ibbilanċjar tal-interessi magħmul mill-awtoritajiet kompetenti ma jistrieħx fuq bażi adegwata u anki l-miżuri kompensatorji ma jirrigwardawx dawn iż-żewġ punti.

122. Għaldaqstant il-preġudizzju għall-integrità taż-ŻPS “Alto Sil” ma huwiex ġustifikat.

5.      Konklużjoni intermedjarja fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

123. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” minħabba l-fatt li ma adottax il-miżuri neċessarji biex jipprekludi li ż-ŻPS “Alto Sil” ma tiġix affettwata b’mod inġustifikat mill-użu tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín”.

C –    Fuq il-protezzjoni provviżorja tas-sit ta’ importanza Komunitarja (SIK) propost “Alto Sil”

124. Bit-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju ta’ Spanja, sa mix-xahar ta’ Jannar 1998, ma adottax il-miżuri meħtieġa, għal dak li jikkonċerna l-estrazzjoni għall-faħam fir-rigward tal-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, u “Nueva Julia”, sabiex jipproteġi l-interess ekoloġiku li s-sit propost “Alto Sil” għandu fuq livell nazzjonali.

125. Skont id-Direttiva “habitats”, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali u/jew speċi ta’ prijorità u li ġew identifikati sabiex jiġu inklużi fil-lista Komunitarja, jieħdu miżuri ta’ ħarsien xierqa sabiex iżommu l-karatteristiċi tal-imsemmija siti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw interventi li għandhom mnejn jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dawn is-siti. Dan hu b’mod partikolari l-każ fejn intervent jirriskja jew li jnaqqas kemm b’mod sinjifikanti l-art ta’ sit, jew iwassal għall-eliminazzjoni ta’ speċi prijoritarji preżenti fis-sit, jew, fl-aħħar nett, iwassal għall-qerda tas-sit jew tal-karatteristiċi rappreżentattivi tiegħu (63).

126. L-effetti ta’ preġudizzju li għadni kif identifikajt u li jsofri s-serduq selvaġġ huma mingħajr rilevanza fil-kuntest ta’ dan il-motiv, billi l-protezzjoni ta’ din l-ispeċi hija żgurata miż-ŻPS “Alto Sil”.

127. Madankollu, fl-eżami ta’ kemm kienet affettwata ż-ŻPS, jiena kkonstatajt, li l-minjiera miftuħa “Fonfría” kienet wasslet għall-qerda, fuq superfiċje ta’ 17.92 ettaru, tat-tip ta’ Habitat 9230, boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica li s-serduq selvaġġ seta’ jutilizza (64).

128. Skont ir-Rapport tal-2005 (65) ppreżentat mir-Renju ta’ Spanja, il-proġett “Fonfría” kien wassal ukoll għat-telf ta’ artijiet oħra ta’ tipi ta’ habitats protetti:

–        79.31 ettaru tat-tip ta’ Habitat 4030 – Heaths niexfa Ewropej (0.36 % ta’ dan il-habitat fis-sit),

–        16.88 ettaru tat-tip ta’ Habitat 4090 – Heaths oro-Mediterran endemiku bil-ġinestrun (0.64 % ta’ dan il-habitat fis-sit),

–        6.76 ettaru tat-tip ta’ Habitat 6160 – Mergħat ta’ art tal-Iberja Siliceous Festuca indigesta (1.5% ta’ dan il-habitat fis-sit),

–        76.05 ettaru tat-tip ta’ Habitat 6510 – Witat ta’ art baxxi bit-tiben (Alopecurus pratensis, Sanguisorba officinalis) (is-superfiċje totali okkupata minn dan il-habitat fis-sit ma huwiex magħruf),

–        5.63 ettaru tat-tip ta’ Habitat 8230 – Blat siliċiku b’veġetazzjoni pijuniera tas-Sedo-Scleranthion jew tas-Sedo albi-Veronicion dillenii (0.1 % tal-habitat fis-sit).

129. Bl-eċċezzjoni tat-tip ta’ Habitat 6510, li ma huwiex imsemmi fil-komunikazzjoni tad-data dwar is-sit, dawn it-tipi ta’ habitat jagħmlu parti mill-karatteristiċi ekoloġiċi tas-sit propost “Alto Sil”. Iżda ma għandux jiġi kkunsidrat li huma kompromessi “serjament”, għaliex l-artijiet ikkonċernati jirrappreżentaw biss parti żgħira ta’ dawn it-tipi ta’ habitats fil-kumpless tas-sit propost (66), u lanqas biss ma għadhom prijoritarji. Għalhekk, dan japplika a fortiori jekk it-telf jiġi kkumpensat minn xi mkien ieħor (67).

130. Iktar importanti huma l-effetti ta’ preġudizzju li sofra l-ors kannella, speċi prijoritarja skont l-Anness II tad-Direttiva “habitats”.

131. Il-Kummissjoni ssostni li l-minjieri miftuħa jipprekludu din l-ispeċi milli tuża l-artijiet użati direttament u jbegħduha mill-inħawi. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq rapport ta’ espert, il-Kummissjoni tindika distanza ta’ 3.5 sa 5 km. Jekk wieħed jikkunsidra kumplessivament id-diversi proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa u sorsi oħra ta’ tfixkil, jiġri li dawn iż-żoni ta’ tfixkil jimblokkaw mogħdija importanti għall-passaġġ tal-ors kannella, il-kuridur Leitariegos (68). Il-minjieri “Feixolín” u “Fonfría” jidher li jinsabu ġewwa dan il-kuridur (69).

132. Il-Kummissjoni ssemmi f’dan il-kuntest il-ħtieġa li torbot in-nukleu tal-Punent tal-popolazzjoni tal-ors kannella fil-muntanji ta’ Cantabria, li s-SIK “Alto Sil” jifforma parti minnhom, man-nukleu tal-popolazzjoni tal-Lvant, li jinsab f’distanza ta’ madwar 50 u 100 kilometru. Madankollu, ma jidhirx li teżisti rabta diretta bejn din il-problema u l-kuridur ta’ Leitariegos. Għall-kuntrarju, dan jikkostitwixxi qabelxejn konnessjoni mit-Tramuntana għan-Nofsinhar bejn diversi subpopolazzjonijiet, ġewwa n-nukleu tal-Punent (70).

133. Dan l-imblokk ċertament affettwa l-konservazzjoni tal-ors kannella, imma diffiċilment jista’ jiġi kkunsidrat li, matul is-sitt snin ta’ protezzjoni provviżorja tas-sit, bejn l-1998 u l-2004, dan ikkomprometta serjament il-karatteristiċi ekoloġiċi tas-sit propost “Alto Sil”. Jidher ukoll li huwa improbabbli li wassal għall-għejbien tal-ors kannella. Ir-Renju ta’ Spanja fil-fatt jenfasizza, mingħajr ma jiġi kontradett, li l-popolazzjoni tan-nukleu tal-Punent fil-muntanji ta’ Cantabria rkuprat b’mod ċar bejn l-1994 u l-2007.

134. Għalhekk, ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni provviżorja tas-sit propost “Alto Sil” minħabba d-diversi proġetti ta’ użu tal-minjieri miftuħa.

D –    Fuq l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti proġetti fir-rigward taż-ŻPS “Alto Sil”

135. Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” billi awtorizza proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa – jiġifieri l-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría” u “Nueva Julia” – mingħajr ma saret evalwazzjoni tal-effetti li seta’ kellu dan l-użu u, fi kwalunkwe każ, mingħajr ma ġew osservati l-kundizzjonijiet li taħthom setgħu jitwettqu minkejja l-effetti negattivi tagħhom.

136. Filwaqt li s-sit “Alto Sil”, bħala ŻPS skont id-Direttiva “għasafar”, kien suġġett għad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq sa mill-klassifikazzjoni tiegħu fl-2000, bħala SIK skont id-Direttiva “habitats” dan is-sit kien suġġett għall-istess dispożizzjonijiet mill-2004 biss. Fil-fatt, il-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva “habitats” huma obbligatorji biss għal dak li jikkonċerna siti li, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, huma mniżżlin fuq il-listi tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza Komunitarja deċiżi mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21 ta’ din d-direttiva (71). F’dan il-każ, dan id-dħul fil-lista seħħ fl-2004.

137. Minn natura tagħhom stess, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” jistgħu jiġu applikati biss għal deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni meħudin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (72).

138. Ċertament il-Kummissjoni ssemmi elementi li jindikaw li s-SIK “Alto Sil” kien affettwat, imma ma ssemmi l-ebda proġett awtorizzat wara l-2004.

139. Fin-noti tagħhom, il-partijiet jiddiskutu awtorizzazzjoni ta’ “Ampliación de Feixolín”, li l-Kummissjoni ma kkritikatx fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Issa, anki jekk wieħed jippresupponi li l-Kummissjoni tikkritika din il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, din ma tkunx rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura. L-awtorizzazzjoni ngħatat biss f’Ġunju 2009, jiġifieri wara l-1 ta’ Frar 2009, data ta’ skadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

140. Barra minn hekk, il-kontroreplika fiha elementi li jindikaw li, fl-2008, kienet ittieħdet deċiżjoni fir-rigward tal-proġett “Fonfría” (73), li probabbilment kienet suġġetta għall-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”. Madankollu, din id-deċiżjoni ma kinitx suġġett ta’ dawn il-proċeduri.

141. Issa, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mogħtija wara l-2004, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” ma setax inkiser għal dak li jirrigwarda s-SIK “Alto Sil”, kif tallega l-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv hija infondata.

E –    Fuq il-preġudizzju għall-integrità tas-SIK “Alto Sil”

142. Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni fl-aħħar nett tilmenta li r-Renju ta’ Spanja ma adottax, fir-rigward tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ampliación de Feixolín”, il-miżuri obbligatorji skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

143. Għadni kif ikkonstatajt li l-proġetti ċċitati iktar ’il fuq ma kinux ġew suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-proġett fuq is-SIK “Alto Sil”, kif jiddisponi l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” (74). Madankollu dan ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” għall-effetti li jiġru wara d-dħul tas-SIK fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja (75).

144. Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitats naturali u l-habitats tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni, sa fejn dan it-tfixkil jista’ jkun sinjifikattiv fir-rigward tal-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

1.      Fuq il-qerda ta’ tipi ta’ habitats protetti

145. Bħala prinċipju, it-telf dirett tal-artijiet ta’ tipi ta’ habitats protetti msemmijin iktar ’il fuq (76) fit-territorju tal-minjiera miftuħa “Fonfria” jikkostitwixxi deterjorament tas-SIK “Alto Sil”. Madankollu, il-Kummissjoni ma wrietx sa fejn dan it-telf ma seħħx ħlief wara l-2004. Għall-kuntrarju, ma huwiex improbabbli li s-siġar kienu tqaċċtu meta bdiet tiġi użata l-minjiera sa mis-sena 2001. Jekk huwa veru li t-telf qabel id-dħul tas-SIK fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja jaqa’ taħt il-protezzjoni provviżorja tas-SIK (77), ir-Renju ta’ Spanja ma kienx obbligat li jipprekludih skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

146. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li x-xogħlijiet mhux awtorizzati għall-estensjoni tal-minjiera “Feixolín” (“Ampliación de Feixolín”) wasslu għat-telf ta’ artijiet ta’ tipi ta’ habitats protetti wara d-dħul tas-SIK fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja. L-art ta’ estrazzjoni kif previst fit-talba inizjali, ta’ 93.9 ettaru (78), kienet tinkludi 77.77 ettaru tat-tipi ta’ habitats protetti (79). Ix-xogħlijiet mhux awtorizzati saru fuq 35.24 ettaru (80). Anki fil-każ fejn l-użu mhux awtorizzat inkluda l-artijiet kollha mingħajr tip ta’ habitat protett, dan kien iwassal għat-telf ta’ iktar minn 19-il ettaru ta’ tipi ta’ habitats protetti. Rapport fuq l-istat tal-artijiet ikkonċernati ppreżentat mill-Gvern Spanjol jikkonferma din l-evalwazzjoni, tal-inqas li l-veġetazzjoni kienet sofriet, skont dan ir-rapport (81).

147. Kif ikkonstatajt diġà fir-rigward tal-preġudizzju għall-integrità taż-ŻPS “Alto Sil”, l-effetti ta’ dan il-proġett jirrigwardaw ir-responsabbiltà tar-Renju ta’ Spanja (82) u hija eskluża kull ġustifikazzjoni (83).

148. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi ma adottax il-miżuri meħtieġa biex jipprekludi, ġewwa s-SIK “Alto Sil”, il-qerda, permezz tal-minjiera miftuħa “Ampliación de Feixolín”, ta’ tipi ta’ habitats previsti fl-Anness I tagħha.

2.      Fuq it-tfixkil ta’ artijiet viċini u fuq l-effett ta’ barriera

149. It-tfixkil li jolqot lill-ors kannella fuq l-artijiet li jinsabu fl-inħawi tal-minjieri miftuħa u l-imblokk tal-kuridur ta’ Leitariegos, mogħdija importanti għall-passaġġ tal-ors kanella, deskritt diġà iktar ’il fuq fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel l-2004 (84), baqa’ jippersisti anki wara d-dħul tas-sit fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja.

150. Qabel din id-data, dawn l-effetti ċertament ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li “jikkompromettu serjament” is-sit skont il-ġurisprudenza fir-rigward tal-protezzjoni provviżorja tas-siti proposti, iżda huma rilevanti għall-finijiet tad-Direttiva “habitats”. L-ors kannella fil-fatt jitlef mhux biss artijiet sostanzjali li seta’ juża, imma fuq kollox, is-subpopolazzjonijiet huma separati waħda mill-oħra. Din is-separazzjoni tikseb iktar importanza iktar ma ddum.

151. Ċertament ir-Rapport tal-2005 jikkunsidra li dawn l-effetti negattivi ma humiex sinjifikattivi (85), imma jiddeskrivi, fl-istess ħin, il-possibbiltà tal-imblokk tal-kurridur bħala waħda mit-theddidiet ewlenin kontra li l-ors kannella jerġa’ jiġi ristabbilit (86). Il-kwalifikazzjoni li ma humiex sinjifikattvi għalhekk tikkontradixxi l-konstatazzjonijiet magħmula f’partijiet oħra f’dan l-istess rapport.

152. Għaldaqstant, tal-inqas il-ħoss u l-vibrazzjonijiet ġenerati mill-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín”, kif ukoll l-imblokk tal-kuridur ta’ Leitariegos minħabba dawn il-minjieri, jikkostitwixxu tfixkil tas-SIK “Alto Sil”, li huwa sinjifikattiv fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ors kannella.

153. Billi l-minjieri miftuħa “Feixolín” u “Fonfría” kienu ġew awtorizzati qabel id-dħul tas-sit fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja, bħala prinċipju jkun possibbli li jiġi ġġustifikat it-tfixkil li jirriżulta minnhom. Il-prinċipji esposti diġà dwar is-sitwazzjoni tas-serduq selvaġġ fiż-ŻPS “Alto Sil” japplikaw f’dan ir-rigward (87).

154. Issa, l-awtoritajiet kompetenti eżaminaw b’mod ċar iktar fil-fond, partikolarment fir-Rapport tal-2005, b’liema mod ġie affettwat l-ors kannella fis-SIK “Alto Sil” (88) u dan ma għamluhx għas-serduq selvaġġ fiż-ŻPS tal-istess isem. Barra minn hekk, l-Kummissjoni ma tpoġġix fid-dubju l-mertu ta’ dan l-istudju. Għalhekk dan, bħala prinċipju, jista’ jservi ta’ bażi biex jiġġustifika l-effetti ta’ preġudizzju li sofra l-ors kannella.

155. Minn dan il-lat, ma jistax jiġi lmentat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu kkunsidraw li kienu jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku ikbar għaż-żamma tal-użu tal-minjieri – jiġifieri s-sigurtà tal-provvista, iż-żamma tal-impjiegi u n-natura definittiva tal-awtorizzazzjonijiet – u ġew esklużi alternattivi.

156. Dan ir-rapport fih ukoll proposti ta’ miżuri li jidhru xierqa għall-protezzjoni tal-koerenza globali ta’ Natura 2000. Dawn iridu jiżguraw li l-ors kannella ser jibqa’ juża l-kuridur Leitariegos (89). Il-Kummissjoni ma tpoġġix fid-dubju n-natura xierqa ta’ dawn il-miżuri.

157. Iżda anki f’dan il-każ, ma hemmx għalfejn li jiġi deċiż b’mod definittiv jekk effettivament teżistix ġustifikazzjoni. Kif fil-fatt sostna r-Renju ta’ Spanja stess, dawn il-miżuri kompensatorji baqgħu sa issa fi stat ta’ proposti u għadhom ma ġewx implementati (90). Għalhekk għadhom jonqsu l-miżuri meħtieġa biex tiġi ggarantita l-koerenza ta’ Natura 2000.

158. Għaldaqstant, ma setax jiġi kkonstatat li n-nuqqas li jittieħdu miżuri biex jiġi protett is-SIK “Alto Sil” kontra l-effetti ta’ preġudizzju li rriżultaw mill-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín” kien iġġustifikat.

3.      Konklużjoni intermedja dwar it-tieni parti tar-raba’ motiv

159. Għaldaqstant ir-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” meta ma adottax miżuri meħtieġa biex jevita li s-SIK “Alto Sil” jiġi kompromess b’mod mhux ġustifikat mill-użu tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín”.

F –    Fuq id-Direttiva SEA

160. Fl-aħħar nett għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv imressaq mill-Kummissjoni, fejn hija tikkritika l-applikazzjoni li saret tal-Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva SEA fl-awtorizzazzjoni tal-proġetti “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ladrones”. L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk dawn il-proġetti għandhomx ikunu wkoll suġġetti għal evalwazzjoni skont dik id-direttiva qabel ma wieħed jara l-kontenut ta’ din l-evalwazzjoni.

1.      Fuq il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

161. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva SEA, il-proġetti fl-Anness I ta’ din id-direttiva huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Fl-emenda tagħha bid-Direttiva 97/11, id-Direttiva SEA kienet tkopri, skont l-Anness I, punt 19 tagħha, il-minjieri miftuħa li s-superfiċje tagħhom kienet taqbeż 25 ettaru.

162. Il-minjieri miftuħa “Nueva Julia” u “Ladrones” għalhekk għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, billi dawn jikkostitwixxu użu tal-minjieri miftuħa fejn s-superfiċje taqbeż 25 ettaru skont l-Anness I tad-Direttiva SEA.

163. Skont il-proċess (91), it-talba ta’ awtorizzazzjoni tal-minjiera miftuħa “Fonfría” tressqet fil-11 ta’ Marzu 1998. Issa, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/11, it-talbiet ta’ awtorizzazzjoni introdotti qabel l-14 ta’ Marzu 1999 huma rregolati mhux mid-Direttiva SEA kif emendata bid-Direttiva 97/11, li invokat il-Kummissjoni, imma mid-Direttiva SEA fil-verżjoni inizjali tagħha. Għaldaqstant, huwa eskluż kull ksur tad-Direttiva SEA kif emendata bid-Direttiva 97/11.

164. Tqum id-domanda jekk dan il-kap tat-talbiet tal-Kummissjoni – kuntrarjament għas-sinjifikat letterali u l-motivi esposti insostenn – għandux jinftiehem fis-sens li jinkludi ksur tad-Direttiva SEA fil-verżjoni inizjali tagħha. Dan jista’ jiġi aċċettat kieku ż-żewġ verżjonijiet tad-direttiva ma kinux daqstant differenti għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom fil-kawża tal-lum.

165. Madankollu, huma differenti ħafna bejniethom.

166. Fuq kollox, l-użu tal-minjieri miftuħa f’superfiċje akbar minn 25 ettaru ma kellhomx jiġu obbligatorjament suġġetti għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 4(1) u tal-Anness I, punt 19, tad-Direttiva SEA ħlief wara l-emenda tagħha bid-Direttiva 97/11. Għall-kuntrarju, skont il-verżjoni inizjali tad-Direttiva SEA, l-estrazzjoni tal-faħam u tal-linjite mill-minjieri miftuħin kienet tirrigwarda l-Artikolu 4(2) u l-Anness II(2)(e) tagħha. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, din kienet teħtieġ evalwazzjoni biss meta l-Istati Membri jikkunsidraw li l-karatteristiċi tagħha kienu jeħtiġuha. Il-kwistjoni jekk evalwazzjoni kinitx meħtieġa ma ġietx diskussa fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

167. Għaldaqstant, jeħtieġ li r-rikors jiġi miċħud fuq dan il-punt.

168. Għal każ biss fejn il-Qorti tal-Ġustizzja trid, minkejja dan, teżamina dan il-punt – pereżempju, għaliex ir-Renju ta’ Spanja apparentement kien ittraspona d-Direttiva SEA fil-verżjoni inizjali tagħha bil-fehma li dan it-tip ta’ proġett kien jeħtieġ obbligatorjament evalwazzjoni (92) – issa ser niddiskuti, b’mod sussidjarju, il-punt jekk in-nuqqasijiet li hemm, skont il-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti jeżistux ukoll fil-konfront tal-minjiera miftuħa “Fonfría”.

2.      Fuq l-effetti fuq l-ambjent eżaminati

169. Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-diversi evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni tilmenta fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja li l-effetti indiretti jew kumulattivi tal-proġetti fuq iż-żewġ speċi ikkonċernati, is-serduq selvaġġ u l-ors kannella, ma ġewx eżaminati biżżejjed.

170. Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA, il-proġetti li jista’ jkollhom effetti notevoli fuq l-ambjent għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddeskrivi l-kontenut ta’ din l-evalwazzjoni u l-Artikolu 5 jirregola liema informazzjoni għandha tiġi pprovduta.

171. Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-evalwazzjoni tal-effetti indiretti u kumulattivi ma hijiex meħtieġa obbligatorjament. Huwa jibbaża l-affermazzjoni tiegħu fuq it-test tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-punt 4 tal-Anness IV tad-Direttiva SEA.

172. Skont din in-nota d-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u, fi kwalunkwe każ, kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, f’qasir żmien, fi żmien medju u fi żmien twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett.

173. Din in-nota tal-punt 4 tal-Anness IV tad-Direttiva SEA għandha tiġi interpretata flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din l-istess direttiva li tirreferi għall-Anness IV. Dan l-Artikolu 5(1) jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tar-regola Komunitarja għall-pjan nazzjonali. Fil-fatt jindika li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li sid il-proġett jipprovdi l-informazzjoni rikjesta meta jikkunsidraw li, minn naħa, l-informazzjoni hija xierqa fi stadju partikolari tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett speċifiku jew ta’ tip ta’ proġett u, min-naħa l-oħra, li wieħed jista’ raġonevolment jeħtieġ li sid il-proġett jiġbor id-data (93).

174. L-użu tal-kelma “għandha” (“sollte” bil-Ġermaniż, “should” bl-Ingliż) fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-punt 4 tal-Anness IV tad-Direttiva SEA hija espressjoni oħra tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti li għandha tissodisfa d-deskrizzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa, madankollu, suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju (94).

175. Il-kriterji rispettivi jinsabu, speċjalment, fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva SEA.

176. Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA, l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent għandhom jiġu eżaminati meta jkunu sinjifikattivi. Għalhekk il-kontenut ta’ dan l-eżami ma jiġix limitat għal ċerti formalitajiet, imma għandu jestendi tal-inqas għall-effetti li jistgħu jkunu sinjifikattivi.

177. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Artikolu 3 tad-Direttiva SEA, li tiddefinixxi f’termini astratti l-kontenut tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Skont din id-definizzjoni, l-evalwazzjoni għandha tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-bniedem, il-fawna u l-flora, l-art, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ, il-beni materjali u l-wirt kulturali kif ukoll l-interazzjoni bejn il-fatturi. Għaldaqstant, effetti indiretti fi kwalunkwe każ jagħmlu parti mill-evalwazzjoni u għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari (95).

178. L-Artikolu 3 tad-Direttiva SEA jista’ jimponi wkoll fuq l-awtoritajiet li jiġbru informazzjoni addizzjonali jekk din hija meħtieġa sabiex jaslu għall-evalwazzjoni kompleta kemm jista’ jkun tal-effetti diretti u indiretti tal-proġett ikkonċernat fuq id-diversi fatturi u l-interazzjoni bejniethom (96).

179. Barra minn hekk, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ konkret, l-effetti kumulattivi jistgħu wkoll ikunu importanti għall-evalwazzjoni kompleta. Dan jirriżulta partikolarment mill-fatt li għandhom jiġu kkunsidrati biex tiġi deċiża l-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent (97).

180. Għaldaqstant isegwi li għandhom jitqiesu l-effetti indiretti jew kumulattivi jekk dawn ikunu sinjifikattivi skont iċ-ċirkustanzi tal-każ konkret.

181. Mill-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva “habitats”, jirriżulta li huma preċiżament l-effetti indiretti u kumulattivi tad-diversi proġetti tal-użu tal-minjieri miftuħa ġewwa u viċin is-sit “Alto Sil” fuq is-serduq selvaġġ u fuq l-ors kannella li għandhom importanza partikolari. Minħabba dan il-fatt, l-evalwazzjoni tal-proġetti “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ladrones” kellha tinkludi dawn l-effetti.

182. Huwa veru li l-istudju dwar l-effetti fuq l-ambjent rigward il-minjiera miftuħa “Fonfría” jsemmi l-ors kannella meta jgħid li l-habitat tiegħu jinsab iktar lejn it-Tramuntana u għalhekk ma huwiex ikkonċernat (98), bħas-serduq selvaġġ, fejn huwa indikat li juża artijiet li jinsabu, f’ċertu distanza, fil-Punent tal-proġett (99). Madankollu dawn l-indikazzjonijiet huma manifestament mhux biżżejjed. Għalhekk, la l-effetti fuq iċ-ċaqliq taż-żewġ speċi u lanqas iż-żona ta’ tgħammir “Robledo El Chano” ma huma msemmija.

183. Id-dokumenti li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni tal-minjiera miftuħa “Nueva Julia” (100) lanqas biss isemmu ż-żewġ speċi.

184. Id-dokumenti dwar l-awtorizzazzjoni tal-minjiera miftuħa “Ladrones” huma l-iktar dettaljati. Għal dak li jirrigwarda l-ors kannella, hemm ikkonstatat li dawn huma artijiet mhux wisq importanti li ntilfu u ma ġiet imblokkata l-ebda konnessjoni bejn is-subpopolazzjonijiet (101). Għall-kuntrarju, l-eżami dwar is-serduq selvaġġ huwa superfiċjali wisq. Ċertament id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tindika li l-effetti eventwali ta’ dan il-proġett fuq is-serduq selvaġġ kienu ġew eżaminati u evalwati b’mod sodisfaċenti (102). Madankollu, din is-sempliċi affermazzjoni ma tipprovax li effettivament saru l-evalwazzjonijiet meħtieġa.

185. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġetti “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ladrones” fuq l-ambjent għandha ċerti nuqqasijiet fir-rigward tal-kontenut.

186. Huwa veru li r-Rapport tal-2005 jidħol iktar fil-fond, partikolarment għal dak li jirrigwarda l-ors kannella. Madankollu ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet ta’ evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent. Kif, ġustament, tenfasizza l-Kummissjoni, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA jeżiġi li dawn l-evalwazzjonijiet isiru qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-proġetti kkonċernati.

187. Billi eżaminajt l-applikazzjoni tad-Direttiva SEA għall-proġett “Fonfría” b’mod sussidjarju biss, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikoli 2, 3, u 5(1) u (3) tad-Direttiva SEA meta awtorizza l-proġetti “Nueva Julia” u “Ladrones”.

V –    Fuq l-ispejjeż

188. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Billi ż-żewġ partijiet rebħu biss parti mill-kawża, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

VI – Konklużjoni

189. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:

“1.      Meta awtorizza l-proġetti “Nueva Julia” u “Ladrones”, ir-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikoli 2, 3, u 5(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11/KE, kif ukoll l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

2.      Meta ma adottax il-miżuri meħtieġa biex jipprevjeni li l-użu tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín” ma jaffetwax iż-żona ta’ protezzjoni speċjali u s-sit ta’ importanza Komunitarja “Alto Sil”, ir-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

3.      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4.      Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151), iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”.


3 – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447), iktar ’il quddiem id-“direttiva ‘habitats’”.


4 – Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), ikkonsolidata bid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 20, p. 7), iktar ’il quddiem id-“direttiva ‘għasafar’”.


5 – F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari l-punti 68 et seq u 106 et seq iktar ’il quddiem.


6 – F’dan ir-rigward, ara l-punti 168 et seq iktar ’il quddiem.


7 – Ara http://natura2000.eea.europa.eu/N2KGisViewer.html#siteCode=ES0000210.


8 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 150).


9 – Informe relativo a la queja 2001/4914: análisis de afecciones y propuesta de medidas, p. 184 et seq tal-annessi mar-rikors.


10 – Sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et (C‑117/03, Ġabra p. I‑167), u tal-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, Ġabra p. I‑8445).


11 – Ara p. 442 et seq tal-annessi tar-risposta.


12 – Ara p. 72 tal-annessi tar-risposta fir-rigward tal-proġett “Nueva Julia” u p. 98 ta’ dawn l-annessi fir-rigward tal-proġett “Ladrones”.


13 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 43), u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑179/06, Ġabra p. I‑8131, punt 34).


14 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (punti 46 et seq) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35).


15 – Ara s-sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 44) u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punt 254).


16 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 37 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Informe relativo a la queja 2001/4914, anness 9 mar-rikors, p. 221 et seq.


18 – AS‑03, ara Plano I, p. 48 tal-annessi mar-rikors.


19 – Ara Informe sobre la incidencia de las actividades mineras sobre el urogallo cantábrico in Laciana, Anness 19 mar-rikors, p. 650 et seq.


20 – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 56 u 57); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑239/04, Ġabra p. I‑10183, punt 20), u tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑304/05, Ġabra p. I‑7495, punt 58).


21 – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 59 u 67); Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 24), kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 258).


22 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 59).


23 – Nota ta’ qiegħ il-paġna 4 fil-punt 20 tal-kontroreplika, li tirreferi għall-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett tal-24 ta’ Novembru 2003, p. 105 et seq tal-annessi mar-risposta.


24 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 72).


25 – P. 240 tal-annessi mar-rikors.


26 – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 56 u 57); Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 20), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 58).


27 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑304/05, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 81).


28 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 83).


29 – Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35).


30 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 94); bħala eżempju, punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħi fl-istess kawża; ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna  15, punt 263), kif ukoll il-punt 173 tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża.


31 – Sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, Ġabra p. I‑2755, punti 53 sa 62), u tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, Ġabra p. I‑131, punt 48).


32 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 57, li tirriferi għall-ġurisprudenza dwar id-Direttiva SEA).


33 – Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 37).


34 – Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, Ġabra p. I‑9017, punt 58).


35 – Sentenza Stadt Papenburg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 49).


36 – Sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C‑428/08, Ġabra p. I‑6765, punt 66), u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu (C‑266/09, Ġabra p. I‑11807), punt 32).


37 – Sentenza Monsanto Technology (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 69).


38 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, Ġabra p. I‑10799, punti 47 u 57); tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/05, Ġabra p. I‑7555, punt 18), u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, Ġabra p. I‑12093, punt 26).


39 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑355/90, Ġabra p. I‑4221, punt 11).


40 – F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38).


41 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 22 u 27).


42 – P. 235 tal-annessi mar-rikors.


43 – Ibid.


44 – Fir-rigward tal-portata tax-xogħlijiet, ara p. 442 tal-annessi mar-risposta.


45 – P. 235 tal-annessi mar-rikors.


46 – Ara p. 497 tal-annessi mar-rikors.


47 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 95).


48 – P. 232 tal-annessi mar-rikors.


49 – Plano I, p. 48 tal-annessi mar-rikors. Billi l-iskala indikata hija skorretta, id-distanzi ġew ikkalkolati bl-għajnuna ta’ kalkolatur tad-distanzi Google Maps (http://www.daftlogic.com/projects-google-maps-distance-calculator.htm).


50 – P. 239 tal-annessi mar-rikors.


51 – P. 227 tal-annessi mar-rikors.


52 – Situación del urogallo en Castilla y León, p. 307 u 318 tal-annessi mar-risposta.


53 – P. 651 tal-annessi mar-rikors.


54 – P. 650 et seq tal-annessi mar-rikors.


55 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑308/08, Ġabra p. I‑4281, punt 25).


56 – Ara l-mappa f’p. 653 tal-annessi mar-rikors u l-pjan tal-proġetti differenti f’p. 48.


57 – Ir-Rapport tal-2005, p. 235 tal-annessi mar-rikors, isemmi l-proġett bħala “explotación activa”.


58 – Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35).


59 – Ara, fir-rigward tal-kontroll tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 77), u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 55).


60 – Ara l-punt 61 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


61 – Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, Ġabra p. I‑3055, punt 46), u tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, Ġabra p. I‑837, punt 24).


62 – Ara p. 271 et seq tal-annessi mar-risposta.


63 – Sentenzi Bund Naturschutz in Bayern et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 10, punti 44 u 46), Stadt Papenburg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 49) u Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punt 21).


64 – Ara l-punt 85 iktar ’il fuq.


65 – P. 235 tal-annessi mar-rikors.


66 – Ara l-punt 114 iktar ’il fuq.


67 – Ara l-punt 118 iktar ’il fuq.


68 – P. 672 u 675 tal-annessi mar-rikors. Palomero et, “Cantabrian Brown Bear Trends”, Ursos 18 (2), p. 145, 155 (p. 742 tal-annessi mar-rikors), jiċċita wkoll l-attivitajiet tal-minjieri bħala sorsi ta’ tfixkil u ostakoli għall-moviment tal-ors kannella.


69 – Avviż intern tal-awtoritajiet ta’ Castilla u León kompetenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent tat-13 ta’ Novembru 1998, p. 114.


70 – Dan jirriżulta wkoll mid-dokumenti dwar il-proġett LIFE “Corredores de comunicación para la conservación del oso pardo cantábrico”, p. 718 tal-annessi mar-rikors.


71 – Ara s-sentenzi Dragaggi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 25) u Bund Naturschutz in Bayern et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 36).


72 – Ara s-sentenza Stadt Papenburg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 48) fir-rigward tal-proġetti ta’ qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll il-punt 51 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/05, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38).


73 – Ara l-punt 7 tal-kontroreplika tal-Anness D‑1, p. 19 et seq.


74 – Ara l-punti 134 et seq iktar ’il fuq.


75 – Ara l-punti 68 et seq iktar ’il fuq.


76 – Ara l-punti 126 et seq iktar ’il fuq.


77 – Ara l-punti 127 et seq iktar ’il fuq.


78 – P. 212 tal-annessi mar-rikors.


79 – P. 235 tal-annessi mar-rikors: 45.64 ettaru tat-tip ta’ habitat 4030 – Heaths niexfa Ewropej, 6.52 ettaru tat-tip ta’ habitat 8220 – Tlajja tal-blat siliċiku b’veġetazzjoni kasmofitika, u 19.09 ettaru tat-tip ta’ Habitat 9230 – Boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica.


80 – P. 442 tal-annessi mar-rikors.


81 – Ara p. 40 tal-annessi fil-kontroreplika.


82 – Ara l-punti 104 et seq iktar ’il fuq.


83 – Ara l-punt 109 iktar ’il fuq.


84 – Ara l-punti 129 et seq iktar ’il fuq.


85 – P. 237 tal-annessi mar-rikors.


86 – P. 256 tal-annessi mar-rikors.


87 – Ara l-punti 106 et seq iktar ’il fuq.


88 – P. 239 u 255 et seq tal-annessi mar-rikors.


89 – P. 255 tal-annessi mar-rikors.


90 – Ara l-punt 28 tal-kontroreplika.


91 – P. 38 tal-annessi mar-risposta.


92 – Skont id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà mal-ambjent, p. 72 tal-annessi mar-rikors, il-proġett għandu, minħabba t-traspożizzjoni mir-Renju ta’ Spanja tad-Direttiva SEA fil-verżjoni inizjali tagħha, obbligatorjament ikun suġġett għal evalwazzjoni.


93 – Sentenza tad-19 Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 36).


94 – Ibid, punt 37.


95 – Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑50/09, Ġabra p. I‑873, punt 37).


96 – Ibid, punt 40.


97 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑392/96, Ġabra p. I‑5901, punt 76).


98 – P. 95 tal-annessi mar-rikors.


99 – P. 96 tal-annessi mar-rikors.


100 – P. 72 et seq tal-annessi mar-risposta.


101 – P. 106 tal-annessi mar-risposta.


102 – P. 105 et seq tal-annessi mar-risposta.